|
13.4.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 125/54 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/593
tad-9 ta’ April 2021
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta’ standards fil-qasam tan-navigazzjoni interna u fi ħdan il-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu fir-rigward tal-adozzjoni ta’ standards dwar is-servizzi armonizzati tal-informazzjoni tax-xmajjar
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu, iffirmata f’Mannheim fis-17 ta’ Ottubru 1868, kif emendata mill-Konvenzjoni li temenda l-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu, iffirmata fi Strasburgu fl-20 ta’ Novembru 1963, daħlet fis-seħħ fl-14 ta’ April 1967 (“il-Konvenzjoni”). |
|
(2) |
Skont il-Konvenzjoni, il-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (“CCNR”) tista’ timmodifika il-qafas regolatorju tagħha relatat mas-servizzi tal-informazzjoni tax-xmajjar (“RIS”) billi tirreferi għall-istandards adottati mill-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta’ standards fin-navigazzjoni interna (“CESNI”) u tagħmel dawk l-istandards obbligatorji fil-qafas tal-applikazzjoni tal-Konvenzjoni. |
|
(3) |
Is-CESNI twaqqaf fit-3 ta’ Ġunju 2015 fil-qafas tas-CCNR biex jiżviluppa standards tekniċi għall-passaġġi fuq l-ilma intern f’diversi oqsma, b’mod partikolari fir-rigward tal-bastimenti, it-teknoloġija tal-informazzjoni u l-ekwipaġġ. |
|
(4) |
L-azzjoni mill-Unjoni fis-settur tan-navigazzjoni interna għandha l-għan li tiżgura l-uniformità fl-iżvilupp tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi applikati fl-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-RIS. |
|
(5) |
Għall-finijiet ta’ trasport effiċjenti u navigazzjoni sikura fuq il-passaġġi fuq l-ilma intern, huwa importanti li l-RIS ikunu kompatibbli u kemm jista’ jkun armonizzati skont ir-reġimi legali differenti fl-Ewropa kollha. |
|
(6) |
Waqt il-laqgħa tiegħu li jmiss tal-15 ta’ April 2021, is-CESNI huwa mistenni li jadotta l-Istandard Ewropew — Servizzi tal-Informazzjoni tax-Xmajjar 2021/1 (‘ES-RIS 2021/1’). |
|
(7) |
L-ES-RIS 2021/1 jistabbilixxi speċifikazzjonijiet u standards tekniċi uniformi sabiex jappoġġa l-RIS u jiżgura l-interoperabbiltà tagħhom. L-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards tekniċi skont ES-RIS 2021/1 jikkorrispondu mal-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards tekniċi li għalihom hija meħtieġa l-adozzjoni mid-Direttiva 2005/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), b’mod partikolari fl-oqsma li ġejjin: sistema tad-displej tal-mapep elettroniċi u tal-informazzjoni għan-navigazzjoni interna; rapportaġġ elettroniku tal-bastimenti; avviżi lill-kaptani; sistemi ta’ trekkjar u ta’ traċċar ta’ bastimenti u l-kompatibbiltà tat-tagħmir meħtieġ għall-użu tal-RIS. |
|
(8) |
L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-RIS huma bbażati fuq il-prinċipji tekniċi stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva 2005/44/KE u jieħdu kont tal-ħidma mwettqa f’dan il-qasam mill-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti. |
|
(9) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan is-CESNI, peress li ES-RIS 2021/1 ser jkun jista’ jinfluwenza b’mod determinanti l-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi vinkolanti adottati fil-qafas tad-Direttiva 2005/44/KE. |
|
(10) |
Is-CCNR, fis-seduta plenarja tagħha tat-2 ta’ Ġunju 2021, hija mistennija tadotta riżoluzzjoni li temenda r-Regolamenti tas-CCNR biex jinkludu referenza għall-ES-RIS 2021/1. Għalhekk, huwa xieraq ukoll li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan is-CCNR. |
|
(11) |
L-Unjoni la hija membru tas-CCNR u lanqas tas-CESNI. Għaldaqstant, il-pożizzjoni tal-Unjoni jenħtieġ li tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri ta’ dawk il-korpi, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan is-CESNI fir-rigward tal-adozzjoni ta’ES-RIS2021/1 għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tiegħu.
2. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan is-CCNR għandha tkun li jiġu appoġġati l-proposti kollha li jallinjaw ir-Regolamenti tas-CCNR mal-ES-RIS 2021/1.
Artikolu 2
1. Il-pożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(1) għandhom jesprimuha l-Istati Membri li huma membri tas-CESNI, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
2. Il-pożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(2) għandhom jesprimuha l-Istati Membri li huma membri tas-CCNR, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
Artikolu 3
Bidliet tekniċi minuri fil-pożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 jistgħu jiġu miftiehma mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha..
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ April 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
A. P. ZACARIAS
(1) Id-Direttiva 2005/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar is-Servizzi Armonizzati ta’ Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS) f’passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 152).