|
28.10.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 282/37 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1937
tal-21 ta' Ottubru 2015
li tistabbilixxi Bord Fiskali Ewropew konsultattiv indipendenti
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir għandu l-għan li jiżgura d-dixxiplina baġitarja madwar l-Unjoni u jfassal il-qafas għall-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta' defiċits eċċessivi tal-gvern, filwaqt li s-sorveljanza msaħħa tal-politiki baġitarji tapplika għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. |
|
(2) |
Il-kompetenzi relatati konferiti fuq il-Kummissjoni u l-Kunsill rigward il-qafas ta' sorveljanza multilaterali għandhom l-għeruq tagħhom fit-Trattati u l-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni. |
|
(3) |
Ir-Rapport tal-Ħames Presidenti “Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa” jipproponi li jissaħħaħ il-qafas ta' governanza ekonomika attwali permezz tal-ħolqien ta' Bord Fiskali Ewropew konsultattiv. Huwa għandu jikkontribwixxi f'kapaċità konsultattiva għall-eżerċitar tal-funzjonijiet tal-Kummissjoni fis-sorveljanza multilaterali fiż-żona tal-euro. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Kummissjoni bażati fuq it-Trattat. |
|
(4) |
Il-Bord għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b'evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-qafas fiskali tal-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-konsistenza orizzontali tad-deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni tas-sorveljanza baġitarja, każijiet partikolarment serji ta' nuqqas ta' konformità mar-regoli, u l-adegwatezza attwali tal-pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro u fuq livell nazzjonali. |
|
(5) |
Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir jiffoka fuq il-baġits nazzjonali u ma jispeċifikax il-pożizzjoni fiskali aggregata, il-Bord għandu jikkontribwixxi wkoll għal diskussjoni aktar infurmata fi ħdan il-Kummissjoni dwar l-implikazzjonijiet ġenerali tal-politiki baġitarji fiż-żona tal-euro u fil-livell nazzjonali, bil-ħsieb li tinkiseb pożizzjoni fiskali xierqa għaż-żona tal-euro, fi ħdan ir-regoli tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. |
|
(6) |
Il-Bord Fiskali Ewropew għandu jwettaq il-kompiti tiegħu b'mod indipendenti u jipprepara l-opinjonijiet tiegħu b'mod awtonomu minn kull istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija nazzjonali jew Ewropea. Is-Segretarjat tiegħu għandu jkun amministrattivament assoċjat mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni. |
IDDEĊIEDIET KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Stabbiliment
Bord Fiskali Ewropew indipendenti (“il-Bord”) huwa stabbilit.
Artikolu 2
Missjoni u kompiti
1. Il-Bord għandu jikkontribwixxi f'kapaċità konsultattiva gaħll-eżerċitar tal-funzjonijiet tal-Kummissjoni fis-sorveljanza fiskali multilaterali kif stabbilita fl-Artikoli 121, 126 u 136 tat-TFUE sa fejn tkun ikkonċernata ż-żona tal-euro.
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Bord għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:
|
(a) |
Il-Bord għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b'evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-qafas fiskali tal-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-konsistenza orizzontali tad-deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni tas-sorveljanza baġitarja, każijiet partikolarment serji ta' nuqqas ta' konformità mar-regoli, u l-adegwatezza tal-pożizzjoni fiskali reali fil-livell taż-żona tal-euro u fuq livell nazzjonali. F'din l-evalwazzjoni, il-Bord jista' wkoll jagħmel suġġerimenti għall-iżvilupp futur tal-qafas fiskali tal-Unjoni; |
|
(b) |
Il-Bord għandu jagħti parir lill-Kummissjoni dwar il-pożizzjoni fiskali prospettiva xierqa għaż-żona tal-euro kollha kemm hi bbażata fuq ġudizzju ekonomiku. Huwa jista' jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar il-pożizzjonijiet fiskali nazzjonali xierqa li huma konsistenti mal-parir tiegħu dwar il-pożizzjoni fiskali aggregata taż-żona tal-euro fi ħdan ir-regoli tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fil-fatt, meta jidentifika r-riskji li jipperikolaw il-funzjonament xieraq tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Bord għandu jakkumpanja l-parir tiegħu b'konsiderazzjoni speċifika tal-għażliet ta' politika disponibbli taħt il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. |
|
(c) |
Il-Bord għandu jikkoopera mal-kunsilli fiskali nazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE (1). Il-kooperazzjoni bejn il-Bord u l-kunsilli fiskali nazzjonali għandha b'mod partikolari tkun mmirata lejn l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-faċilitar ta' fehim komuni dwar materji relatati mal-qafas fiskali tal-Unjoni. |
|
(d) |
Fuq talba tal-President, il-Bord għandu jipprovdi parir ad hoc. |
Artikolu 3
Kompożizzjoni
1. Il-Bord għandu jkun magħmul minn President tal-Bord u erba' membri.
2. Il-President tal-Bord għandu jkun responsabbli biex jissorvelja l-prestazzjoni tal-kompiti fdati lill-Bord u jiżgura l-funzjonament tajjeb tiegħu. Huwa/hija għandu jsejjaħ u jippresiedi l-laqgħat tal-Bord. Il-President tal-Bord u membru wieħed għandhom jinħatru mill-Kummissjoni fuq proposta tal-President, wara li jkun ikkonsulta l-Viċi President għall-Euro u d-Djalogu Soċjali u l-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana. It-tliet membri l-oħra għandhom jinħatru mill-Kummissjoni fuq proposta tal-President, wara li jikkonsulta, il-kunsilli fiskali nazzjonali, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Grupp ta' Ħidma tal-Grupp tal-Euro. Għall-membri kollha tal-Bord, inkluż il-President tal-Bord, għandha tapplika politika ta' opportunitajiet indaqs.
3. Il-President u l-membri tal-Bord għandhom ikunu esperti internazzjonali rinomati maħtura fuq il-bażi ta' mertu, ħiliet, għarfien tal-makroekonomija u l-finanzi pubbliċi, u esperjenza relevanti tal-politika fiskali u tal-ġestjoni baġitarja.
4. Il-membri tal-Bord għandhom jinħatru għal perjodu ta' tliet snin, li jista' jiġġedded darba.
5. Il-President tal-Bord u l-membri tal-Bord għandhom jinħatru bħala Konsulenti Speċjali, li l-istatus u r-remunerazzjoni tagħhom huma definiti skont l-Artikoli 5, 123 u 124 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta' Uffiċjali Oħrajn.
6. L-ispejjeż għall-ivvjaġġar u s-sussistenza li jagħmlu l-President tal-Bord u l-Membri jitħallsu lura mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fi ħdan il-Kummissjoni. Dawk l-ispejjeż għandhom jiġu rimburżati fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.
7. Il-Bord għandu jkun appoġġat minn segretarjat li jkun jikkonsisti f'Kap tas-Segretarjat u membri tal-persunal ta' sostenn dedikati. Is-Segretarjat huwa marbut, għal għanijiet amministrattivi, mas-Segretarjat Ġenerali u għandu jkun responsabbli għall-attivitajiet li ġejjin:
|
(a) |
jassisti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Bord billi jħejji l-laqgħat tal-Bord, jeżamina d-dokumenti li għandhom jiġu diskussi u jimmonitorja l-progress tax-xogħol fl-isfond tal-prijoritajiet stabbiliti mill-Bord; |
|
(b) |
jipprovdi appoġġ analitiku, statistiku, amministrattiv u loġistiku ta' kwalità għolja lill-Bord taħt id-direzzjoni tal-President tal-Bord; |
|
(c) |
jiżgura kooperazzjoni mal-kunsilli fiskali nazzjonali kif meħtieġ biex jappoġġa l-missjoni u l-kompiti tal-Bord f'konformità mal-Artikolu 2. |
8. L-Analist Prinċipali tal-Ekonomija stabbilit bid-Deċiżjoni C(2015) 2665 għandu jeżerċita l-funzjoni ta' Kap tas-Segretarjat. Il-kompiti tiegħu/tagħha jinkludu t-tħejjija tat-twaqqif tal-Bord. Il-membri l-oħra tas-Segretarjat għandhom ikunu uffiċjali, aġenti temporanji, aġenti kuntrattwali, esperti nazzjonali ssekondati, magħżula mill-Kap tas-Segretarjat bi ftehim mal-President tal-Bord. Il-membri kollha tas-Segretarjat għandhom ikunu magħżula fuq il-bażi ta' livelli għoljin ta' kwalifiki u esperjenza f'oqsma rilevanti għall-attività tal-Bord u jiġu assenjati jew marbuta (mis à disposition).
Artikolu 4
Indipendenza
1. Fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, il-membri tal-Bord għandhom jaġixxu indipendentement u la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mill-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni, jew minn xi gvern ta' Stat Membru jew minn xi entità pubblika jew privata oħra. Il-membri tas-segretarjat għandhom jieħdu biss struzzjonijiet mill-Bord.
2. Il-membri tal-Bord għandhom jiddivulgaw kwalunkwe kunflitt ta' interess potenzjali fir-rigward ta' valutazzjoni jew opinjoni partikolari lill-President tal-Bord, li għandu jieħu kull miżura xierqa, u jista' jiddeċiedi li l-membru konċernat m'għandux jieħu sehem fit-tħejjija u l-adozzjoni ta' dik il-valutazzjoni jew opinjoni. Rigward il-President tal-Bord, kwalunkwe diffikultà bħal din għandha tkun deċiża permezz ta' deċiżjoni tal-Bord.
Artikolu 5
Funzjonament
1. Il-Bord għandu jadotta l-opinjoni tiegħu biss meta tal-anqas tliet membri, inkluż il-President tal-Bord, ikunu preżenti. Il-Bord għandu jfittex li jadotta pariri kemm jista' jkun b'kunsens. Jekk ma jkunx jista' jintlaħaq kunsens, huwa għandu jiddeċiedi b'maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu preżenti fil-laqgħa inkluż il-President tal-Bord, fejn l-astensjonijiet ma jingħaddux bħala vot. F'każ li l-voti jkunu ndaqs, il-President tal-Bord ikollu l-vot deċiżiv.
2. Il-Bord għandu jistabbilixxi r-Regoli ta' Proċedura tiegħu stess.
3. Il-Bord għandu jopera skont ir-Regoli ta' Proċedura tiegħu stess. Il-laqgħat tal-Bord m'għandhomx ikunu miftuħa għall-pubbliku.
4. Memorandum ta' Qbil li jistabbilixxi l-modalitajiet prattiċi rigward l-ambitu u l-mezzi ta' kooperazzjoni, inkluż b'mod partikolari l-aċċess għal informazzjoni relevanti, għandu jiġi konkluż bejn il-Bord u s-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni.
Artikolu 6
Trasparenza
Il-Bord għandu jippubblika rapport annwali dwar l-attivitajiet tiegħu, li għandu jinkludi sommarji tal-pariri tiegħu u l-evalwazzjonijiet mogħtija lill-Kummissjoni.
Artikolu 7
Dispożizzjonijiet finali
Din id-Deċiżjoni hija effettiva mill-1 ta' Novembru 2015.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Ottubru 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) Id- Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41).