|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2362 |
10.10.2024 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2024/2362 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-11 ta’ April 2024
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin (issa l-Impriża Konġunta taċ-Ċipep) għas-sena finanzjarja 2022
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin għas-sena finanzjarja 2022, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0101/2024), |
|
A. |
billi l-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin (l-“Impriża Konġunta KDT”), li tinsab fi Brussell, ġiet stabbilita f’Novembru 2021 għall-perjodu li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2031 fl-ambitu tal-programm Orizzont Ewropa bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 (1); |
|
B. |
billi l-Impriża Konġunta KDT ssostitwiet u ssuċċediet l-Impriża Konġunta Komponenti u Sistemi Elettroniċi għal Tmexxija Ewropea (l-Impriża Konġunta ECSEL) li ġiet stabbilita f’Mejju 2014 fil-qafas tal-programm Orizzont 2014 bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 561/2014 (2), għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2024; billi, fis-26 ta’ Ġunju 2014, l-Impriża Konġunta ECSEL issostitwiet u ssuċċediet il-Kunsill Konsultattiv Ewropew dwar l-Inizjattiva fin-Nanoelettronika u l-Impriża Konġunta għar-Riċerka u t-Teknoloġija Avvanzati għal Sistemi Intelliġenti Inkorporati; |
|
C. |
billi l-Impriża Konġunta KDT hija sħubija pubblika-privata li tiffoka fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni f’teknoloġiji diġitali ewlenin essenzjali għat-tmexxija kompetittiva tal-Ewropa fl-ekonomija diġitali, b’mod partikolari, fis-settur tal-komponenti u s-sistemi elettroniċi; |
|
D. |
billi l-membri fundaturi tagħha huma l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, l-Istati Parteċipanti, u tliet assoċjazzjonijiet tal-industrija, jiġifieri l-Assoċjazzjoni Ewropea dwar l-Integrazzjoni tas-Sistema Intelliġenti, l-Assoċjazzjoni għall-Attivitajiet Elettroniċi Nano Ewropej, u l-Assoċjazzjoni tal-Industrija Interna, li jirrappreżentaw lill-partijiet ikkonċernati fil-mikroelettronika u n-nanoelettronika, is-sistemi intelliġenti integrati u s-sistemi inkorporati jew ċiberfiżiċi; |
|
E. |
billi f’Lulju 2023 skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/1782 (3) l-Impriża Konġunta KDT ġiet ittrasformata fl-Impriża Konġunta taċ-Ċipep; billi skont l-emenda, il-mandat imsaħħaħ tal-Impriża Konġunta taċ-Ċipep huwa li trawwem l-iżvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi tas-semikondutturi tal-ġenerazzjoni li jmiss u ssaħħaħ il-kapaċità Ewropea tal-produzzjoni taċ-ċipep fil-qafas tal-“Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa”; billi l-kontribuzzjonijiet tal-Unjoni għall-Impriża Konġunta KDT se jiżdiedu minn EUR 1,8 biljun għal EUR 4,2 biljun, fejn EUR 2,7 biljun għandhom jiġu ffinanzjati mill-programm Orizzont Ewropa, u EUR 1,5 biljun mill-programm Ewropa Diġitali; |
|
F. |
billi, biex tiżdied it-trasparenza, l-Impriża Konġunta KDT għandha tiddivulga, fil-kontijiet annwali tagħha, informazzjoni rilevanti rigward il-kontribuzzjonijiet tal-membri fil-livell tal-programm; billi, għal kull programm li fil-qafas tiegħu jkunu joperaw, l-Impriża Konġunta KDT għandha tippreżenta, għal kull kategorija ta’ membri sa tmiem is-sena, l-informazzjoni rilevanti kollha, inklużi l-miri tal-kontribuzzjonijiet legali li jiġu stabbiliti għall-programm rispettiv, il-volum ta’ kontribuzzjonijiet li jiġu riċevuti, u l-volum ta’ impenji legali; billi l-Impriża Konġunta KDT għandha tkompli ttejjeb it-trasparenza; |
Ġenerali
|
1. |
Jinnota li l-bidliet fid-daqs tal-baġit tal-Impriża Konġunta KDT fil-biċċa l-kbira jiddependu mill-fażi ta’ implimentazzjoni tal-programmi pluriennali ta’ riċerka u innovazzjoni, li l-Impriża Konġunta KDT qed timplimenta; |
|
2. |
Jilqa’ l-kontribut tal-Impriża Konġunta KDT għat-tisħiħ tal-awtonomija strateġika tal-UE fis-settur tal-komponenti u s-sistemi elettroniċi; |
|
3. |
Jinnota li, fi tmiem l-2021, l-Impriża Konġunta KDT kienet diġà bdiet tniedi l-ewwel sejħiet fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa; jinnota wkoll li l-baġit tal-2022 jinkludi l-baġit għall-impenji għas-sejħiet fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa ppjanati għall-2022, u l-baġit għall-pagamenti għal dak li jirrigwarda l-pagamenti ta’ prefinanzjament relatati; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
4. |
Jinnota mir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (“ir-rapport tal-Qorti”) li l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta KDT jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta fil-31 ta’ Diċembru 2022, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi ta’ flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, f’konformità mar-regolament finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni; jinnota, barra minn hekk, li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi għall-kontijiet huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha; |
|
5. |
Jinnota, fl-2022, li l-approprjazzjonijiet totali disponibbli laħqu EUR 261,4 miljun għall-impenji (meta mqabbla ma’ EUR 214,0 fl-2021) u EUR 222,2 miljun għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament (meta mqabbla ma’ EUR 199,3 fl-2021) (4); jinnota wkoll li l-implimentazzjoni tal-baġit laħqet 100 % f’termini ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn u 55 % f’termini ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament; |
|
6. |
Jinnota li fil-kontijiet annwali tagħha għall-2022, l-Impriża Konġunta KDT ma ddivulgatx informazzjoni importanti rigward il-kontribuzzjonijiet tal-membri fil-livell tal-programm, li kienet rilevanti għall-komunikazzjoni kompleta tal-kisbiet tal-Impriża Konġunta KDT fi tmiem is-sena; jinnota, b’mod partikolari, li l-Impriża Konġunta KDT ma qabblitx il-kontribuzzjonijiet li ġew riċevuti minn kull kategorija ta’ membri sa tmiem is-sena fil-qafas ta’ kull programm mal-miri tal-kontribuzzjonijiet legali stabbiliti għall-programm rispettiv; jinnota, barra minn hekk, li f’dawn il-kontijiet, l-Impriża Konġunta KDT ma ddivulgatx il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Parteċipanti lill-Impriża Konġunta KDT (5); jistieden lill-Impriża Konġunta KDT tindirizza dawn il-kwistjonijiet u jilqa’ l-impenn tagħha li tipprovdi informazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tat-tqabbil tal-miri legali tal-programmi rispettivi; |
|
7. |
Jinnota li l-biċċa l-kbira tal-kontribuzzjonijiet in natura tal-membri privati tal-Impriża Konġunta KDT għad iridu jiġu vvalidati (EUR 1 172,5 miljun); |
|
8. |
Jinnota li, fi tmiem l-2022, l-Impriża Konġunta KDT kienet impenjat b’mod komplut il-kontribuzzjoni operattiva massima tal-Unjoni ta’ EUR 1 169,7 miljun għal ftehimiet ta’ għotja ffirmati fil-qafas tal-programm Orizzont 2020 u li, minn dan l-ammont impenjat, madwar EUR 139,2 miljun (jew 11,9 %) għad iridu jitħallsu fis-snin li ġejjin għal proġetti li għad iridu jitlestew; |
|
9. |
Jinnota li, fi tmiem l-2022, l-Impriża Konġunta KDT stmat li l-kontribuzzjonijiet in natura potenzjali finali tal-membri privati għall-attivitajiet operattivi fil-qafas ta’ Orizzont 2020 ammontaw għal EUR 1 579 miljun jew 97,6 % tal-mira minima ta’ EUR 1 617,5-il miljun; jinnota li l-Impriża Konġunta KDT tista’ tikkalkula u tivvalida l-kontribuzzjonijiet in natura tal-membri privati biss ladarba jkunu saru l-pagamenti kollha kemm mill-Impriża Konġunta KDT kif ukoll mill-Istati Parteċipanti u jkunu ġew riċevuti ċ-ċertifikati kollha ta’ tmiem il-proġett u ċ-ċertifikati relatati kollha tar-rapporti finanzjarji; jinnota li, f’dan il-kuntest u minħabba li fi tmiem l-2022 kien ġie ffinalizzat biss għadd limitat ta’ proġetti fil-qafas ta’ Orizzont 2020, il-kontribuzzjonijiet in natura vvalidati tal-industrija ammontaw għal EUR 406,5 miljun (jew 25 %) tal-mira; |
|
10. |
Jinnota li, abbażi tad-deċiżjonijiet ta’ finanzjament tal-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi tal-Impriża Konġunta KDT għas-sejħiet għal proposti mill-2014 sal-2020, il-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”) stmat li, fi tmiem l-2022, l-Istati Parteċipanti ffirmaw impenji kuntrattwali li ammontaw għal EUR 1 106,2 miljun (jew 95 %) tal-mira u li minn dan l-ammont, huma ddikjaraw kontribuzzjonijiet finanzjarji totali ta’ EUR 495,3 miljun, li ħallsu direttament lill-benefiċjarji nazzjonali tal-proġetti ta’ Orizzont 2020 li appoġġjaw; jinnota li d-differenza tirriżulta minħabba li l-Istati Parteċipanti jirrikonoxxu u jirrappurtaw biss l-ispejjeż tagħhom lill-Impriża Konġunta KDT mal-ikkompletar tal-proġetti fil-qafas ta’ Orizzont 2020 li huma jappoġġjaw; |
|
11. |
Jinnota li l-implimentazzjoni tal-pagamenti tal-baġit tal-2022 għall-attivitajiet fil-qafas ta’ Orizzont 2020 marret għall-agħar hekk kif il-benefiċjarji ffaċċjaw spejjeż li kienu qed jiżdiedu u problemi ta’ konsenja; |
|
12. |
Jinnota li, għall-attivitajiet fil-qafas ta’ Orizzont 2020, l-Impriża Konġunta KDT ma rċeviet l-ebda approprjazzjoni ta’ impenn operattiva ġdida, billi l-Impriża Konġunta KDT kienet spiċċat l-aħħar sejħa għal proposti tagħha sa tmiem l-2020; jinnota li r-rata ta’ implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament operattivi naqset għal 74 % (meta mqabbla ma’ 85 % fl-2021), li, skont l-Impriża Konġunta KDT, kienet dovuta għall-problemi li l-benefiċjarji ffaċċjaw minħabba l-COVID-19; jinnota, barra minn hekk, li għal għadd konsiderevoli ta’ proġetti ta’ Orizzont 2020 li għaddejjin bħalissa, l-attivitajiet tekniċi ġew imdewma jew minħabba nuqqas ta’ materjali taċ-ċipep jew minħabba li l-persunal ma setax jaċċessa l-faċilitajiet tal-iżvilupp u tal-ittestjar u għalhekk, dawn il-proġetti kellhom jiġu emendati jew estiżi u l-pagamenti finali kellhom jiġu posposti għall-2023; |
|
13. |
Itenni l-osservazzjoni tal-Qorti li l-Impriża Konġunta KDT għandha tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni bi żmien skedat biex tiġi finalizzata l-implimentazzjoni ta’ proġetti approvati fl-ambitu tal-Oqfsa Finanzjarji Pluriennali (QFP) preċedenti; |
|
14. |
Jinnota li, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-programmi ta’ Orizzont Ewropa, fl-aħħar tal-2022, il-Kummissjoni għamlet kontribuzzjonijiet fi flus ta’ EUR 171,1 miljun, li minnhom l-Impriża Konġunta KDT użat EUR 42,3 miljun għall-pagamenti ta’ prefinanzjament relatati mal-ewwel ftehimiet ta’ għotja konklużi fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa; |
|
15. |
Jinnota li, fi tmiem l-2022, ir-rata ta’ implimentazzjoni rigward il-baġit għall-pagamenti amministrattivi tal-Impriża Konġunta KDT (it-Titolu 2) kienet baxxa b’livell ta’ 63 %; jinnota li, skont ir-rapport tal-2022 dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tal-Impriża Konġunta KDT, dan kien prinċipalment minħabba l-posponiment tal-għodod tal-IT b’appoġġ għall-ġestjoni ċentrali tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji u t-tnaqqis fl-attivitajiet ta’ komunikazzjoni; |
|
16. |
Jinnota, barra minn hekk, li l-Impriża Konġunta KDT rat tnaqqis fir-rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit operattiv tagħha minħabba ż-żieda fl-ispejjeż u l-problemi ta’ konsenja li jiffaċċjaw il-benefiċjarji wara l-kriżi tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna; |
Akkwist u persunal
|
17. |
Jinnota, mir-rapport annwali tal-attività konsolidat tal-2022, li l-akkwist u l-kuntratti huma ġestiti f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta KDT u kkoordinati fit-tim tal-amministrazzjoni u l-finanzi tagħha; |
|
18. |
Jinnota, barra minn hekk, li fil-kuntest ta’ ġestjoni u effiċjenza finanzjarja tajba, l-Impriża Konġunta KDT għamlet l-akbar użu possibbli mid-diversi ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz diġà konklużi mas-Servizzi rilevanti tal-Kummissjoni, kif ukoll mal-membri privati tagħha u għamlet użu wkoll minn kuntratti qafas interistituzzjonali (eż. servizzi u tagħmir tal-IT, servizzi interim tal-persunal, servizzi tal-awditjar estern); |
|
19. |
Jinnota li, fl-2022, l-Impriża Konġunta KDT wettqet vera ftit proċeduri ta’ akkwist, essenzjalment għal kuntratti ta’ valur baxx u li ma tnediet l-ebda proċedura ta’ akkwist relatata ma’ attivitajiet operattivi matul dik is-sena; |
|
20. |
Jinnota li t-tabella tal-persunal tal-Impriża Konġunta KDT għall-2022 tipprevedi 30 aġent temporanju jew kuntrattwali u li, fi tmiem l-2022, l-Impriża Konġunta KDT kienet timpjega 25 membru tal-persunal statutorju, bi tmien nazzjonalitajiet (8 BE, 5 FR, 4 ES, 2 BG, 2 EL, 2 RO, 1 IT, 1 PL), inklużi 11-il raġel u 14-il mara bħala membri tal-persunal; |
|
21. |
Jinnota li fl-2022 tnedew sitt proċeduri ta’ reklutaġġ esterni; direttur eżekuttiv, korrispondent tal-kontabbiltà u tal-finanzi, uffiċjal tal-programm, uffiċjal tal-baġit, assistent finanzjarju, kap tas-settur, pożizzjonijiet li għandhom jimtlew fl-2023; |
|
22. |
Fir-rigward tad-dawran tal-impjegati, il-Kap tal-Komunikazzjoni rtira fl-1 ta’ April 2022, il-korrispondent tal-kontabbiltà telaq mill-Impriża Konġunta KDT fl-1 ta’ Ottubru 2022 u l-uffiċjal tal-baġit telaq fl-1 ta’ Novembru 2022, il-kuntratt tad-direttur eżekuttiv intemm fil-31 ta’ Ottubru 2022; |
Ġestjoni u kontroll
|
23. |
Jinnota li, għan-nefqa fil-qafas ta’ Orizzont 2020 u Orizzont Ewropa, is-Servizz tal-Awditjar Komuni tad-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Kummissjoni huwa responsabbli għall-awditi ex post, għan-nefqa fil-qafas ta’ Orizzont 2020 (approvazzjonijiet u pagamenti finali), l-Impriża Konġunta KDT irrappurtat rata ta’ żball rappreżentattiva ta’ 2,6 % u rata tal-iżball residwu ta’ 0,8 % (6); jinnota li, għall-programm Orizzont Ewropa, għad iridu jitwettqu awditi ex post, billi l-ewwel pagamenti interim huma mistennija biss fl-2024; |
|
24. |
Jinnota li sabiex tivvaluta l-kontrolli tal-pagamenti operattivi tal-Impriża Konġunta KDT, il-Qorti awditjat kampjun aleatorju ta’ pagamenti fil-qafas ta’ Orizzont 2020 li saru fl-2022, fil-livell tal-benefiċjarji finali (7); jinnota li l-Qorti ma sabet l-ebda żball jew dgħufija fil-kontroll tal-benefiċjarji tal-Impriża Konġunta KDT inklużi fil-kampjun; |
|
25. |
Jilqa’ li l-Impriża Konġunta KDT implimentat monitoraġġ ibbażat fuq ir-riskju ta’ proġetti f’konformità mal-linja bażi tal-Kummissjoni, kif ukoll valutazzjoni tar-riskju tal-intrapriżi żgħar u medji u tal-parteċipanti ġodda; jinnota, madankollu, li l-Impriża Konġunta KDT għadha ma żviluppatx linji gwida interni biex tikkonsolida l-proċessi; jinnota li għall-Impriża Konġunta KDT, ir-riskju ta’ żbalji fil-pagamenti ta’ għotja kien immitigat mill-fatt li l-Istati Parteċipanti wettqu kontrolli ex ante dettaljati dwar l-eliġibbiltà tal-ispejjeż tal-proġett irrappurtati għall-kofinanzjament nazzjonali, għall-benefiċjarji li kienu joperaw fit-territorju nazzjonali tagħhom; |
|
26. |
Jinnota b’sodisfazzjon li l-Istati Parteċipanti kkooperaw mill-qrib mal-Impriża Konġunta KDT u nnotifikawha dwar żbalji kbar u irregolaritajiet identifikati, u fallimenti rreġistrati fuq bażi f’waqtha; jinnota, barra minn hekk, li, għall-kuntrarju ta’ impriżi konġunti oħra, is-soll ta’ 90 % għall-prefinanzjament ġie applikat fil-livell tal-benefiċjarju, u kwalunkwe bidla fil-baġit tal-ispejjeż fost il-membri tal-konsorzji kienet tirrikjedi emenda fil-ftehim ta’ għotja; jinnota li l-Impriża Konġunta KDT ikkontrollat l-issodisfar ta’ dawn il-kriterji speċifiċi lil hinn mill-Compass (8), u l-uffiċjali tal-proġett wettqu verifiki manwali standardizzati fi spreadsheets tal-Excel; |
|
27. |
Jaqbel mal-Qorti li l-Impriża Konġunta KDT għandha tiżviluppa gwida interna u prattika dwar kif għandu jiġi implimentat monitoraġġ ibbażat fuq ir-riskju fil-livell tal-proġetti u f’dak tal-benefiċjarji, u kif il-persunal għandu juża l-modulu tal-ġestjoni tar-riskju disponibbli fil-Compass; |
|
28. |
Jistieden lill-Impriża Konġunta KDT tindirizza dgħufijiet fl-użu tal-għodda ta’ monitoraġġ imsaħħaħ; |
|
29. |
Jinnota li, skont il-Qorti, ma ġewx definiti azzjonijiet speċifiċi ta’ kontroll relatati mar-riskji identifikati, jew ma ġietx stabbilita d-data ta’ skadenza għall-implimentazzjoni tagħhom; jinnota li meta skadiet id-data ta’ skadenza ddefinita, il-marka ta’ monitoraġġ imsaħħaħ la ġġeddet u lanqas ma ngħalqet; jinnota, barra minn hekk, li l-livell ta’ riskju ma ġiex ivvalutat mill-ġdid mill-uffiċjal wara l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta’ kontroll; |
|
30. |
Jaqbel mal-Qorti li l-Impriża Konġunta KDT għandha tiżgura li l-azzjonijiet ta’ monitoraġġ imsaħħaħ kollha jkunu akkumpanjati minn azzjonijiet ta’ kontroll speċifiċi mmirati lejn ir-riskji identifikati, u li dawn jingħatalhom segwitu f’data ta’ skadenza predefinita; |
Segwitu għall-osservazzjonijiet mis-snin preċedenti
|
31. |
Jinnota li l-“osservazzjonijiet” fir-rapporti annwali speċifiċi tal-Impriżi Konġunti KDT huma fil-fatt “rakkomandazzjonijiet mhux f’waqthom” mill-Qorti; jinnota li l-QEA ssegwi kull sena dawk l-osservazzjonijiet billi tivvaluta l-istatus tagħhom bħala “miftuħa” jew “magħluqa”; |
|
32. |
Jinnota li, fl-2021, il-Qorti ħarġet tliet osservazzjonijiet, li tnejn minnhom huma magħluqa; l-osservazzjoni miftuħa hija relatata mal-ħtieġa li jiġi rreklutat aktar persunal biex sal-2025 jintlaħaq il-persunal statutorju ppjanat, jiġifieri 50 membru, peress li l-Impriża Konġunta KDT se timplimenta proġetti ta’ madwar EUR 10,9 biljun fl-ambitu tal-QFP tal-2021-2027. |
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 tad-19 ta’ Novembru 2021 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 219/2007, (UE) Nru 557/2014, (UE) Nru 558/2014, (UE) Nru 559/2014, (UE) Nru 560/2014, (UE) Nru 561/2014 u (UE) Nru 642/2014 (ĠU L 427, 30.11.2021, p. 17).
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 561/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta ECSEL (ĠU L 169, 7.6.2014, p. 152).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/1782 tal-25 ta’ Lulju 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/2085 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa, fir-rigward tal-Impriża Konġunta taċ-Ċipep (ĠU L 229, 18.9.2023, p. 55).
(4) Il-baġit disponibbli jinkludi l-approprjazzjonijiet mhux użati mis-snin preċedenti, li l-Impriża Konġunta reġgħet daħħlet fil-baġit tas-sena kurrenti, kif ukoll id-dħul assenjat u r-riallokazzjonijiet għas-sena li jmiss.
(5) Rapport Annwali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-Impriżi Konġunti tal-EU għas-sena finanzjarja 2022.
(6) Ir-rapport annwali tal-attività konsolidat 2022 tal-Impriża Konġunta KDT, il-Kapitolu 4.1.1.1.
(7) Għat-tranżazzjonijiet ta’ pagamenti ta’ għotjiet ittestjati fil-livell tal-benefiċjarji, is-soll ta’ rappurtar għal żbalji kwantifikabbli huwa ta’ 1 % tal-ispejjeż awditjati.
(8) Is-sistema tal-Kummissjoni għall-għotjiet elettroniċi.
ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2024/2362/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)