European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2024/870

6.2.2024

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Kunsiderazzjonijiet addizzjonali dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 2023”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(C/2024/870)

Relatur:

Manthos MAVROMMATIS

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

23.3.2023

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adozzjoni fis-sezzjoni

5.10.2023

Adozzjoni fil-plenarja

25.10.2023

Sessjoni plenarja Nru

582

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

117/0/0

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jirrakkomanda li l-politika monetarja tal-BĊE tibqa’ kontinwament adattata għad-data ekonomika sabiex tintlaħaq il-mira tal-inflazzjoni ta’ 2 % fuq terminu medju u fuq bażi solida, u fl-istess ħin jiġi ġestit ir-riskju ta’ ssikkar żejjed. Inevitabbilment, kwalunkwe miżura restrittiva twassal għal konsegwenzi negattivi kemm għall-unitajiet domestiċi kif ukoll għan-negozji, u dan jagħmel ħsara lis-sostenibbiltà tas-self, inaqqas l-aċċess għall-kreditu u jfixkel l-investimenti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

1.2.

Approċċ prudenzjali mill-BĊE huwa rrakkomandat b’mod speċjali fil-kuntest ekonomiku attwali, bi tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku flimkien mar-riskju ta’ reċessjoni f’diversi Stati Membri. Il-projezzjonijiet rigward l-aħjar direzzjoni ta’ politika għall-BĊE madankollu huma diffiċli ħafna, peress li qed ikun hemm bżonn li jinstab bilanċ bejn li titnaqqas l-inflazzjoni għolja persistenti u li tiġi evitata reċessjoni imminenti, filwaqt li l-inċertezza sostanzjali f’oqsma ta’ politika ewlenin għadha għolja.

1.3.

Il-KESE jappoġġja l-Proposta tal-Kummissjoni li l-pajjiżi taż-żona tal-euro jikkoordinaw il-politika fiskali tagħhom mal-politika monetarja tal-BĊE sabiex tinkiseb politika monetarja li effettivament tkun kapaċi tnaqqas l-inflazzjoni fil-qafas ta’ approċċ koerenti.

1.4.

Fir-rigward tal-enerġija, il-KESE jirrimarka l-inċertezza residwa f’termini ta’ riskji ġeopolitiċi u dawk relatati mal-provvista tal-enerġija, bi prezzijiet li jibqgħu storikament għoljin għalkemm jidhru aktar ibbilanċjati milli fil-passat. Għalhekk, l-UE għandha żżid il-progress tagħha lejn diversifikazzjoni usa’ tal-provvista tal-enerġija.

1.5.

Il-KESE jinsab imħasseb dwar l-inflazzjoni għolja, li hija mistennija li tkun 5,6 % fl-2023, u b’mod partikolari dwar l-inflazzjoni fis-settur tal-ikel, fejn il-kompetizzjoni mhux dejjem tidher vigoruża f’xi Stati Membri.

1.6.

Il-KESE josserva li t-tneħħija gradwali tal-oqfsa temporanji rigward l-għajnuna mill-Istat, diġà ppjanata mill-Kummissjoni, għandha twassal għal miżuri aktar immirati b’disinn, effiċjenza u affordabbiltà mtejba sabiex tiġi ppreservata l-konsolidazzjoni tas-suq intern, minħabba l-kapaċitajiet differenti fost l-Istati Membri li jagħtu għajnuna mill-Istat.

1.7.

Il-KESE jinnota r-Rakkomandazzjoni tal-ECOFIN dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li tiddikjara li, fil-kuntest attwali, “espansjoni fiskali wiesgħa biex tappoġġa d-domanda tkompli żżid il-pressjoni inflazzjonarja”. Il-politiki fiskali għandhom għalhekk ikunu divrenzjati b’mod adegwat madwar l-Istati Membri, minħabba s-sitwazzjonijiet differenti tal-finanzi pubbliċi tagħhom.

1.8.

Il-KESE jindika li hemm bżonn ta’ miżuri fiskali mmirati biex jiġu appoġġjati l-persuni u l-kumpaniji vulnerabbli, b’mod partikolari mill-perspettiva li jinżammu l-impjiegi u l-kapital uman, u fl-istess ħin jiġu ppreservati s-sinjali tal-prezzijiet u jiġu pprovduti inċentivi biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija. Għandhom jiġu appoġġjati wkoll b’mod adatt livelli suffiċjenti ta’ investiment fir-riċerka, fl-iżvilupp u fl-innovazzjoni biex iżidu l-produttività u biex jixprunaw it-tkabbir tal-ekonomija reali, kif ukoll biex tinżamm il-kompetittività.

1.9.

Il-KESE jilqa’ l-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni għar-riforma tal-governanza ekonomika tal-UE għall-ewwel darba mill-kriżijiet finanzjarji, u josserva li, biex il-qafas riformat ikun ta’ suċċess, is-sjieda tal-proċess mill-Istati Membri u l-effettività tar-regoli l-ġodda ser ikunu deċiżivi.

1.10.

Il-KESE jilqa’ r-reżiljenza relattiva tas-suq tax-xogħol murija mill-aktar data reċenti, minkejja li l-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa sinifikanti f’diversi Stati Membri u l-pagi reali qed jiffaċċjaw pressjoni serja. Kif innotat mill-BĊE, fis-suq tax-xogħol restrittiv attwali, il-pagi nominali għandhom jogħlew sabiex il-pagi reali jirkupraw parti mill-kapaċità tal-akkwist tagħhom.

1.11.

Fid-dawl tal-inflazzjoni persistenti u tal-effetti negattivi tagħha fuq il-pagi reali, il-KESE jemmen li l-imsieħba soċjali u l-gvernijiet għandhom jinnegozjaw u jaqblu dwar patti nazzjonali dwar l-introjtu biex titnaqqas l-inflazzjoni mingħajr ma jiddgħajfu l-investiment u t-tkabbir, u li dawn il-patti għandhom ikunu akkumpanjati minn miżuri mmirati li jappoġġjaw lis-sezzjonijiet vunerabbli tal-popolazzjoni.

1.12.

Il-KESE jemmen li l-implimentazzjoni effiċjenti tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ser tibqa’ kruċjali fil-perjodu li fadal, u jappella għal valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt tal-proġetti ffinanzjati biex jiġi żgurat li dawn jallinjaw mal-għanijiet fit-tul u li fil-fatt ikunu jistgħu jikkontribwixxu għall-irkupru u r-reżiljenza.

1.13.

Barra minn hekk, il-KESE jħeġġeġ kemm lill-BĊE kif ukoll lill-gvernijiet nazzjonali biex jintroduċu miżuri ta’ appoġġ alternattivi u inizjattivi adatti, minbarra l-bidliet fir-rati tal-imgħax, biex l-inflazzjoni titqiegħed fit-triq tan-niżla malajr kemm jista’ jkun, b’mod speċjali meta jitqies li xi wħud mill-ixprunaturi ewlenin tal-inflazzjoni huma distorsjonijiet u interruzzjonijiet sinifikanti min-naħa tal-provvista.

1.14.

Il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-istat tal-ekonomija taż-żona tal-euro wara ż-żidiet fir-rati tal-imgħax tal-BĊE f’Settembru, u jirrimarka li, abbażi tal-elementi fundamentali ekonomiċi attwali, għandhom jiġu evitati aktar żidiet. L-isfida għal dawk kollha li jfasslu l-politika issa ssir li jiddeterminaw kemm malajr se jkun possibbli li r-rati tal-imgħax jitqiegħdu fit-triq tan-niżla.

2.   Kuntest u sfond

2.1.

L-ekonomija Ewropea qed tikber b’mod moderat. Prezzijiet tal-enerġija aktar baxxi (ħlief fil-każ taż-żejt), tnaqqis fir-restrizzjonijiet fil-katina tal-provvista u suq tax-xogħol b’saħħtu tabilħaqq appoġġjaw tkabbir moderat matul l-ewwel kwart tal-2023, u b’hekk ġiet evitata reċessjoni. Madankollu, iċ-ċansijiet ta’ reċessjoni jidhru li żdiedu, meta wieħed iħares lejn l-aktar data ekonomika reċenti.

2.2.

Abbażi tat-Tbassir Ekonomiku tas-Sajf tal-Kummissjoni Ewropea, il-prospettiva tat-tkabbir għall-ekonomija tal-UE ġiet riveduta ’l isfel għal 0,8 % fl-2023 (1,0 % fit-Tbassir Interim tar-Rebbiegħa) u 1,4 % fl-2024 (1,7 % fir-rebbiegħa). Ix-xejriet ’l isfel huma simili għaż-żona tal-euro, bit-tkabbir tal-PDG issa mistenni li jkun 0,8 % u 1,3 % rispettivament fl-2023 u l-2024.

2.3.

L-inflazzjoni hija mistennija tkompli tonqos matul il-perjodu tat-tbassir, b’valuri mistennija ta’ 5,6 % fl-2023 u 2,9 % fl-2024 fiż-żona tal-euro, li teħtieġ azzjoni adegwata mill-BĊE f’termini ta’ politika monetarja. Peress li l-inflazzjoni għadha għolja, li tqajjem tħassib speċjalment fir-rigward tas-settur tal-ikel fejn il-kompetizzjoni mhux dejjem tidher vigoruża f’xi Stati Membri, huwa mistenni li l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament jsiru aktar ristrettivi. Barra minn hekk, għalkemm il-BĊE u banek ċentrali oħra huma mistennija li dalwaqt joqorbu lejn tmiem iċ-ċiklu taż-żieda fir-rata tal-interessi, it-taqlib reċenti fis-settur finanzjarju fl-Istati Uniti u fl-Iżvizzera x’aktarx li ser iħalli impatt kemm fuq l-ispejjeż kif ukoll fuq il-faċilità tal-aċċess għall-kreditu.

2.4.

L-impatt negattiv tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq il-kontijiet tal-enerġija madwar l-UE wera li kien inqas ta’ tfixkil milli kien previst inizjalment, minħabba xitwa moderata flimkien ma’ diversifikazzjoni rapida tal-provvista tal-enerġija u tnaqqis imdaqqas fil-konsum tal-gass, li wassal għal prezzijiet aktar baxxi.

2.5.

Kif ġie indikat qabel mit-Tbassir Ekonomiku tar-Rebbiegħa tal-Kummissjoni, tkabbir nominali b’saħħtu u t-tneħħija ta’ miżuri residwi relatati mal-pandemija wasslu biex id-defiċit aggregat tal-gvern tal-UE jinżel għal 3,4 % tal-PDG fl-2022, għalkemm it-tneħħija gradwali ta’ programmi bħal dawn kellha impatt speċifiku fuq is-sezzjonijiet l-aktar dgħajfa tal-popolazzjoni.

2.6.

Suq tax-xogħol dinamiku qed jikkontribwixxi għar-reżiljenza tal-ekonomija tal-UE, fejn f’Marzu 2023, ir-rata tal-qgħad fl-UE niżlet għal minimu storiku ta’ 6,0 %, u ma’ dan jingħaqdu rati ta’ parteċipazzjoni u ta’ impjieg għoljin. Fl-istess ħin, madankollu, in-nuqqasijiet huma persistenti, b’mod speċjali fir-rigward ta’ ħaddiema b’ħiliet għolja. Minkejja dan, il-qgħad fost iż-żgħażagħ għadu sinifikanti f’diversi Stati Membri u l-pagi reali qed jiffaċċjaw ċerta pressjoni serja minħabba inflazzjoni għolja.

2.7.

Il-previżjonijiet jindikaw li s-suq tax-xogħol tal-UE ser jirreaġixxi b’mod moderat għall-pass aktar kajman tal-espansjoni ekonomika. It-tkabbir tal-impjiegi huwa mbassar li jkun ta’ 0,5 % din is-sena, qabel ma jinżel għal 0,4 % fl-2024. Ir-rata tal-qgħad hija projettata li tibqa’ ftit aktar minn 6 %.

2.8.

Fl-Opinjoni reċenti tiegħu (1), il-KESE ħa pożizzjoni dwar il-politika ekonomika li għandha tiġi implimentata fiż-żona tal-euro. Din l-Opinjoni tibni fuq dik preċedenti, u taġġorna l-pożizzjoni tal-KESE abbażi tal-aħħar żviluppi u data.

3.   Kummenti ġenerali u speċifiċi

3.1.

Il-KESE jinnota li, matul il-laqgħa tiegħu ta’ Settembru, il-BĊE għolla r-rata tal-imgħax fuq id-depożitu b’25 punt bażi għal 4 %, u din laħqet l-ogħla livell li qatt kien hemm. Il-BĊE, li diġà kien naqqas il-previżjonijiet ta’ tkabbir għat-tliet snin li ġejjin wara l-laqgħa tiegħu ta’ Lulju, wissa li l-Kunsill Governattiv tiegħu huwa determinat li jiżgura li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tiegħu fuq perjodu medju ta’ 2 % b’mod li jkun f’waqtu.

3.2.

Peress li r-rati jistgħu jkunu ogħla milli mistenni għal perjodu itwal minħabba l-persistenza tal-inflazzjoni, il-KESE jirrakkomanda li l-politika monetarja tibqa’ kontinwament adattata għad-data ekonomika biex tintlaħaq il-mira tal-inflazzjoni tal-BĊE ta’ 2 % fuq bażi solida u fl-istess ħin jiġi ġestit ir-riskju ta’ miżuri eċċessivament restrittivi. Miżuri restrittivi jistgħu tabilħaqq jirriżultaw f’konsegwenzi negattivi kemm għall-unitajiet domestiċi kif ukoll għan-negozji, u dan jagħmel ħsara lis-sostenibbiltà tas-self (aktar self li ma jrendix (NPLs)), inaqqas l-aċċess għall-kreditu (b’mod partikolari għall-SMEs) u jfixkel l-investimenti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

3.3.

Approċċ prudenzjali huwa rrakkomandat b’mod speċjali fil-kuntest ekonomiku attwali, bi tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku flimkien mar-riskju ta’ reċessjoni f’diversi Stati Membri. Madankollu, il-projezzjonijiet rigward l-aħjar direzzjoni ta’ politika għall-BĊE huma diffiċli ħafna, peress li qed ikun hemm bżonn li jinstab bilanċ bejn li titnaqqas l-inflazzjoni għolja persistenti u li tiġi evitata reċessjoni imminenti, filwaqt li l-inċertezza sostanzjali f’oqsma ta’ politika ewlenin għadha għolja.

3.4.

Kif iddikjarat fl-Opinjonijiet preċedenti tiegħu (2), il-KESE jappoġġja l-Proposta tal-Kummissjoni mmirata biex il-pajjiżi taż-żona tal-euro jikkoordinaw il-politika fiskali tagħhom mal-politika monetarja tal-BĊE. Il-koordinazzjoni f’dan ir-rigward hija importanti sabiex tiġi appoġġjata politika monetarja li tkun kapaċi tnaqqas l-inflazzjoni b’mod effettiv fi ħdan approċċ koerenti, b’mod speċjali meta jitqies li l-inflazzjoni attwali hija dovuta b’mod parzjali għal distorsjonijiet u interruzzjonijiet sinifikanti min-naħa tal-provvista.

3.5.

Fir-rigward tal-prezzijiet tal-enerġija, il-KESE jenfasizza l-inċertezza residwa f’termini ta’ riskji ġeopolitiċi u dawk relatati mal-provvista tal-enerġija, bi prezzijiet li jibqgħu storikament għoljin għalkemm jidhru aktar ibbilanċjati milli fil-passat. Għalhekk, l-UE għandha tintensifika t-triq tagħha lejn diversifikazzjoni usa’ tal-provvista tal-enerġija u dipendenza mnaqqsa mill-fjuwils fossili importati fil-kuntest tal-proċess ta’ tranżizzjoni ekoloġika li diġà twettaq.

3.6.

Il-KESE josserva li l-Kummissjoni llaxkat ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat permezz tal-Qafas Temporanju ta’ Kriżi u Tranżizzjoni sabiex jiġu ffaċċjati, fost affarijiet oħra, iż-żidiet fil-prezzijiet fis-settur tal-enerġija wara l-invażjoni tal-Ukrajna. Miżuri bħal dawn setgħu jappoġġjaw b’mod adatt lill-intrapriżi u b’mod partikolari lill-SMEs fi żminijiet ta’ sfida. Madankollu, ta’ min jinnota li l-kapaċità tal-Istati Membri li jagħtu għajnuna mill-Istat tvarja b’mod sinifikanti u wriet li hija differenzjata f’dawn l-aħħar snin, bi preġudizzju possibbli għall-konsolidazzjoni tas-suq intern, peress li xi Stati Membri għandhom aktar riżorsi finanzjarji u aktar kapaċità biex jużaw dawn ir-riżorsi minn oħrajn. Għalhekk, it-tneħħija gradwali tal-Qafas Temporanju, diġà ppjanata mill-Kummissjoni, għandha twassal għal miżuri aktar immirati b’disinn, effiċjenza u affordabbiltà mtejba.

3.7.

Il-KESE jinnota r-Rakkomandazzjoni tal-ECOFIN dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (3), li tiddikjara li, fis-sitwazzjoni attwali, “espansjoni fiskali wiesgħa biex tappoġġa d-domanda tkompli żżid il-pressjoni inflazzjonarja”. Il-politiki fiskali għandhom għalhekk ikunu divrenzjati b’mod adegwat madwar l-Istati Membri, minħabba s-sitwazzjonijiet differenti tal-finanzi pubbliċi tagħhom. F’dan ir-rigward, konsolidazzjoni fiskali responsabbli se tappoġġja l-politika monetarja, li tippermetti lill-BĊE jaċċellera l-proċess tat-tnaqqis tar-rati tal-imgħax.

3.8.

Fl-istess ħin, hemm bżonn ta’ miżuri fiskali mmirati u temporanji biex jiġu appoġġjati l-persuni u l-kumpaniji vulnerabbli, b’mod partikolari mill-perspettiva li jinżammu l-impjiegi u l-kapital uman, u fl-istess ħin jiġu ppreservati s-sinjali tal-prezzijiet u jiġu pprovduti inċentivi biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija. Għandhom jiġu appoġġjati wkoll kif dovut livelli adatti ta’ investiment fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni biex jixprunaw it-tkabbir tal-ekonomija reali, iżidu l-produttività u tinżamm il-kompetittività. Il-koordinazzjoni mill-qrib tar-reazzjonijiet ta’ politika bejn l-Istati Membri hija kruċjali f’dan ir-rigward.

3.9.

Il-KESE jilqa’ l-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni (4) għar-riforma tal-governanza ekonomika tal-UE għall-ewwel darba mill-kriżi finanzjarja ’l hawn. Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jsaħħu s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u jippromovu t-tkabbir sostenibbli u inklużiv fl-Istati Membri kollha permezz ta’ riformi u investimenti. Il-KESE josserva li, biex il-qafas riformat ikun ta’ suċċess, is-sjieda tal-proċess u impenn mill-Istati Membri u l-effettività tar-regoli l-ġodda ser ikunu deċiżivi.

3.10.

Il-KESE jirrikonoxxi l-pjan tal-Kummissjoni li żżomm il-valuri ta’ referenza li jikkonċernaw il-proporzjon tad-defiċit/PDG għal 3 % u l-proporzjon tad-dejn/PDG għal 60 %, iżda jenfasizza li l-pjani strutturali fiskali jeħtieġ li jiżguraw li l-proporzjonijiet tad-dejn għall-PDG jibdew jonqsu jew jibqgħu f’livelli prudenti. Il-Kumitat jappoġġja l-enfasi tal-Kummissjoni fuq in-nefqa primarja netta bħala l-parametru ewlieni ta’ evalwazzjoni tal-governanza ekonomika l-ġdida (5). Fl-istess ħin, il-KESE huwa mħasseb li l-investiment pubbliku jista’ jkun ristrett wisq fil-qafas il-ġdid. Għalhekk, il-KESE jappella għall-possibbiltà li tingħata prijorità lill-investimenti pubbliċi mmirati lejn it-tħeġġiġ tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, kif ukoll fil-qasam tad-difiża.

3.11.

Il-pożizzjoni tal-KESE dwar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-governanza ekonomika hija riflessa fl-Opinjoni ddedikata tiegħu (6), li tilqa’ l-istabbiliment ta’ perkorsi nazzjonali differenzjati biex jiġu żgurati finanzi pubbliċi sostenibbli permezz ta’ pjani fiskali u strutturali bbażati fuq kompromessi nnegozjati bejn l-awtoritajiet Ewropej u dawk nazzjonali. Il-KESE jqis li s-sjieda nazzjonali ta’ dawn l-impenji, bħala parti minn fehim aktar demokratiku tal-governanza ekonomika tal-UE, teħtieġ involviment akbar tal-parlamenti nazzjonali u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fi proċessi ta’ konsultazzjoni formali.

3.12.

Il-KESE jilqa’ r-reżiljenza relattiva tas-suq tax-xogħol murija mill-aktar data reċenti, u fl-istess ħin jenfasizza t-tħassib tiegħu dwar id-diffikultajiet mifruxa li n-negozji qed jiffaċċjaw biex jimpjegaw ħaddiema tas-sengħa (7). F’dan ir-rigward, il-KESE jenfasizza l-importanza kritika li jiġu implimentati malajr ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-Rapport dwar l-impjiegi u l-iżviluppi soċjali fl-Ewropa dwar Nindirizzaw in-nuqqas ta’ ħaddiema u d-diskrepanzi fil-ħiliet fl-UE (8).

3.13.

Fid-dawl tal-inflazzjoni persistenti u tal-effetti negattivi tagħha fuq il-pagi reali, il-KESE jemmen li l-imsieħba soċjali u l-gvernijiet għandhom jinnegozjaw u jaqblu dwar patti nazzjonali dwar l-introjtu biex titnaqqas l-inflazzjoni mingħajr ma jiddgħajfu l-investiment u t-tkabbir, u li dawn il-patti għandhom ikunu akkumpanjati minn miżuri mmirati li jappoġġjaw lis-sezzjonijiet vunerabbli tal-popolazzjoni (9).

3.14.

Kif ġie nnotat qabel (10), huwa rrakkomandat ħafna li d-Direttiva dwar pagi minimi tiġi implimentata malajr fl-Istati Membri kollha, biex jinkiseb suq tax-xogħol kapaċi jkun kemm b’saħħtu kif ukoll ġust, u fl-istess ħin tinżamm il-kapaċità tal-akkwist tal-pagi fi żminijiet diffiċli ta’ inflazzjoni għolja. Azzjonijiet effettivi u mmirati mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva jsiru kruċjali f’dan ir-rigward u jistgħu jwasslu għal aktar konverġenza madwar l-UE.

3.15.

Il-KESE jemmen li l-kriżi bankarja reċenti fl-Istati Uniti u l-każ ta’ Credit Suisse fl-Ewropa jenfasizzaw l-importanza li tittieħed azzjoni rapida fit-trażżin tar-riskju ta’ kontaġju u t-telf ta’ fiduċja mill-investituri u d-depożitanti f’każ ta’ kriżijiet bankarji. Tfaċċat ukoll il-ħtieġa għal flessibbiltà biex jinstabu soluzzjonijiet fuq bażi ta’ każ b’każ. Il-KESE, kif indikat fl-Opinjoni preċedenti tiegħu (11), għalhekk japprezza l-inizjattiva komprensiva reċenti tal-Kummissjoni biex jitlesta l-qafas legali dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji u l-assigurazzjoni tad-depożiti (CMDI), peress li l-avvanz tal-Unjoni Bankarja huwa pass ewlieni biex jissaħħaħ is-suq uniku Ewropew fl-interess tal-kontribwenti u n-negozji. Madankollu, xi tħassib serju jirriżulta min-nuqqas ta’ superviżjoni tal-BĊE ta’ partijiet sinifikanti tas-sistema bankarja tal-UE, li jista’ tal-anqas jiġi indirizzat parzjalment permezz ta’ approvazzjoni u implimentazzjoni rapidi tal-qafas legali tas-CMDI.

3.16.

L-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tinsab fi stadju avvanzat u huwa kruċjali li l-Istati Membri jużaw b’mod effettiv il-fondi disponibbli biex itejbu l-ekonomiji tagħhom għall-isfidi futuri. L-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza hija kruċjali għall-perjodu li jifdal, u ser ikun hemm bżonn ta’ valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt tal-proġetti ffinanzjati biex jiġi żgurat li dawn jallinjaw mal-għanijiet fit-tul u li fil-fatt ikunu jistgħu jikkontribwixxu għall-irkupru u r-reżiljenza.

3.17.

Il-KESE jilqa’ l-isforz konġunt tal-BĊE u tal-Kummissjoni lejn l-euro diġitali, li wassal biex jiġi ppubblikat il-pakkett dwar l-euro diġitali fit-28 ta’ Ġunju 2023 (12). Għan ambizzjuż u ta’ sfida bħall-euro diġitali jista’ jippermetti li tiġi modernizzata l-munita komuni f’konformità mal-iżviluppi teknoloġiċi, u dan iġib benefiċċji potenzjali għaċ-ċittadini u n-negozji madwar l-UE.

3.18.

L-ekonomija Ewropea qed tiffaċċja ħafna sfidi relatati mat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku globali attwali, il-livelli għoljin ta’ dejn pubbliku f’xi pajjiżi, l-inflazzjoni għolja, u t-tibdil fil-klima. F’dan il-kuntest, il-KESE jinnota li huma meħtieġa sforzi kkoordinati minn dawk kollha li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-involviment tal-partijiet interessati rilevanti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-politiki ekonomiċi.

4.   L-aħħar żviluppi

4.1.

Fl-14 ta’ Settembru, il-BĊE żied ir-rati tal-imgħax ta’ referenza tiegħu għall-għaxar darba b’25 punt, bir-rata ta’ depożitu ewlenija tiegħu tilħaq l-4 %, l-ogħla li qatt kien fl-istorja tagħha. Il-BĊE indika wkoll li din iż-żieda tista’ tkun l-aħħar waħda. Il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-istat tal-ekonomija taż-żona tal-euro, peress li din l-aħħar żieda, flimkien ma’ dawk preċedenti, diġà qed tagħmel ħsara u se tkompli tagħmel ħsara lill-prospetti dgħajfa tat-tkabbir fiż-żona tal-euro, u possibbilment twassal għal staġflazzjoni fl-agħar xenarju possibbli.

4.2.

Il-KESE jinnota bi tħassib li għaxar żidiet konsekuttivi fir-rati diġà kkawżaw reċessjoni f’xi Stati Membri u jistgħu malajr iwasslu aktar Stati Membri u saħansitra ż-żona tal-euro kollha f’reċessjoni.

4.3.

Il-KESE jittama li l-indikazzjoni mill-President tal-BĊE li r-rati tal-imgħax setgħu laħqu l-ogħla livell tagħhom tkun korretta. Min-naħa l-oħra, huwa jesprimi t-tħassib tiegħu, peress li r-rati tal-imgħax jistgħu jibqgħu għoljin għal perjodu twil ta’ żmien sabiex tiġi miġġielda b’suċċess l-inflazzjoni. L-isfida reali għal dawk kollha li jfasslu l-politika hija li jiddeterminaw kemm malajr se jkun possibbli li r-rati tal-imgħax jitqiegħdu fit-triq tan-niżla biex jiġi evitat li jiġu aggravati l-pressjonijiet attwali fuq l-ekonomija.

4.4.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-prospetti tal-inflazzjoni għadhom għoljin u jeħtieġ li jiġu indirizzati malajr kemm jista’ jkun qabel ma finalment ikunu jistgħu jitnaqqsu r-rati fi żmien qasir biex jiġu ppreservati kemm in-negozji kif ukoll l-unitajiet domestiċi. Barra minn hekk, huwa jħeġġeġ kemm lill-BĊE kif ukoll lill-gvernijiet nazzjonali biex jintroduċu miżuri ta’ appoġġ alternattivi u inizjattivi adatti, minbarra l-bidliet fir-rati tal-imgħax, biex l-inflazzjoni titqiegħed fit-triq tan-niżla fil-futur qrib, b’mod speċjali meta jitqies li xi wħud mill-ixprunaturi ewlenin tal-inflazzjoni huma riġiditajiet, distorsjonijiet u interruzzjonijiet sinifikanti min-naħa tal-provvista.

4.5.

Fl-aħħar nett, il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-istat tal-ekonomija taż-żona tal-euro wara ż-żidiet fir-rati tal-imgħax tal-BĊE f’Settembru, u jirrimarka li, abbażi tal-elementi fundamentali ekonomiċi attwali, għandhom jiġu evitati aktar żidiet.

Brussell, il-25 ta’ Ottubru 2023.

Oliver RÖPKE

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro” (COM(2022) 782 final) (ĠU C 140, 21.4.2023, p. 58).

(2)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro” (COM(2022) 782 final) (ĠU C 140, 21.4.2023, p. 58).

(3)  Rakkomandazzjoni tal-2023 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, 6.1.2023.

(4)  Regoli ġodda ta’ governanza ekonomika adatti għall-futur.

(5)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Komunikazzjoni dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE” (COM(2022) 583 final (ĠU C 146, 27.4.2023, p. 53).

(6)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97” (COM(2023) 240 final — 2023/0138 (COD)), “Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv” (COM(2023) 241 final — 2023/0137 (CNS)) “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri” (COM(2023) 242 final — 2023/0136 (NLE)) (ĠU C, C/2023/880, 8.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/880/oj)

(7)  Survey on the Access to Finance of Enterprises (SAFE) (Stħarriġ dwar l-aċċess għall-finanzi tal-intrapriżi (SAFE)) (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  Commission report finds labour and skills shortages persist and looks at possible ways to tackle them (Rapport tal-Kummissjoni juri li għad hemm nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet u jħares lejn modi possibbli biex dawn jiġu indirizzati) (mhux disponibbli bil-Malti)

(9)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewopew dwar kunsiderazzjonijiet addizzjonali dwar l-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir sostenibbli 2023 (ĠU C, C/2024/871, 6.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/871/oj).

(10)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro” (COM(2022) 782 final) (ĠU C 140, 21.4.2023, p. 58).

(11)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-rieżami tal-qafas tal-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji u l-assigurazzjoni ta’ depożitu li jikkontribwixxi għat-tlestija tal-Unjoni Bankarja” (COM(2023) 225 final) dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 fir-rigward ta’ miżuri ta’ intervent bikri, kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni u l-finanzjament ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni” (COM(2023) 226 final — 2023/0111 (COD)) dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-miżuri ta’ intervent bikri, il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni u l-finanzjament ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni” (COM(2023) 227 final — 2023/0112 (COD)) dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/59/UE u r-Regolament (UE) Nru 806/2014 fir-rigward ta’ ċerti aspetti tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli” (COM(2023) 229 final — 2023/0113 (COD) (ĠU C 349, 29.9.2023, p. 161).

(12)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Euro diġitali u l-firxa u l-effetti tal-valuta legali tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro” (ĠU C, C/2023/860, 8.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/860/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/870/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)