24.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

150


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-8 ta' Diċembru 2006

dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mid-Danimarka dwar ċerti gassijiet serra industrijali

(notifikat bid-dokument numru C(2006) 5934)

(It-test bid-Daniż biss huwa awtentiku)

(2007/62/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 95(6) tiegħu,

Billi:

I.   IL-FATTI U L-PROĊEDURA

(1)

Permezz ta' ittra ddatata t-2 ta' Ġunju 2006, ir-Rappreżentanza Permanenti tar-Renju tad-Danimarka għall-Unjoni Ewropea, il-Gvern Daniż, b'referenza għall-Artikolu 9.3(b) għar-Regolament (KE) Nru 842/2006, innotifika lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu dwar ir-regolamenti dwar ċerti gassijiet serra industrijali li jqis li jinħtieġu jinżammu wara l-adozzjoni ta' dak ir-Regolament, flimkien mal-ġustifikazzjoni għaż-żamma. (1)

(2)

F'din l-ittra l-Gvern Daniż jiġbed l-attenzjoni li l-Gvern tad-Danimarka għandu l-ħsieb iżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu li huma iktar stretti minn tar-Regolament, skond l-Artikolu 9.3(a) tar-Regolament (KE) Nru 842/2006.

1.   Leġiżlazzjoni Komunitarja

1.1.   L-Artikolu 95, paragrafi 4 u 6, tat-Trattat tal-KE

(3)

L-Artkolu 95(4) tat-Trattat jistipola li “Jekk, wara l-adozzjoni mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni ta' miżuri ta' armonizzazzjoni, Stat Membru jħoss li jkun meħtieġ li jżomm id-disposizzjonijiet nazzjonali fuq il-bażi ta' neċessitajiet maġġuri msemmija fl-Artikolu 30, jew li għandhom x'jaqsmu mal-ħarsien ta' l-ambjent jew ta' l-ambjent tax-xogħol, dan għandu jgħarraf lill-Kummissjoni b'dawn id-disposizzjonijiet kif ukoll dwar ir-raġuni għaliex għandhom jinżammu.”

(4)

Skond l-Artikolu 95(6), il-Kummissjoni għandha, fiż-żmien sitt xhur min-notifika tapprova jew tirrifjuta d-dispożizzjonijiet nazzjonali involuti wara li tkun ivverifikat jekk humiex mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membri jew le u jekk humiex ta' xkiel għall-ħidma tas-suq intern jew le.

1.2.   Regolament (KE) Nru 842/2006

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 dwar ċerti gassijiet serra flworinati (gassijiet F) jimmira għall-prevenzjoni u l-kontroll ta' l-ammont ta' emissjonijiet ta' ċerti gassijiet F (HFCs, PFCs, u SF6 koperti permezz tal-Protokoll ta' Kyoto).

(6)

Fih ukoll għadd limitat ta' projbizzjonijiet ta' l-użu u t-tqegħid fis-suq fejn l-alternattivi ġew ikkunsidrati disponibbli u effiċjenti f'termini ta' nfiq fuq il-livell tal-Komunità u fejn it-titjib fit-trażżin u l-irkupru kien meqjus bħala mhux vijabbli.

(7)

Ir-Regolament għandu bażi legali doppja, l-Artikolu 175(1) tat-Trattat tal-KE rigward id-dispożizzjonijiet kollha minbarra l-Artikoli 7, 8 u 9, li huma bbażati fuq l-Artikolu 95 tat-Trattat tal-KE minħabba l-implikazzjonijiet tagħhom f'termini tal-moviment ħieles tal-prodotti fi ħdan is-suq waħdieni tal-KE.

(8)

L-Artikolu 9 tar-Regolament jirregola il-ħruġ fis-suq u, b'mod iktar preċiż, jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' għadd ta' prodotti u tagħmir li fihom il-gassijiet fluworinati ta' effett serra koperti mir-Regolament jew li l-funzjonament tagħhom jiddependi fuq, il-gassijiet F koperti bir-Regolament. Fil-paragrafu 3(a) tiegħu, ikompli jistipola li l-Istati Membri li sal-31 ta' Diċembru 2005 adottaw miżuri nazzjonali li huma iktar stretti minn dawk stipolati fl-Artikolu u li jaqgħu fl-ambitu tar-Regolament jistgħu jżommu dawk il-miżuri nazzjonali sal-31 ta' Diċembru 2012. Madankollu, skond il-paragrafu 3(b) tiegħu, dawk il-miżuri, flimkien mal-ġustifikazzjoni tagħhom, għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni u għandhom ikunu kompatibbli mat-Trattat.

(9)

Ir-Regolament jista' japplika b'effett mill-4 ta' Lulju 2007, minbarra l-Artikolu 9 u l-Anness II, li għandhom japplikaw mill-4 ta' Lulju 2006.

2.   Dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati

(10)

Id-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mid-Danimarka ġew introdotti permezz ta' l-Ordni bin-Nru 552 tat-2 ta' Lulju 2002.

(11)

L-Ordni tikkonċerna tliet gassijiet serra kklassifikati skond il-Protokoll ta' Kyoto, li l-biċċa l-kbira minnhom għandhom potenzjali kbar għat-tisħin globali: karboni idrofluworidi (hydrofluorocarbons – HFCs), karboni perfluworidi (perfluorocarbons – PFCs) u l-eżafluworidu tal-kubrit (sulphur hexafluoride – SF6).

(12)

L-Ordni tikkonsisti fi projbizzjoni ġenerali fuq l-importazzjoni, il-bejgħ u l-użu ta' prodotti ġodda li fihom il-gassijiet serra msemmija hawn fuq wara l-1 ta' Jannar 2006, kif ukoll projbizzjoni fuq l-importazzjoni, il-bejgħ u l-użu ta' dawk il-gassijiet serra, ġodda jew irkuprati, wara l-1 ta' Jannar 2006.

(13)

Il-projbizzjoni ġenerali fuq prodotti ġodda li fihom il-gassijiet F hija akkumpanjata minn derogi speċifikati fl-Anness I ta' l-Ordni.

(14)

L-Ordni tippermetti l-possibbiltà li jingħataw eżenzjonijiet mill-Aġenzija Daniża għall-Protezzjoni ta' l-Ambjent f'“każijiet speċjali ħafna”. In-notifika fiha deskrizzjoni dwar meta proċess ta' l-eżenzjoni bħal dan jista' fil-prattika jiġi kkunsidrat, li jenfasizza pereżempju, fuq effetti disproporzjonati ta' projbizzjoni li ma kienux previsti, f'sitwazzjonijiet fejn jidher li l-alternattivi ma kinux disponibbli jew mhux adattati, jew f'sitwazzjonijiet fejn il-livell globali ta' l-emissjonijiet tal-gass serra konvertiti f'dijossidu tal-karbonju jintwerew li huma inqas għal sistema li fiha l-gassijiet F. In-notifika fiha wkoll dokument ta' gwida maħruġ mill-Aġenzija Daniża għall-Ħarsien ta' l-Ambjent għal operaturi li huma lesti li japplikaw għal eżenzjoni. Dan id-dokument jelenka l-kriterji użati mill-Aġenzija Daniża għall-Ħarsien ta' l-Ambjent biex taċċetta jew tirrifjuta l-eżenzjoni, ħarsa ġenerali qasira ta' l-appikazzjonijiet kollha mressqa s'issa, kif ukoll id-deċiżjonijet rilevanti meħuda mill-Aġenzija Daniża għall-Ħarsien ta' l-Ambjent.

(15)

Permezz ta' ittra tad-29 ta' Ottubru 2006, il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Żvediżi li rċeviet in-notifika u li l-perjodu ta' sitt xhur għall-eżami tagħha skond l-Artikolu 95(6) beda fid-9 ta' Ġunju 2006, il-ġurnata ta' wara dik li fiha waslet in-notifika.

(16)

Permezz ta' ittra ddatata nhar id-19 ta' Settembru 2006, il-Kummissjoni infurmat l-Istati Membri l-oħra dwar notifika li tagħtihom perjodu ta' 30 jum biex iressqu xi kummenti li jista' jkollhom. Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll avviż dwar in-notifika fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea (2) sabiex tinforma xi partijiet interessati oħra dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali tad-Danimarka, kif ukoll ir-raġunijiet li hemm għal dan.

II.   EVALWAZZJONI

1.   Kunsiderazzjoni ta' l-ammissibilità

(17)

L-Artikolu 95(4) jikkonċerna każijiet fejn, wara l-adozzjoni ta' miżura ta' armonizzazzjoni, Stat Membru jidhirlu li jeħtieġ li jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq raġuni ta' eżiġenzi importanti msemmija fl-Artikolu 30, jew jirrelataw għall-ħarsien ta' l-ambjent jew l-ambjent tax-xogħol.

(18)

In-notifika Daniża tirrelata għad-dispożizzjonijiet nazzjonali b'deroga minn dawk ta' l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 842/2006. Dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali ġew adottati u daħlu fis-seħħ fl-2002, għalhekk qabel l-adozzjoni ta' dak ir-Regolament.

(19)

It-tqegħid fis-suq ta' prodotti u tagħmir li fihom il-gassijiet F hija armonizzata fil-livell ta' l-KE bir-Regolament (KE) Nru 842/2006, u b'mod partikolari bl-Artikolu 9 u l-Anness II tiegħu.

(20)

L-Ordni Daniża tikkonsisti minn dispożizzjonijiet iktar stretti minn tar-Regolament (KE) Nru 842/2006 minħabba li fiha projbizzjoni ġenerali fuq l-importazzjoni, il-bejgħ u l-użu ta' prodotti ġodda li fihom il-gassijiet F wara l-1 ta' Jannar 2006 kif ukoll projbizzjoni fuq l-importazzjoni, il-bejgħ u l-użu tal-gassijiet F, ġodda u rkuprati, wara l-1 ta' Jannar 2006, filwaqt li r-Regolament fih projbizzjoni limitata fuq it-tqegħid fis-suq minħabba li tapplika biss għal prodotti kif elekati fl-Anness II tiegħu.

(21)

B'riżultat ta' dan, inkluż l-Artikolu 9(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 842/2006, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-miżuri tagħhom lill-Kummissjoni, flimkien mal-ġustifikazzjoni prinċipali tagħhom. Dawk il-miżuri għandhom ikunu kumpatibbli mat-Trattat.

(22)

L-kompatibilità hija eżaminata permezz ta' proċedura ta' l-Artikolu 95(4) u 95(6), filwaqt li jitqies ir-Regolament 842/2006. L-Artikolu 95(4) jeħtieġ li n-notifika tkun akkumpanjata permezz ta' deskrizzjoni tar-raġunijiet marbuta ma' waħda jew iktar mill-ħtiġijiet msemmija fl-Artikolu 30 jew għall-ħarsien ta' l-ambjent jew l-ambjent tax-xogħol.

(23)

Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal iktar 'il fuq, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-applikazzjoni mressqa mid-Danimarka bil-ħsieb li tikseb awtorizzazzjoni biex iżżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħha dwar ċerti gassijiet serra industrijali hija aċċettabbli skond l-Artikolu 95(4) tat-Trattat KE.

2.   Evalwazzjoni tal-merti

(24)

Skond l-Artikolu 95(4) u (6), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat tal-KE, il-Kummissjoni għandha taċċerta li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li jippermettu Stat Membru jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu b'deroga minn miżura ta' armonizzazzjoni tal-Kummissjoni prevista f'dak l-Artikolu. B'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet nazzjonali għandhom jiġu ġġustifikati mill-eżiġenzi importanti msemmija fl-Artikolu 30 tat-Trattat jew marbuta mal-ħarsien ta' l-ambjent jew l-ambjent tax-xogħol, m'għandhomx ikunu mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u m'għandhomx jikkostitwixxu ostakolu għall-operat tas-suq intern mhux proporzjonat jew mhux meħtieġ.

2.1.   Il-piż tal-prova

(25)

Il-Kummissjoni, meta teżamina jekk miżuri nazzjonali nnotifikati skond l-Artikolu 95(4) huma ġġustifikati, għandu jieħu bħala bażi “ir-raġunijiet” mressqa mill-Istat Membru li qed jagħmel in-notifika. Dan ifisser li, skond id-dispożizzjonijiet għat-Trattat tal-KE, ir-responsabbiltà biex ikun ppruvat li l-miżuri nazzjonali huma ġġustifikati hija ta' l-Istat Membru li jkun għamel it-talba biex iżommhom.

(26)

Huwa f'idejn l-Istat Membru li qed jagħmel in-notifika biex jipprovdi biżżejjed raġunijiet, fatti u evidenza xjentifika sabiex tkun tista' tingħata l-awtorizzazzjoni biex iżomm leġiżlazzjoni nazzjonali iktar stretta. Għalhekk huwa fl-interess ta' l-Istat Membru li jehmeż man-notifika xi elementi legali jew sostantivi li jkunu jistgħu jappoġġaw l-applikazzjoni (3). Jekk fin-notifika jonqos li jiġu inklużi elementi bħal dawn, dan iwassal il-Kummissjoni biex tikkunsidra li n-notifika hija bla bażi.

2.2.   Ġustifikazzjoni fuq il-bażi ta' l-eżiġenzi importanti msemmija fl-Artikolu 30 jew marbuta mal-ħarsien ta' l-ambjent jew ta' l-ambjent tax-xogħol

2.2.1.   Il-pożizzjoni Daniża

(27)

Sabiex jiġġustifikaw li jżommu d-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom, l-awtoritajiet Daniżi ressqu dikjarazzjoni ta' spjegazzjoni li tipprovdi l-ġustifikazzjonijiet li ġejjin.

(28)

L-Ordni Nru 552 tat-2 ta' Lulju 2002 li tikkonċerna r-regolamenti ta ċerti gassijiet serra industrijali (HFCs, PFCs u SF6), li huma kollha gassijiet serra qawwijin ħafna. Pereżempju, kilo ta' l-iktar żewġ gassijiet HFC użati madwar id-Danimarka (HFC-134a u HFC-404a) huma ekwivalenti għal 1 300 u 3 780 kg CO2 rispettivament, filwaqt li l-SF6 huwa ekwivalenti għal 'l fuq minn 22 000 kg CO (4).

(29)

Skond il-Protokoll ta' Kyoto, l-KE impenjat ruħha biex fil-perjodu ta' l-2008 sa l-2012 tnaqqas l-emissjonijiet kollettivi tagħha tal-gassijiet serra mill-Istati Membri għallinqas bi 8 % taħt il-livell ta' l-1990. Waqt it-taħdidiet sussegwenti fi ħdan il-KE (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE tal-25 ta' April 2002 dwar l-approvazzjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, il-Protokoll ta' Kyoto għall-Konvenzjoni ta' Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima, il-Ftehim tat-Tqassim tal-Piż), id-Danimarka impenjat ruħha li tnaqqas il-livell kumplessiv ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet serra bi 21 % waqt dan il-perjodu. (4)

(30)

Fin-notifika tagħhom, l-awtoritajiet Daniżi qajjmu l-oġġezzjoni għal ħarsien ta' l-ambjent u, b'mod partikolari, il-ħtieġa li tinkiseb bil-mezzi kollha possibbli l-mira għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet serra flworinati, kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE.

(31)

Fil-każ ta' din l-Ordni, l-għan huwa li jkun hemm kontribut għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet serra permezz tal-prevenzjoni ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

(32)

L-awtoritajiet Daniżi enfasizzaw ukoll li l-għan ta' l-Ordni Daniża dwar il-gassijiet serra industrijali huwa li tirrestrinġi l-użu u għalhekk, l-emissjoni tal-gassijiet serra industrijali kemm jista' jkun possibbli, sabiex tikkontribwixxi għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tagħhom u għalhekk tikkontribwixxi biex tilħaq l-obbligi tagħha li impenjat ruħha għalihom f'kuntest internazzjonali. L-awtoritajiet Daniżi jikkunsidraw li l-mira ambizzjuża tat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet serra li d-Danimarka impenjat ruħha li tilħaq skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE jeħtieġu sforz miftiehem biex jitrattaw kull sors ta' emissjonijiet tal-gassijiet serra.

(33)

L-HFCs jintużaw ukoll fid-Danimarka l-iktar bħala likwidi għat-tkessieħ fl-apparat domestiku għar-refriġerazzjoni. Il-PFCs mhux qed jintużaw iktar fid-Danimarka. SF6 intuża qabel fl-apparat tal-ħġieġ insulat u soundproof u fi ħdan is-settur ta' l-elettriku f'ċerti swiċċijiet. Illum, jintuża biss fl-applikazzjoni ta' l-aħħar, li tinvolvi biss ftit tunnellati fis-sena.

(34)

Fin-notifika tagħhom, l-awtoritajiet Daniżi jirreferu għal previżjonijiet skond liema, mingħajr iktar regolamentazzjoni, l-livell ta' emissjonijiet jista' jirdoppja sa l-2010, li jgħodd għall-ekwivalenti ta' 0,5- 0,7 miljun iktar tunnellati ta' dijossidu tal-karbonju bil-miżuri leġiżlattivi nnotifkati.

(35)

L-awtoritajiet Daniżi indikaw li l-prinċipji introdotti fil-livell Komunitarju bir-Regolament (KE) 842/2006 biex jitnaqqsu l-emissjonijiet billi jitrażżan l-użu tagħhom kienu introdotti fil-leġiżlazzjoni Daniża iktar minn 50 sena ilu u minn dak iż-żmien applikati għall-applikazzjonijiet li jużaw l-gassijiet F u għalhekk x'aktarx illi ma jirriżultax f'iktar tnaqqis.

(36)

Fin-notifika tagħha, id-Danimarka tagħti deskrizzjoni qasira ta' ftit mill-oqsma ta' applikazzjoni fejn is-soluzzjonijiet alternattivi ġew żviluppati, u li għalhekk huma koperti bir-regolament Daniż. Min-naħa tad-Danimarka, hemm il-preżunzjoni li l-alternattivi għall-gassijiet serra industrijali, li qed jintużaw fl-applikazzjonijiet li ġew ipprojbiti mill-1 ta' Jannar 2006 jew għandhom jiġu pprojbiti mill-1 ta' Jannar 2007, huma disponibbli.

(37)

Il-projbizzjoni ġenerali fuq prodotti ġodda li fihom il-gassijiet F hija akkumpanjata minn derogi speċifikati fl-Anness I ta' l-Ordni. Dawn id-derogi għandhom x'jaqsmu ma' għadd ta' applikazzjonijiet speċifiċi ħafna u, huma bbażati fuq il-kwantità ta' gassijiet serra użata fis-sistemi rispettivi b'hekk tkun qed teżenta, per eżempju, it-tagħmir ta' refriġerazzjoni, il-pompi tas-sħana jew it-tagħmir tal-kundizzjonar ta' l-arja b'ċarġis ta' bejn 0,15 kg u 10 kg kif ukoll sistemi ta' refriġerazzjoni għall-irkupru tas-sħana b'ċarġis ta' inqas jew daqs il-50 kg. Prodotti għall-bastimenti u għall-użu mill-militar kif ukoll l-użu ta' SF6 f'unitajiet ta' vultaġġ għoli huma eżenti.

(38)

Barra d-derogi msemmijin hawn fuq, l-Ordni Daniża tipprovdi possibilità, “f'każijiet speċjali ħafna”, għal ezenzjoni minn projbizzjoni ġenerali. L-għan ta' din l-eżenzjoni huwa li tipprevjeni l-projbizzjoni, f'każijiet speċifiċi, minn konsegwenzi serji sproporzjonati (f'każijiet mhux previsti meta tkun ħarġet l-ordni, f'sitwazzjonijiet speċifiċi fejn l-installazzjoni ta' l-apparat ta' refriġerazzjoni bbażat fuq l-alternattivi għall-HFCs iġarrab xi spejjeż addizzjonali eċċezzjonali jew bla raġuni għal dak li jinstalla jew is-sid, jew f'sitwazzjonijiet fejn il-livell globali tal-gassijiet serra kkonvertiti għall-ekwivalenti tad-dijossidu tal-karbonju jintwerew li huma inqas għal sistema li fih l-gassijiet F.

(39)

L-għażla ta' eżenzjoni hija maħsuba biex tintuża sabiex it-titjib ambjentali mistenni li jiġi mal-projbizzjoni jintlaħaq fl-aħjar mod u fil-mod l-iktar effettiv mill-perspettiva globali ambjentali, inkluż min-naħa ta' l-enerġija.

(40)

Skond l-Artikolu 8 ta' l-“Att fuq is-sustanzi u l-prodotti kimiċi, Nru 21 tas-16 ta' Jannar 1996”, il-projbizzjoni ma tapplikax għall-importazzjoni, il-produzzjoni u l-bejgħ ta' prodotti maħsuba esklussivament għall-esportazzjoni.

(41)

Barra minn hekk, lanqas m'hemm projbizzjoni fuq l-importazzjoni tal-gassijiet serra industrijali li jintużaw fil-manifattura ta' prodott maħsub għall-esportazzjoni.

(42)

Il-Gvern Daniż huwa ta' l-opinjoni li l-għan ta' l-Ordni huwa li l-ambjent jitħares u huwa meħtieġ u pproporzjonat fit-termini tal-prevenzjoni u t-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet fluworinati. Għalhekk, fil-fehma tiegħu, l-Ordni hija kompatibbli mat-Trattat.

2.2.2.   Evalwazzjoni tal-pożizzjoni tad-Danimarka

(43)

Wara li ġiet eżaminata l-informazzjoni mressqa mid-Danimarka, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rikjesta biex jinżammu miżuri iktar stretti minn dawk fir-Regolament (KE) 842/2006 jistgħu jitqiesu kompatibbli mat-Trattat għar-raġunijiet li ġejjin.

2.2.2.1   Il-ġustifikazzjoni ambjentali:

(44)

L-Ordni tifforma parti minn strateġija usa' li ġiet stabbilita mid-Danimarka sabiex tilħaq l-mira għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet skond il-Protokoll ta' Kyoto u l-ftehim sussegwenti dwar it-tqassim ta' l-obbligi adottat fil-livell Komunitarju. Skond arranġament bħal dan, id-Danimarka għandha tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħha b'21 % fuq il-perjodu 2008/2012 meta mqabbel mas-sena ta' bażi 1990.

(45)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, id-Danimarka qiegħda tistabbilixxi strateġija biex tilħaq l-impenji tagħha li tkopri kull sors ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra. Il-miżuri fuq il-gassijiet F għalhekk huma parti mill-impenn kumplessiv tagħha biex tilħaq l-obbligi tagħha. Ta' min jinnota li l-emissjonijiet ta' dawn il-gassijiet F huma stmati li jirduppjaw sa l-2010 fl-assenza ta' iktar regolamentazzjoni bl-użu tar-refriġerazzjoni dejjem qed jikber u wkoll bħala riżultat tat-tneħħija gradwali ta' l-HCFCs mir-refriġerazzjoni skond ir-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2000 dwar is-sustanzi li jnaqqsu s-saff ta' l-ożonu (5)

(46)

Ir-Regolament (KE) 842/2006 huwa mistenni li jirriżulta fi tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tal-gassijiet F madwar il-Komunità, prinċipalment f'dawk l-Istati Membri fejn ma kienx għad hemm stabbiliti l-miżuri xierqa għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet F, prinċipalment b'miżuri immirati biex itejbu t-trażżin u l-irkupru tal-gassijiet F użati f'ċerti applikazzjonijiet. Minkejja dan, il-leġiżlazzjoni Daniża kienet diġà introduċiet dispożizzjonijiet komparabbli (il-politika tat-trażżin bbażat l-iktar fuq programmi ta' taħriġ obbligatorji, kontrolli regolari għat-tnixxijiet) iktar minn 50 sena ilu, li imbagħad ġie applikat lill-applikazzjonijiet li fihom il-gassijiet F, għalhekk x'aktarx li ma jwasslux għal iktar tnaqqis li jistgħu jikkumbattu b'mod sinifikattanti t-tkabbir mistenni ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet F fid-Danimarka.

(47)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ġustifkazzjoni ambjentali li tat id-Danimarka, jiġifieri t-tnaqqis u l-prevenzjoni ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet fluworinati hija valida.

2.2.2.2.   Ir-relevanza u l-proporzjonalità ta' l-Ordni Daniża fir-rigward tal-mira li jinkiseb iktar tnaqqis tal-gassijiet serra fluworinati:

(48)

F'dan il-kuntest, u sabiex jitnaqqsu iktar u jiġu pprevenuti iktar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, id-Danimarka diġà kienet ddeċidiet fl-2002 biex tagħżel kif tapplika l-projbizzjonijiet fuq tagħmir ġdid li jkun qed jitqiegħed fis-suq. Din l-għażla kienet ibbażata fuq investigazzjonijiet li kienu mmirati biex jikkontrollaw, b'mod partikolari, l-eżistenza u d-disponnibilità ta' l-alternattivi ħielsa mill-gassijiet F.

(49)

Ibbażata fuq din l-investigazzjoni, l-Ordni tipprevedi projbizzjoni ġenerali fuq l-importazzjonijiet, il-bejgħ u l-użu tal-prodotti ġodda li fihom l-gassijiet F sa mill-1 ta' Jannar 2006, b'għadd sinifikanti ta' derogi u eżenzjonijiet li bihom ċerti prodotti u tagħmir huma eżentati b'mod awtomatiku taħt ċerti kundizzjonijiet, jew li permezz tagħhom l-iskeda ta' projbizzjonijiet hija avvanzata jew mitfugħa lura. L-Anness I ta' l-Ordni fih derogi speċifiċi għal għadd ta' applikazzjonijiet speċifiċi ħafna (per eżempju, aerosols mediċinali, tagħmir tal-laboratorju) u, għal għadd ta' applikazzjonijiet iktar komuni, huma bbażati fuq il-kwantità ta' gassijiet serra użata fis-sistemi rispettivi b'hekk tkun qed teżenta, per eżempju, it-tagħmir tar-refriġerazzjoni, il-pompi tas-sħana jew it-tagħmir tal-kundizzjonar ta' l-arja b'ċarġis ta' bejn 0,15 kg u 10 kg kif ukoll sistemi tar-refriġerazzjoni għall-irkupru tas-sħana b'ċarġis ta' inqas jew daqs il-50 kg. Prodotti għall-bastimenti u għall-użu mill-militar kif ukoll l-użu ta' SF6 f'unitajiet ta' vultaġġ għoli huma eżenti.

(50)

Barra minn hekk, l-Ordni tippermetti l-għoti ta' l-eżenzjonijiet mill-Aġenzija Daniża għall-Ħarsien ta' l-Ambjent f' “każijiet speċjali ħafna”, speċifikament f'każijiet mhux previsti meta ħarġet l-ordni, f'sitwazzjonijiet fejn jidher li mhemmx l-alternattivi jew mhumiex adattati, jew f'sitwazzjonijiet fejn il-livell kumplessivta' l-emissjonijiet tal-gassijiet serra (inkluż l-“emissjonijiet indiretti” minħabba l-konsum ta' l-enerġija) kkonvertiti għall-ekwivalenti tad-dijossidu tal-karbonju jintwerew li huma inqas għal sistema li fiha l-gassijiet F.

(51)

Il-proċedura applikata mill-Aġenzija għall-Ħarsien ta' l-Ambjent hija deskritta b'mod ċar, kif ukoll il-kriterji li fuqhom huma bbażati d-deċiżjonijiet għall-għoti jew ir-rifjut ta' l-eżenzjonijiet. Dawn il-kriterji jqisu l-prinċipju tal-proporzjonalità.

(52)

Fl-istess linja, ta' min jinnota li l-Ordni Daniża tippermetti l-użu tal-gassijiet F għas-servizz u ż-żamma tat-tagħmir eżistenti sabiex ma jwassalx għal tagħmir abbandunat inutilment.

(53)

Filwaqt li huwa nnutat li l-Ordni għandha implikazzjonijiet dwar iċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta' l-oġġetti fi ħdan l-UE, il-Kummissjoni madankollu tasal għal konlużjoni mill-analiżi ta' hawn fuq, li l-Ordni hija ġġustifikata min-naħa ambjentali u tqis l-implikazzjonijiet tal-projbizzjonijiet previsti fis-suq intern, rinforzata bil-possibilità li tagħti eżenzjonijiet individwali.

(54)

Ta' min jiftakar ukoll li l-Artikolu 9.2(a) tar-Regolament (KE) Nru 842/2006 jiippermetti li jinżammu l-miżuri nazzjonali biss sal-31 ta' Diċembru 2012, u għalhekk, u meta titqies n-notifika li għamel ir-Renju tad-Danimarka msemmija f'dan l-Artikolu tar-Regolament, ifisser li l-Ordni għandha tapplika għal perjodu limitat.

2.3.   L-assenza ta' kwalunkwe diskriminazzjoni arbitrarja, kwalunkwe restrizzjoni ta' kummerċ fost l-Istati Membri

(55)

Skond l-Artikolu 95(6) tat-Trattat tal-KE, il-Kummissjoni għandha tapprova jew tirrifjuta d-dispożizzjonijiet nazzjonali involuti wara li jkun ivverifikat jew le li huma mezzi ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(56)

Ta' min jiftakar li applikazzjoni skond l-Artikolu 95(4) tat-Trattat tal-KE għandu jiġi vvalutat fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti kemm f'dak il-paragrafu kif ukoll fil-paragrafu 6 ta' dak l-Artikolu. Jekk xi waħda minn dawk il-kundizzjonijiet ma jintlaħqux, l-applikazzjoni għandha tiġi rrifjutata mingħajr il-bżonn li jiġu vvalutati l-oħrajn.

(57)

Id-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati huma ġenerali u japplikaw l-istess kemm għal prodotti nazzjonali u kemm għal dawk importati. Bħala riżultat ta' dan, ma hemm ebda evidenza li jistgħu jintużaw bħala mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja bejn l-operaturi ekonomiċi fil-Komunità.

(58)

L-għan ta' din l-ordni huwa l-ħarsien ta' l-ambjent. M'hemm l-ebda indikazzjoni li dik l-Ordni, fl-intenzjoni ta' l-implimentazzjoni tagħha, tista tirriżulta f'xi diskriminazzjoni arbitrarja jew ostakoli moħbija għal kummerċ.

(59)

Fid-dawl tar-riskji għall-ambjent li jirriżultaw minn ċerti gassijiet F, il-Kummissjoni tikkunsidra li mhemmx evidenza li tindika li d-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mill-awtoritajiet Daniżi jikkostitwixxu xi ostakolu sproporzjonat għat-tħaddim tas-suq intern fir-rigward ta' l-għanijiet li jridu jintlaħqu.

III.   KONKLUŻJONI

(60)

Fid-dawl ta'dak li ssemma' hawn fuq, u filwaqt li jitqiesu l-kummenti pprovduti mill-Istati Membri u l-partijiet terzi l-oħra dwar in-notifika mressqa mill-awtoritajiet Daniżi, il-Kummissjoni hija ta' l-opinjoni li t-talba tad-Danimarka, mressqa fit-2 ta' Ġunju ta' l-2006, biex tinżamm il-leġiżlazzjoni nazzjonali iktar stretta tagħha mir-Regolament (KE) Nru 846/2006 fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta' prodotti u tagħmir li fihom, jew li t-tħaddim tagħhom jiddependi mil-gassijiet F, sal-31 ta' Diċembru ta' l-2012, hija aċċettabbli.

Aktar minn hekk, il-Kummissjoni tara li d-dispożizzjonijiet nazzjonali:

—

jissodisfaw il-ħtiġijiet abbażi tal-ħarsien ta' l-ambjent,

—

iqisu l-eżistenza u d-disponibbilità ekonomika u teknika ta' alternattivi għall-applikazzjonijiet pprojbiti fid-Danimarka, u x'aktarx jirriżultaw f'impatt ekonomiku llimitat,

—

mhumiex mezz ta' diskriminazzjoni arbirarja, u

—

ma jikkostitwixxux restizzjoni moħbija għall-kummerċ bejn Stati Membri.

—

għalhekk huma kompatibbli mat-Trattat

Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li jistgħu jiġu approvati,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

Id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ċerti gassijiet serra fluworinati, li r-Renju tad-Danimarka nnotifika lill-Kummissjoni permezz ta' ittra, ddatata t-2 ta' Ġunju 2006, u li huma iktar stretti mir-Regolament (KE) Nru 84/2006 fir-rigward għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti u tagħmir li fih, jew li t-tħaddim tiegħu jiddependi mil-gassijiet F, huma approvati b'dan. Ir-Renju tad-Danimarka huwa awtorizzat li jżommhom sal-31 ta' Diċembru 2012.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.

Magħmul fi Brussell, 8 ta' Diċembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Stavros DIMAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 161, 16.4.2006, p. 1.

(2)   ĠU C 228, 22.9.2006, p. 4.

(3)  Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Artikolu 95 (paragrafi 4, 5 u 6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (COM(2002) 760 finali, 23.12.2002), u b'mod partikolari l-paragrafu 13 tiegħu.

(4)   ĠU L 130, 15.5.2002, p. 1.

(5)   ĠU L 244, 29.9.2000, p. 1.