SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

16 ta’ Jannar 2025 ( *1 )

“Appell – Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) – Protezzjoni tal-proċess deċiżjonali – Regolament (UE) Nru 182/2011 – Komitoloġija – Pożizzjonijiet espressi mill-Istati Membri u membri oħra tal-kumitati – Rifjut ta’ aċċess”

Fil-Kawża C‑726/22 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fl‑24 ta’ Novembru 2022,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Delaude, C. Ehrbar u G. Gattinara, bħala aġenti,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Pollinis France, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata inizjalment minn T. Bégel u C. Lepage, avocats, sussegwentement minn D. Krzisch, avocate, u J. Stratford, BL,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn I. Jarukaitis, President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, D. Gratsias (Relatur) u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑27 ta’ Ġunju 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑14 ta’ Settembru 2022, Pollinis France vs Il‑Kummissjoni (T‑371/20 u T‑554/20, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2022:556), li permezz tagħha din annullat id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C(2020) 4231 final, tad‑19 ta’ Ġunju 2020 (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kontenzjuża fil-Kawża T‑371/20”), u C(2020) 5120 final, tal‑21 ta’ Lulju 2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża fil-Kawża T‑554/20”) (iktar ’il quddiem, flimkien “id-deċiżjonijiet kontenzjużi”), sa fejn, permezz ta’ dawn id-deċiżjonijiet, din l-istituzzjoni rrifjutat lil Pollinis France l-aċċess għal dokumenti li jikkonċernaw id-Dokument ta’ gwida tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) dwar l-evalwazzjoni tar-riskji tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għan-naħal, adottat mill-EFSA fis‑27 ta’ Ġunju 2013 (iktar ’il quddiem id-“Dokument ta’ Gwida adottat mill-EFSA fl‑2013”), abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

Il‑kuntest ġuridiku

Ir‑Regolament Nru 1049/2001

2

Il-premessi 1 u 2 tar-Regolament Nru 1049/2001 huma fformulati kif ġej:

“(1)

It-tieni sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 1 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jħaddan fih il-kunċett ta’ trasparenza, billi jgħid li t-Trattat huwa stadju ġdid fil-proċess tal-ħluq ta’ għaqda dejjem eqreb fost il-popli ta’ l-Ewropa, fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu bl-aktar mod miftuħ, u l-eqreb liċ-ċittadin, possibbli.

(2)

It-trasparenza tgħin liċ-ċittadin jieħu sehem fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod aktar mill-qrib, u jiggarantixxi li l-amministrazzjoni tgawdi aktar leġittimità u tkun aktar effettiva u kontabbli liċ-ċittadin f’sistema demokratika. It-trasparenza ssaħħaħ il-prinċipji tad-demokrazija u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali, kif stabbilit fl-Artikolu 6 [UE] u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.”

3

Skont l-Artikolu 1(a) ta’ dan ir-regolament:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa:

(a)

li jfisser il-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, li jirregolaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] u l-Kummissjoni […] previsti fl-Artikolu 255 [KE] sabiex jiġi żgurat l-akbar aċċess għal dokumenti”.

4

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi, fil-paragrafu 3 tiegħu, li:

“Dan ir-Regolament għandhu jgħodd lil kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea.”

5

Skont l-Artikolu 3 tal-istess regolament, il-kelma “dokument” tfisser kull kontenut, ikun liema jkun il-medju tiegħu (miktub fuq karta jew reġistrat f’forma elettronika jew bħala reġistrazzjoni, ta’ ħoss, viżiv jew awdjoviż) dwar kwistjoni dwar il-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni”.

6

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi, fil-paragrafi 1, 3 u 7 tiegħu:

“1.   L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

[…]

(b)

il-privatezza u l-integrità ta’ l-individwu, b’mod partikolari skond il-legislazzjoni Komunitarja dwar il-ħarsien ta’ data personali.

[…]

3.   Aċċess għad-dokument, miktub minn instituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn instituzzjoni, dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

Aċċess għad-dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji fl-istituzzjoni kkoncernat għandu jiġi rifjutat anke wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

[…]

7.   L-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 sa’ 3 għandhom japplikaw biss għaż-żmien li fih il-ħarsien huwa ġustifikat fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument. L-eċċezzjonijiet jistgħu japplikaw għal perjodu mhux itwal minn 30 sena. Fil-każ ta’ dokumenti koperti mill-eċċeżżjonijiet dwar privatezza jew interessi kummerċjali u fil-każ ta’ dokumenti sensittivi, l-eċċeżżjonijiet jistgħu, jekk meħtieġ, jibqgħu japplikaw wara dan il-perjodu.”

7

L-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Fil-każ ta’ rifjut totali jew parzjali, l-applikant jista’, sa 15-il jum utli minn meta jirċievi r-risposta mill-istituzzjoni, jagħmel applikazzjoni konfermatorja fejn jitlob lill-istituzzjoni li terġa’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha.”

8

Skont l-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament:

“Nuqqas mill-istituzzjoni li twieġed fit-terminu stipulat għandu jitqies bħala tweġiba negattiva u jagħti d-dritt lill-applikant li jiftaħ proċedimenti fil-qrati kontra l-istituzzjoni u/jew tagħmel ilment lill-Ombudsman, taħt id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat tal-KE.”

Ir‑Regolament (KE) Nru 178/2002

9

L-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 (ĠU 2014, L 189, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 328, p. 126), jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf […] Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [, tas‑16 ta’ Frar 2011, li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU 2011, L 55, p. 13)]. […]”

Ir‑Regolament (KE) Nru 1107/2009

10

L-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1), intitolat “Rekwiżiti għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 6 tiegħu:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 50 prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jiġi awtorizzat biss meta skont il-prinċipji uniformi msemmija fil-paragrafu 6 dan jikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

[…]

6.   Il-prinċipji uniformi għall-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jkun fihom ir-rekwiżiti mniżżla fl-Anness VI għad-[Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal‑15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 332),] u għandhom ikunu stabbiliti fir-Regolamenti adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 79(2) mingħajr l-ebda modifika sostanzjali. Emendi sussegwenti għal dawn ir-Regolamenti għandhom jiġu adottati skont l-Artikolu 78(1)(c).

[…]”

11

L-Artikolu 33 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jew emenda ta’ awtorizzazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Applikant li jixtieq iqiegħed fis-suq prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu japplika għal awtorizzazzjoni jew emenda ta’ awtorizzazzjoni huwa stess jew permezz ta’ rappreżentant, għand kull Stat Membru fejn hemm il-ħsieb li dak il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jitqiegħed fis-suq.”

12

L-Artikolu 36 tal-imsemmi regolament, intitolat “Eżaminazzjoni għall-awtorizzazzjoni”, jistabbilixxi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, li l-Istat Membru li jkun qed jeżamina tali applikazzjoni għandu jwettaq evalwazzjoni indipendenti, oġġettiva u trasparenti, fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali billi juża d-dokumenti ta’ gwida disponibbli fiż-żmien tal-applikazzjoni.

13

L-Artikolu 77 tal-istess regolament, intitolat “Dokumenti ta’ gwida”, jipprovdi:

“Il-Kummissjoni tista’, skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 79(2), tadotta jew temenda dokumenti ta’ gwida tekniċi jew oħrajn bħan-noti ta’ spjegazzjoni jew id-dokumenti ta’ gwida dwar il-kontenut tal-applikazzjoni rigward il-mikro-organiżmi, il-feromoni u l-prodotti bijoloġiċi, għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-[EFSA] biex tipprepara jew tikkontribwixxi għal dokumenti ta’ gwida bħal dawn.”

14

L-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 1107/2009, intitolat “Emendi u miżuri implimentattivi”, jelenka, fil-paragrafu 1 tiegħu, il-miżuri “imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament inter alia billi jissupplimentawh”, li huma “adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 79(4): [tal-imsemmi regolament]”. B’mod partikolari, konformement ma’ dan l-Artikolu 78(1)(c), għandhom jiġu adottati skont din il-proċedura “l-emendi għar-Regolament dwar il-prinċipji uniformi għall-evalwazzjoni u għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, kif imsemmi fl-Artikolu 29(6) [tal-istess regolament,] fejn jitqies l-għarfien xjentifiku u tekniku attwali”.

15

L-Artikolu 79 tar-Regolament Nru 1107/2009, intitolat “Proċedura ta’ kumitat”, jipprevedi, fil-paragrafi 1, 2 u 4 tiegħu:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejuna mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali, kif stabbilit mill-Artikolu 58 tar-[Regolament Nru 178/2002].

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 3 u 7 tad-[Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol 3, p. 124)] għandhom japplikaw, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

[…]

4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni [1999/468] għandhom japplikaw, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.”

Ir‑Regolament Nru 182/2011

16

Skont il-premessi 6, 13 u 19 sa 21 tar-Regolament Nru 182/2011:

“(6)

F’dawk l-atti bażiċi, li jirrikjedu l-kontroll tal-Istati Membri għall-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni, huwa kunsiljabbli li, għall-fini ta’ tali kontroll, jiġu mwaqqfa kumitati komposti mir-rappreżentanti tal-Istati Membri u ppreseduti mill-Kummissjoni.

[…]

(13)

Il-president tal-kumitat rilevanti għandu jagħmel ħiltu biex isib soluzzjonijiet li jkunu jgawdu l-akbar appoġġ possibbli fil-kumitat jew fil-kumitat ta’ appell u għandu jispjega l-mod kif ittieħed kont tad-diskussjonijiet u s-suġġerimenti għall-emendi. […]

[…]

(19)

Għandu jiġi żgurat l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni dwar il-ħidma tal-kumitati skont ir-Regolament [Nru 1049/2001].

(20)

Għandu jinżamm reġistru mill-Kummissjoni li jkun fih informazzjoni dwar il-proċedimenti tal-kumitati. Konsegwentement, ir-regoli li jirrigwardaw il-protezzjoni ta’ dokumenti klassifikati li japplikaw għall-Kummissjoni għandhom japplikaw ukoll għall-użu tar-reġistru.

(21)

Id-Deċiżjoni [1999/468] għandha titħassar. Sabiex tiġi żgurata t-tranżizzjoni bejn ir-reġim previst fid-Deċiżjoni[1999/468] u dan ir-Regolament, kwalunkwe referenza f’leġiżlazzjoni eżistenti għall-proċeduri previsti f’dik id-Deċiżjoni, bl-eċċezzjoni tal-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tiegħu, għandha tinftiehem bħala referenza għall-proċeduri korrispondenti previsti f’dan ir-Regolament. L-effetti tal-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni [1999/468] għandhom jinżammu b’mod provviżorju għall-finijiet tal-atti bażiċi eżistenti li jirriferu għal dak l-Artikolu.”

17

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 182/2011, intitolat “Dispożizzjonijiet komuni”, jipprovdi:

“1.   Id-dipożizzjonijiet komuni f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw għall-proċeduri kollha msemmija fl-Artikoli 4 sa 8.

2.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat kompost minn rappreżentanti tal-Istati Membri. Il-kumitat għandu jkun ippresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. […]

3.   Il-president għandu jippreżenta lill-Kumitat l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

[…]

4.   Sa meta l-kumitat jagħti opinjoni, kwalunkwe membru tal-kumitat jista’ jissuġġerixxi emendi u l-president jista’ jippreżenta verżjonijiet emendati tal-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.

Il-president għandu jagħmel ħiltu biex isib soluzzjonijiet li jkunu jgawdu l-akbar appoġġ possibbli fi ħdan il-kumitat. […]

[…]

6.   L-opinjoni tal-kumitat għandha tiġi reġistrata fil-minuti. […]

[…]”

18

L-Artikolu 4 tal-istess regolament, intitolat “Proċedura konsultattiva”, jipprovdi:

“1.   Fejn tapplika l-proċedura konsultattiva, il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu permezz ta’ vot jekk ikun meħtieġ. […]

2.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni li għandu jiġi adottat, billi jiġu kkunsidrati bir-reqqa l-konklużjonijiet meħuda mid-diskussjonijiet fil-kumitat u mill-opinjoni li tkun ingħatat.”

19

Skont l-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, intitolat “Regoli ta’ proċedura”:

“1.   Kull kumitat għandu jadotta b’maġġoranza sempliċi tal-membri komponenti tiegħu r-regoli ta’ proċedura tiegħu fuq proposta tal-president tiegħu, abbażi ta’ regoli standard li għandhom jitfasslu mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Istati Membri. Dawn ir-regoli standard għandhom jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Safejn jista’ jkun meħtieġ, il-kumitati eżistenti għandhom jadattaw ir-regoli ta’ proċedura tagħhom għar-regoli standard.

2.   Il-prinċipji u l-kundizzjonijiet dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data applikabbli għall-Kummissjoni għandhom japplikaw għall-kumitati.”

20

L-Artikolu 10 tal-istess regolament, intitolat “Informazzjoni dwar il-proċedimenti tal-kumitati”, jipprevedi ż-żamma ta’ reġistru tal-proċedimenti tal-kumitati li jinkludi diversi elementi. Skont dan l-Artikolu 10(5), ir-referenzi tad-dokumenti kollha li jinsabu f’dan ir-reġistru, kif ukoll id-data statistika dwar il-ħidma tal-kumitati “għandhom isiru pubbliċi fir-reġistru”.

21

L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 182/2011, intitolat “Id-dritt ta’ skrutinju tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill”, jipprevedi li, meta att bażiku jiġi adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, kemm il-Parlament kif ukoll il-Kunsill jistgħu, fi kwalunkwe ħin, jindikaw lill-Kummissjoni li, fil-fehma tagħhom, abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni jeċċedi s-setgħat ta’ implimentazzjoni previsti fl-att bażiku, f’liema każ il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-pożizzjonijiet espressi.

22

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament ħassar id-Deċiżjoni 1999/468.

23

L-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet tranżizzjonali: adattament tal-atti bażiċi eżistenti”, jipprevedi:

“1.   Fejn atti bażiċi adottati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jipprovdu għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni skont id-Deċiżjoni [1999/468], ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)

fejn l-att bażiku jagħmel referenza għall-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni [1999/468], għandha tapplika l-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament;

[…]

(e)

fejn l-att bażiku jagħmel referenza għall-Artikoli 7 u 8 tad-Deċiżjoni [1999/468], għandhom japplikaw l-Artikoli 10 u 11 ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-Artikoli 3 u 9 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw għall-kumitati eżistenti kollha għall-finijiet tal-paragrafu 1.

[…]”

Id‑Deċiżjoni 1999/468

24

L-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468, intitolat “Proċedura regolatorja bi skrutinju”, li ddaħħal fiha permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/512/KE tas‑17 ta’ Lulju 2006 (ĠU 2006, L 76M, p. 100), kien jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat ta’ proċedura regolatorja bi skrutinju kompost mir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u presedut mir-rappreżentant tal-Kummissjoni.

2.   Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jressaq quddiem il-Kumittat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz f’limitu ta’ żmien li l-President jista’ jistabbilixxi skond l-urġenza tal-każ. L-opinjoni għandha tingħata bil-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 205(2) u (4) tat-Trattat f’każ ta’ deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fil-Kumitat għandhom ikunu peżati bil-mod stabbilit f’dak l-Artikolu. Il-President m’għandux jivvota.

3.   Jekk il-miżuri previsti mill-Kummissjoni ikunu skond l-opinjoni tal-Kumitat, għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

a)

Il-Kummissjoni għandha tressaq bla dewmien l-abbozz ta’ miżuri quddiem il-Kunsill u l-Parlament Ewropew għal skrutinju.

b)

Il-Parlament Ewropew, waqt li jaġixxi b’maġġoranza tal-membri li jiffurmawh, jew il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jistgħu jopponi l-adozzjoni ta’ l-abbozz mill-Kummissjoni, minħabba li l-abbozz tal-miżuri propost mill-Kummissjoni jeċċedi s-setgħat implimentattivi previsti fl-istrument bażiku jew li l-abbozz ma jkunx kompatibbli ma’ l-għan jew mal-kontenut ta’ l-istrument bażiku jew ma jirrispettax il-prinċipji ta’ sussidjarjetà jew ta’ proporzjonalità.

ċ)

Jekk, fi żmien tliet xhur mid-data meta tressaq l-abbozz quddiemhom, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jopponu l-abbozz ta’ miżuri, dawn ta’ l-aħħar m’għandhomx jiġu adottati mill-Kummissjoni. F’dan il-każ, il-Kummissjoni tista’ tressaq quddiem il-Kumitat abbozz emendat tal-miżuri jew tippreżenta proposta leġislattiva abbażi tat-Trattat.

[…]”

Ir‑Regoli Standard ta’ Proċedura għall‑Kumitati

25

L-Artikolu 10 tar-Regoli Standard ta’ Proċedura għall-Kumitati (ĠU 2011, C 206, p. 11), intitolat “Minuti u rekord imqassar tal-laqgħat”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Għall-fini tal-Artikolu 10 tar-Regolament [Nru 182/2011], il-president għandu/ha j/tkun responsabbli għat-tfassil ta’ kitba fil-qosor li tagħti deskrizzjoni fuq fuq ta’ kull punt fuq l-aġenda u tar-riżultati tal-vot fuq kwalunkwe abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni mressaq quddiem il-kumitat. Din il-kitba fil-qosor m’għandhiex issemmi l-pożizzjoni individwali tal-membri waqt id-diskussjonijiet tal-kumitat.”

26

L-Artikolu 13 ta’ dawn ir-Regoli Standard ta’ Proċedura, intitolat “Aċċess għad-dokumenti u kunfidenzjalità”, jipprovdi:

“1.   Talbiet għal aċċess għal dokumenti tal-kumitat għandhom jiġu ttrattati skont [ir-Regolament Nru 1049/2001]. Huwa għall-Kummissjoni biex tieħu deċiżjoni dwar it-talbiet għall-aċċess għal dawn id-dokumenti, skont ir-Regoli ta’ Proċedura tagħha, kif emendati bid-Deċiżjoni [tal-Kummissjoni] 2001/937/KE, KEFA, Euratom [tal‑5 ta’ Diċembru 2001, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 408)]. […]

2.   Id-diskussjonijiet tal-kumitat għandhom ikunu kunfidenzjali.

3.   Dokumenti mgħoddija lil membri tal-kumitat, lil esperti u lil rappreżentanti ta’ partijiet terzi għandhom ikunu kunfidenzjali […], dment li ma jingħatax aċċess għal dawk id-dokumenti skont il-paragrafu 1 jew li ma jsirux pubbliċi b’mod ieħor mill-Kummissjoni.

4.   Il-membri tal-kumitat, kif ukoll l-esperti u r-rappreżentanti ta’ partijiet terzi, għandhom ikunu mitlubin jirrispettaw l-obbligi tal-kunfidenzjalità preskritti f’dan l-Artikolu. Il-president għandu/ha j/tiżgura li l-esperti u r-rappreżentanti ta’ partijiet terzi jkunu jafu bir-rekwiżiti dwar il-kunfidenzjalità imposti fuqhom.”

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

27

Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 3 sa 14 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, huma jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

28

Pollinis France hija organizzazzjoni mhux governattiva Franċiża li topera għad-difiża tal-ambjent u li għandha l-għan li tipproteġi n-naħal selvaġġ u tal-għasel u li tippromwovi l-agrikoltura sostenibbli bl-għan li tgħin fil-preżervazzjoni tal-pollinaturi. Fis‑27 ta’ Jannar 2020, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 kif ukoll tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13), hija ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea talba għal aċċess għal ċerti dokumenti li jikkonċernaw id-Dokument ta’ Gwida adottat mill-EFSA fl‑2013. Il-portata ta’ din it-talba ġiet, sussegwentement, imnaqqsa u limitata, essenzjalment, għad-dokumenti li jiddokumentaw il-pożizzjoni tal-Istati Membri, tal-Membri tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf (Standing Committee on Plants, Animals, Food and Feeds, iktar ’il quddiem l-“iScopaff”) u tal-Kummissjoni dwar dan id-Dokument ta’ Gwida kif ukoll għal kull abbozz li jirrigwarda dan is-suġġett irċevut jew imfassal mill-Kummissjoni sa minn Ottubru 2018.

29

Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni indikat lil Pollinis France li 25 dokument kienu jaqgħu taħt it-talba tagħha, li minnhom 6 kienu disponibbli online. Id‑19‑il dokument li jifdal kienu identifikati bħala messaġġi elettroniċi, li xi drabi jinkludu annessi, trażmessi minn ċerti Stati Membri fi ħdan l-iScopaff bejn Jannar u Lulju 2019 u li jirrigwardaw, essenzjalment, id-Dokument ta’ Gwida adottat mill-EFSA fl‑2013 jew l-implimentazzjoni tiegħu, b’mod partikolari dwar abbozz ta’ emenda tal-prinċipji uniformi ta’ evalwazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti msemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament Nru 1107/2009. Il-Kummissjoni rrifjutat li tagħti aċċess għal dawn l-aħħar dokumenti, billi invokat l-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

30

Fil‑25 ta’ Marzu 2020, Pollinis France ppreżentat applikazzjoni konfermatorja fis-sens tal-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament.

31

Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża fil-Kawża T‑371/20, il-Kummissjoni wieġbet għall-applikazzjoni konfermatorja billi tat aċċess parzjali għal wieħed mid‑19‑il dokument indikat fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, filwaqt li l-aċċess għal ċerti partijiet tiegħu ġie rrifjutat abbażi tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1)(b) u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, u billi rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti l-oħra koperti minn din it-talba abbażi tal-eċċezzjoni prevista f’din l-aħħar dispożizzjoni.

32

Fit‑8 ta’ April 2020, Pollinis France fl-ewwel istanza ppreżentat lill-Kummissjoni talba oħra għal aċċess għal ċerti dokumenti li jirrigwardaw id-Dokument ta’ Gwida adottat mill-EFSA fl‑2013, intiża, essenzjalment, għall-korrispondenza, l-aġendi, il-minuti u r-rapporti tal-laqgħat bejn il-membri tal-iScopaff u ċerti uffiċjali u membri tal-Kummissjoni bejn Lulju 2013 u Settembru 2018.

33

Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni identifikat 59 dokument li jaqgħu taħt din it-talba għal aċċess, li hija ċaħdet fl-intier tagħha, abbażi tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, dawn id-dokumenti huma messaġġi elettroniċi jew “kummenti”, trażmessi minn ċerti Stati Membri fi ħdan l-iScopaff bejn Settembru 2013 u Diċembru 2018 u li jirrigwardaw, essenzjalment, id-Dokument ta’ Gwida adottat mill-EFSA fl‑2013 jew l-implimentazzjoni tiegħu.

34

Fil‑25 ta’ Mejju 2020, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza ppreżentat applikazzjoni konfermatorja għal aċċess għall-imsemmija dokumenti.

35

Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża fil-Kawża T‑554/20, il-Kummissjoni tat aċċess parzjali għal erba’ dokumenti, billi invokat, għall-partijiet tagħhom li għalihom hija kienet irrifjutat l-aċċess, l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1)(b) u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Din l-istituzzjoni rrifjutat l-aċċess, anki parzjali, għad-dokumenti l-oħra kollha msemmija f’din l-applikazzjoni, li hija identifikat bħala li huma messaġġi elettroniċi, billi invokat dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3).

Ir‑rikorsi quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

36

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Ġunju 2020, Pollinis France ppreżentat, fl-assenza ta’ risposta espliċita għall-applikazzjoni konfermatorja tagħha tal‑25 ta’ Marzu 2020, rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda li tirriżulta minn din l-assenza ta’ risposta, skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Wara l-adozzjoni, fid‑19 ta’ Ġunju 2020, tad-deċiżjoni kontenzjuża fil-Kawża T‑371/20, Pollinis France, skont l-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ippreżentat fir-Reġistru ta’ din tal-aħħar nota ta’ adattament tar-rikors tagħha.

37

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Settembru 2020, Pollinis France ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża fil-Kawża T‑554/20.

38

Insostenn tar-rikorsi tagħha, Pollinis France invokat erba’ motivi kontra kull waħda mid-deċiżjonijiet kontenzjużi, ibbażati, essenzjalment, l-ewwel wieħed, fuq nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn il-Kummissjoni ma applikatx b’mod korrett l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali, it-tieni wieħed, fuq ksur ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn interess pubbliku superjuri kien jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti mitluba, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, sa fejn l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 kellha tiġi interpretata b’mod iktar strett peress li l-informazzjoni mitluba kienet tikkonċerna emissjonijiet fl-ambjent u, ir-raba’ wieħed, fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(1)(b), u tal-Artikolu 4(6) ta’ dan l-aħħar regolament.

39

It-tieni parti tal-ewwel motiv tar-rikorsi kienet tinkludi żewġ ilmenti. Permezz tal-ewwel ilment ta’ din it-tieni parti, Pollinis France kkontestat ir-rilevanza tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) sa fejn il-proċess deċiżjonali li jikkonċerna d-dokument adottat mill-EFSA fl‑2013 ma kienx għadu pendenti.

40

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fl-ewwel lok, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, li d-Dokument ta’ Gwida adottat mill-EFSA fl‑2013 kien is-suġġett ta’ diskussjonijiet matul diversi snin fi ħdan l-iScopaff, mingħajr ma ntlaħaq ftehim dwar it-test tiegħu, minħabba nuqqas ta’ qbil bejn l-Istati Membri u mingħajr ma dan id-dokument ġie adottat mill-Kummissjoni.

41

B’mod iktar preċiż, kif jirriżulta mill-punti 50 u 51 tas-sentenza appellata, fl-assenza ta’ adozzjoni tal-imsemmi dokument bħala tali, il-Kummissjoni, matul is-sena 2018, ipproponiet li timplimenta ċerti partijiet tiegħu, permezz tal-introduzzjoni ta’ emendi għall-prinċipji uniformi previsti mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 546/2011 tal‑10 ta’ Ġunju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prinċipji uniformi għall-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU 2011, L 155, p. 127). Għalhekk, matul din is-sena 2018, il-Kummissjoni ppreżentat l-iScopaff għal opinjoni abbozz ta’ regolament li jemenda r-Regolament Nru 546/2011 bl-għan li dan jiġi adottat skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468, konformement mal-Artikolu 29(6), mal-Artikolu 78(1)(c) u mal-Artikolu 79(4) tar-Regolament Nru 1107/2009. F’Lulju 2019, l-iScopaff ħareġ opinjoni pożittiva dwar dan l-abbozz. Issa, dan tal-aħħar qatt ma ġie adottat mill-Kummissjoni, peress li l-Parlament oppona l-adozzjoni tiegħu f’Ottubru 2019, peress li l-imsemmi abbozz ma kienx jipprevedi livell suffiċjenti ta’ protezzjoni.

42

Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fit-tieni lok, fil-punti 52 u 58 tas-sentenza appellata, li, filwaqt li, sas-sena 2018, il-Kummissjoni ma kinitx qiegħda tipprevedi r-reviżjoni, mill-EFSA, tad-Dokument ta’ Gwida adottat minnha fl‑2013, hija, f’Marzu 2019, talbet lil din l-awtorità twettaq tali reviżjoni, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi xjentifiċi li seħħew mis-sena 2013.

43

Huwa f’dan il-kuntest li, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, permezz tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, adottati f’Ġunju u f’Lulju 2020, il-Kummissjoni indikat li, fl-istennija tal-finalizzazzjoni tar-reviżjoni, mill-EFSA, tad-Dokument ta’ Gwida adottat mill-EFSA fl‑2013, l-eżami tiegħu fi ħdan l-iScopaff kien “twaqqaf” u li dan kien ifisser li l-proċess deċiżjonali seta’ jitqies bħala “pendenti”, peress li kien ser jitkompla biss wara t-tlestija ta’ din ir-reviżjoni.

44

Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, li, kuntrarjament għal dak li ġie kkunsidrat mill-Kummissjoni, il-proċess deċiżjonali li għalih jirreferu d-dokumenti mitluba ma setax jitqies li kien pendenti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi.

45

B’mod iktar speċifiku, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, li, ċertament, seta’ jitqies li d-dokumenti mitluba kienu jirrigwardaw proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni li seħħ bejn l‑2013 u l‑2019 u li kien intiż għall-implimentazzjoni totali jew parzjali, tad-Dokument ta’ Gwida adottat mill-EFSA fl‑2013, “jew billi jiġi adottat [dan id-dokument] bħala tali skont il-proċedura konsultattiva prevista mir-Regolament Nru 182/2011, jew billi jiġu emendati l-prinċipji uniformi previsti mir-Regolament Nru 546/2011 skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista mid-Deċiżjoni 1999/468”. Madankollu, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, ebda proċess deċiżjonali ma kien intiż li jimplimenta l-imsemmi dokument, la skont l-ewwel waħda u lanqas skont it-tieni waħda minn dawn il-proċeduri. Skont il-Qorti Ġenerali, għall-kuntrarju, il-Kummissjoni kienet iddeċidiet, impliċitament iżda neċessarjament, li ma timplimentax iktar l-istess dokument. Il-fatt stess li kienet għaddejja reviżjoni ta’ dan tal-aħħar fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi kien jimplika l-impossibbiltà li jiġu ddeterminati l-kontenut tal-eventwali dokument ta’ gwida rrivedut, il-forma tal-eventwali adozzjoni tiegħu u l-proċedura li kienet tiġi eventwalment segwita għal dan l-għan u, għaldaqstant, l-assenza stess tas-suġġett ta’ proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni.

46

Fil-punt 57 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, anki li kieku kellu jitqies li din l-istituzzjoni “dejjem kellha l-għan li timplimenta dokument ta’ gwida dwar in-naħal, sabiex tipprovdi lill-awtoritajiet tal-Istati Membri dokument li juri ‘tagħrif xjentifiku u tekniku attwali’ skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1107/2009”, dan il-fatt bl-ebda mod ma kien jimplika, fih innifsu, li proċess deċiżjonali li kellu bħala suġġett tali dokument kien pendenti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi. Għall-kuntrarju, skont il-Qorti Ġenerali, l-elementi tal-proċess juru li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li ma timplimentax iktar id-Dokument ta’ Gwida adottat mill-EFSA fl‑2013. Proċess deċiżjonali seta’ tqies li kien jeżisti meta l-EFSA kienet bagħtet dokument irrevedut lill-Kummissjoni u meta din tal-aħħar kienet iddeċidiet li timplimentah, li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, kien, skont il-Qorti Ġenerali, ipotetiku.

47

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma setgħetx validament tinvoka, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi enfasizzat, barra minn hekk, fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, id-distinzjoni magħmula f’din id-dispożizzjoni skont jekk il-proċedura tkunx ingħalqet jew le, billi tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq il-punti 78, 80 u 82 tas-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, L-Isvezja vs MyTravel u Il‑Kummissjoni (C‑506/08 P, EU:C:2011:496).

48

Għaldaqstant, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel ilment tat-tieni parti tal-ewwel motiv u, konsegwentement, annullat id-deċiżjonijiet kontenzjużi sa fejn huma rrifjutaw, abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni, l-aċċess għad-dokumenti mitluba.

49

Madankollu, kif ġie espost fil-punt 62 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset neċessarju, fil-każ li kien hemm lok li jitqies li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 kien applikabbli għal din il-kawża, li teżamina t-tieni lment tat-tieni parti tal-ewwel motiv imqajjem quddiemha, li permezz tiegħu Pollinis France kkontestat il-motivi mressqa mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha minbarra dik dwar l-eżistenza ta’ proċess deċiżjonali pendenti. Fi tmiem analiżi dwar il-fondatezza ta’ dawn il-motivi, esposta fil-punti 82 sa 138 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet dan it-tieni lment.

50

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjonijiet kontenzjużi sa fejn jirrifjutaw, abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-aċċess għad-dokumenti mitluba.

It‑talbiet tal‑partijiet fl‑appell

51

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tannulla s-sentenza appellata u

–

tikkundanna lil Pollinis France għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-Kawżi T‑371/20 u T‑554/20 kif ukoll minn dan l-appell.

52

Pollinis France titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tiċħad dan l-appell u

–

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti minnha fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ appell.

Fuq l‑appell

53

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tqajjem żewġ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali adottat, b’mod partikolari fil-punti 54 sa 61 tas-sentenza appellata, interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “kwistjoni fejn [istituzzjoni] tkun għadha ma ħaditx deċiżjoni”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. It-tieni aggravju huwa, min-naħa tiegħu, ibbażat fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet, b’mod partikolari fil-punti 85 sa 138 tas-sentenza appellata, meta ddeċidiet fuq il-kwistjoni dwar jekk l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni kienx “serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet” tal-istituzzjoni kkonċernata, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq l‑ewwel aggravju

L‑argumenti tal‑partijiet

54

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tilmenta, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali, wettqet żball ta’ liġi sa fejn din ikkunsidrat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma kienx applikabbli f’dan il-każ. Hija ssostni, b’mod iktar partikolari, li l-fatt li l-EFSA tintalab twettaq reviżjoni tad-Dokument ta’ Gwida adottat minn din l-awtorità fl‑2013 sabiex jiġi ffaċilitat il-kunsens fi ħdan l-iScopaff, neċessarju fil-kuntest ta’ proċedura ta’ komitoloġija, sabiex dan il-kumitat ikun jista’ jagħti opinjoni pożittiva u li, sussegwentement, il-Kummissjoni tkun tista’ tadotta d-dokument inkwistjoni, għandu jkun biżżejjed sabiex ikun jista’ jiġi affermat li “proċess deċiżjonali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kien pendenti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, il-proċedura konsultattiva mibdija matul is-sena 2013 kienet għadha pendenti minħabba din it-talba għal reviżjoni mressqa lill-EFSA.

55

Il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, qieset li l-imsemmija dispożizzjoni tkun applikabbli biss meta istituzzjoni tintalab b’mod imminenti sabiex tadotta abbozz ta’ att speċifiku u identifikabbli. Barra minn hekk, il-kriterji użati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 54, 56 u 57 tas-sentenza appellata juru li, fil-fehma tagħha, sabiex l-istess dispożizzjoni tkun applikabbli, istituzzjoni għandha tintalab tadotta att li jkollu kontenut determinat u tkun diġà ddefinixxiet il-forma tal-eventwali adozzjoni tiegħu kif ukoll il-proċedura li setgħet tiġi segwita għal dan l-għan, li huwa kkonfermat mill-fatt li l-Qorti Ġenerali ffokat, b’mod partikolari fil-punti 56 u 57 ta’ din is-sentenza, fuq il-kontenut tad-dokument ippreżentat lill-EFSA għal reviżjoni. Il-Kummissjoni tqis, barra minn hekk, li, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali qieset fil-punt 58 tal-imsemmija sentenza, id-deċiżjoni li ssir reviżjoni ta’ test sabiex dan it-test jittejjeb fuq il-mertu jew sabiex tiġi ffaċilitata l-kisba ta’ kunsens, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ proċedura ta’ komitoloġija, tikkostitwixxi stadju tal-proċess deċiżjonali, li għandu bħala għan aħħari l-adozzjoni ta’ test.

56

Billi tinvoka l-punt 68 tas-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il‑Kummissjoni (C‑60/15 P, EU:C:2017:540), il-Kummissjoni tafferma li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 huwiex applikabbli, il-kriterju rilevanti huwa dak tal-eżerċizzju effettiv, mill-istituzzjoni kkonċernata, tal-kompetenza tagħha u l-għan imfittex minn dan l-eżerċizzju, li jista’ jimplika bidliet fil-kontenut, fl-istrateġija jew fil-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jintlaħaq dan l-għan. Għalhekk, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-għan tal-implimentazzjoni ta’ dokument ta’ gwida ma kienx il-fattur kruċjali għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ “kwistjoni fejn [istituzzjoni] tkun għadha ma ħaditx deċiżjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Il-Kummissjoni ssostni li hija qatt ma rrinunzjat milli tipprovdi lill-awtoritajiet tal-Istati Membri Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal, konformement mal-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1107/2009.

57

Pollinis France tikkontesta dawn l-argumenti kollha kemm huma.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

58

Qabelxejn, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 1 tar-Regolament Nru 1049/2001, dan tal-aħħar jagħmel parti mir-rieda espressa fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE li jinbeda stadju ġdid fil-proċess li tinħoloq unjoni dejjem eqreb bejn il-popli tal-Ewropa, unjoni li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu bl-ikbar osservanza possibbli tal-prinċipju ta’ trasparenza u bl-iktar mod qrib taċ-ċittadini.

59

Dan l-għan fundamentali tal-Unjoni huwa rifless ukoll fl-Artikolu 15(1) TFUE, li jipprevedi, b’mod partikolari, li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b’mod kemm jista’ jkun miftuħ, prinċipju kkonfermat ukoll fl-Artikolu 10(3) TUE u fl-Artikolu 298(1) TFUE, kif ukoll fl-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jistabbilixxi d-dritt ta’ aċċess għal dokumenti (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kunsill vs Pech, C‑408/21 P, EU:C:2023:461, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li t-trasparenza tippermetti li tingħata lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni iktar leġittimità, effikaċja u responsabbiltà fil-konfront taċ-ċittadini tal-Unjoni f’sistema demokratika. Billi tippermetti li d-diverġenzi bejn diversi fehmiet jiġu diskussi b’mod miftuħ, hija tikkontribwixxi, barra minn hekk, sabiex iżżid il-fiduċja ta’ dawn iċ-ċittadini (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kunsill vs Pech, C‑408/21 P, EU:C:2023:461, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

Għal dan l-għan, l-Artikolu 1(a) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li dan huwa intiż li jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess l-iktar wiesa’ possibbli għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni koperti minnu.

62

Mill-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, li jistabbilixxi sistema ta’ eċċezzjonijiet f’dan ir-rigward, jirriżulta li dan id-dritt ta’ aċċess huwa madankollu suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat. Madankollu, peress li tali eċċezzjonijiet jidderogaw mill-prinċipju tal-ikbar aċċess possibbli tal-pubbliku għal dokumenti, huma għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kunsill vs Pech, C‑408/21 P, EU:C:2023:461, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Meta l-istituzzjoni kkonċernata tiddeċiedi li tirrifjuta l-aċċess għal dokument li tkun intalbitilha l-komunikazzjoni tiegħu, din l-istituzzjoni għandha, bħala prinċipju, tipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni ta’ kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interess protett minn eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 u invokat minn din l-istituzzjoni. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ tali preġudizzju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux sempliċement ipotetiku (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kunsill vs Pech, C‑408/21 P, EU:C:2023:461, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament, din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-aċċess għal dokument imfassal minn istituzzjoni għall-użu intern tagħha jew irċevut minn instituzzjoni u li jirrigwarda kwistjoni li fir-rigward tagħha din l-istituzzjoni ma tkunx għadha ħadet deċiżjoni għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali tal-imsemmija deċiżjoni, sakemm interess pubbliku ikbar ma jkunx jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni.

65

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċett ta’ “proċess deċiżjonali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jinftiehem bħala li jirreferi għat-teħid ta’ deċiżjoni mingħajr ma jkopri l-proċedura amministrattiva kollha li tkun wasslet għaliha (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑60/15 P, EU:C:2017:540, punt 76).

66

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, għalkemm l-attività leġiżlattiva tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni teżiġi aċċess għad-dokumenti partikolarment wiesa’, dan bl-ebda mod ma jfisser li l-attivitajiet l-oħra ta’ dawn l-istituzzjonijiet ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li dan japplika, skont l-Artikolu 2(3) tiegħu, għad-dokumenti kollha miżmuma mill-imsemmija istituzzjonijiet, jiġifieri mfassla jew irċevuti minnhom u fil-pussess tagħhom, fl-oqsma kollha ta’ attività tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑60/15 P, EU:C:2017:540, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali, ġustament, qisitx, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, li l-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni li għandu bħala suġġett id-Dokument ta’ Gwida adottat mill-EFSA fl‑2013 kien ġie konkluż fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi u li, konsegwentement, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dawn il-kawżi, il-Kummissjoni ma setgħetx validament tibbaża dawn id-deċiżjonijiet fuq l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

68

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li d-dokumenti mitluba kienu jirrigwardaw proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni li seħħ bejn l‑2013 u l‑2019 u li kien intiż għall-implimentazzjoni totali jew parzjali, mill-Kummissjoni, tad-Dokument ta’ Gwida adottat mill-EFSA fl‑2013, jew billi jiġi adottat dan id-dokument bħala tali skont il-proċedura konsultattiva prevista mir-Regolament Nru 182/2011, jew billi jiġu emendati l-prinċipji uniformi previsti mir-Regolament Nru 546/2011 skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista mid-Deċiżjoni 1999/468. Madankollu, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, l-ebda proċess deċiżjonali intiż għall-implimentazzjoni tal-imsemmi dokument ma seta’ jitqies li kien pendenti.

69

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ssostnix li dawn il-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali huma vvizzjati bi żnaturament. Fil-fatt, minn naħa, l-argument tal-Kummissjoni huwa bbażat, essenzjalment, fuq il-premessa li mis-sempliċi fatt tar-reviżjoni għaddejja tad-Dokument ta’ Gwida adottat mill-EFSA fl‑2013, wara t-talba f’dan is-sens ta’ din l-istituzzjoni lil din l-awtorità, jirriżulta li proċess deċiżjonali, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, kien għadu għaddej fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi.

70

Iċ-ċirkustanza rrilevata mill-Kummissjoni, li abbażi tagħha t-talba għal reviżjoni inkwistjoni kienet ġiet ifformulata f’Marzu 2019, filwaqt li, fl-istess mument, din l-istituzzjoni kienet fir-realtà qegħda tipprova timplimenta parzjalment id-Dokument ta’ Gwida adottat mill-EFSA fl‑2013 permezz tal-emenda tal-prinċipji uniformi stabbiliti mir-Regolament Nru 546/2011 skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju, hija irrilevanti. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 41, 42 u 45 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-kuntest tal-evalwazzjoni sovrana tagħha tal-fatti, mingħajr ma saret ebda allegazzjoni ta’ żnaturament f’dan ir-rigward, li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, dan it-tentattiv ta’ implimentazzjoni parzjali ma kienx għadu pendenti.

71

Min-naħa l-oħra, ċertament, il-Kummissjoni ssostni li mill-punti 48 sa 53 tas-sentenza appellata jirriżulta li ebda proċess deċiżjonali dwar id-Dokument ta’ Gwida adottat mill-EFSA fl‑2013 ma kien tlesta, la fir-rigward tal-implimentazzjoni tiegħu bħala tali, u lanqas intiż sabiex jemenda dawn il-prinċipji uniformi. Madankollu, il-fatt li, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni fir-rikors tal-appell tagħha, l-ebda wieħed miż-żewġ proċessi inkwistjoni ma kien ġie konkluż bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni ma jistax ifisser, waħdu, li tali proċessi kienu għadhom pendenti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi. Fil-fatt, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġeneral fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, proċess deċiżjonali jista’ wkoll jingħalaq anki jekk l-għan tiegħu ma jkunx intlaħaq, bħal meta kwistjoni partikolari tiġi abbandunata u ma jingħatax segwitu għaliha.

72

Barra minn hekk, kif il-Qorti Ġenerali esponiet fil-punt 54 tas-sentenza appellata, mistoqsija f’dan ir-rigward waqt is-seduta, il-Kummissjoni indikat li, sakemm ir-reviżjoni, mill-EFSA, tad-Dokument ta’ Gwida adottat minnha fl‑2013 tkun għada għaddejja, kull kunsiderazzjoni dwar il-kontenut ta’ dan id-dokument, in-natura eventwalment vinkolanti tiegħu, il-forma tal-eventwali adozzjoni tiegħu jew il-proċedura li tista’ tiġi segwita għal dan l-għan kienet ipotetika. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ġustament setgħet tiddeduċi, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, li din ir-reviżjoni kienet timplika l-assenza stess tas-suġġett ta’ proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi.

73

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl, b’mod partikolari tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 62 u 65 ta’ din is-sentenza, li l-kunċett ta’ “proċess deċiżjonali”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jinftiehem bħala li huwa relatat direttament mat-teħid ta’ deċiżjoni. Issa, teħid ta’ deċiżjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jippreżupponi l-eżistenza ta’ suġġett determinat li ser ikun is-suġġett tad-deċiżjoni futura, u dan indipendentement min-natura imminenti tal-adozzjoni ta’ abbozz ta’ att speċifiku u identifikabbli. Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu u kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni tidher li qed issostni, il-Qorti Ġenerali ma qisitx, fil-punti 54 sa 61 tas-sentenza appellata, li, fin-nuqqas ta’ tali natura imminenti, ma jkunx hemm attivitajiet deċiżjonali effettivi.

74

Barra minn hekk, li jiġi ammess li deċiżjoni għadha ma tteħditx u, għaldaqstant, li jeżisti “proċess deċiżjonali” pendenti, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, meta s-suġġett ta’ tali proċess ma huwiex iddeterminat imur kontra kemm l-istruttura ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 63 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, sakemm is-suġġett eżatt ta’ deċiżjoni futura ma jkunx għadu ġie ddeterminat, kull riskju ta’ preġudizzju għall-proċess deċiżjonali intiż għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni minħabba l-iżvelar ta’ dokument mitlub skont ir-Regolament Nru 1049/2001 ikun mid-definizzjoni tiegħu stess ipotetiku, peress li huwa, fir-realtà, impossibbli li jiġi vverifikat jekk il-kontenut ta’ dan id-dokument ikunx verament marbut ma’ dan il-proċess deċiżjonali.

75

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-Artikolu 77 tar-Regolament Nru 1107/2009, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ evalwazzjoni mhux biss sabiex titlob lill-EFSA tistabbilixxi jew tikkollabora fit-tfassil ta’ Dokument ta’ Gwida bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ, iżda wkoll fuq is-segwitu li għandu jingħata lil dan id-dokument u, b’mod iktar speċifiku, sabiex tiddeċiedi, jekk ikun il-każ, jekk għandhiex tadotta jew temenda tali dokumenti konformement mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 79(2) ta’ dan ir-regolament, li matulha hija assistita mill-iScopaff. Minn dan isegwi li, qabel ma tieħu konjizzjoni tad-Dokument ta’ Gwida adottat mill-EFSA fl‑2013 kif, skont il-każ, rivedut minn din l-awtorità, il-Kummissjoni ma tistax tkun taf il-kontenut tiegħu jew tipprevedi l-passi li hija ser tadotta sussegwentement f’dan ir-rigward u, b’mod partikolari, jekk tkunx ser timplimenta din il-proċedura konsultattiva. Konsegwentement, huwa impossibbli għaliha li tiddetermina jekk l-iżvelar ta’ kull wieħed mid-dokumenti mitluba minn Pollinis France jkunx jista’ jippreġudika eventwali proċess deċiżjonali li jikkonċerna dan id-dokument irrevedut.

76

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, dwar l-assenza stess tas-suġġett ta’ proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi u li hija qieset, fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, li proċess deċiżjonali li għandu bħala suġġett Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal rivedut seta’ jseħħ meta l-EFSA tkun għaddiet dan id-dokument lill-Kummissjoni.

77

Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, huwa wkoll mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali, kif jirriżulta mill-punt 57 tas-sentenza appellata, ma kkunsidratx bħala deċiżiv, sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ “kwistjoni fejn [istituzzjoni] tkun għadha ma ħaditx deċiżjoni”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-argument imressaq mill-imsemmija istituzzjoni fis-sens li hija dejjem kellha “l-għan” li timplimenta dokument ta’ gwida dwar in-naħal.

78

Fil-fatt, jekk jiġi aċċettat li s-sempliċi intenzjoni ta’ istituzzjoni li tieħu deċiżjoni f’qasam li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħha tippermettilha tinvoka din id-dispożizzjoni, mingħajr ma tkun meħtieġa l-eżistenza ta’ proċess deċiżjonali intiż għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar suġġett determinat, dan iwassal, fir-realtà, sabiex din l-istituzzjoni tiġi rrikonoxxuta l-possibbiltà li tirrifjuta l-iżvelar ta’ kull dokument relatat ma’ dan is-suġġett. Issa, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 62 ta’ din is-sentenza u kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunċett ta’ “kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, ma jistax jiġi interpretat b’mod tant wiesa’ li jkopri kull dokument relatat ma’ kwistjoni partikolari.

79

Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ġustament qieset, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, li l-fatt li din l-istituzzjoni dejjem segwiet l-għan li timplimenta Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal sabiex tipprovdi lill-awtoritajiet tal-Istati Membri dokument li juri “tagħrif xjentifiku u tekniku attwali”, konformement mal-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jiġi konkluż li kienet għadha teżisti “kwistjoni fejn [istituzzjoni] tkun għadha ma ħaditx deċiżjoni”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

80

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq it‑tieni aggravju

81

Sa fejn l-argument imressaq mill-Kummissjoni insostenn tal-ewwel aggravju tagħha ma ppermettilhiex tikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sens li hija ma setgħetx, permezz tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, tirrifjuta, abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-aċċess għad-dokumenti mitluba, it-tieni aggravju invokat minn din l-istituzzjoni, li permezz tiegħu din tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha mwettqa sussidjarjament u li tirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni minbarra dik dwar l-eżistenza ta’ proċess deċiżjonali pendenti, ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata. Għaldaqstant, dan it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

82

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, dan l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l‑ispejjeż

83

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

84

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

85

Peress li Pollinis France talbet li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata, minbarra għall-ispejjeż tagħha, għal dawk sostnuti minn Pollinis France.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata, minbarra għall-ispejjeż rispettivi tagħha, għal dawk sostnuti minn Pollinis France.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.