Brussell, 4.7.2024

COM(2024) 268 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

It-tmintax-il Rapport Annwali għall-2023 dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza tal-Unjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta’ Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

It-tmintax-il Rapport Annwali għall-2023 dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza tal-Unjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta’ Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta

1.Introduzzjoni

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 1 (ir-“Regolament dwar l-Għajnuna”) huwa l-bażi għall-forniment ta’ assistenza lill-Komunità Turko-Ċiprijotta u jeżiġi rapportar annwali lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew.

2.L-iprogrammar tal-assistenza

Bejn l-2006 u t-tmiem tal-2023, ġew programmati EUR 688 miljun għal operazzjonijiet taħt ir-Regolament dwar l-Għajnuna. L-ammont impenjat f’Ottubru 2023 għall-programm ta’ azzjoni annwali tal-2023 kien ta’ EUR 31,7 miljun 2 . Il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2021-2027 ipprovda perspettiva pluriennali għall-programm b’dispożizzjoni għal finanzjament stabbli u annwali. Madankollu, il-programm ta’ assistenza huwa ta’ natura eċċezzjonali u tranżizzjonali, li għandu l-għan li jħejji u jiffaċilita, kif xieraq, l-applikazzjoni sħiħa tal-acquis fl-oqsma tar-Repubblika ta’ Ċipru fejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv wara soluzzjoni għall-problema ta’ Ċipru. Kemm ir-Regolament dwar l-Għajnuna kif ukoll ir-Regolament tal-Kunsill Nru 2020/2093 3 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali pprevedew rieżami fil-każ tar-riunifikazzjoni.

3.Mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni

Il-programm huwa implimentat fiż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru, li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv (iż-“żoni kotrollati mhux governattivi”) u fejn l-applikazzjoni tal-acquis hija temporanjament sospiża skont il-Protokoll 10 tat-Trattat ta’ Adeżjoni. L-assistenza tiġi implimentata f’ġestjoni diretta u indiretta.

Il-Kummissjoni topera f’kuntest politiku, legali u diplomatiku uniku. L-għoti ta’ tali assistenza ma jimplikax r-rikonoxximent ta’ xi awtorità fiż-żoni barra mill-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru. Huma meħtieġa arranġamenti ad hoc sabiex jiġi implimentat il-programm filwaqt li jitħarsu l-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba. Fi programmi ta’ għajnuna ffinanzjati mill-UE, f’ċirkostanzi normali, ftehimiet ma’ gvern benefiċjarju jistabbilixxu l-qafas legali għall-iżvilupp tal-assistenza. Ma jista’ jsir l-ebda ftehim bħal dan għall-assistenza lill-komunità Turko-Ċiprijotta. Il-ġestjoni u l-mitigazzjoni tar-riskju inerenti huma parti mir-responsabbiltà tal-Kummissjoni. Il-miżuri adottati jinkludu l-monitoraġġ intensiv tal-kuntratti u l-forniment ta’ appoġġ lill-benefiċjarji, kundizzjonijiet ta’ pagament riveduti u approċċ bir-reqqa għall-użu tal-garanziji bankarji. L-assistenza tinkludi ammont sinifikanti ta’ sostenn ta’ għotjiet, li jirrikjedi ġestjoni intensiva fir-riżorsi.

Sabiex jiġi żgurat l-impatt, il-komunità Turko-Ċiprijotta trid tkun kompletament impenjata fit-tħejjija tal-implimentazzjoni tal-acquis fid-dawl tal-irtirar tas-sospensjoni tal-applikazzjoni tiegħu f’konformità mal-Protokoll 10, mad-dħul fis-seħħ ta’ soluzzjoni komprensiva.

It-tim tal-programm jopera permezz tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ għall-Programm tal-UE fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern f’Nikosija. Ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Ċipru tospita wkoll laqgħat, seminars u konferenzi stampa u tikkomunika mal-pubbliku Ċiprijott fil-gżira kollha, inkluż dwar il-Programm ta’ Għajnuna. Barra minn hekk, l-Infopoint tal-UE, iffinanzjat mill-Programm ta’ Għajnuna, iwettaq firxa ta’ azzjonijiet ta’ komunikazzjoni u viżibilità, billi jipprovdi informazzjoni dwar politiki, prijoritajiet u azzjonijiet tal-UE b’sostenn għall-komunità Turko-Ċiprijotta, u l-promozzjoni tal-kultura Ewropea.

4.L-implimentazzjoni matul il-perjodu ta’ rapportar

4.1.Ħarsa ġenerali

Il-Kummissjoni tkompli timplimenta r-Regolament dwar l-Għajnuna bl-għan ġenerali li tappoġġa r-riunifikazzjoni. Fil-każ ta’ soluzzjoni komprensiva għall-problema ta’ Ċipru, abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill se jiddeċiedi b’mod unanimu dwar l-adattamenti meħtieġa għal dan ir-Regolament.

L-operazzjonijiet fl-2023 inkludew il-kontinwazzjoni ta’ għadd ta’ proġetti stabbiliti u li rnexxew, bħall-boroż ta’ studju tal-UE u l-miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja b’appoġġ kemm għall-Kumitat Tekniku għall-Wirt Kulturali kif ukoll għall-Kumitat għall-Persuni Neqsin. Faċilità ddedikata kompliet tiffinanzja l-inizjattivi bikomunali tal-Kumitati Tekniċi.

L-appoġġ għall-għotjiet għadu element essenzjali tal-programm. Ingħatat assistenza akbar lis-setturi ekonomiċi ewlenin li kienu qed iħejju għal soluzzjoni permezz ta’ proġetti mmirati lejn is-settur privat u l-iżvilupp rurali. Saru sforzi biex ikomplu jtejbu b’mod tanġibbli s-sitwazzjoni attwali fl-eradikazzjoni tal-mard tal-annimali u fis-sikurezza alimentari.

Il-Kummissjoni kompliet bl-isforzi tagħha biex tassisti lill-komunità Turko-Ċiprijotta biex tikkonforma mal-istandards stabbiliti mill-pakkett ta’ żewġ miżuri adottati mill-Kummissjoni fl-2021, li jirreġistraw il-“Χαλλούμι’ (Halloumi)/’Hellim” bħala Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta (DOP) u jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-moviment ta’ dan il-prodott fuq il-Linja l-Ħadra. Għal dan l-għan, l-assistenza finanzjarja ddedikata u l-esperti tekniċi appoġġaw lill-bdiewa, lill-operaturi tan-negozji tal-ikel u lill-korpi lokali inkarigati mill-kontrolli tul il-katina tal-produzzjoni tal-ikel. Il-Kummissjoni kompliet ukoll tlaqqa’ l-Grupp ta’ Ħidma informali dwar l-Halloumi/Hellim li jlaqqa’ flimkien partijiet ikkonċernati miż-żewġ komunitajiet Ċiprijotti.

Għad hemm ħafna lakuni fil-kapaċità tal-benefiċjarji li jimplimentaw b’mod effettiv l-acquis, wara d-dħul fis-seħħ ta’ soluzzjoni komprensiva. Madankollu, il-komunità Turko-Ċiprijotta kompliet tagħmel progress tajjeb f’għadd ta’ oqsma, bħall-ambjent, is-saħħa u s-sikurezza tal-ikel, u kisbet fehim aktar sod tal-isfidi.

Fi tmiem is-sena, kienu qed joperaw 138 kuntratt taħt il-Programm ta’ Għajnuna.

4.2.Progress skont l-objettivi

L-objettiv ġenerali tal-Programm ta’ Għajnuna huwa li jiffaċilita r-riunifikazzjoni ta’ Ċipru billi jħeġġeġ l-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta, b’enfasi partikolari fuq l-integrazzjoni ekonomika tal-gżira, fuq it-titjib tal-kuntatti bejn iż-żewġ komunitajiet u mal-UE, u fuq it-tħejjija għall-acquis.

L-attivitajiet imwettqa fl-2023 huma deskritti hawn taħt, għal kull objettiv tar-Regolament dwar l-Għajnuna.

4.2.1.Objettiv 1: L-iżvilupp u r-ristrutturar tal-infrastruttura

Il-programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (United Nations Development Programme, UNPD) kompla jimplimenta l-Faċilità għall-Infrastruttura Lokali permezz ta’ ftehimiet ta’ kontribuzzjoni kontinwati mal-Kummissjoni għal total ta’ EUR 33,2 miljun. Il-Faċilità tipprovdi appoġġ għat-tħejjija u għall-implimentazzjoni tal-investimenti fl-infrastruttura lokali rilevanti. Fl-2023, tlestew tliet proġetti ta’ infrastruttura, jiġifieri l-kostruzzjoni taċ-Ċentru għall-Kooperazzjoni ta’ Kormakitis, l-estensjoni tal-impjant tat-trattament tal-ilma mormi ta’ Morphou, u r-riabilitazzjoni tal-artijiet mistagħdra ta’ Kouklia. 15-il proġett addizzjonali kienu attivi, inkluż l-iżvilupp ta’ studju ta’ qabel il-fattibbiltà għat-twaqqif ta’ impjant tal-enerġija solari bikomunali.

Ix-xogħlijiet ta’ rimedju u l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni fuq in-network tad-drenaġġ ta’ Famagusta, li bdew f’Lulju 2021, intemmu fl-2023. Total ta’ 45 km tan-network tad-drenaġġ ġie sostitwit, ħafna difetti li nstabu fil-proġett inizjali ġew solvuti, u l-kwalità u l-funzjonalità tas-sistema tjiebu.

Problemi strutturali bl-operat tal-miżbla fil-komunità Turko-Ċiprijotta komplew fl-2023. Minn meta ngħatat lilu fl-2022, il-benefiċjarju ma tejjibx l-operat u l-ġestjoni tal-faċilità, u kompla jimplimenta prattiki ħżiena għar-rimi tal-iskart. Dan inevitabbilment wassal għal deterjorament sinifikanti tas-sitwazzjoni u deprezzament tal-investiment. Mingħajr l-involviment tal-Kummissjoni, il-benefiċjarju nieda żewġ sejħiet għall-offerti biex jikkuntratta operazzjonijiet tal-landfill. Madankollu, it-tnejn li huma ġew ikkanċellati, u b’hekk il-governanza futura tas-settur tal-iskart fil-komunità ma kinitx ċara. Il-Kummissjoni tibqa’ impenjata li tappoġġa lill-benefiċjarju biex jirrettifika s-sitwazzjoni, dment li jittieħdu deċiżjonijiet strateġiċi xierqa dwar il-ġestjoni tiegħu.

F’konformità mal-pjan integrat għall-ġestjoni tal-iskart solidu ffinanzjat mill-UE, fl-2023 tlestew għotjiet li jgħinu lil tmien komunitajiet lokali jtejbu l-infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart tagħhom.

l-kapaċità teknika lokali għall-monitoraġġ tal-kwalità tal-ambjent kompliet tissaħħaħ permezz ta’ attivitajiet dedikati għall-bini tal-kapaċità, bħall-iżvilupp ta’ inventarju lokali tal-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja. L-informazzjoni pprovduta min-network ta’ monitoraġġ tal-kwalità tal-arja ffinanzjat mill-UE issa qed tintuża biex jiġu vvalutati l-livelli tat-tniġġis u jiġu żviluppati azzjonijiet speċifiċi biex dawn jitnaqqsu.

Fis-settur tat-telekomunikazzjoni, l-infrastruttura l-ġdida tax-xandir tlestiet fl-2023 bis-saħħa ta’ proġett iffinanzjat mill-UE. B’riżultat tal-proġett, il-komunità Turko-Ċiprijotta neħħiet ix-xandiriet televiżivi analogi kollha mill-faxxa tal-frekwenza ta’ 700 MHz. Dan imbagħad ippermetta l-allokazzjoni mingħajr xkiel tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 700 MHz għas-servizzi mobbli 5G, li kkontribwixxa għal żieda fid-diġitalizzazzjoni fil-komunità Turko-Ċiprijotta.

4.2.2.Objettiv 2: Il-promozzjoni tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku

Permezz tal-Programm ta’ Għajnuna, il-Kummissjoni kompliet tmexxi u tippromwovi l-integrazzjoni u l-iżvilupp ekonomiku billi pprovdiet pakketti ta’ assistenza lin-negozji żgħar u ta’ daqs medju fil-komunità Turko-Ċiprijotta, bl-għan li żżid il-kompetittività u l-innovazzjoni. Sa tmiem l-2023, kważi 100 negozju kienu lestew l-implimentazzjoni ta’ għotjiet pluriennali b’valur ta’ EUR 4,6 miljun, li rriżultaw fil-ħolqien ta’ aktar minn 200 impjieg ġdid, l-introduzzjoni ta’ standards ta’ kwalità tal-UE, u l-appoġġ għat-trasformazzjoni diġitali. Il-programm tal-UE “Into Business” involva aktar minn 1 150 imprenditur, u laħaq il-qofol tiegħu fil-ħolqien ta’ 36 negozju ġdid. Tnieda l-Inkubatur tal-UE Hive, li ppermetta lin-negozji ġodda jirċievu appoġġ imfassal apposta.

Fil-qasam tal-konverġenza ekonomika, tkompliet il-kooperazzjoni mal-Bank Dinji dwar il-monitoraġġ makroekonomiku, l-istatistika, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u t-titjib tal-ambjent tan-negozju permezz ta’ simplifikazzjoni tal-proċeduri. L-ewwel Stħarriġ komprensiv dwar il-Baġit Domestiku, li ffoka fuq il-monitoraġġ tal-faqar, tlesta fl-2023 u s-sejbiet ġew diskussi b’mod wiesa’. Il-ħidma biex jiġu indirizzati r-rekwiżiti regolatorji u jingħelbu l-ostakli relatati mal-ftuħ ta’ kontijiet bankarji għat-Turko-Ċiprijotti f’banek fiż-żoni kkontrollati mill-gvern u biex il-pagamenti għall-kummerċ tal-Linja l-Ħadra jkunu għamlu progress.

Sar progress ukoll fil-qasam tas-sikurezza tal-prodotti. Proġett ta’ assistenza teknika dwar is-sorveljanza tas-suq, imniedi f’Marzu 2022, kompla fl-2023 bl-għan li jintroduċi prattiki ġodda u jtejjeb dawk eżistenti fil-metroloġija, l-istandardizzazzjoni, l-akkreditazzjoni, u l-valutazzjoni tal-konformità. B’ħidma mill-qrib mas-settur privat, il-proġett jikkontribwixxi għat-titjib tal-ambjent tan-negozju fil-komunità Turko-Ċiprijotta u għall-iżgurar li l-prodotti prodotti lokalment jikkonformaw mal-istandards tal-UE.

Il-Kummissjoni kompliet bl-appoġġ fit-tul tagħha lill-komunità Turko-Ċiprijotta biex tgħinha tilħaq l-istandards tal-UE fis-sikurezza alimentari u s-saħħa tal-annimali u fil-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-eliminazzjoni tal-mard tal-annimali. Is-servizzi ta’ konsulenza għall-azjendi agrikoli ġew ipprovduti lill-bdiewa u lill-organizzazzjonijiet tal-bdiewa, li rriżulta fil-ħolqien ta’ grupp ta’ aktar minn 100 konsulent tekniku lokali u network vibranti ta’ partijiet ikkonċernati ħerqana li jwessgħu l-għarfien tagħhom u jtejbu l-prattiki. Matul l-2022-2023, 109 bidwi lestew kors wieħed jew aktar ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali agrikolu, li rriżulta fil-ħruġ ta’ total ta’ 247 ċertifikat ta’ taħriġ. Barra minn hekk, l-għotjiet b’valur ta’ EUR 3,5 miljun ġew imxerrda lil total ta’ 53 bidwi, kooperattiva u operatur tan-negozju tal-ikel fl-2023, u dan żied l-effiċjenza u l-produttività tagħhom.

L-attivitajiet ewlenin tas-sikurezza alimentari u tat-tħejjija għall-kriżijiet, li għandhom implikazzjonijiet għall-kummerċ tal-Linja l-Ħadra u l-iskema Halloumi/Hellim DPO, komplew jiġu implimentati. B’riżultat ta’ dan, f’Marzu 2023, l-ewwel Halloumi/Hellim prodott fil-komunità Turko-Ċiprijotta ġie ċċertifikat bħala konformi mad-DOP. Sa tmiem l-2023, tliet produtturi tal-ġobon Halloumi/Hellim u 15-il azjenda agrikola fil-komunità Turko-Ċiprijotta kienu ġew iċċertifikati u attestati rispettivament taħt l-iskema tad-DOP. Il-grupp ta’ Ħidma informali tal-Kummissjoni dwar l-Halloumi/Hellim kellu erba’ laqgħat dwar l-implimentazzjoni tal-iskema tad-DOP fl-2023.

L-ittestjar u t-teħid ta’ kampjuni fuq skala kbira ta’ annimali għal mard ta’ prijorità, inkluż il-bruċellożi, it-tuberkulożi, u l-marda tal-ilsien u d-dwiefer komplew fl-2023. Għal dan l-eżerċizzju, il-Kummissjoni pprovdiet testijiet tal-laboratorju, oġġetti tal-konsum veterinarji u servizzi. Bħala riżultat tal-firxa komprensiva ta’ miżuri tal-Programm ta’ Għajnuna, il-prevalenza tal-bruċellożi kompliet tonqos, u niżlet għal 0,3 % sa tmiem l-2023. It-tuberkulożi u l-marda tal-ilsien u d-dwiefer diġà ġew eradikati.

L-assistenza ffinanzjata mill-UE kkontribwiet ukoll għal aktar progress fl-involviment ta’ veterinarji privati biex jimplimentaw is-sikurezza alimentari u l-kontrolli veterinarji.

Il-Kummissjoni kompliet l-appoġġ tagħha fil-qasam tal-edukazzjoni, b’enfasi fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, it-tagħlim tul il-ħajja u l-iżvilupp professjonali tal-għalliema. Sal-2023, ġew żviluppati pakketti tal-kurrikulu għal 20 impjieg u tħarrġu 330 għalliem dwar il-kurrikuli l-ġodda. B’kollox, ġew organizzati 103 taħriġ u ġew żviluppati kważi 200 modulu biex itejbu l-ħiliet u l-għarfien tal-persunal tat-tagħlim kollu fil-komunità Turko-Ċiprijotta. 

Il-proġett ta’ assistenza teknika ma’ Statistics Denmark kompla jtejjeb it-twassil tan-negozju u l-ġestjoni tas-sorsi tad-data. Il-proġett ġie kkomplementat minn appoġġ immirat ipprovdut permezz tal-istrument ta’ assistenza teknika u skambju ta’ informazzjoni (TAIEX) tal-Kummissjoni u l-Bank Dinji. Dawn l-azzjonijiet kollha jiffurmaw strateġija komprensiva tal-UE mmirata lejn it-titjib tal-provvista tal-istatistika fil-komunità Turko-Ċiprijotta, bl-għan li tiġi ffaċilitata r-riunifikazzjoni.

4.2.3.Objettiv 3: Trawwim tar-rikonċiljazzjoni, miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja, u appoġġ għas-soċjetà ċivili

Il-Kumitat għall-Persuni Neqsin, appoġġat mill-Programm ta’ Għajnuna permezz ta’ ftehim ta’ kontribuzzjoni mal-UNDP, kompla l-ħidma tiegħu fuq il-post u fil-laboratorju. Sa tmiem l-2023, mit-total ta’ 2 002 persuna nieqsa, kienet eżumat 1 186 sett ta’ fdalijiet. Minn dawn, 1 044 ġew identifikati ġenetikament u ġew irritornati lill-familji tagħhom.

Fl-2023, ġie ffirmat ftehim ġdid ta’ kontribuzzjoni ta’ EUR 2,6 miljun biex jipprovdi finanzjament għall-operazzjonijiet tal-Kumitat fl-2024. B’mod ġenerali, fl-2006-2023, l-UE kkontribwiet EUR 38,5 miljun biex tappoġġa l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Persuni Neqsin, li jammontaw għal 80 % tal-finanzjament totali tiegħu għal dan il-perjodu.

Il-protezzjoni tal-wirt kulturali baqgħet komponent ewlieni tal-miżuri ta’ rikonċiljazzjoni u bini ta’ fiduċja appoġġati taħt il-Programm ta’ Għajnuna, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat Tekniku bikomunali għall-Wirt Kulturali. B’mod ġenerali, fl-2006-2023, il-programm tal-wirt kulturali rċieva finanzjament mill-UE ta’ madwar EUR 27,5 miljun. Dan ippermetta li 142 sit ta’ wirt kulturali madwar il-gżira jiġu kkonservati, appoġġati strutturalment, protetti fiżikament jew restawrati.

Fl-2023, ingħatat kontribuzzjoni ġdida tal-UE ta’ EUR 2 miljun għall-faċilità ta’ appoġġ għall-Kumitati Tekniċi bikomunali. Dan l-appoġġ huwa implimentat mill-UNDP. Mill-2019, il-faċilità ta’ appoġġ iffinanzjat madwar 20 proġett tal-Kumitati Tekniċi, minn studji ta’ fattibbiltà u riċerka għal workshops u wirjiet.

L-implimentazzjoni b’suċċess ta’ skema pilota ta’ boroż ta’ studju bikomunali mill-United World Colleges, ippermettiet li 46 student miż-żewġ komunitajiet jipparteċipaw fil-programm tad-Diploma tal-Bakkalawrjat Internazzjonali f’pajjiżi differenti bejn l-2020 u l-2023. Azzjonijiet oħra mill-United World Colleges jinkludu attivitajiet ta’ involviment taż-żgħażagħ transkomunitarji u korsijiet qosra mmirati biex jagħtu s-setgħa liż-żgħażagħ biex iġibu bidla pożittiva fis-soċjetajiet tagħhom.

L-appoġġ għas-soċjetà ċivili kompla fl-2023. Il-proġett Spazju Ċiviku, li jipprovdi assistenza teknika għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kompla jgħinhom jibnu l-kapaċitajiet tagħhom, jippromwovi ambjent favorevoli għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili, u jistimula netwerking u azzjonijiet konġunti ma’ organizzazzjonijiet Ċiprijotti Griegi u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili tal-UE.

Is-sejħa għall-proposti tas-Soċjetà Ċivili Ċiprijotta fl-Azzjoni VIII tal-2022 irriżultat fi 17-il għotja għal allokazzjoni finanzjarja totali ta’ EUR 2,5 miljun. Filwaqt li ffukaw fuq azzjonijiet bikomunali ta’ riċerka, azzjonijiet bikomunali għall-bini tal-fiduċja, u t-tisħiħ tas-soċjetà ċivili fil-komunità Turko-Ċiprijotta, il-proġetti daħlu fil-fażi sħiħa ta’ implimentazzjoni tagħhom fl-2023, u ppermettew lis-soċjetà ċivili torganizza attivitajiet ewlenin ta’ promozzjoni u tistimula l-attività ċivika.

L-assoċjazzjoni tal-Pjattaforma tad-Drittijiet tal-Bniedem kompliet timplimenta b’suċċess l-għotja diretta tagħha ffinanzjata mill-UE li rċeviet finanzjament addizzjonali fl-2023. L-attivitajiet ewlenin iffukaw fuq il-ġlieda kontra t-traffikar, id-drittijiet tar-refuġjati, id-drittijiet tal-LGBTIQ+, il-parteċipazzjoni rilevanti tal-partijiet ikkonċernati, il-kundizzjonijiet xierqa ta’ detenzjoni u l-libertà mit-tortura. Il-pjattaforma kienet involuta biex jitressaq l-ewwel każ ta’ traffikar tal-bnedmin quddiem il-“qrati” tal-komunità Turko-Ċiprijotta, liema każ intemm f’kundanna. Appoġġat ukoll lill-vittmi tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u se ssaħħaħ il-kapaċitajiet tas-soċjetà ċivili dwar kwistjonijiet ibbażati fuq id-drittijiet b’mod ġenerali.

4.2.4.Objettiv 4: It-tqarrib tal-Komunità Turko-Ċiprijotta lejn l-Unjoni

Il-Kummissjoni ilha mill-2022 tissieħeb mal-Goethe-Institut biex timplimenta l-Programm ta’ Boroż ta’ Studju tal-UE. Fis-sena akkademika 2023/2024, ġew offruti 129 borża ta’ studju lill-istudenti Turko-Ċiprijotti biex jattendu universitajiet fil-pajjiżi tal-UE, u sa tmiem l-2023, żewġ Ċiprijotti Torok li bbenefikaw minn borża ta’ studju tal-UE ġew ammessi fil-Kulleġġ tal-Ewropa.

Mill-2007, ingħataw aktar minn 2 150 borża ta’ studju lill-istudenti, li jkopru aktar minn 100 università u 23 pajjiż tal-UE. Dawn il-boroż ta’ studju jappoġġaw lill-istudenti matul l-ewwel sena ta’ studji universitarji tagħhom, studenti gradwati fil-programmi ta’ masters jew dottorat tagħhom, u riċerkaturi u professjonisti fl-iżvilupp ulterjuri tal-ħiliet lingwistiċi u professjonali tagħhom madwar il-pajjiżi tal-UE. Il-Kummissjoni, flimkien mal-Goethe-Institut, nediet ukoll Alumni Connect Digital, pjattaforma online biex tgħaqqad l-alumni tal-boroż ta’ studju.

L-Infopoint tal-UE huwa ġestit mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ għall-Programmi tal-UE flimkien mar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Ċipru. Fl-2023, permezz tal-attivitajiet tagħha kemm online kif ukoll offline, kisbet livell għoli ta’ viżibbiltà għall-UE. L-Infopoint tal-UE wettaq aktar minn 500 attività ta’ komunikazzjoni u viżibbiltà fl-2023, li jkopru temi relatati mal-UE bħad-drittijiet tad-diżabilità, il-libertà tal-espressjoni, il-kummerċ tal-Linja l-Ħadra u l-Patt Ekoloġiku Ewropew. Ġew organizzati total ta’ 30 avveniment b’aktar minn 20 000 parteċipant, li jirriflettu bidla fil-politika lejn fokus akbar fuq avvenimenti ta’ viżibbiltà u komunikazzjoni għal għadd akbar ta’ benefiċjarji. Matul dan il-perjodu, il-Kummissjoni pproduċiet 20 pubblikazzjoni, 75 infografika u 15-il prodott awdjoviżiv.

4.2.5.    Objettivi 5-6: Il-preparazzjoni tal-komunità Turko-Ċiprijotta biex tintroduċi u timplimenta l-acquis

L-istrument TAIEX jintuża biex jiġu implimentati l-objettivi 5 u 6 tar-Regolament dwar l-Għajnuna. Dan jgħin biex il-komunità Turko-Ċiprijotta tkun ippreparata għall-implimentazzjoni tal-acquis fid-dawl tal-irtirar tas-sospensjoni tal-applikazzjoni tiegħu mad-dħul fis-seħħ ta’ soluzzjoni komprensiva.

Il-Faċilità TAIEX tibqa’ għodda importanti biex jintlaħqu l-objettivi tal-Programm ta’ Għajnuna. Fl-2023, l-istrument ipprovda appoġġ kontinwu fi 12-il qasam tematiku tal-acquis permezz ta’ kombinazzjoni ta’ avvenimenti online u fuq il-post. Ġew organizzati madwar 150 avveniment TAIEX, f’konformità man-numri tas-sena preċedenti. Barra minn hekk, ġiet żviluppata bażi tad-data tat-testi legali kollha abbozzati bl-appoġġ tat-TAIEX, u komplew l-isforzi biex tittejjeb il-kwalità tat-traduzzjoni u tal-interpretazzjoni fil-komunità Turko-Ċiprijotta.

L-appoġġ tat-TAIEX għall-kummerċ min-naħa għall-oħra tal-Linja l-Ħadra (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 866/2004) żdied b’mod ċar fl-2023. Esperti indipendenti b’mandat mill-Kummissjoni wettqu spezzjonijiet regolari tal-frott u l-ħxejjex friski, il-patata, l-għasel u l-ħut. Minbarra s-sitt tipi ta’ ikel ipproċessat ta’ oriġini mhux mill-annimali li ngħataw it-tikketta kummerċjali tal-Linja l-Ħadra għall-ewwel darba fl-2022, il-materjali tal-imballaġġ li jiġu f’kuntatt mal-ikel u żewġ prodotti tal-ikel ipproċessati ġodda ta’ oriġini mhux mill-annimali ġew ammessi wkoll għall-kummerċ, jiġifieri ż-żebbuġ tal-mejda u diversi meraq tal-frott. L-esperti tat-TAIEX żguraw standards u kwalità fil-livell tal-UE permezz ta’ kontrolli tal-konformità rilevanti tal-faċilitajiet fiż-żoni kontorolati mhux tal-gvern.

Biex tkompli tiffaċilita l-kummerċ tal-Linja l-Ħadra, f’Novembru 2023 il-Kummissjoni nediet “EU One-stop shop”, li jipprovdi opportunitajiet ta’ għarfien, appoġġ u networking lin-negozji u lin-negozjanti interessati jew involuti fil-kummerċ tal-Linja l-Ħadra.

4.3.Eżekuzzjoni finanzjarja (kuntratti u pagamenti)

4.3.1.L-għoti ta’ kuntratti

Il-Kummissjoni ffirmat impenji legali li jammontaw għal EUR 36,9 miljun fl-2023.

4.3.2.Pagamenti

Fl-2023, il-pagamenti totali kienu ta’ EUR 37,3 miljun (EUR 40,6 miljun fl-2022).

4.4.Monitoraġġ

Il-Kummissjoni hija direttament responsabbli għall-implimentazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-proġetti (ġestjoni diretta). Il-livell ta’ monitoraġġ mill-persunal tal-Kummissjoni huwa għoli ħafna, b’kuntatti kostanti mal-kuntratturi, żjarat ta’ verifika fuq il-post, laqgħat fuq il-post u laqgħat tal-kumitat ta’ tmexxija. L-assistenza teknika pprovduta mit-Tim ta’ Appoġġ tal-Għotjiet kompliet tappoġġa lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-kuntratti tal-għotjiet, filwaqt li għenet ukoll lill-benefiċjarji tal-għotjiet fl-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar l-implimentazzjoni tal-kuntratti tal-għotjiet, inkluż ir-regoli sekondarji tal-akkwist.

Il-Kummissjoni timplimenta wkoll numru ta’ kuntratti permezz ta’ ġestjoni indiretta. Il-korpi ta’ implimentazzjoni, bħall-UNDP, il-Bank Dinji, il-Goethe-Institut, il-GiZ u l-NI-CO, jirrapportaw lill-Kummissjoni f’konformità mal-ftehimiet qafas rispettivi. Il-Kummissjoni hija involuta mill-qrib fil-monitoraġġ ta’ kuljum ta’ dawn l-azzjonijiet.

4.5.Verifika u kontrolli

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar verifika mwettqa mis-Servizz tal-Awditjar Intern fl-2017, relatati mal-arranġamenti ta’ kontroll intern fil-qasam tal-akkwist pubbliku, ġew implimentati bis-sħiħ.

4.1.Evalwazzjoni

Fl-2022 ġiet ippubblikata evalwazzjoni indipendenti tal-Programm ta' Għajnuna li tkopri l-perjodu 2013-2018. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni kienu sodisfaċenti. L-evalwazzjoni kkonkludiet li l-programm għadu rilevanti u li l-impatt tiegħu kien ġeneralment pożittiv. Hija kkonfermat il-valur miżjud tal-UE u kkreditat lill-programm li żamm il-perspettiva tar-riunifikazzjoni ħajja. Hija enfasizzat wkoll il-koerenza u l-effiċjenza ġenerali tal-programm. Fl-istess ħin, l-evalwazzjoni enfasizzat li l-Programm ta’ Għajnuna, waħdu, ma jistax jikseb ir-riunifikazzjoni ta’ Ċipru, li ż-żewġ komunitajiet Ċiprijotti jibqgħu responsabbli għaliha.

4.2.Informazzjoni, pubbliċità u viżibbiltà

B’mod ġenerali, fl-2023 ġew organizzati 505 azzjoni ta’ viżibbiltà u komunikazzjoni biex jippreżentaw il-ħidma tal-UE. Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll ktejjeb dwar l-iżvilupp tas-settur privat

4.3.Konsultazzjonijiet mal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru

Saru laqgħat regolari mar-rappreżentanti tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru. Il-Kummissjoni tkompli tiddependi fuq il-kooperazzjoni tal-Gvern għall-verifika tad-drittijiet tal-proprjetà u l-faċilitazzjoni tal-ħidma tal-Kumitati Tekniċi bikomunali. Il-Kummissjoni tiltaqa’ regolarment mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u r-Rappreżentanza Permanenti tar-Repubblika ta’ Ċipru għall-UE.

5.Konklużjonijiet

Permezz tal-ħidma li tagħmel f’konformità mal-objettivi tar-Regolament dwar l-Għajnuna, il-Kummissjoni tkompli tagħti assistenza skont ir-Regolament dwar l-Għajnuna biex tiffaċilita r-riunifikazzjoni ta’ Ċipru billi tinkoraġġixxi l-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta.

Matul l-2023, l-assistenza kompliet tiffoka fuq oqsma li jippreżentaw problemi partikolari għall-konformità futura mal-acquis, filwaqt li żgurat ukoll li l-ħtiġijiet emerġenti jiġu indirizzati b’mod effiċjenti.

L-enfasi fuq ir-rilevanza, il-maturità, is-sjieda u s-sostenibbiltà tal-proġetti tat riżultati pożittivi u se tkompli tiggwida diskussjonijiet futuri dwar l-ipprogrammar. Barra minn hekk, se jkomplu l-isforzi biex isir impatt akbar u fit-tul f’oqsma prijoritarji permezz ta’ azzjonijiet strateġiċi.

Il-Kummissjoni hija lesta li tuża r-riżorsi kif meħtieġ, inkluż fl-ambitu tal-Programm ta’ Għajnuna, biex tappoġġa negozjati għal soluzzjoni taħt l-awspiċji tan-NU. 

(1)

   Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta’ Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment ta’ l-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2667/2000 dwar l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni (ĠU L 65, 7.3.2006, p. 5).

(2)

   Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-12.09.2023 dwar l-adozzjoni ta’ Programm ta’ Azzjoni għall-komunità Turko-Ċiprijotta għas-sena 2023 (C(2023) 5848).

(3)

   Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L L433I, 22.12.2020, p. 11).