18.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 216/142


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/983

tas-17 ta’ Ġunju 2021

li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ foil tal-aluminju għall-modifikazzjoni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (“ir-Regolament bażiku”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Istati Membri,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Il-bidu

(1)

Fit-22 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet investigazzjoni anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ foil tal-aluminju għall-modifikazzjoni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”, “iċ-Ċina” jew “il-pajjiż ikkonċernat”) fuq il-bażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/1036. Hija ppubblikat Notifika ta’ Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-Notifika ta’ Bidu”).

(2)

Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara lment ippreżentat fis-7 ta’ Settembru 2020 (3) minn sitt produtturi tal-Unjoni (“l-ilmentaturi”), li jirrappreżentaw aktar minn 50 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-foil tal-aluminju għall-modifikazzjoni (“ACF” jew il-“prodott ikkonċernat”). L-ilment kien fih evidenza ta’ dumping u ta’ dannu materjali riżultanti li kienet biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni.

1.2.   Reġistrazzjoni

(3)

Skont l-Artikolu 14(5a) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirreġistra l-importazzjonijiet soġġetti għal investigazzjoni anti-dumping matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni sakemm ma jkollhiex biżżejjed evidenza li ċerti rekwiżiti ma ġewx issodisfati. Wieħed minn dawn ir-rekwiżiti, kif indikat fl-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament bażiku, huwa li addizzjonalment għal-livell tal-importazzjonijiet li jkunu kkawżaw dannu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni jkun hemm żieda sostanzjali oħra fl-importazzjonijiet. Kif jista’ jidher fit-Tabella 1, l-importazzjonijiet ta’ foil tal-aluminju għall-modifikazzjoni li joriġinaw mir-RPĊ urew tnaqqis ta’ 22 % fil-ħames xhur wara l-bidu meta mqabbla mal-perjodu ta’ investigazzjoni (mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020). Peress li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni fil-fajl li l-importazzjonijiet ta’ foil tal-aluminju għall-modifikazzjoni kif definit fil-premessa (45) hawn taħt huma soġġetti għal varjazzjonijiet staġjonali, il-Kummissjoni ma qisitx li kien meħtieġ li tqabbel ukoll il-livell tal-importazzjonijiet matul il-perjodu minn Novembru 2019 sa Marzu 2020 mal-livell tal-importazzjonijiet matul l-istess xhur fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Id-data wara l-bidu kienet ibbażata fuq il-kodiċijiet TARIC maħluqa għall-prodott ikkonċernat fil-bidu. Din tqabblet mal-importazzjonijiet medji ta’ kull xahar mir-RPĊ għall-PI.

Tabella 1

Importazzjonijiet miċ-Ċina fil-PI u wara l-bidu (tunnellati)

 

Perjodu ta’ investigazzjoni

Medja ta’ kull xahar tal-perjodu ta’ investigazzjoni

Novembru 2020 - Marzu 2021

Novembru 2020 - Marzu 2021 medja ta’ kull xahar

Importazzjonijiet miċ-Ċina fl-UE

44 276

3 689

14 465

2 893

Sors: Il-bażi tad-data tal-Eurostat u Surveillance II

(4)

Konsegwentement, il-Kummissjoni ma għamlitx l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat soġġetti għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5a) tar-Regolament bażiku, peress li l-kundizzjoni tal-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament bażiku, jiġifieri żieda sostanzjali oħra fl-importazzjonijiet, ma ġietx issodisfata.

1.3.   Il-partijiet interessati

(5)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jagħmlu kuntatt magħha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, hija infurmat b’mod speċifiku lill-ilmentaturi, lill-produtturi magħrufa tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufa u lill-awtoritajiet fir-RPĊ, lill-importaturi u lill-utenti magħrufa kif ukoll lill-assoċjazzjonijiet magħrufa li huma kkonċernati dwar il-bidu tal-investigazzjoni u stednithom biex jipparteċipaw.

(6)

Il-partijiet interessati kellhom opportunità li jikkummentaw dwar il-bidu tal-investigazzjoni u li jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Smigħ fil-proċedimenti kummerċjali.

(7)

Bosta partijiet talbu li jsir smigħ mas-servizzi tal-Kummissjoni. Il-partijiet li għamlu talba sal-iskadenzi stipulati ngħataw opportunità li jinstemgħu.

1.4.   Kummenti dwar il-bidu

(8)

Utent wieħed, Manreal, kif ukoll konsorzju ta’ ħames importaturi, Cartonal Italia, Cutting Packaging, Now Plastics, QualityFoil u Transparent Paper, affermaw li l-informazzjoni fl-ilment ħafna drabi kienet inkonsistenti u bbażata fuq suppożizzjonijiet mhux sostanzjati u mhux affidabbli. Wieħed mill-produtturi esportaturi, Xiamen, ippreżenta argumenti simili.

(9)

L-ewwel, il-partijiet interessati argumentaw li l-ilment kien inkonsistenti mal-mod li bih ġiet aggregata d-data li tikkonċerna l-industrija tal-UE u s-sehem tal-produzzjoni totali tal-ACF miżmuma mill-ilmentaturi. L-ilmentaturi indikaw il-proporzjoni tagħhom mill-industrija tal-Unjoni b’valuri differenti: 69,93%, 61,20% u 70% tal-produzzjoni totali tal-Unjoni.

(10)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ispjegazzjonijiet mogħtija għal dawn il-valuri differenti fl-ilment huma ċari biżżejjed. Kif indikat fil-paġna 6 tal-ilment, 69,93 % jirrappreżentaw il-perċentwal tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-ilmentaturi kollha. Din iċ-ċifra tinżel għal 61,20 %, jekk il-Kummissjoni tqis li waħda mill-kumpaniji li qed iressqu l-ilment kellha tiġi eskluża mill-kalkolu, peress li din il-kumpanija timporta kwantitajiet limitati tal-ACF mir-RPĊ. F’paġna 36 l-ilmentaturi jindikaw li l-analiżi tad-dannu tappartjeni lil grupp partikolari ta’ kumpaniji, li jinkludi lil Novelis li mhijiex ilmentatur, u li flimkien jirrappreżentaw mill-inqas 70 % tal-produzzjoni tal-Unjoni. Din iċ-ċifra ta’ 70 % tirreferi għas-sehem tal-produzzjoni tal-UE tal-ilmentaturi kollha, jiġifieri 69,93 %, flimkien ma’ dak ta’ Novelis, u hija valur approssimat. Peress li s-70 % jintuża għal deskrizzjoni u mhux għal kalkolu, ma hemm l-ebda influwenza fuq l-analiżi li tirriżulta mill-approssimazzjoni. Fi kwalunkwe każ, dawn il-perċentwali kollha jissodisfaw il-limitu stabbilit fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.

(11)

It-tieni, il-partijiet interessati jqisu li huwa inkonsistenti li l-ilmentaturi inkludew id-data ta’ Novelis, li waqqfet il-produzzjoni tagħha tal-prodott ikkonċernat fl-2019, fl-analiżi tagħha tad-dannu. L-impatt tal-interruzzjoni tal-produzzjoni ta’ Novelis fuq il-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-ACF fl-2019 u l-perjodu ta’ investigazzjoni (ara l-premessa (38)) kif ukoll is-sehem tal-produzzjoni totali tal-Unjoni maħsuba għall-użu kaptiv ma jkunux affidabbli.

(12)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ispjegazzjonijiet rigward l-impatt tad-data ta’ Novelis fl-ilment huma affidabbli. L-ilment matul l-analiżi tad-dannu indika data jew dettalji speċifiċi marbuta ma’ Novelis, li wrew l-impatt ta’ din id-data. Barra minn hekk, il-ħruġ ta’ Novelis mill-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat huwa parti mill-iżvilupp tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat. Billi l-inklużjoni tad-data ta’ Novelis kienet iddikjarata b’mod ċar, il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tivvaluta l-influwenza fuq l-użu kaptiv, rilevanti għad-dannu. L-evidenza, inkluża d-data ta’ Novelis, tqieset biżżejjed u affidabbli biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ investigazzjoni.

(13)

It-tielet, il-partijiet interessati kkritikaw l-approċċ tal-ilmentaturi biex jibbażaw il-kalkolu tagħhom tal-produzzjoni totali tal-Unjoni fuq id-data tal-EAFA (European Aluminium Foil Association) aġġustata għall-volum tal-produzzjoni tal-ilmentaturi, bl-applikazzjoni ta’ aġġustament ulterjuri ta’ 5 % biex jitqies il-fatt li żewġ kumpaniji li ressqu l-ilment ma kinux jipproduċu foil għal użu domestiku, bħala wieħed inċert b’mod inerenti u bbażat fuq suppożizzjonijiet. Xiamen żied jgħid li t-tnaqqis fil-produzzjoni jsegwi x-xejra fil-konsum u jkun saħansitra kemxejn aħjar mit-tnaqqis fil-konsum. Barra minn hekk, il-ħruġ ta’ bosta produtturi tal-Unjoni mis-suq tal-ACR ġie allegatament deskritt b’mod li ma kienx rappreżentattiv, b’konsegwenza tad-dannu, kuntrarju għall-istqarriji mill-istampa li ddeskrivewh bħala wieħed imsejjes fuq deċiżjonijiet ta’ kummerċ volontarju.

(14)

Il-Kummissjoni kkunsidrat il-metodu ta’ kalkolu bbażat fuq id-data tal-EAFA bħala affidabbli biżżejjed biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ investigazzjoni. L-argument ta’ Xiamen li t-tnaqqis fil-produzzjoni jsegwi biss it-tnaqqis fil-konsum ma huwiex konsistenti mal-fatt li l-produtturi tal-Unjoni matul dan il-perjodu tilfu s-sehem mis-suq. Madankollu, stqarrijiet għall-istampa li jinstemgħu pożittivi minn produtturi tal-Unjoni li ddeċidew li joħorġu mis-suq ma humiex evidenza definittiva tar-raġunijiet sottostanti reali għalfejn il-produtturi kkonċernati setgħu ħarġu mis-suq.

(15)

Ir-raba’, il-partijiet interessati affermaw li l-metodu tal-ilmentaturi biex jistmaw il-volum totali tal-bejgħ bħala “l-konsum tal-prodott ikkonċernat fl-UE nieqes l-importazzjonijiet totali tal-prodott ikkonċernat” kien wieħed distorsiv peress li dan ma jkunx jinkludi distinzjoni tal-bejgħ kaptiv. Huma argumentaw li jenħtieġ li l-produzzjoni maħsuba għas-suq ħieles tal-UE biss tkun rilevanti għall-analiżi. Xiamen żied l-argument li mill-inqas produttur wieħed tal-Unjoni allegatament ipproduċa kważi esklużivament foils tal-aluminju għall-użu domestiku , biex b’hekk kompla jikkawża aktar distorsjoni fil-volum totali stmat ta’ bejgħ.

(16)

Il-Kummissjoni kkunsidrat il-metodu tal-ilmentaturi bħala preċiż biżżejjed għall-fini tal-ilment. Kif evidenti mill-analiżi tal-bejgħ matul il-perjodu kkunsidrat fil-premessa (271), il-bejgħ kaptiv mhuwiex sinifikanti biżżejjed biex jixħet dubju fuq l-analiżi ġenerali tad-dannu.

(17)

Il-ħames, il-partijiet interessati ddikjaraw li d-data hija waħda distorta minħabba l-metrika użata. Filwaqt li l-ilment jipprovdi data f’tunnellati, kellu jiġi kkomplementat b’data fil-medja ta’ mikroni (mikrometru) minħabba li x-xejra tas-suq għat-tnaqqis fil-ħxuna tkun twassal għal output ogħla ta’ m2 għal kull tunnellata.

(18)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li x-xejra li titnaqqas il-ħxuna tal-ACF ma tagħmilx id-data pprovduta f’tunnellati mhux affidabbli billi din hija kkomplementata wkoll b’data dwar is-sehem mis-suq u x-xejra li ssir bidla għal foil irqaq taffettwa lill-produtturi kollha bl-istess mod.

(19)

Is-sitta, il-partijiet interessati kkontestaw l-affidabbiltà u l-akkuratezza tal-indikaturi fl-ilment billi rreferew għal elementi iżolati multipli li jikkonċernaw id-differenzi fl-ammonti fit-tabelli li jinsabu fl-ilment, meta mqabbla mat-tabelli fil-verżjonijiet miftuħa tal-Anness 1A.2 tal-ilment, li allegatament affettwaw l-indikaturi.

(20)

Il-Kummissjoni tinnota li d-diskrepanzi allegati fil-valuri joriġinaw mill-fatt li l-Anness 1A.2 jipprovdi sommarju taċ-ċifri aggregati tal-kumpaniji li lmentaw, filwaqt li fil-verżjoni kunfidenzjali ġew indikati ċifri dettaljati għal kull kumpanija. Barra minn hekk, it-tabelli fl-ilment jinkludu ċ-ċifri marbuta ma’ Novelis, li madankollu d-dokument jindika b’mod ċar. Għalhekk, id-diskrepanzi fiċ-ċifri bejn id-dokument prinċipali u l-Annessi ma jirriżultawx f’inkonsistenzi. B’żieda ma’ dan, għall-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni qagħdet fuq l-Annessi aktar dettaljati speċifiċi għall-kumpanija, fil-verżjoni kunfidenzjali. Għalhekk, il-modi differenti ta’ kif jintwerew iċ-ċifri ma affettwawx il-kapaċità tal-Kummissjoni biex tivvaluta l-indikaturi tad-dannu.

(21)

Is-seba’, il-partijiet interessati sostnew li l-ilment ma kienx fih evidenza pożittiva dwar l-eżistenza ta’ dannu materjali mill-importazzjonijiet li joriġinaw mir-RPĊ u kien jirreferi għal nuqqasijiet fl-allegazzjonijiet dwar l-indikaturi makro u mikro, għar-raġuni li bosta indikaturi ma kinux juru tnaqqis, jew kienu juru biss tnaqqis żgħir.

(22)

Il-Kummissjoni fakkret li l-Artikolu 5(2) tar-Regolament bażiku jirrikjedi li l-ilment għandu jkun fih, sal-punt li jkun raġonvolment disponibbli għall-ilmentatur, informazzjoni dwar il-bidliet fil-volum ta’ importazzjonijiet allegatament oġġett ta’ dumping, l-effett ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq il-prezzijiet tal-prodott simili fis-suq tal-Unjoni u l-impatt konsegwenti tal-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni, kif muri minn fatturi u indiċijiet rilevanti (iżda mhux neċessarjament kollha) li jaffettwaw l-istat tal-industrija tal-Unjoni, bħal dawk elenkati fl-Artikoli 3(3) u (5) tar-Regolament bażiku. F'dan il-każ, l-analiżi speċifika tad-dannu fl-ilment uriet li hemm biżżejjed evidenza li tindika penetrazzjoni sinifikanti tas-suq tal-UE mill-importazzjonijiet Ċiniżi magħmula bi prezzijiet li sostanzjalment iwaqqgħu l-prezz u li jwasslu għal bejgħ taħt il-prezz tal-industrija tal-Unjoni. Għalhekk il-Kummissjoni qieset li l-ilment kien fih biżżejjed evidenza li dan kien ta’ dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni. Għaldaqstant, dawn il-pretensjonijiet ma ntlaqgħux.

(23)

Utent wieħed, Alupol Packaging, ikkritika li, għall-kuntrarju tad-definizzjoni tal-prodott ippreżentata mill-ilmentaturi, li kienet tinkludi “mhux maħdum aktar ħlief irrumblat”, l-ACF mixtri b’mod regolari jgħaddi minn trattament ulterjuri mill-produttur, inkluż il-qsim, il-qtugħ fil-wisa’ meħtieġ, il-ġontar fiċ-ċrieki u fid-dijametri partikolari kif ukoll l-ittemprar (normalizzazzjoni).

(24)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-passi addizzjonali tal-produzzjoni indikati minn Alupol Packaging bħala parti inerenti tal-proċess ta’ produzzjoni u li jikkwalifika bħala “mhux maħdum aktar ħlief irrumblat”. Barra minn hekk, il-wisgħa tifforma parti mill-istruttura tan-numru ta’ kontroll tal-prodott. (Product Control Number, “PCN”). Għalhekk, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(25)

Fil-kummenti tagħhom dwar il-bidu, diversi partijiet interessati inkludew kummenti relatati mat-talbiet ta’ esklużjoni għall-ACF bi ħxuna taħt is-6 mikroni u għall-ACF użat għall-batteriji tal-vetturi elettriċi. Fl-istadju tal-bidu, ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li tali segmenti kien meħtieġ li jiġu analizzati b’mod separat. Madankollu, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiġbor data addizzjonali relatata ma’ dawn it-talbiet. Dawn il-kummenti, kif ukoll il-kummenti relatati mal-introduzzjoni ta’ limitu inferjuri għall-ħxuna fid-definizzjoni tal-prodott b’mod ġenerali, huma indirizzati b’mod separat fit-Taqsima 2.3. dwar it-talbiet għall-esklużjoni. Il-kummenti relatati ma’ nuqqas mistenni ta’ provvista fil-każ tal-impożizzjoni ta’ dazji, inklużi dawk li jirriżultaw mill-konsum kaptiv kif ukoll pretensjonijiet għal investimenti insuffiċjenti mill-industrija tal-Unjoni, huma indirizzati fit-Taqsima 6 dwar l-interess tal-Unjoni.

1.5.   Kampjunar

(26)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li tista’ tieħu kampjun tal-partijiet interessati f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

1.5.1.   Il-kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

(27)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni stqarret li kienet għażlet b’mod provviżorju kampjun tal-produtturi tal-Unjoni. Hija għażlet il-kampjun abbażi tal-volum tal-produzzjoni u tal-bejgħ tal-prodott simili fl-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-kampjun kien jikkonsisti fi tliet produtturi tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun kienu jirrappreżentaw aktar minn 50 % tal-produzzjoni totali stmata u 40 % tal-volum tal-bejgħ totali stmat tal-Unjoni tal-prodott simili. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet ikkonċernati jikkummentaw dwar il-kampjun provviżorju. Ma wasal l-ebda kumment dwar il-kampjun provviżorju.

(28)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-kampjun ġie kkunsidrat li kien rappreżentattiv tal-industrija tal-Unjoni.

1.5.2.   Il-kampjunar tal-importaturi

(29)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lil importaturi mhux relatati jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu.

(30)

Żewġ importaturi mhux relatati pprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jkunu inklużi fil-kampjun. Minħabba l-għadd żgħir ta’ tweġibiet, il-kampjunar ta’ importaturi mhux relatati ma kienx meħtieġ.

1.5.3.   Il-kampjunar tal-produtturi esportaturi

(31)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi magħrufa kollha fir-RPĊ sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Unjoni Ewropea sabiex tidentifika u/jew tikkuntattja lil produtturi esportaturi oħrajn, jekk hemm, li jistgħu jkunu interessati jipparteċipaw fl-investigazzjoni.

(32)

Disa’ produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat ipprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. F’konformità mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta’ tliet kumpaniji bbażat fuq l-ikbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Dawn il-kumpaniji kienu jirrappreżentaw aktar minn 90 % tal-importazzjonijiet totali stmati tal-Unjoni tal-prodott ikkonċernat. F’konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi magħrufa kollha kkonċernati u l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat ingħataw l-opportunità li jikkummentaw dwar l-għażla tal-kampjun. Ma wasal l-ebda kumment.

1.6.   Eżami individwali

(33)

Sitt produtturi esportaturi fiċ-Ċina, li talbu eżami individwali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, ġew mistiedna jissottomettu tweġiba għall-kwestjonarju. Madankollu, l-ebda produttur esportatur ma ssottometta kwestjonarju komplut sal-iskadenza. Għalhekk, ma setgħet tiġi eżaminata l-ebda talba għal eżami individwali.

1.7.   It-tweġibiet għall-kwestjonarju u ż-żjarat ta’ verifika

(34)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fiċ-Ċina fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“GtĊ”). Hija bagħtet ukoll kwestjonarju lill-GtĊ dwar id-distorsjonijiet fil-materja prima fis-sens tal-Artikolu 7(2a) u (2b) tar-Regolament bażiku.

(35)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, lill-importaturi magħżula, lill-utenti u lill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun. L-istess kwestjonarji kienu wkoll disponibbli online (4) fil-jum tal-bidu.

(36)

Il-Kummissjoni rċeviet tweġibiet għall-kwestjonarju minn tliet produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, sitt produtturi tal-Unjoni mhux inklużi fil-kampjun (kwestjonarju makro), importatur mhux relatat, disa’ utenti u tliet produtturi esportaturi.

(37)

Fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri ta’ konfinament stabbiliti minn diversi Stati Membri kif ukoll minn diversi pajjiżi terzi, il-Kummissjoni ma setgħetx twettaq żjarat ta’ verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku fi stadju provviżorju. Minflok, il-Kummissjoni kontroverifikat mill-bogħod l-informazzjoni kollha meqjusa meħtieġa għad-determinazzjonijiet provviżorji tagħha f’konformità mal-Avviż tagħha dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji (5). Il-Kummissjoni wettqet kontroverifiki mill-bogħod (“RCC”) tal-kumpaniji/partijiet li ġejjin:

 

Produtturi tal-Unjoni

—

Carcano Antonio Spa, (“Carcano”), l-Italja

—

Eurofoil Luxembourg S.A. (“Eurofoil”), il-Lussemburgu

—

Hydro Aluminium Rolled Products GmbH (“Hydro”), il-Ġermanja

 

Produtturi esportaturi fiċ-Ċina

—

Jiangsu Zhongji Lamination Materials Co., Ltd. (“Zhongji”)

—

Yantai Donghai Aluminum Foil Co., Ltd (“Donghai”)

—

Xiamen Xiashun Aluminium Foil Co., Ltd. (“Xiamen”)

1.8.   Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu kkunsidrat

(38)

L-investigazzjoni tad-dumping u d-dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni” jew “PI”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2017 sat-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

1.9.   Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE

(39)

Dan il-każ inbeda matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni wara l-ħruġ tar-Renju Unit (“UK”) mill-UE. Matul dan il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-Renju Unit baqa’ soġġett għad-dritt tal-Unjoni. Il-perjodu ta’ tranżizzjoni ntemm fil-31 ta’ Diċembru 2020. Konsegwentement, mill-1 ta’ Jannar 2021, kumpaniji u assoċjazzjonijiet li jinsabu fir-Renju Unit ma baqgħux jikkwalifikaw aktar bħala partijiet interessati f’dan il-proċediment. Bħala konklużjoni, billi r-Renju Unit ma għadux soġġett għad-dritt tal-Unjoni, is-sejbiet dwar id-dumping u d-dannu huma bbażati fuq id-data tas-suq tal-EU-27.

2.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

2.1.   Il-prodott ikkonċernat

(40)

Il-prodott soġġett għal din l-investigazzjoni huwa l-foil tal-aluminju għall-modifikazzjoni (“ACF”) ta’ ħxuna ta’ inqas minn 0,021 mm, mingħajr rinforz, mhux maħdum aktar ħlief irrumblat, f’rombli ta’ piż li jaqbeż l-10 kg li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li bħalissa kklassifikat taħt il-kodiċi NM ex 7607 11 19 (il-kodiċijiet TARIC 7607111960 u 7607111991) (“il-prodott ikkonċernat”). Il-kodiċijiet NM u TARIC qed jingħataw għall-informazzjoni biss.

Il-prodotti li ġejjin huma esklużi:

—

Il-foil tal-aluminju għal użu domestiku ta’ ħxuna ta’ mhux inqas minn 0,008 mm u ta’mhux aktar minn 0,018 mm, mingħajr rinforz, mhux maħdum aktar ħlief irrumblat, f’rombli mhux usa’ minn 650 mm u ta’ piż li jaqbeż l-10 kg.

—

Il-foil tal-aluminju għal użu domestiku ta’ ħxuna ta’ mhux anqas 0,007 mm iżda anqas minn 0,008 mm, indipendentement mill-wisa’ tar-rombli, kemm jekk ittemprat u kemm jekk mhux.

—

Il-foil tal-aluminju għal użu domestiku ta’ ħxuna ta’ mhux anqas minn 0,008 mm u ta’mhux aktar minn 0,018 mm, f’rombli usa’ minn 650 mm, kemm jekk ittemprat u kemm jekk mhux.

—

Il-foil tal-aluminju għal użu domestiku ta’ ħxuna ta’ mhux aktar 0,018 mm u anqas minn 0,021 mm, indipendentement mill-wisa’ tar-rombli, kemm jekk ittemprat u kemm jekk mhux.

(41)

L-ACF jiġi fornut f’rukkelli jumbo u mbagħad ipproċessat f’konvertitur (laminat, miksi, ivverniċjat, estruż (stampat) ifformattjat). Wara l-konverżjoni, l-ACF jintuża f’varjetà wiesgħa ta’ applikazzjonijiet inkluż l-imballaġġ tal-ikel, tal-prodotti farmaċewtiċi, tal-prodotti kożmetiċi u tat-tabakk kif ukoll fil-materjali tal-bini.

(42)

L-ACF jiġi mmanifatturat billi l-ewwel jiġu rrumblati ingotti msaħħna (laminazzjoni termali) għat-tnaqqis għal kojls ta’ ħxuna bejn 2 u 4 mm. Imbagħad, suċċessivament il-kojls jiġu rrumblati kesħin għall-ħxuna meħtieġa tal-foil. It-tieni metodu possibbli ta’ rrumblar tal-foil, ikkastjar kontinwu, jevita l-istadju tal-ingotti u jikkonverti metall imdewweb direttament fi strixxa ħoxna, li tiġi rrumblata immedjatament fil-kojl li minnu l-foil imbagħad jiġi rrumblat.

2.2.   Il-prodott simili

(43)

L-investigazzjoni wriet li l-prodotti li ġejjin għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi, kif ukoll l-istess użi bażiċi:

—

il-prodott ikkonċernat;

—

il-prodott immanifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku tal-RPĊ; u

—

l-prodott immanifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni.

(44)

Għalhekk, f’dan l-istadju, il-Kummissjoni ddeċidiet li dawn il-prodotti huma prodotti simili fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

2.3.   Dikjarazzjonijiet dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott

(45)

Diversi partijiet ippreżentaw talbiet għall-esklużjoni tal-prodotti li jikkonċernaw il-prodotti li ġejjin: ACF ta’ ġejġ inqas minn 6 mikroni (“ACF<6”) u ACF għall-batteriji tal-karozzi elettriċi (“ACF għall-batteriji tal-karozzi”).

2.3.1.   ACF ta’ gejġ inqas minn 6 mikroni

(46)

Bosta utenti, Walki, Gascogne u Alupol, iddikjaraw li l-produtturi tal-Unjoni ma joffrux ACF<6. Dan huwa allegatament evidenzjat mill-fatt li l-produtturi tal-Unjoni ma jippromwovux tali prodott fuq il-paġni web tagħhom, fil-fuljetti tagħhom u mir-rifjut tagħhom ta’ ordnijiet ta’ tali prodotti. Il-produtturi tal-Unjoni lanqas ma jkunu interessati li joffru ACF<6, peress li l-kapaċità tal-produzzjoni tagħhom hija mimlija b’ordnijiet ta’ prodotti oħra, li jindikaw ukoll id-domanda mistennija għal foil tal-batteriji awtomotivi. Il-produtturi tal-Unjoni ma jkunux f’pożizzjoni li jipprovdu l-kwalità “kummerċjali” mitluba, speċjalment fir-rigward tal-porożità/permeabilità, imkejla mill-għadd massimu ta’ toqob għal kull metru kwadru. Barra minn hekk, l-użu tal-ACF irqaq ikun aktar ekoloġiku u għal din ir-raġuni wkoll jenħtieġ li jiġi eskluż mid-definizzjoni tal-prodott.

(47)

Barra minn hekk, utenti oħra, Tetrapak u Huhtamäki argumentaw li l-industrija tal-Unjoni jkollha limitazzjonijiet ta’ provvista għall-ACF irqaq.

(48)

Il-Kummissjoni talbet lid-disa’ utenti kollha li jikkooperaw mal-investigazzjoni biex jispeċifikaw id-domanda attwali tagħhom għall-ACF<6 u s-sorsi tagħha. Utent wieħed biss ikkonferma li matul il-PI xtara ammont ta’ ACF<6 li qabeż il-limitu tal-kwalità għall-produzzjoni kummerċjali, minn produttur Ċiniż wieħed. Madankollu, anke għal dan l-utent ACF<6 jirrappreżenta parti żgħira ħafna mill-konsum tal-ACF tiegħu. Utenti oħra indikaw biss talbiet mill-klijenti rispettivi tagħhom għal prodotti li kienu jinkludu ACF<6, li skattaw ordnijiet ta’ prova kemm lill-industrija tal-ACF tal-Unjoni kif ukoll lill-produtturi Ċiniżi wara l-PI.

(49)

It-tweġibiet indikaw li d-domanda għall-ACF<6 bdiet reċentement u tinsab f’xejra dejjem tiżdied. Kif imsemmi fil-premessa (50) kien hemm xi talba limitata għalih matul l-aħħar għaxar snin, iżda l-ebda tendenza ċara. Dan huwa konformi mal-ispjegazzjonijiet mill-produtturi tal-Unjoni li fil-passat kien hemm ukoll moviment gradwali għal ħxuna irqaq ta’ ACF, mill-medda ta’ 7-8 mikroni li hija l-medda aktar baxxa fil-passat għal 6 u 6,35 mikroni u li saret l-istandard attwali għal ħafna applikazzjonijiet.

(50)

Filwaqt li stħarriġ fost il-produtturi tal-Unjoni wera li, apparti n-negozjati diretti, l-ebda wieħed minnhom bħalissa ma jikkummerċjalizza b’mod attiv l-ACF<6, il-Kummissjoni ġabret biżżejjed evidenza li l-produtturi tal-Unjoni huma kapaċi jipproduċu l-ACF<6. Dan jinkludi l-produzzjoni ta’ rombli tat-test wara l-PI, li skont id-dokumentazzjoni tal-ittestjar kienet tissodisfa d-domanda teknika tax-xerrej. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tikkonferma l-bejgħ ta’ ACF<6 ta’ diversi produtturi tal-Unjoni fi kwantitajiet ta’ produzzjoni kummerċjali, anki jekk fuq skala limitata, fuq perjodu ta’ għaxar snin qabel il-PI. Il-Kummissjoni tista’ wkoll tosserva investimenti fil-kontroll tal-kwalità. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni tista’ tipprovdi kwalità biex tissodisfa d-domanda tas-suq.

(51)

It-tieni, l-kapaċità għall-produzzjoni ta’ ACF<6 hija limitata minħabba fl-aħħar pass jiġifieri l-magni tal-irrumblar. Il-Kummissjoni analizzat il-kapaċità ta’ diversi produtturi tal-Unjoni f’dan l-aħħar pass, filwaqt li qieset ukoll id-domanda għal prodotti oħra fid-diversi stadji tal-produzzjoni. Il-produtturi kollha tal-Unjoni inklużi fil-kampjun għandhom biżżejjed kapaċità libera biex tippermettilhom jipprovdu ACF<6, anke jekk id-domanda għall-foil tal-batteriji tal-karozzi tiżdied fil-futur. Għalhekk il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonferma r-riskju ta’ nuqqas ta’ provvista għal żieda fil-futur fid-domanda ta’ ACF<6.

(52)

It-tielet, rigward l-argument li l-użu ta’ ACF irqaq huwa aktar favur l-ambjent, il-Kummissjoni fakkret li l-effett intenzjonat tal-miżuri ta’ difiża tal-kummerċ ma huwiex li jipprevjeni l-importazzjonijiet ta’ prodott partikolari iżda li jiżgura li dawk l-importazzjonijiet jiġu nnegozjati bi prezzijiet li ma jikkawżawx dannu. Il-Kummissjoni fakkret ukoll fil-kapaċità tal-produtturi tal-Unjoni li jimmanifatturaw l-ACF<6 kif deskritt fil-premessa (50) hawn fuq.

(53)

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument ta’ Tetrapak u Huhtamäki rigward il-limitazzjoni tal-provvista, l-investigazzjoni żvelat li l-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni ta’ ACF<6 hija b’mod ferm akbar mid-domanda.

(54)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ċaħdet b’mod provviżorju t-talba għall-esklużjoni ta’ ACF<6 mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat.

2.3.2.   ACF għall-batteriji tal-karozzi

(55)

Parti interessata waħda, Xiamen, talbet li jiġi eskluż il-foil tal-aluminju tal-batteriji għall-vetturi għar-raġunijiet li ġejjin:

—

Il-foil tal-aluminju tal-batteriji għall-vetturi huwa prodott differenti ħafna b’użu differenti, billi juża l-ligi 1050 / 1060 / 1100 / 3003 filwaqt li l-ligi ewlenin biex jiġi prodott l-ACF għall-imballaġġ huma l-ligi 8079 / 8011;

—

it-tagħmir u l-proċessi tal-produzzjoni huma differenti, u dan jirriżulta f’żewġ superfiċji b’kulur jgħajjat meta mqabbla mas-superfiċje matt/b’kulur jgħajjat ta’ ACF ieħor. Dan iwassal ukoll għal kost tal-produzzjoni u prezzijiet tal-bejgħ differenti;

—

mhuwiex immanifatturat mill-produtturi tal-Unjoni; u

—

attwalment ma huwiex esportat lejn l-UE.

(56)

Bħala tweġiba, il-Kummissjoni l-ewwel ġibdet l-attenzjoni lejn il-fatt li l-ligi kollha msemmija mill-parti interessata kellhom l-istess karatteristika fis-sens li kollha kien fihom aktar minn 98 % tal-aluminju u l-ilment ma huwiex limitat għal liga speċifika. L-użu ta’ ligi differenti għal varjazzjonijiet differenti tal-prodott ma huwiex rari u ma jistax iservi bħala kriterji ta’ esklużjoni.

(57)

It-tieni, is-superfiċje b’kulur jgħajjat/matt huwa konsegwenza tal-irrumblar ta’ żewġ saffi ta’ ACF flimkien fl-aħħar magna tal-irrumblar, fejn il-ġnub tal-ACF faċċata ta’ xulxin matul l-irrumblar jirriżultaw matti. Dan il-metodu ta’ produzzjoni kien kopert mill-ilment, li ddikjara b’mod espliċitu li ż-żewġ superfiċje tal-ACF jistgħu jkunu b’kulur jgħajjat jekk dan ikun speċifikat mill-klijent (6). Għalhekk, l-użu maħsub tal-ACF għall-batteriji tal-vetturi ma jista’ jiġġustifika l-ebda esklużjoni mid-definizzjoni tal-prodott minħabba li l-karatteristiċi fiżiċi tal-prodott huma l-istess. L-istess japplika għall-kost ogħla minħabba l-irrumblar ta’ saff wieħed.

(58)

It-tielet, il-produzzjoni tal-batteriji tal-karozzi fl-Unjoni għadha fil-fażi inizjali tagħha. Il-Kummissjoni ġabret evidenza kunfidenzjali, li turi li l-produtturi tal-Unjoni qed jippreparaw biex jissodisfaw id-domanda ta’ dan is-segment emerġenti tas-suq. Barra minn hekk, l-argument jikkontradixxi l-pretensjoni ta’ Walki relatata mal-esklużjoni tal-ACF<6, li l-industrija tal-Unjoni tista’ tiffoka tant fuq il-foil tal-batteriji tal-vetturi li potenzjalment dawn ma jkunux interessati li jiddedikaw biżżejjed kapaċità ta’ produzzjoni għall-ACF<6.

(59)

Ir-raba’, il-fatt li bħalissa ma hemmx kwantitajiet kbar ta’ esportazzjonijiet mir-RPĊ jirrifletti l-fatt li l-produzzjoni tal-batteriji tal-vetturi elettriċi fl-UE għadha fil-bidu tagħha u għalhekk dan mhuwiex argument vijabbli għal esklużjoni.

(60)

L-analiżi wriet li l-ACF għall-batteriji tal-vetturi elettriċi hija teknikament ACF inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni definit tal-investigazzjoni.

(61)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ċaħdet b’mod provviżorju t-talba għall-esklużjoni ta’ ACF għall-batteriji tal-karozzi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat.

3.   DUMPING

3.1.   Proċedura għad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku

(62)

L-evidenza disponibbli fil-bidu tal-investigazzjoni indikat l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fir-RPĊ fis-sens tal-Artikolu 2(6a), il-punt (b) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien xieraq li tibda l-investigazzjoni wara li kkunsidrat l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

(63)

Sabiex tiġbor id-data meħtieġa għal applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni stiednet lill-produtturi esportaturi kollha fil-pajjiż ikkonċernat jipprovdu informazzjoni dwar l-inputs użati għall-produzzjoni tal-ACF. Seba’ produtturi esportaturi ppreżentaw l-informazzjoni rilevanti.

(64)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati kollha jippreżentaw il-fehmiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni tan-Notifika ta’ Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(65)

Fil-punt 5.3.2 tan-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati li abbażi tal-informazzjoni disponibbli f’dak l-istadju, pajjiżi rappreżentattivi xierqa possibbli skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku jistgħu jkunu t-Turkija u l-Brażil. Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li se teżamina pajjiżi rappreżentattivi oħra possibbilment xierqa f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

(66)

Fil-25 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni ħarġet l-Ewwel nota dwar is-sorsi għad-determinazzjoni tal-valur normali (“l-Ewwel Nota”) li permezz tagħha hija infurmat lill-partijiet interessati dwar is-sorsi rilevanti li hija kellha l-intenzjoni li tuża għad-determinazzjoni tal-valur normali. F’dik in-nota, il-Kummissjoni pprovdiet lista tal-fatturi kollha tal-produzzjoni, bħall-materja prima, il-manodopera u l-enerġija użati fil-produzzjoni tal-ACF. Barra minn hekk, il-Kummissjoni identifikat il-Brażil, ir-Russja u t-Turkija bħala pajjiżi rappreżentattivi xierqa possibbli. Il-Kummissjoni tat lill-partijiet interessati kollha l-opportunità li jikkummentaw. Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand il-produtturi esportaturi kollha inklużi fil-kampjun.

(67)

Fis-17 ta’ Marzu 2021, u wara li analizzat il-kummenti li rċeviet, il-Kummissjoni ħarġet it-Tieni nota dwar is-sorsi għad-determinazzjoni tal-valur normali (“it-Tieni Nota”) (l-Ewwel Nota u t-Tieni Nota huma kollettivament imsejħa “Noti”). Fit-Tieni Nota, il-Kummissjoni aġġornat il-lista ta’ fatturi ta’ produzzjoni u infurmat lill-partijiet interessati bl-intenzjoni tagħha li tuża lit-Turkija bħala l-pajjiż rappreżentattiv skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku. Hija infurmat ukoll lill-partijiet interessati li kienet se tistabbilixxi kostijiet tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (“SG&A”) u profitti bbażati fuq dikjarazzjonijiet finanzjarji pubblikament disponibbli ta’ produtturi ta’ estrużjoni tal-aluminju fit-Turkija. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jikkummentaw. Il-kummenti waslu mill-produtturi esportaturi kollha inklużi fil-kampjun.

(68)

Wara li analizzat il-kummenti u l-informazzjoni li rċeviet dwar it-Tieni Nota, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod provviżorju li t-Turkija kienet għażla xierqa bħala pajjiż rappreżentattiv li minnu jinkisbu prezzijiet u kostijiet mingħajr distorsjoni għad-determinazzjoni tal-valur normali. Ir-raġunijiet sottostanti għal dik l-għażla huma deskritti aktar fid-dettall fit-Taqsima 3.4 ta’ hawn taħt.

3.2.   L-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku

(69)

Mal-bidu tal-investigazzjoni abbażi tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni bagħtet żewġ kwestjonarji dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet lill-GtĊ. Madankollu, il-GtĊ ma ppreżenta l-ebda tweġiba. Il-Kummissjoni infurmat lill-GtĊ b’Nota Verbale fit-8 ta’ Diċembru 2020 li kellha l-ħsieb li tagħmel użu mid-dispożizzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku fir-rigward tal-eżistenza possibbli ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-suq domestiku Ċiniż għall-foil tal-aluminju għall-modifikazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, u l-eżistenza possibbli ta’ distorsjonijiet tal-materja prima skont it-tifsira tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni stiednet lill-GtĊ sabiex jissottometti l-kumment tiegħu dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 18. Ma wasal l-ebda kumment.

3.3.   Il-valur normali

(70)

Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, “[il-]valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti fil-pajjiż esportatur” .

(71)

Madankollu, skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, “fil-każ li jiġi determinat […] li mhuwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-pajjiż esportatur minħabba l-eżistenza f’dak il-pajjiż ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b), il-valur normali għandu jiġi kkalkolat esklużivament abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew valuri ta’ riferiment mingħajr distorsjoni” u “għandu jinkludi ammont raġonevoli u mingħajr distorsjoni għal kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali u għal profitti” ( “kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali” minn hawn ’il quddiem jissejħu “SG&A”).

(72)

Kif spjegat aktar hawn taħt, f’din l-investigazzjoni l-Kummissjoni kkonkludiet li, abbażi tal-evidenza disponibbli u minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-GtĊ, l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku kienet xierqa.

3.3.1.   L-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti

3.3.1.1.   Introduzzjoni

(73)

L-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku jistipula li d-“distorsjonijiet sinifikanti huma dawk id-distorsjonijiet li jseħħu meta prezzijiet jew kostijiet irrappurtati, inklużi l-kostijiet ta’ materji primi u ta’ enerġija, ma jkunux ir-riżultat ta’ forzi tas-suq ħieles għax ikunu affettwati minn intervent sostanzjali tal-gvern. Meta tkun valutata l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti għandha tingħata attenzjoni, inter alia, lill-impatt potenzjali ta’ element wieħed jew aktar mis-segwenti:

—

is-suq inkwistjoni huwa servut f’miżura sinifikanti minn intrapriżi li joperaw taħt is-sjieda, kontroll jew superviżjoni politika jew gwida tal-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur;

—

il-preżenza tal-istat f’ditti li jippermettu lill-istat jinterferixxi fir-rigward tal-prezzijiet jew kostijiet;

—

politiki jew miżuri pubbliċi li jiddiskriminaw favur fornituri domestiċi jew li b’mod ieħor jinfluwenzaw il-forzi tas-suq ħieles;

—

in-nuqqas, l-applikazzjoni diskriminatorja jew l-infurzar inadegwat tal-liġijiet fil-qasam tal-fallimenti, dak soċjetarju jew dak tal-proprjetà;

—

il-kostijiet tal-pagi soġġetti għal distorsjoni;

—

l-aċċess għall-finanzi mogħtija minn istituzzjonijiet li jimplimentaw objettivi ta’ ordni pubbliku jew li b’xi mod ieħor ma jaġixxux indipendentement mill-Istat.

(74)

Peress li l-lista fl-Artikolu 2(6a)(b) mhijiex kumulattiva, mhux l-elementi kollha jeħtieġ li jingħataw attenzjoni għal sejba ta’ distorsjonijiet sinifikanti. Barra minn hekk, l-istess ċirkostanzi fattwali jistgħu jintużaw biex tintwera l-eżistenza ta’ wieħed jew aktar mill-elementi tal-lista. Madankollu, kwalunkwe konklużjoni dwar distorsjonijiet sinifikanti fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(a) trid issir fuq il-bażi tal-evidenza kollha disponibbli. Il-valutazzjoni kumplessiva dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet tista’ tqis ukoll il-kuntest ġenerali u s-sitwazzjoni fil-pajjiż esportatur, b’mod partikolari fejn l-elementi fundamentali tal-istruttura ekonomika u amministrattiva tal-pajjiż esportatur jipprovdu lill-gvern b’setgħat sostanzjali biex jintervjeni fl-ekonomija b’tali mod li l-prezzijiet u l-kostijiet ma jkunux ir-riżultat tal-iżvilupp ħieles tal-forzi tas-suq.

(75)

L-Artikolu 2(6a)(ċ) tar-Regolament bażiku jipprevedi li “[f]ejn il-Kummissjoni jkollha indikazzjonijiet fondati sew tal-eżistenza potenzjali ta’ distorsjonijiet sinifikanti kif imsemmija fil-punt (b) f’ċertu pajjiż jew f’ċertu settur f’dak il-pajjiż, u fejn ikun xieraq għall-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tipproduċi, tippubblika u taġġorna regolarment rapport li jiddeskrivi ċ-ċirkostanzi tas-suq imsemmija fil-punt (b) f’dak il-pajjiż jew settur”.

(76)

Skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni ħarġet rapport tal-pajjiż dwar ir-RPĊ (minn hawn ’il quddiem “ir-Rapport”) (7), li juri l-eżistenza ta’ intervent sostanzjali tal-gvern f’ħafna livelli tal-ekonomija, inklużi distorsjonijiet speċifiċi f’ħafna fatturi ewlenin tal-produzzjoni (bħall-art, l-enerġija, il-kapital, il-materja prima u l-manodopera), kif ukoll f’setturi speċifiċi (bħall-azzar u s-sustanzi kimiċi). Ir-Rapport tqiegħed fil-fajl tal-investigazzjoni fl-istadju tal-bidu. L-ilment kien fih ukoll xi evidenza rilevanti li tikkomplementa r-Rapport. Il-partijiet interessati kienu mistiedna jirribattu, jikkummentaw jew jissupplimentaw l-evidenza inkluża fil-fajl tal-investigazzjoni fiż-żmien tal-bidu.

(77)

L-ilment kien fih informazzjoni dwar studji u rapporti addizzjonali li janalizzaw is-sitwazzjoni tal-industrija tal-aluminju fir-RPĊ. L-ewwel, l-ilmentatur elenka d-dokument tal-OECD bit-titlu “Measuring distortions in international markets – The aluminium value chain” (“Studju tal-OECD”) (8), li janalizza mill-qrib il-kwistjoni tas-sussidji finanzjarji mogħtija lill-kumpaniji fl-industrija tal-aluminju. Kif innotat mill-ilmentaturi, abbażi tal-istudju tal-OECD, il-Pjan Ċiniż ta’ Żvilupp għall-Industrija tal-Metalli Mhux Ferruż tal-2016-20 fost l-oħrajn jitlob miżuri ta’ salvagwardja permezz tal-estensjoni tal-appoġġ finanzjarju u tat-taxxa, inkluż salvataġġ tal-kumpaniji jew għajnuna b’self improduttiv. It-tieni, l-ilmentaturi rreferew għal rapport imħejji għal WVMetalle, l-assoċjazzjoni Ġermaniża tal-industrija tal-metalli mhux ferrużi, datat l-24 ta’ April 2017 (9) (“ir-Rapport WV Metalle”), li jappoġġa s-sejbiet li saru fir-Rapport kif ukoll fl-istudju tal-OECD. Barra minn hekk, l-ilmentaturi indikaw li f’rieżami ta’ skadenza reċenti rigward id-dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu foil tal-aluminju f’rombli li joriġinaw miċ-Ċina (10), il-Kummissjoni kkonfermat l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fil-prezz tal-aluminju u żammet li din is-sejba ma kinitx limitata għall-prodott ikkonċernat f’dik l-investigazzjoni partikolari, iżda estendiet ukoll għall-ACF, bl-użu tal-istess materjal ta’ input u b’proċessi ta’ manifattura identiċi. Fl-aħħar nett, l-ilmentaturi jirreferu għal investigazzjoni antisussidju mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti (“DOC”) fuq il-foil tal-aluminju Ċiniż, konkluża fl-2018 (11), li stabbiliet l-eżistenza ta’ appoġġ mill-gvern Ċiniż għall-industrija tal-foil tal-aluminju Ċiniż u s-sussidjar tal-aluminju primarju.

(78)

Kif indikat fil-premessa (69), il-GtĊ la kkummenta u lanqas ipprovda evidenza li tappoġġa jew li tirribatti l-evidenza eżistenti fil-fajl tal-każ fl-istadju inizjali, inklużi r-Rapport u l-evidenza addizzjonali pprovduta mill-ilmentatur, dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti u/jew dwar l-adegwatezza tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku fil-każ inkwistjoni. Il-kummenti li waslu f’dan ir-rigward minn għadd ta’ partijiet interessati huma indirizzati fit-Taqsima 3.3.1.11 ta’ hawn taħt.

(79)

Il-Kummissjoni eżaminat jekk kienx xieraq jew le li jintużaw il-prezzijiet u l-kostijiet domestiċi fir-RPĊ, minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti skont it-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni għamlet dan abbażi tal-evidenza disponibbli fil-fajl, inkluża l-evidenza li tinsab fir-Rapport, li hija bbażata fuq sorsi pubblikament disponibbli. Dik l-analiżi kopriet l-eżami tal-interventi sostanzjali tal-gvern fl-ekonomija tar-RPĊ inġenerali, iżda anke s-sitwazzjoni speċifika tas-suq fis-settur rilevanti, inkluż il-prodott ikkonċernat. Il-Kummissjoni kompliet tissupplimenta dawn l-elementi evidenzjarji bir-riċerka tagħha stess dwar id-diversi kriterji rilevanti biex tikkonferma l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fir-RPĊ.

3.3.1.2.   Distorsjonijiet sinifikanti li affettwaw il-prezzijiet u l-kostijiet domestiċi fiċ-Ċina

(80)

Is-sistema ekonomika Ċiniża hija bbażata fuq il-kunċett ta’ “ekonomija tas-suq soċjalista”. Dak il-kunċett huwa inkorporat fil-Kostituzzjoni Ċiniża u jiddetermina l-governanza ekonomika tar-RPĊ. Il-prinċipju ewlieni huwa s- “sjieda pubblika soċjalista tal-mezzi tal-produzzjoni, jiġifieri s-sjieda min-nies kollha u s-sjieda kollettiva mill-persuni li jaħdmu” . L-ekonomija tal-Istat hija “l-forza mexxejja tal-ekonomija nazzjonali” u l-Istat għandu l-mandat “li jiżgura l-konsolidazzjoni u t-tkabbir tagħha”  (12). Konsegwentement, l-istruttura kumplessiva tal-ekonomija Ċiniża mhux biss tippermetti interventi sostanzjali tal-gvern fl-ekonomija, iżda titlob b’mod espliċitu tali interventi. Il-kunċett ta’ supremazija tas-sjieda pubblika fuq dik privata huwa mifrux fl-ordinament ġuridiku kollu u huwa enfasizzat bħala prinċipju ġenerali fil-partijiet ċentrali kollha tal-leġiżlazzjoni. Il-liġi Ċiniża dwar il-proprjetà hija eżempju ewlieni: hija tirreferi għall-istadju primarju tas-soċjaliżmu u tafda lill-Istat bil-ħarsien tas-sistema ekonomika bażika li fiha s-sjieda pubblika għandha rwol dominanti. Forom oħrajn ta’ sjieda huma tollerati, bil-liġi tippermettilhom jiżviluppaw flimkien mas-sjieda tal-Istat (13).

(81)

Barra minn hekk, skont il-leġiżlazzjoni Ċiniża, l-ekonomija tas-suq soċjalista hija żviluppata taħt it-tmexxija tal-Partit Komunista Ċiniż (“CCP”). L-istrutturi tal-Istat Ċiniż u tas-CCP huma minsuġin f’xulxin f’kull livell (legali, istituzzjonali, personali), li jifformaw superstruttura li fiha r-rwoli tas-CCP u tal-Istat huma indistingwibbli. Wara emenda tal-Kostituzzjoni Ċiniża f’Marzu 2018, ir-rwol ewlieni tas-CCP ingħata prominenza saħansitra akbar billi ġie affermat mill-ġdid fit-test tal-Artikolu 1 tal-Kostituzzjoni. Wara l-ewwel sentenza diġà eżistenti tad-dispożizzjoni: “ [i]s-sistema soċjalista hija s-sistema bażika tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina” , iddaħħlet it-tieni sentenza ġdida li tgħid: “ [il-]karatteristika li tiddefinixxi s-soċjaliżmu b’karatteristiċi Ċiniżi hija t-tmexxija tal-Partit Komunista taċ-Ċina.”  (14) Dan juri l-kontroll mhux ikkontestat u dejjem akbar tas-CCP fuq is-sistema ekonomika tar-RPĊ. Din it-tmexxija u l-kontroll huma inerenti għas-sistema Ċiniża u jmorru ferm lil hinn mis-sitwazzjoni abitwali f’pajjiżi oħrajn li fihom il-gvernijiet jeżerċitaw kontroll makroekonomiku ġenerali li fil-limiti tiegħu joperaw il-forzi tas-suq ħieles.

(82)

L-Istat Ċiniż jimpenja ruħu f’politika ekonomika intervenzjonista fl-insegwiment ta’ objettivi li jikkoinċidu mal-aġenda politika stabbilita mis-CCP minflok ma jirriflettu l-kundizzjonijiet ekonomiċi prevalenti f’suq ħieles (15). L-għodod ekonomiċi intervenzjonisti li jintużaw mill-awtoritajiet Ċiniżi huma bosta, inklużi s-sistema tal-ippjanar industrijali, is-sistema finanzjarja, kif ukoll il-livell tal-ambjent regolatorju.

(83)

L-ewwel, fil-livell tal-kontroll amministrattiv ġenerali, id-direzzjoni tal-ekonomija Ċiniża hija rregolata minn sistema kumplessa ta’ ppjanar industrijali li taffettwa l-attivitajiet ekonomiċi kollha fil-pajjiż. It-totalità ta’ dawn il-pjanijiet tkopri matriċi komprensiva u kumplessa ta’ setturi u politiki trasversali u hija preżenti fil-livelli kollha tal-gvern. Il-pjanijiet fil-livell provinċjali huma dettaljati filwaqt li l-pjanijiet nazzjonali jistabbilixxu miri aktar ġeneriċi. Il-pjanijiet jispeċifikaw ukoll il-mezzi sabiex jiġu appoġġjati l-industriji/is-setturi rilevanti, kif ukoll il-perjodi ta’ żmien li fihom iridu jintlaħqu l-objettivi. Xi pjanijiet għadhom jinkludu miri espliċiti fir-rigward tal-produzzjoni, filwaqt li din kienet karatteristika regolari fiċ-ċikli tal-ippjanar preċedenti. Skont il-pjanijiet, is-setturi u/jew il-proġetti industrijali individwali qed jiġu identifikati bħala prijoritajiet (pożittivi jew negattivi) f’konformità mal-prijoritajiet tal-gvern u l-għanijiet ta’ żvilupp speċifiċi attribwiti lilhom (titjib industrijali, espansjoni industrijali, eċċ.). L-operaturi ekonomiċi, kemm dawk privati kif ukoll dawk tal-Istat, iridu jaġġustaw b’mod effettiv l-attivitajiet kummerċjali tagħhom skont ir-realtajiet imposti mis-sistema tal-ippjanar. Dan ma huwiex biss minħabba n-natura vinkolanti tal-pjanijiet iżda anke minħabba l-fatt li l-awtoritajiet Ċiniżi rilevanti fil-livelli kollha tal-gvern jaderixxu mas-sistema tal-pjanijiet u jużaw is-setgħat mogħtija lilhom skont kif ikun meħtieġ, u b’hekk jisfurzaw lill-operaturi ekonomiċi jikkonformaw mal-prijoritajiet stabbiliti fil-pjanijiet (ara wkoll it-Taqsima 3.3.1.5 ta’ hawn taħt) (16).

(84)

It-tieni, fil-livell tal-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji, is-sistema finanzjarja tar-RPĊ hija ddominata mill-banek kummerċjali tal-Istat. Dawk il-banek, meta jkunu qed jistabbilixxu u jimplimentaw il-politika tas-self tagħhom għandhom jallinjaw lilhom infushom mal-objettivi tal-politika industrijali tal-gvern minflok ma jivvalutaw qabel kollox il-merti ekonomiċi ta’ proġett partikolari (ara wkoll it-Taqsima 3.3.1.8 ta’ hawn taħt) (17). L-istess japplika għall-komponenti l-oħra tas-sistema finanzjarja Ċiniża, bħas-swieq tal-istokkijiet, is-swieq tal-bonds, is-swieq tal-ekwità privata, eċċ. Barra minn hekk, dawn il-partijiet tas-settur finanzjarju għajr is-settur bankarju huma istituzzjonalment u operazzjonalment stabbiliti b’mod li ma huwiex xprunat biex jittejjeb il-funzjonament effiċjenti tas-swieq finanzjarji iżda biex jiżgura l-kontroll u jippermetti l-intervent mill-Istat u mis-CCP (18).

(85)

It-tielet nett, fil-livell tal-ambjent regolatorju, l-interventi mill-Istat fl-ekonomija jieħdu għadd ta’ forom. Pereżempju, ir-regoli tal-akkwist pubbliku jintużaw regolarment sabiex jintlaħqu għanijiet ta’ politika għajr l-effiċjenza ekonomika, u b’hekk jimminaw il-prinċipji bbażati fuq is-suq fil-qasam. Il-leġiżlazzjoni applikabbli tipprevedi b’mod speċifiku li l-akkwist pubbliku għandu jsir sabiex tiġi ffaċilitata l-kisba tal-għanijiet imfassla mill-politiki tal-Istat. Madankollu, in-natura ta’ dawn l-għanijiet għadha mhijiex definita, u b’hekk tħalli marġni wiesa’ ta’ apprezzament għall-korpi responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet (19). B’mod simili, fil-qasam tal-investiment, il-GtĊ iżomm kontroll u influwenza sinifikanti fuq id-destinazzjoni u d-daqs kemm tal-investiment tal-Istat kif ukoll ta’ dak privat. L-iskrinjar tal-investiment, kif ukoll diversi inċentivi, restrizzjonijiet, u projbizzjonijiet relatati mal-investiment jintużaw mill-awtoritajiet bħala għodda importanti biex jiġu appoġġjati l-għanijiet tal-politika industrijali, bħaż-żamma tal-kontroll tal-Istat fuq setturi ewlenin jew it-tisħiħ tal-industrija domestika (20).

(86)

Fil-qosor, il-mudell ekonomiku Ċiniż huwa bbażat fuq ċerti assjomi bażiċi, li jipprevedu u jinkoraġġixxu bosta interventi tal-gvern. Tali interventi sostanzjali tal-gvern jinsabu f’kunflitt mal-azzjoni libera tal-forzi tas-suq, li jirriżulta fid-distorsjoni tal-allokazzjoni effettiva tar-riżorsi f’konformità mal-prinċipji tas-suq (21).

3.3.1.3.   Distorsjonijiet sinifikanti skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b), tar-Regolament bażiku: is-suq inkwistjoni li huwa servut f’miżura sinifikanti minn intrapriżi li joperaw taħt is-sjieda, kontroll jew superviżjoni politika jew gwida tal-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur

(87)

Fir-RPĊ, l-intrapriżi li joperaw taħt is-sjieda, il-kontroll u/jew is-superviżjoni politika jew il-gwida tal-Istat jirrappreżentaw parti essenzjali mill-ekonomija.

(88)

Il-GtĊ u s-CCP għandhom strutturi li jiżguraw li jibqa’ jkollhom influwenza fuq l-intrapriżi, u b’mod partikolari fuq l-intrapriżi tal-Istat (SOEs). L-Istat (u f’ħafna aspetti anke s-CCP) mhux biss jifformula u jissorvelja b’mod attiv l-implimentazzjoni tal-politiki ekonomiċi ġenerali mill-SOEs individwali, iżda jeżerċita wkoll id-drittijiet tiegħu li jipparteċipa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet operazzjonali fl-SOEs. Tipikament, dan isir permezz tar-rotazzjoni ta’ uffiċjali tal-partit (cadres) bejn l-awtoritajiet tal-gvern u l-SOEs, permezz tal-preżenza ta’ membri tal-partit fuq il-korpi eżekuttivi tal-SOEs u ta’ ċelloli tal-partit fil-kumpaniji (ara wkoll it-Taqsima 3.3.1.4), kif ukoll permezz tat-tfassil tal-istruttura korporattiva tas-settur tal-SOEs (22). Inkambju, l-SOEs igawdu status partikolari fl-ekonomija Ċiniża, li jinvolvi għadd ta’ benefiċċji ekonomiċi, b’mod partikolari lqugħ mill-kompetizzjoni u aċċess preferenzjali għal inputs rilevanti, inklużi l-finanzi (23). L-elementi li jindikaw l-eżistenza ta’ kontroll mill-gvern fuq l-intrapriżi fis-settur tal-aluminju huma żviluppati aktar fit-Taqsima 3.3.1.5 ta’ hawn taħt.

(89)

L-Istudju tal-OECD, ippreżentat mill-ilmentatur bħala evidenza, jirreferi għall-SOEs fis-settur tal-aluminju li fil-preżentazzjonijiet regolatorji tagħhom b’mod speċifiku jenfasizzaw kif is-sjieda tal-Istat tinfluwenza l-politiki industrijali rilevanti u kif is-sjieda tal-Istat issarraf f’appoġġ tal-gvern. B’mod aktar speċifiku, SOE waħda, fil-prospett tal-bonds tal-2016 tagħha, issemmi li hija waħda mit-52 intrapriża tal-Istat prinċipali, li għandha rwol ewlieni fil-formulazzjoni u fl-implimentazzjoni ta’ politiki fis-settur tal-enerġija u li tirċievi appoġġ komprensiv u sostnut mill-GtĊ. SOE oħra, fil-prospett tal-bonds tal-2017 tagħha, tagħmel referenza għall-fatt li l-gvern provinċjali rispettiv jista’ jeżerċita influwenza sinifikanti fuq il-grupp (24).

(90)

Ir-RPĊ hija l-akbar produttur tal-aluminju fid-dinja, b’diversi SOEs kbar fost il-produtturi individwali ewlenin madwar id-dinja. Ir-Rapport ta’ WV Metalle jindika li l-SOEs jirrappreżentaw sehem dominanti tas-suq domestiku (25) li huwa kkonfermat minn stimi oħra li skonthom l-SOEs jammontaw għal aktar minn 50 % tal-output totali tal-aluminju primarju fir-RPĊ (26). Filwaqt li żieda fil-kapaċità fis-snin riċenti hija parzjalment attribwita għal kumpaniji bi sjieda privata, tali żieda fil-kapaċità normalment tinvolvi wkoll diversi forom ta’ involviment tal-gvern (lokali), bħat-tolleranza tal-espansjoni illegali tal-kapaċità (27). Barra minn hekk, żdiedet ukoll il-kapaċità tal-produzzjoni tal-aluminju fost l-SOEs ewlenin, minkejja li f’livell inqas (28).

(91)

Minbarra li jikkontrolla l-SOEs, il-GtĊ qed jinfluwenza wkoll il-kumpaniji privati fir-RPĊ. Matul l-investigazzjoni, ġie stabbilit li l-produtturi tal-ACF rċevew sussidji mill-gvern. Pereżempju, il-kumpaniji kollha inklużi fil-kampjun elenkaw għadd ta’ sussidji governattivi fir-rapporti annwali tal-kumpaniji. L-għoti ta’ dawn is-sussidji kollha juri wkoll l-intervent sostanzjali tal-gvern fis-suq.

(92)

Permezz ta’ livell għoli ta’ intervent tal-gvern fl-industrija tal-aluminju u sehem għoli ta’ SOEs fis-settur, anke l-produtturi tal-aluminju bi sjieda privata li joperaw fis-segment tal-ACF ma jitħallewx joperaw taħt il-kundizzjonijiet tas-suq. Tabilħaqq, kemm l-intrapriżi pubbliċi kif ukoll dawk privati fis-settur tal-aluminju huma soġġetti wkoll għal superviżjoni u gwida politika kif stabbilit fit-Taqsima 3.3.1.5 ta’ hawn taħt.

3.3.1.4.   Distorsjonijiet sinifikanti skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku: il-preżenza tal-Istat f’ditti li jippermettu lill-Istat jinterferixxi fir-rigward tal-prezzijiet jew kostijiet

(93)

Minbarra li jeżerċita kontroll fuq l-ekonomija permezz tas-sjieda ta’ SOEs u mezzi oħra, il-GtĊ huwa f’pożizzjoni li jinterferixxi mal-prezzijiet u mal-kostijiet permezz tal-preżenza tal-Istat fid-ditti. Filwaqt li d-dritt għall-ħatra u t-tneħħija ta’ membri kruċjali tal-maniġment fl-SOEs mill-awtoritajiet rilevanti tal-Istat, kif previst fil-leġiżlazzjoni Ċiniża, jista’ jitqies li jirrifletti d-drittijiet ta’ sjieda korrispondenti, (29) iċ-ċelloli tas-CCP fl-intrapriżi, kemm dawk tal-Istat kif ukoll dawk privati, jirrappreżentaw mezz importanti ieħor li permezz tiegħu l-Istat jista’ jinterferixxi fid-deċiżjonijiet tan-negozju. Skont id-dritt tal-kumpaniji Ċiniża, f’kull kumpanija għandha tiġi stabbilita organizzazzjoni tas-CCP (li jkollha mill-anqas tliet membri tas-CCP kif speċifikat fil-Kostituzzjoni tas-CCP (30)) u l-kumpanija għandha tipprovdi l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-attivitajiet tal-organizzazzjoni tal-partit. Fil-passat, dan ir-rekwiżit jidher li mhux dejjem kien segwit jew infurzat strettament. Madankollu, minn tal-inqas l-2016, is-CCP saħħaħ il-pretensjonijiet tiegħu li jikkontrolla d-deċiżjonijiet kummerċjali fl-SOEs bħala kwistjoni ta’ prinċipju politiku. Huwa rrapportat ukoll li s-CCP jeżerċita pressjoni fuq il-kumpaniji privati biex ipoġġu l-“patrijottiżmu” l-ewwel u qabel kollox u biex isegwu d-dixxiplina tal-partit (31). Fl-2017, ġie rrapportat li kienu jeżistu ċelloli tal-partiti f’madwar 70 % ta’ madwar 1,86 miljun kumpanija bi sjieda privata, li rriżulta fi pressjoni dejjem akbar biex l-organizzazzjonijiet tas-CCP ikollhom l-aħħar kelma fir-rigward tad-deċiżjonijiet kummerċjali fil-kumpaniji rispettivi tagħhom (32). Dawn ir-regoli għandhom applikazzjoni ġenerali fl-ekonomija Ċiniża kollha, fost is-setturi kollha, inkluż għall-produtturi tal-aluminju u għall-fornituri tal-inputs tagħhom.

(94)

Barra minn hekk, fil-15 ta’ Settembru 2020 ġie rilaxxat dokument intitolat “Linji Gwida tal-Uffiċċju Ġenerali tal-Kumitat Ċentrali tas-CCPs dwar it-tisħiħ tal-ħidma tal-Front Magħqud fis-settur privat għall-era l-ġdida” (33), li kompla jespandi r-rwol tal-kumitati tal-partit f’intrapriżi privati. Skont il-linji gwida, it-Taqsima II.4: “Irridu nżidu l-kapaċità ġenerali tal-Partit biex imexxi l-ħidma tal-Front Magħqud fis-settur privat u jżid b’mod effettiv il-ħidma f’dan il-qasam”; u t-Taqsima III.6: “Irridu nżidu aktar il-bini tal-Partit f’intrapriżi privati u nippermettu liċ-ċelloli tal-Partit jaqdu r-rwol tagħhom b’mod effettiv bħala fortizza u nippermettu lill-membri tal-Partit biex iwettqu r-rwoli tagħhom bħala gwardji u pijunieri.” Permezz ta’ dan id-dokument, il-partit enfasizza r-rwol tal-intrapriżi privati fil-“ħidma tal-Front Magħqud” fi sforz biex jiżdied ir-rwol tas-CCP f’organizzazzjonijiet u entitajiet mhux tal-partit (34).

(95)

L-eżempji li ġejjin juru x-xejra msemmija hawn fuq ta’ livell ta’ intervent mill-GtĊ li qed jiżdied fis-settur tal-aluminju.

(96)

Kif instab mill-Kummissjoni f’investigazzjoni oħra dwar ċertu foil tal-aluminju f’rombli li joriġina fiċ-Ċina (35), fl-2017, produttur tal-aluminju tal-Istat Ċiniż, China Aluminium International Engineering Corporation Limited (“Chalieco”), emenda l-Istatut ta’ Assoċjazzjoni tiegħu biex jagħti aktar prominenza lir-rwol taċ-ċelloli tal-partit fil-kumpanija. Dan inkluda kapitolu sħiħ dwar il-Kumitat tal-Partit, u l-Artikolu 113 tiegħu jiddikjara: “Fit-teħid ta’ deċiżjoni dwar kwistjonijiet korporattivi prinċipali, il-Bord għandu jikkonsulta mal-Kumitat tal-Partit tal-Kumpanija bil-quddiem.” (36) Barra minn hekk, fir-Rapport Annwali tal-2017 (37) tagħha, l-Aluminum Corporation of China (“Chalco”) tistqarr li għadd ta’ diretturi, ta’ superviżuri, u l-maniġment superjuri – li jinkludi l-President u d-Direttur Eżekuttiv, u l-President tal-Kumitat Superviżorju – huma membri tas-CCP.

(97)

Fir-rigward tal-intrapriżi attivi fil-manifattura ta’ prodotti tal-ACF, Xiamen jispjega l-eżerċizzji tal-bini tal-partit b’dan il-mod: “Xiashun jippromwovi b’mod attiv il-ħidma ta’ bini tal-partit u tat-trade unions, u jibqa’ impenjat lejn is-sistema ta’ laqgħat konġunti bejn il-Partit, il-gvern u l-ħaddiema matul is-snin, li tipprovdi pjattaforma importanti għall-impjegati biex jipparteċipaw fit-teħid tad-deċiżjonijiet, jipproteġu d-drittijiet u l-interessi tagħhom, u jibnu atmosfera armonjuża.” (38)

(98)

Il-preżenza u l-intervent tal-Istat fis-swieq finanzjarji (ara wkoll it-Taqsima 3.3.1.8 hawn taħt) kif ukoll fil-provvista ta’ materja prima u ta’ inputs għandhom effett ta’ distorsjoni addizzjonali fuq is-suq (39). Għaldaqstant, il-preżenza tal-Istat fid-ditti, inklużi l-SOEs, fis-settur tal-aluminju u f’setturi oħra (bħas-setturi finanzjarji u tal-input) tippermetti lill-GtĊ jinterferixxi fir-rigward tal-prezzijiet u tal-kostijiet.

3.3.1.5.   Distorsjonijiet sinifikanti skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku: politiki jew miżuri pubbliċi li jiddiskriminaw favur fornituri domestiċi jew li b’mod ieħor jinfluwenzaw il-forzi tas-suq ħieles

(99)

Id-direzzjoni tal-ekonomija Ċiniża hija ddeterminata b’mod sinifikanti minn sistema elaborata ta’ ppjanar li tistabbilixxi l-prijoritajiet u tippreskrivi l-għanijiet li fuqhom iridu jiffokaw il-gvernijiet ċentrali u lokali. Jeżistu pjanijiet rilevanti fil-livelli kollha tal-gvern u dawn ikopru kważi s-setturi ekonomiċi kollha. L-objettivi stabbiliti mill-istrumenti ta’ ppjanar huma ta’ natura vinkolanti u l-awtoritajiet f’kull livell amministrattiv jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-pjanijiet mil-livell inferjuri korrispondenti tal-gvern. B’mod ġenerali, is-sistema tal-ippjanar fir-RPĊ tirriżulta fis-sitwazzjoni fejn ir-riżorsi jintbagħtu lejn setturi ddeżinjati bħala strateġiċi jew inkella politikament importanti mill-gvern, minflok ma jkunu allokati skont il-forzi tas-suq (40).

(100)

Pereżempju, il-gvern għandu rwol ewlieni fl-iżvilupp tas-settur Ċiniż tal-aluminju. Dan huwa kkonfermat fil-bosta pjanijiet, direttivi u dokumenti oħra li jappartjenu direttament jew indirettament lis-settur, li jinħarġu fil-livell nazzjonali, reġjonali u muniċipali. Permezz ta’ dawn l-istrumenti u strumenti oħra, il-gvern imexxi u jikkontrolla virtwalment kull aspett tal-iżvilupp u tal-funzjonament tas-settur tal-aluminju. Politiki bħal dawn għandhom impatt dirett jew indirett importanti fuq il-kostijiet tal-produzzjoni tal-prodotti tal-aluminju.

(101)

F’konformità mas-sejbiet tal-Kummissjoni fil-każ ta’ ċertu foil tal-aluminju f’rombli li joriġina miċ-Ċina (41), fil-każ ta’ estrużjonijiet tal-aluminju (42) u fil-każ ta’ prodotti rrumblati ċatti (miżuri provviżorji) (43), il-fatti li ġejjin huma applikabbli bl-istess mod għal dan il-prodott ikkonċernat, li huwa, b’mod simili, prodott downstream tal-aluminju.

(102)

Minkejja li t-13-il Pjan ta’ Ħames Snin dwar l-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (44) u li jkopri l-perjodu ta’ investigazzjoni ma fihx dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-aluminju, fil-każ tal-industrija tal-metall mhux ferruż inġenerali, dan jipprevedi strateġija tal-promozzjoni tal-kooperazzjoni dwar il-kapaċità tal-produzzjoni internazzjonali u l-manifattura tat-tagħmir. Biex jinkisbu dawn l-għanijiet, il-pjan jikkonferma li se jsaħħaħ is-sistemi ta’ sostenn relatati mal-pjattaformi tat-tassazzjoni, tal-finanzi, tal-assigurazzjoni, tal-investiment u tal-finanzjament, kif ukoll mal-pjattaformi tal-valutazzjoni tar-riskju (45).

(103)

Il-pjan settorjali korrispondenti, il-Pjan ta’ Żvilupp għall-Industrija tal-Metall Mhux Ferruż (2016-2020) (“il-Pjan”) jistabbilixxi politiki u miri speċifiċi li l-gvern għandu l-għan li jilħaq għal għadd ta’ industriji tal-metalli mhux ferrużi (46), inkluż l-aluminju.

(104)

Il-Pjan għandu l-għan li jtejjeb il-firxa tat-tipi ta’ prodotti li jiġu prodotti mill-industrija tal-aluminju Ċiniża, fost l-oħrajn, billi tiġi appoġġata l-innovazzjoni. Dan jitlob li jkun hemm żvilupp rapidu tas-sistema ta’ sjieda mħallta u li tingħata spinta lill-vitalità tal-SOEs. Dan jipprevedi wkoll il-possibbiltà tal-ħażna tal-metalli mhux ferrużi, it-titjib tas-sigurtà tar-riżorsi, inkluż l-aluminju u jistabbilixxi miri kwantitattivi speċifiċi biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija, jiżdied il-proporzjon ta’ aluminju li jiġi rriċiklat fil-produzzjoni u jiżdied l-użu tal-kapaċità (47).

(105)

Il-Pjan jipprevedi wkoll aġġustamenti strutturali b’kontroll aktar strett fuq faċilitajiet ġodda tat-tidwib u l-eliminazzjoni tal-kapaċità li tkun skadiet. Dan jipprevedi d-distribuzzjoni ġeografika tal-impjanti tal-ipproċessar, jiffoka fuq proġetti biex jiżdied l-isfruttament tar-riżorsi tal-boksajt u tal-alumina, u jkopri l-politika tal-forniment u tal-ipprezzar tal-elettriku (48).

(106)

Permezz ta’ din il-firxa wiesgħa ta’ miżuri u politiki, il-Pjan jirrappreżenta kontinwazzjoni tal-Pjan ta’ Aġġustament u ta’ Rivitalizzazzjoni għall-Industrija tal-Metalli Mhux Ferrużi tal-2009 li ġie adottat sabiex jittaffu l-effetti negattivi tal-kriżi finanzjarja fuq l-industrija tal-metall mhux ferruż. L-objettivi ewlenin stabbiliti fil-pjan jinkludu, fost oħrajn, il-kontroll tal-volum tal-produzzjoni, ir-ristrutturar, il-provvista tal-materja prima, il-politika dwar it-tassazzjoni tal-esportazzjoni, is-sigurtà tar-riżorsi, il-ħażna, l-innovazzjoni teknoloġika, il-politika finanzjarja u l-ippjanar u l-implimentazzjoni (49).

(107)

Dokument ta’ politika ieħor immirat lejn is-settur tal-aluminju huwa l-Kundizzjonijiet Standard applikabbli għall-Industrija tal-Aluminju, li nħarġu mill-MIIT fit-18 ta’ Lulju 2013, sabiex jitħaffef l-aġġustament strutturali u titrażżan l-espansjoni diżorganizzata tal-kapaċitajiet ta’ tidwib tal-aluminju. Il-Kundizzjonijiet Standard jintroduċu kwantitajiet minimi tal-produzzjoni għal pjanti ġodda, standards ta’ kwalità u sigurtà tal-provvista għall-boksajt u għall-alumina li jiġu importati u pprovduti fuq livell domestiku. Il-Kundizzjonijiet Standard jindikaw li l-MIIT hija l-awtorità inkarigata mill-istandardizzazzjoni u mill-ġestjoni tal-industrija tal-aluminju, kif ukoll mill-pubblikazzjoni tal-lista ta’ kumpaniji awtorizzati biex joperaw fl-industrija tal-aluminju (50).

(108)

Fl-Opinjoni ta’ Gwida dwar il-ħolqien ta’ ambjent tas-suq eċċellenti, it-trawwim tal-aġġustament u t-trasformazzjoni strutturali tal-industrija tal-metall mhux ferruż u ż-żieda fil-benefiċċji, maħruġa mill-Uffiċċju Ġenerali tal-Kunsill tal-Istat fl-2016 (2016/42) (51), l-awtoritajiet Ċiniżi jiddikjaraw bħala objettivi ewlenin: “l-ottimizzazzjoni tal-istruttura tal-industrija tal-metall mhux ferruż; L-ibbilanċjar tal-provvista u d-domanda ta’ kategoriji ta’ prodotti ewlenin; Iż-żamma tar-rata ta’ użu tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-aluminju elettrolitiku ogħla minn 80 %; Iż-żieda b’mod sinifikanti tal-kapaċità tas-sigurtà tal-provvista tar-riżorsi minerali għall-minerali bħar-ram u l-aluminju” (52). Id-dokument għandu wkoll fil-mira “il-kontroll b’mod strett tal-kapaċità l-ġdida tal-produzzjoni.” Biex dan jinkiseb, huwa meħtieġ li: “Jiżgura l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ kostruzzjoni ġodda tal-aluminju elettrolitiku indispensabbli (riformati, estiżi); […] Juża s-superviżjoni soċjali u għodod oħra; Iżid l-isforzi ta’ superviżjoni u spezzjoni; Jinvestiga b’mod strett u jittratta proġetti ġodda tal-aluminju elettrolitiku li jiksru r-regolamenti”  (53). Dawn id-dispożizzjonijiet juru l-grad sostanzjali tal-intervent tal-GtĊ fis-settur tal-metalli mhux ferrużi, inkluż is-settur tal-aluminju.

(109)

L-interferenza mill-Istat imsemmija hawn fuq fil-funzjonament tas-settur tal-aluminju permezz ta’ dokumenti tal-ippjanar hija riflessa wkoll fil-livell provinċjali. Pereżempju, l-Avviż tal-Gvern tal-Provinċja ta’ Shandong (fejn Donghai, produttur ewlieni tal-ACF huwa stabbilit) dwar il-pjan ta’ implimentazzjoni għall-aċċellerazzjoni tal-iżvilupp ta’ kwalità għolja tas-seba’ industriji intensivi fl-enerġija (2018/248) tas-6 ta’ Novembru 2018 għandu fil-mira “t-trawwim tal-estensjoni tal-katina tal-industrija tal-aluminju elettrolitiku” permezz tal-azzjonijiet li ġejjin: “Iż-żieda ulterjuri tal-proporzjon tal-ipproċessar fin u fil-fond ta’ aluminju elettrolitiku likwidu u materjali għall-ipproċessar tal-aluminju; Il-ħeffa u t-trawwim tal-estensjoni tal-katina tal-industrija tal-aluminju għal prodotti lesti u prodotti ta’ kwalità għolja; L-espansjoni tal-użu ta’ materjali tal-aluminju ta’ kwalità għolja; Iż-żieda tal-possibbiltajiet ta’ żvilupp tal-industrija tal-ipproċessar tal-aluminju”  (54)

(110)

L-Istat ilu jintervjeni fil-funzjonament tas-settur tal-aluminju għal ħafna snin qabel il-ħruġ tad-dokumenti ta’ politika msemmija hawn fuq, li, pereżempju, huwa spjegat fil-Linji Gwida għall-Aċċellerazzjoni tar-Ristrutturar tal-Industrija tal-Aluminju (“Linji Gwida dwar ir-Ristrutturar”) (55), maħruġa mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp u r-Riforma f’April 2006. Din tal-aħħar qieset l-aluminju bħala prodott fundamentali fl-iżvilupp tal-ekonomija nazzjonali. Il-Linji Gwida dwar ir-Ristrutturar jistqarru li, fl-implimentazzjoni tal-Politika għall-Iżvilupp Industrijali li ġiet approvata mill-Kunsill tal-Istat, għandhom jinkisbu objettivi speċifiċi f’ċerti oqsma. Dawn l-oqsma kienu: it-tisħiħ tal-konċentrazzjoni fl-industrija; l-aċċess għal kapital finanzjarju (ara wkoll it-Taqsima 3.3.1.8 ta’ hawn taħt); l-organizzazzjoni tal-industrija; il-kontroll strett tal-esportazzjonijiet tal-aluminju elettrolitiku; u l-eliminazzjoni tal-kapaċità li tkun skadiet.

(111)

Barra minn hekk, instab li l-prezz ta’ inputs ewlenin bħall-enerġija u l-elettriku jiġi influwenzat minn tipi differenti ta’ intervent tal-gvern. (56) B’mod partikolari, l-Istat intervjena favur il-produtturi Ċiniżi permezz ta’ pprezzar tal-enerġija differenzjat u aktar vantaġġuż. Fl-Opinjoni ta’ Gwida dwar il-ħolqien ta’ ambjent tas-suq eċċellenti, it-trawwim tal-aġġustament u t-trasformazzjoni strutturali tal-industrija tal-metall mhux ferruż u ż-żieda fil-benefiċċji msemmija hawn fuq, l-awtoritajiet Ċiniżi rrikonoxxew bħala għan ta’ politika “it-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-politika differenzjata tal-prezzijiet tal-elettriku; L-inkoraġġiment tal-utenti eliġibbli tal-elettriku biex jikkonkludu ftehimiet diretti ma’ kumpaniji tal-ġenerazzjoni tal-enerġija; L-iffissar ta’ prezzijiet permezz ta’ negozjar.” (57). Il-Kummissjoni stabbiliet ukoll li politiki simili ġew implimentati fil-livell provinċjali. Pereżempju, fil-Provinċja ta’ Yunnan, skont l-informazzjoni rrapportata minn China Industry Journal f’Novembru 2019: “Sabiex jiġi implimentat il-pjan, Yunnan ħarġet suċċessivament politiki speċifiċi bħall-“Opinjoni ta’ Implimentazzjoni dwar il-Promozzjoni tal-Iżvilupp Integrat tal-Idroenerġija u l-Materjali tal-Aluminju” u l-“Pjan li jimplimenta prezzijiet preferenzjali għall-promozzjoni tal-użu tal-Idroenerġija”. Jidher ċar li kwalunkwe intrapriża li ġġib il-kwota tal-kapaċità tagħha lil Yunnan għandha tibbenefika mill-politika ta’ “prezz preferenzjali bi trażmissjoni sħiħa”, li jfisser li għall-ewwel 5 snin, l-aluminju elettrolitiku għandu jibbenefika minn prezz preferenzjali speċjali tal-elettriku ta’ RMB 0,25 għal kull kWh. Fir-rigward tal-ipproċessar fil-fond tal-materjali, għandu jingħata prezz preferenzjali speċjali tal-elettriku ta’ RMB 0,20 għal kull kWh. Skont rapporti, il-proġetti integrati ta’ Henan Shenhuo u Sichuan Qija li ġabu kwoti għall-bini f’Yunnan diġà bbenefikaw mill-politika għal proġetti ta’ integrazzjoni u ffirmaw ftehimiet rilevanti ma’ gvernijiet lokali, kumpaniji tal-enerġija elettrika, u kumpaniji tal-ġenerazzjoni tal-enerġija.” (58)

(112)

Bħala eżempju ieħor ta’ interferenza mill-Istat, fil-livell provinċjali, fl-Avviż tal-Gvern tal-Provinċja ta’ Shandong dwar il-pjan ta’ implimentazzjoni għall-aċċellerazzjoni tal-iżvilupp ta’ kwalità għolja tas-seba’ industriji intensivi fl-enerġija (ara l-premessa (109)), l-awtoritajiet ħarġu miri ta’ trasformazzjoni u ta’ aġġornament għall-industrija tal-aluminju elettrolitiku fir-rigward tal-użu tal-enerġija: “Sal-2022, il-konsum tal-elettriku tal-aluminju elettrolitiku għal kull tunnellata ta’ aluminju għandu jinżel għal madwar 12 800 kWh, ir-rata ta’ pproċessar fil-fond elettrolitiku tal-aluminju elettrolitiku fil-provinċja għandha tilħaq madwar 50 %, u l-valur miżjud tal-aluminju għal kull tunnellata għandu jiżdied b’medja ta’ aktar minn 30 %”. (59)

(113)

Fir-rigward tal-infurzar tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fid-dokumenti tal-ippjanar imsemmija hawn fuq, l-assoċjazzjonijiet Ċiniżi tal-industrija għandhom rwol importanti. Dawn l-entitajiet għandhom jiggarantixxu li l-industrija timplimenta l-politiki tal-GtĊ. Din ir-responsabbiltà hija kkonfermata mill-fatt li fl-attività tagħhom, huma jikkollaboraw mill-qrib mal-awtoritajiet tal-Istat, li huwa rifless fl-istatuti tagħhom. Fil-każ tas-settur tal-aluminju, l-Istatut ta’ Assoċjazzjoni tal-Assoċjazzjoni tal-Industrija tal-Metalli Mhux Ferrużi taċ-Ċina jafferma b’mod partikolari li “l-Assoċjazzjoni taderixxi mal-linja bażika u diversi prinċipji u politiki tal-partit, tirrispetta l-Kostituzzjoni, il-liġijiet, ir-regolamenti u l-politiki nazzjonali, u tirrispetta l-valuri soċjali u morali. Għandha żżomm mal-iskop li sservi lill-gvern, lill-industrija, lill-intrapriżi u lill-maniġers tan-negozji; għandha tistabbilixxi u ttejjeb l-mekkaniżmu ta’ awtodixxiplina tal-industrija; għandha tinvolvi b’mod sħiħ lill-persunal tal-gvern biex tikseb l-assistenza; għandu jkollha rwol ta’ tranżizzjoni bejn il-gvern u l-intrapriżi.” (Artikolu 3). Bl-istess mod, l-Artikolu 25 jiddikjara li l-president, il-viċi president u s-segretarju ġenerali tal-Assoċjazzjoni jeħtiġilhom li: “Jaderixxu mal-linja, mal-prinċipji u mal-politiki tal-partit, u jkollhom kwalitajiet politiċi tajbin”  (60).

(114)

Bl-istess mod, l-Istatut ta’ Assoċjazzjoni tal-Assoċjazzjoni tal-Industrija tal-Fabbrikazzjoni Mhux Ferruża taċ-Ċina jistipula li “l-Assoċjazzjoni taċċetta gwida tan-negozju kif ukoll superviżjoni u ġestjoni mill-Kummissjoni għas-Superviżjoni u l-Amministrazzjoni tal-Assi tal-Istat tal-Kunsill tal-Istat, il-Ministeru għall-Affarijiet Ċivili u l-Assoċjazzjoni tal-Industrija tal-Metalli Mhux Ferrużi taċ-Ċina” (l-Artikolu 4). Wieħed mill-elementi stabbiliti fl-ambitu tan-negozju tal-Assoċjazzjoni huwa wkoll li “B’mod attiv jitressqu suġġerimenti u opinjonijiet dwar l-iżvilupp tal-industrija u politiki, liġijiet u regolamenti tal-industrija skont il-prinċipji ġenerali u l-kompiti tal-Partit u l-Istat li jikkonċernaw il-bini ta’ sistema soċjalista tal-ekonomija tas-suq filwaqt li titqies is-sitwazzjoni attwali tal-industrija.” (Artikolu 6). Fl-aħħar nett, l-Artikolu 22 jippreskrivi wkoll li l-president, il-viċi president u s-segretarju ġenerali tal-Assoċjazzjoni jeħtiġilhom, fost kundizzjonijiet oħra li: “Jaderixxu mal-linja, mal-prinċipji u mal-politiki tal-partit, u jkollhom kwalitajiet politiċi tajbin”  (61).

(115)

Għalhekk, id-diversi pjanijiet, direttivi u dokumenti oħrajn li jappartjenu għall-aluminju, maħruġa fil-livell nazzjonali, reġjonali u muniċipali, juru b’mod ċar il-grad għoli ta’ intervent tal-gvern Ċiniż fis-settur tal-aluminju. (62) Permezz ta’ dawn l-istrumenti u strumenti oħra, il-gvern imexxi u jikkontrolla virtwalment kull aspett tal-iżvilupp u tal-funzjonament tas-settur.

(116)

Lil hinn mill-pjanijiet, l-intervent tal-gvern fis-settur ħa l-forma, fost oħrajn, ta’ miżuri relatati mal-esportazzjoni, inklużi dazji tal-esportazzjoni, kwoti tal-esportazzjoni, rekwiżiti tal-prestazzjoni tal-esportazzjoni u rekwiżiti minimi tal-prezz tal-esportazzjoni fuq materja prima differenti għall-aluminju.

(117)

Il-GtĊ ikompli jiskoraġġixxi l-esportazzjonijiet ta’ aluminju primarju u l-inputs tiegħu, bl-għan li jippromwovi prodotti tal-aluminju b’valur miżjud ogħla. Dan l-objettiv jiġi segwit bl-għoti ta’ rifużjonijiet sħaħ jew parzjali tal-VAT fuq prodotti tal-aluminju downstream flimkien ma’ rifużjonijiet mhux kompluti tal-VAT u taxxi tal-esportazzjoni fuq l-aluminju primarju (63).

(118)

Tipi oħrajn ta’ intervent tal-gvern li jwasslu għal distorsjonijiet tas-suq jinkludu l-politika tal-ħażna ta’ stokkijiet permezz tal-Uffiċċju tar-Riżerva tal-Istat u r-rwol ta’ Shanghai Futures Exchange (SHFE). (64) Barra minn hekk, diversi investigazzjonijiet tad-difiża tal-kummerċ stabbilew li l-gvern Ċiniż ta b’mod konsistenti tipi differenti ta’ miżuri ta’ appoġġ mill-Istat lill-produtturi tal-aluminju (65). L-intervent estensiv tal-GtĊ fis-settur tal-aluminju wassal għall-kapaċità żejda, (66) li aktarx huwa l-aktar eżempju ċar tal-implikazzjonijiet tal-politiki tal-GtĊ u tad-distorsjonijiet li jirriżultaw.

(119)

L-Istudju tal-OECD identifika wkoll appoġġ tal-gvern addizzjonali li jinfluwenza l-forzi tas-suq fis-settur tal-aluminju. Tali appoġġ tipikament jieħu l-forma ta’ inputs, b’mod partikolari l-elettriku u l-alumina primarja, mibjugħa fi prezzijiet aktar baxxi minn dawk tas-suq (67). L-Istudju tal-OECD jiddeskrivi wkoll kif l-objettivi tal-GtĊ għas-settur tal-aluminju jissarrfu f’politiki industrijali u f’azzjonijiet speċifiċi fil-livell provinċjali u lokali, inkluż pereżempju injezzjonijiet ta’ kapital, drittijiet ta’ pussess ta’ prijorità għar-riżorsi minerali, għotjiet u sussidji tal-gvern jew inċentivi fiskali (68).

(120)

Fil-qosor, il-GtĊ għandu miżuri fis-seħħ biex iħeġġeġ lill-operaturi jikkonformaw mal-objettivi tal-ordni pubbliku li jappoġġjaw l-industriji ewlenin, inkluż is-settur tal-aluminju, li jinkludi l-produzzjoni tal-prodotti tal-ACF. Tali miżuri jimpedixxu lill-forzi tas-suq milli joperaw b’mod ħieles.

3.3.1.6.   Distorsjonijiet sinifikanti skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b), tar-Regolament bażiku: in-nuqqas, l-applikazzjoni diskriminatorja jew l-infurzar inadegwat tal-liġijiet dwar il-fallimenti, il-kumpaniji jew il-proprjetà

(121)

Skont l-informazzjoni fil-fajl, is-sistema Ċiniża dwar il-falliment twassal b’mod inadegwat l-objettivi ewlenin tagħha, bħal pereżempju s-saldu ġust tal-pretensjonijiet u tad-dejn u s-salvagwardja tad-drittijiet u tal-interessi legali tal-kredituri u tad-debituri. Dan jidher li huwa msejjes fil-fatt li filwaqt li l-liġi Ċiniża dwar il-falliment tiddependi b’mod formali minn prinċipji simili għal dawk applikati f’liġijiet korrispondenti ta’ pajjiżi oħra għajr iċ-Ċina, is-sistema Ċiniża hija kkaratterizzata minn nuqqas ta’ infurzar sistematiku. L-għadd ta’ fallimenti jibqa’ magħruf li huwa baxx b’rabta mad-daqs tal-ekonomija tal-pajjiż, mhux l-inqas minħabba li l-proċedimenti ta’ insolvenza jbatu minn għadd ta’ nuqqasijiet, li effettivament jiffunzjonaw bħala diżinċentiv għall-preżentazzjonijiet ta’ fallimenti. Barra minn hekk, ir-rwol tal-Istat fil-proċedimenti ta’ insolvenza jibqa’ b’saħħtu u attiv, li spiss ikollu influwenza diretta fuq l-eżitu tal-proċedimenti (69).

(122)

Barra minn hekk, in-nuqqasijiet tas-sistema tad-drittijiet tal-proprjetà huma partikolarment ovvji fir-rigward tas-sjieda tal-art u tad-drittijiet tal-użu tal-art fir-RPĊ (70). L-art kollha hija proprjetà tal-Istat Ċiniż (art rurali bi sjieda kollettiva u art urbana tal-Istat). L-allokazzjoni tagħha għadha dipendenti biss fuq l-Istat. Hemm dispożizzjonijiet legali li għandhom l-għan li jallokaw id-drittijiet għall-użu tal-art b’mod trasparenti u bi prezzijiet tas-suq, pereżempju, bl-introduzzjoni ta’ proċeduri ta’ offerti. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jiġux irrispettati regolarment, b’ċerti akkwirenti jiksbu l-art tagħhom mingħajr ħlas jew b’rati aktar baxxi mir-rati tas-suq (71). Barra minn hekk, l-awtoritajiet spiss isegwu għanijiet politiċi speċifiċi, inkluża l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ekonomiċi, meta jallokaw l-art (72).

(123)

Bħal setturi oħra fl-ekonomija Ċiniża, produtturi ta’ prodotti tal-ACF huma soġġetti għar-regoli ordinarji dwar il-liġijiet Ċiniżi dwar il-falliment, il-kumpaniji u l-proprjetà. L-effett ta’ dan huwa li anki dawn il-kumpaniji huma soġġetti għad-distorsjonijiet minn fuq għal isfel li jirriżultaw mill-applikazzjoni diskriminatorja jew mill-infurzar inadegwat tal-liġijiet dwar il-fallimenti u l-proprjetà. Din l-investigazzjoni ma żvelat xejn li jqajjem dubji dwar dawk is-sejbiet. Bħala tali, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-liġijiet Ċiniżi dwar il-falliment u l-proprjetà ma jaħdmux kif suppost, u b’hekk jiġġeneraw distorsjonijiet meta kumpaniji insolventi jinżammu fil-wiċċ u meta jiġu allokati d-drittijiet tal-użu tal-art fir-RPĊ. Dawn il-kunsiderazzjonijiet, abbażi tal-evidenza disponibbli, jidhru li huma applikabbli għal kollox anke fis-settur tal-prodotti tal-ACF.

(124)

Din is-sejba hija appoġġjata mid-determinazzjoni affermattiva provviżorja tad-DtĊ fl-investigazzjoni ta’ ċertu Foil tal-Aluminju miċ-Ċina li, bl-użu tal-fatti disponibbli, sabet li l-provvista tal-art tal-Gvern taċ-Ċina għal Remunerazzjoni Inqas Minn Adegwata tikkostitwixxi kontribuzzjoni finanzjarja skont it-tifsira tat-Taqsima 771 (5)(D) tal-Att dwar it-Tariffi tal-1930, kif emendat (73).

(125)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm applikazzjoni diskriminatorja jew infurzar inadegwat tal-liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà fis-settur tal-aluminju, inkluż fir-rigward tal-prodott ikkonċernat.

3.3.1.7.   Distorsjonijiet sinifikanti skont il-ħames inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b), tar-Regolament bażiku: il-kostijiet tal-pagi soġġetti għal distorsjoni

(126)

Ma huwiex possibbli li fir-RPĊ tiżviluppa bis-sħiħ sistema ta’ pagi bbażata fuq is-suq peress li d-drittijiet ta’ organizzazzjoni kollettiva tal-ħaddiema u tal-impjegaturi huma mxekkla. Iċ-Ċina ma rratifikatx għadd ta’ konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (“ILO”), b’mod partikolari dawk dwar il-libertà ta’ assoċjazzjoni u dwar in-negozjar kollettiv (74). Skont il-liġi nazzjonali, hemm organizzazzjoni trejdjunjonistika waħda biss li hija attiva. Madankollu, din l-organizzazzjoni mhijiex indipendenti mill-awtoritajiet tal-Istat u l-involviment tagħha fin-negozjar kollettiv u fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema għadu rudimentali (75). Barra minn hekk, il-mobilità tal-forza tax-xogħol Ċiniża hija ristretta mis-sistema ta’ reġistrazzjoni tal-unitajiet domestiċi, li tillimita l-aċċess għall-firxa sħiħa ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali u benefiċċji oħrajn għar-residenti lokali ta’ żona amministrattiva partikolari. Dan tipikament jirriżulta f’ħaddiema li ma jkollhomx ir-reġistrazzjoni lokali tar-residenza li jsibu ruħhom f’pożizzjoni ta’ impjieg vulnerabbli u jirċievu introjtu aktar baxx mid-detenturi tar-reġistrazzjoni tar-residenza (76). Dawk is-sejbiet iwasslu għad-distorsjoni tal-kostijiet tal-pagi fir-RPĊ.

(127)

Ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza rilevanti li turi li s-settur tal-aluminju, inklużi l-produtturi tal-prodotti tal-ACF, ma huwiex soġġett għas-sistema Ċiniża dwar il-liġi tax-xogħol deskritta. Għalhekk, is-settur tal-aluminju huwa affettwat mid-distorsjonijiet tal-kostijiet lavorattivi kemm direttament (fil-fabbrikazzjoni tal-prodott ikkonċernat jew il-materja prima ewlenija għall-produzzjoni tiegħu) kif ukoll indirettament (meta jkollu aċċess għal kapital jew inputs minn kumpaniji soġġetti għall-istess sistema tax-xogħol fir-RPĊ).

3.3.1.8.   Distorsjonijiet sinifikanti skont is-sitt inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b), tar-Regolament bażiku: l-aċċess għall-finanzi mogħtija minn istituzzjonijiet li jimplimentaw objettivi ta’ ordni pubbliku jew li b’xi mod ieħor ma jaġixxux indipendentement mill-Istat

(128)

L-aċċess għall-kapital għal atturi korporattivi fir-RPĊ huwa soġġett għal diversi distorsjonijiet.

(129)

L-ewwel, is-sistema finanzjarja Ċiniża hija kkaratterizzata mill-pożizzjoni b’saħħitha tal-banek tal-Istat (77), li, meta jagħtu aċċess għall-finanzi, iqisu kriterji oħrajn għajr il-vijabbiltà ekonomika ta’ proġett. B’mod simili għall-SOEs mhux finanzjarji, il-banek jibqgħu marbuta mal-Istat mhux biss permezz tas-sjieda iżda wkoll permezz ta’ azzjonijiet personali (l-ogħla eżekuttivi tal-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istat fl-aħħar mill-aħħar jinħatru mis-CCP) (78) u, għal darb’oħra eżatt bħal fil-każ tal-SOEs mhux finanzjarji, il-banek jimplimentaw b’mod regolari ordnijiet pubbliċi mfassla mill-gvern. Meta jagħmlu dan, il-banek ikunu qed jikkonformaw ma’ obbligu legali espliċitu li jmexxu n-negozju tagħhom skont il-ħtiġijiet tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali nazzjonali u taħt il-gwida tal-politiki industrijali tal-Istat (79). Dan huwa aggravat minn regoli eżistenti addizzjonali, li jidderieġu l-finanzi f’setturi ddeżinjati mill-gvern bħala mħeġġa jew li b’xi mod ieħor huma importanti (80).

(130)

Filwaqt li huwa rikonoxxut li diversi dispożizzjonijiet legali jirreferu għall-ħtieġa li jiġu rrispettati l-imġiba bankarja normali u r-regoli prudenzjali, bħall-ħtieġa li tiġi eżaminata l-affidabbiltà kreditizja tal-mutwatarju, l-evidenza massiva, inklużi s-sejbiet li saru fl-investigazzjonijiet rigward id-difiża tal-kummerċ, tissuġġerixxi li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom biss rwol sekondarju fl-applikazzjoni tad-diversi strumenti legali.

(131)

Pereżempju, il-GtĊ reċentement iċċara li anke d-deċiżjonijiet bankarji kummerċjali privati jridu jiġu ssorveljati mis-CCP u jibqgħu konformi mal-politiki nazzjonali. Wieħed mit-tliet għanijiet ġenerali tal-Istat fir-rigward tal-governanza bankarja issa huwa li jsaħħaħ it-tmexxija tal-Partit fis-settur bankarju u tal-assigurazzjoni, inkluż fir-rigward ta’ kwistjonijiet operattivi u ta’ ġestjoni fil-kumpaniji (81). Barra minn hekk, il-kriterji tal-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-banek kummerċjali issa għandhom iqisu, b’mod partikolari, kif l-entitajiet “jaqdu l-objettivi ta’ żvilupp nazzjonali u l-ekonomija reali”, u b’mod partikolari kif dawn “jaqdu industriji strateġiċi u emerġenti” (82).

(132)

Barra minn hekk, il-klassifikazzjonijiet tal-bonds u tal-kreditu ta’ spiss ikunu soġġetti għal distorsjoni minħabba diversi raġunijiet, inkluż il-fatt li l-valutazzjoni tar-riskju tiġi influwenzata mill-importanza strateġika tad-ditta għall-GtĊ u s-saħħa ta’ kwalunkwe garanzija impliċita mill-gvern. L-istimi jissuġġerixxu ferm li l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu Ċiniżi jikkorrispondu sistematikament għal klassifikazzjonijiet internazzjonali aktar baxxi (83).

(133)

Dan huwa aggravat minn regoli eżistenti addizzjonali, li jidderieġu l-finanzi f’setturi ddeżinjati mill-gvern bħala mħeġġa jew li b’xi mod ieħor huma importanti (84). Dan jirriżulta fi preġudizzju favur is-self lil SOEs, ditti privati kbar b’konnessjonijiet tajbin u ditti f’setturi industrijali ewlenin, li jimplika li d-disponibbiltà u l-kost tal-kapital ma humiex ugwali għall-atturi kollha fis-suq.

(134)

F’dan ir-rigward, l-Istudju tal-OECD jagħmel referenza għal evidenza aneddotali li ċerti produtturi tal-aluminju fir-RPĊ kisbu finanzjament fuq termini preferenzjali, fejn il-kost tal-finanzjament jidher li huwa diżakkoppjat mil-livell korrispondenti ta’ ingranaġġ korporattiv. Skont dak l-istudju, fil-prospett tal-bonds tiegħu tal-2016, produttur wieħed tal-aluminju tal-Istat iddikjara b’mod espliċitu li huwa jattira appoġġ finanzjarju konsiderevoli mill-banek ta’ politika Ċiniżi b’rata tal-imgħax aktar baxxa mill-parametru referenzjarju. Bl-istess mod, il-prospett tal-bonds tal-2017 ta’ produttur ieħor tal-istat jirreferi għar-rabtiet mill-qrib li l-kumpanija żżomm mal-banek Ċiniżi, inklużi banek ta’ politika li jkunu taw sorsi ta’ finanzjament b’kost baxx lil dik il-kumpanija. B’rabta ma’ dan, l-Istudju tal-OECD jikkonkludi li filwaqt li jista’ jkun hemm ħafna raġunijiet għaliex ir-rati tal-imgħax huma baxxi għal dawn id-ditti, il-kuntrast bejn indikaturi finanzjarji dgħajfin u rati tal-imgħax aktar baxxi jistgħu jissuġġerixxu xi prezzijiet aktar baxxi potenzjali tar-riskju assoċjat ma’ dawk il-mutwatarji (85).

(135)

It-tieni, il-kostijiet tas-self inżammu artifiċjalment baxxi biex jistimolaw it-tkabbir tal-investiment. Dan wassal għall-użu eċċessiv ta’ investiment kapitali b’redditi dejjem aktar baxxi fuq l-investiment. Dan intwera mit-tkabbir fl-ingranaġġ korporattiv fis-settur tal-Istat minkejja tnaqqis kbir fil-profittabilità, li jissuġġerixxi li l-mekkaniżmi li joperaw fis-sistema bankarja ma jsegwux ir-reazzjonijiet kummerċjali normali.

(136)

It-tielet, għalkemm il-liberalizzazzjoni tar-rata tal-imgħax nominali nkisbet f’Ottubru 2015, is-sinjali tal-prezzijiet għadhom mhumiex ir-riżultat tal-forzi tas-suq ħieles, iżda huma influwenzati minn distorsjonijiet ikkawżati mill-gvern. Tabilħaqq, is-sehem tas-self fir-rata tal-parametru referenzjarju jew taħt din ir-rata għadu jirrappreżenta mill-inqas terz tas-self kollu mill-aħħar tal-2018 (86). Dan l-aħħar il-midja uffiċjali fir-RPĊ irrapportat li s-CCP talab “gwida għat-tnaqqis tar-rata tal-imgħax tas-suq tas-self.” (87) Rati tal-imgħax artifiċjalment baxxi jirriżultaw fi twaqqigħ tal-prezzijiet u, konsegwentement, fl-użu eċċessiv tal-kapital.

(137)

It-tkabbir ġenerali tal-kreditu fir-RPĊ jindika deterjorament fl-effiċjenza tal-allokazzjoni tal-kapital mingħajr ma jkun mistenni l-ebda sinjal ta’ ssikkar tal-kreditu f’ambjent tas-suq mingħajr distorsjoni. B’riżultat ta’ dan, is-self improduttiv żdied b’mod rapidu fis-snin reċenti. Quddiem sitwazzjoni ta’ żieda tad-dejn f’riskju, il-GtĊ għażel li jevita l-inadempjenzi. B’konsegwenza ta’ dan, il-kwistjonijiet ta’ dejn mitluf ġew ittrattati bir-riportar tad-dejn, biex b’hekk inħolqu l-hekk imsejħa kumpaniji “żombi”, jew inkella permezz tat-trasferiment tas-sjieda tad-dejn (eż. permezz ta’ fużjonijiet jew ta’ skambji ta’ dejn ma’ ekwità), mingħajr ma neċessarjament titneħħa l-problema ġenerali tad-dejn jew jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tagħha.

(138)

Essenzjalment, minkejja l-passi li ttieħdu biex is-suq jiġi lliberalizzat, is-sistema tal-kreditu korporattiv fir-RPĊ hija affettwata minn distorsjonijiet sinifikanti bħala riżultat tar-rwol mifrux kontinwu tal-istat fis-swieq kapitali.

(139)

Ma ġietx ippreżentata evidenza li turi li s-settur tal-aluminju, inklużi l-produtturi tal-prodotti tal-ACF, se jkunu eżentati mill-intervent tal-gvern deskritt hawn fuq fis-sistema finanzjarja. Għalhekk, l-intervent sostanzjali tal-gvern fis-sistema finanzjarja jwassal biex il-kundizzjonijiet tas-suq jiġu affettwati serjament fil-livelli kollha.

3.3.1.9.   In-natura sistemika tad-distorsjonijiet deskritti

(140)

Il-Kummissjoni nnotat li d-distorsjonijiet deskritti fir-Rapport huma karatteristika tal-ekonomija Ċiniża. L-evidenza disponibbli turi li l-fatti u l-karatteristiċi tas-sistema Ċiniża kif deskritti hawn fuq fit-Taqsimiet 3.3.1.1-3.3.1.5 japplikaw fil-pajjiż kollu u fis-setturi kollha tal-ekonomija. L-istess jgħodd għad-deskrizzjoni tal-fatturi ta’ produzzjoni kif stabbilit hawn fuq fit-Taqsimiet 3.3.1.6-3.3.1.8 ta’ hawn fuq.

(141)

Il-Kummissjoni tfakkar li għall-produzzjoni tal-prodotti tal-ACF, jenħtieġu firxa ta’ inputs. Ma kien hemm l-ebda evidenza fil-fajl tal-investigazzjoni li dawk l-inputs ma jiġux ipprovduti fir-RPĊ. Meta l-produtturi tal-prodotti tal-ACF jixtru/jikkuntrattaw dawn l-inputs, il-prezzijiet li jħallsu (u li huma rreġistrati bħala l-kostijiet tagħhom) huma b’mod ċar esposti għall-istess distorsjonijiet sistemiċi msemmija qabel. Pereżempju, il-fornituri tal-inputs jużaw manodopera li tkun soġġetta għad-distorsjonijiet. Huma jistgħu jissellfu flus li huma soġġetti għad-distorsjonijiet fuq is-settur finanzjarju/l-allokazzjoni tal-kapital. Barra minn hekk, huma soġġetti għas-sistema tal-ippjanar li tapplika fil-livelli kollha tal-gvern u tas-setturi.

(142)

B’konsegwenza ta’ dan, mhux biss il-prezzijiet tal-bejgħ domestiku tal-prodotti tal-ACF ma humiex xierqa għall-użu skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, iżda l-kostijiet kollha tal-input (inklużi l-materja prima, l-enerġija, l-art, il-finanzjament, il-manodopera, eċċ.) huma wkoll affettwati minħabba li l-formazzjoni tal-prezzijiet tagħhom hija affettwata minn intervent sostanzjali tal-gvern, kif deskritt fil-Partijiet A u B tar-Rapport. Tabilħaqq, l-interventi tal-gvern deskritti b’rabta mal-allokazzjoni tal-kapital, tal-art, tal-manodopera, tal-enerġija u tal-materja prima huma preżenti fir-RPĊ kollha. Dan ifisser, pereżempju, li input li minnu nnifsu kien prodott fir-RPĊ permezz tal-kombinazzjoni ta’ firxa ta’ fatturi ta’ produzzjoni huwa espost għal distorsjonijiet sinifikanti. L-istess japplika għall-input lejn l-input u l-bqija. L-argumenti u l-evidenza miġjuba mill-produtturi esportaturi f’dan ir-rigward huma indirizzati fit-taqsima li jmiss.

3.3.1.10.   Konklużjoni

(143)

L-analiżi preċedenti, li tinkludi eżami tal-evidenza kollha disponibbli relatata mal-interventi pubbliċi fl-ekonomija Ċiniża b’mod ġenerali kif ukoll fis-settur tal-aluminju (inkluż il-prodott ikkonċernat), uriet li l-prezzijiet jew il-kostijiet tal-prodott ikkonċernat, inklużi l-kostijiet tal-materja prima, tal-enerġija u tal-manodopera, ma humiex ir-riżultat tal-forzi tas-suq ħieles minħabba li huma affettwati minn intervent sostanzjali mill-gvern fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku kif muri mill-impatt attwali jew potenzjali ta’ wieħed jew aktar mill-elementi rilevanti elenkati fih. Abbażi ta’ dan, u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kooperazzjoni mill-GtĊ, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma huwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi biex jiġi stabbilit il-valur normali f’dan il-każ.

3.3.1.11.   Kummenti mill-partijiet interessati

(144)

Xiamen sostna b’reazzjoni għat-Tieni Nota li ma hemmx bżonn ta’ rikors għal parametri referenzjarji, jekk il-fatturi ta’ produzzjoni jinġiebu minn Xiamen f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta. B’mod partikolari, Xiamen argumenta li l-prezzijiet ta’ parametri referenzjarji u l-prezzijiet imħallsa minn Xiamen għal ingotti u ċangaturi kienu komparabbli, u dan jidher li qed jirribatti l-allegazzjonijiet ta’ distorsjonijiet sinifikattivi. Barra minn hekk, Zhongji argumenta li xtara l-materja prima u l-enerġija fuq bażi kummerċjali f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta.

(145)

Il-Kummissjoni nnotat li ladarba jiġi ddeterminat li minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fil-pajjiż esportatur f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, ma huwiex xieraq li jintużaw il-prezzijiet u l-kostijiet domestiċi fil-pajjiż esportatur, il-valur normali jiġi stabbilit b’referenza għal prezzijiet jew parametri referenzjarji mingħajr distorsjoni f’pajjiż rappreżentattiv xieraq għal kull produttur esportatur skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku. L-istess dispożizzjoni tar-Regolament bażiku tippermetti l-użu ta’ kostijiet domestiċi jekk jiġi stabbilit b’mod pożittiv li jkunu mingħajr distorsjoni, abbażi ta’ evidenza akkurata u xierqa. Madankollu, f’dan il-każ, Xiamen kif ukoll Zhongji naqsu milli jipproduċu kwalunkwe evidenza akkurata u xierqa bħal din. Livelli ta’ prezzijiet simili ta’ ċerta materja prima fil-pajjiż esportatur u fil-pajjiż rappreżentattiv fihom infushom ma humiex indikattivi tan-nuqqas ta’ distorsjonijiet sinifikanti skont l-Artikolu2(6a) tar-Regolament bażiku, minħabba li jista’ jkun li l-prezzijiet ivarjaw u jiġu allinjati fuq ċertu perjodu għal għadd ta’ raġunijiet oħrajn. Għall-kuntrarju, hemm għadd ta’ fatturi oħra li jikkontribwixxu għas-sejba ta’ distorsjonijiet sinifikanti kif muri fit-Taqsimiet 3.3.1.2 sa 3.3.1.9. Konsegwentement, sempliċi referenza għall-komparabbiltà tal-prezzijiet domestiċi ta’ ċerti materja prima b’valuri ta’ parametri referenzjarji fil-pajjiż rappreżentattiv ma tistax tissodisfa l-kundizzjoni li tiġi amministrata evidenza preċiża u xierqa. Għalhekk, il-pretensjonijiet ta’ Xiamen u ta’ Zhongji ma setgħux jintlaqgħu.

(146)

Barra minn hekk, fil-kummenti tiegħu dwar il-bidu, Xiamen, qabel kollox, allega li l-Artikolu 2(6a) huwa inkonsistenti mal-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-Dumping (Anti-Dumping Agreement, “ADA”). Dan għaliex, l-ewwel, l-Artikolu 2.2 tal-ADA jirrikonoxxi tliet xenarji li jippermettu l-istabbiliment tal-valur normali: (i) il-bejgħ ma jsirx fl-andament normali tal-kummerċ; (ii) hemm sitwazzjoni partikolari tas-suq; jew (iii) minħabba l-volum baxx ta’ bejgħ fis-suq domestiku, dan il-bejgħ ma huwiex rappreżentattiv. Xiamen sostna li distorsjonijiet sinifikanti ma jissodisfaw l-ebda wieħed mit-tliet kriterji. Huwa sostna wkoll li anke jekk il-kunċett ta’ distorsjonijiet sinifikanti jista’ possibbilment jitqies li jaqa’ taħt it-tieni kriterju ta’ hawn fuq, il-Bord fid-WTO DS529 Awstralja – Miżuri Anti-Dumping fuq Karta Kopjanti A4 ikkonferma li l-fatt li l-prezz domestiku tal-prodott ikkonċernat u l-inputs tiegħu huma affettwati minn distorsjonijiet tal-gvern ma kienx biżżejjed biex jiġi kkunsidrat li l-paragun xieraq bejn il-bejgħ fis-suq domestiku u l-bejgħ tal-esportazzjoni huwa affettwat “minħabba s-sitwazzjoni partikolari tas-suq”. Barra minn hekk, Xiamen ikkummenta li l-Kummissjoni applikat l-istabbiliment tal-valur normali b’mod sistematiku, filwaqt li jenħtieġ li tivverifika fuq bażi ta’ każ b’każ jekk humiex issodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2.2 tal-ADA. Xiamen sostna wkoll li l-Artikolu 2.2 tal-ADA jeħtieġ li l-istabbiliment tal-valur normali jrid jirrifletti “kost fil-pajjiż tal-oriġini”, kif ikkonfermat fil-każijiet tad-WTO DS529 Awstralja – Miżuri Anti-Dumping fuq Karta Kopjanti A4 u tad-WTO DS473 Unjoni Ewropea – Miżuri Anti-Dumping fuq il-Bijodiżil mill-Arġentina. Barra minn hekk, Xiamen argumenta li l-valur normali jenħtieġ li jkun kostruwit f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 2.2.1.1 tal-ADA, u żied li s-sejbiet fir-rapport DS473 imsemmi hawn fuq u fil-każ tad-WTO DS427 Ċina – Miżuri ta’ Dazju Anti-Dumping u Kompensatorju fuq il-Prodotti tal-Brojlers mill-Istati Uniti kienu jirrikjedu li l-awtoritajiet investigattivi jqisu l-kostijiet irreġistrati tal-produtturi esportaturi sakemm ma jkunux f’konformità mal-prinċipji kontabilistiċi ġeneralment aċċettati jew ma jirriflettux b’mod raġonevoli l-kostijiet assoċjati mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-prodott taħt kunsiderazzjoni. Anke jekk il-kostijiet irreġistrati ssodisfaw dawk iż-żewġ kundizzjonijiet, l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku huwa inkonsistenti mal-Artikolu 2.2.1.1 tal-ADA tad-WTO, skont Xiamen, minħabba li l-kostijiet tal-produttur esportatur huma injorati b’mod sistematiku.

(147)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku huma kompletament konsistenti mal-obbligi tad-WTO tal-Unjoni Ewropea. Kif iċċarat espliċitament mill-Korp tal-Appell tad-WTO f’DS473 Unjoni Ewropea – Miżuri Antidumping fuq il-Bijodiżil mill-Arġentina, il-liġi tad-WTO tippermetti l-użu ta’ data minn pajjiż terz, aġġustata kif xieraq meta tali aġġustament ikun meħtieġ u sostanzjat. Il-Kummissjoni fakkret li l-każijiet DS529 Awstralja – Miżuri Anti-Dumping fuq il-Karta Kopjanti A4 u DS427 Ċina – Prodotti tal-Brojlers ma kinux jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, is-sitwazzjonijiet fattwali sottostanti f’dawk il-każijiet kienu differenti mis-sitwazzjoni sottostanti u l-kriterji li wasslu għall-applikazzjoni tal-metodoloġija skont din id-dispożizzjoni tar-Regolament bażiku, li tikkonċerna l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fil-pajjiż esportatur. Skont l-Artikolu 2(6a) huwa biss meta jinstab li hemm distorsjonijiet sinifikanti u li dawn jaffettwaw il-kostijiet u l-prezzijiet li l-valur normali jinħadem b’referenza għall-kostijiet u l-prezzijiet mingħajr distorsjoni miksuba f’pajjiż rappreżentattiv jew b’referenza għal parametru referenzjarju internazzjonali. Fi kwalunkwe każ, it-tieni subparagrafu, it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku jipprevedi l-possibbiltà li jintużaw kostijiet domestiċi sal-punt li jiġi stabbilit li ma jkunux distorti. Għalhekk, il-Kummissjoni ma laqgħetx dawn il-pretensjonijiet.

(148)

It-tieni, Xiamen sostna li l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku huwa inkonsistenti mal-Artikolu 2.2.2 tal-ADA. Huwa sostna wkoll li l-Korp tal-Appell f’DS219 KE – Fittings tat-Tubi jew tal-Pajpijiet ikkonferma li l-awtorità investigattiva hija obbligata tuża l-SG&A u l-profitt effettivi tal-produtturi esportaturi, sakemm tali data tkun teżisti. Għalhekk, Xiamen sostna li l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku kien inkompatibbli mal-Artikolu 2.2.2 tal-ADA.

(149)

Il-Kummissjoni nnotat li ladarba jiġi ddeterminat li minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fil-pajjiż esportatur f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, ma huwiex xieraq li jintużaw il-prezzijiet u l-kostijiet domestiċi fil-pajjiż esportatur, il-valur normali jiġi stabbilit b’referenza għal prezzijiet jew għal parametri referenzjarji mingħajr distorsjoni f’pajjiż rappreżentattiv xieraq għal kull produttur esportatur skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku. Kif spjegat hawn fuq fil-premessa (147), l-istess dispożizzjoni tar-Regolament bażiku tippermetti wkoll l-użu tal-kostijiet domestiċi jekk jiġi stabbilit b’mod pożittiv li dawn mhumiex distorti. F’dak il-kuntest, il-produtturi esportaturi kellhom il-possibbiltà li jipprovdu evidenza li l-kostijiet tal-SG&A individwali tagħhom u/jew kostijiet oħra tal-input tagħhom kienu effettivament mingħajr distorsjoni. Madankollu, kif muri fit-Taqsimiet 3.3.1.2 sa 3.3.1.9, il-Kummissjoni stabbiliet l-eżistenza ta’ distorsjonijiet fl-industrija Ċiniża tal-prodotti tal-aluminju rrumblati ċatti u ma kien hemm l-ebda evidenza pożittiva li l-fatturi ta’ produzzjoni ta’ produtturi esportaturi individwali mingħajr distorsjoni. Għalhekk, dawn il-pretensjonijiet ma ntlaqgħux.

(150)

It-tielet, Xiamen sostna li skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tista’ tuża l-kostijiet domestiċi, u li hija obbligata twettaq analiżi speċifika għall-kumpanija u speċifika għall-kostijiet f’dan ir-rigward. Għalhekk, kellu jkun hemm analiżi speċifika ta’ Xiamen ibbażata fuq il-kwestjonarju li ppreżenta.

(151)

Il-Kummissjoni nnotat li l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti li jwasslu għall-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku hija stabbilita fil-livell tal-pajjiż kollu. Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti, allura d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(6a) japplikaw, a priori, għall-produtturi esportaturi kollha fir-RPĊ u jirrigwardaw il-kostijiet kollha relatati mal-fatturi ta’ produzzjoni. Fi kwalunkwe każ, l-istess dispożizzjoni tar-Regolament bażiku tipprevedi l-użu ta’ kostijiet domestiċi li huma stabbiliti b’mod pożittiv biex ma jiġux affettwati minn distorsjonijiet sinifikanti. Jekk dan ikun il-każ fir-rigward ta’ produttur esportatur wieħed jew aktar, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(6a) jeħtieġ valutazzjoni separata ta’ dawn l-affermazzjonijiet għal kull esportatur u produttur individwalment, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-kampjunament.

(152)

Il-kalkoli li jikkonċernaw ir-rata anti-dumping ta’ Xiamen jirriflettu d-data ppreżentata mill-kumpanija nnifisha, ikkalkolata f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku, b’mod partikolari l-Artikolu 2(6a). Ma kien hemm l-ebda evidenza li l-prezzijiet u l-kostijiet domestiċi ta’ Xiamen ma kinux distorti mid-distorsjonijiet pervażivi stabbiliti abbażi tal-evidenza disponibbli, ħlief għall-virga tal-aluminju tal-boron tat-titanju kif speċifikat fil-premessa (161). Għalhekk, il-marġnijiet provviżorji tad-dumping jirriflettu s-sitwazzjoni speċifika tal-kumpanija, inklużi l-fatturi ta’ produzzjoni u l-ammonti kif irrapportati mill-kumpanija fit-tweġiba għall-kwestjonarju, iżda filwaqt li jqisu b’mod xieraq l-eżistenza u l-impatt ta’ distorsjonijiet sinifikanti fir-RPĊ. Għalhekk, dawn il-pretensjonijiet ma ntlaqgħux.

(153)

Fir-rigward tas-sitwazzjoni individwali tal-kumpanija, Xiamen sostna li l-kumpanija kienet kumpanija privata u li ma kien hemm l-ebda evidenza li kienet soġġetta għall-istess sjieda, kontroll jew superviżjoni u gwida politika mill-awtoritajiet Ċiniżi bħala SOE u ma kinitx soġġetta għal superviżjoni u għal gwida politiċi permezz ta’ interferenza bil-preżenza tal-Istat fir-rigward tal-prezzijiet u tal-kostijiet. Għalhekk, huwa sostna li ma kienx jopera “taħt is-sjieda, kontroll jew superviżjoni politika jew gwida tal-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur” kif imsemmi fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b), tar-Regolament bażiku.

(154)

Il-Kummissjoni tenniet li ladarba jiġu stabbiliti d-distorsjonijiet sinifikanti, il-metodoloġija skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku tapplika għall-pajjiż kollu sakemm ma jiġix stabbilit b’mod pożittiv li ċerti kostijiet ma humiex affettwati minn distorsjonijiet. Xiamen ma pprovda l-ebda evidenza bħal din, iżda biss xi argumenti ġeneriċi dwar ċerti kriterji elenkati fl-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fil-pajjiż esportatur kollu kemm hu u mhux marbuta mal-kostijiet speċifiċi tagħhom mingħajr distorsjoni. Il-pretensjoni minn Xiamen li jkun indipendenti mill-kontroll tal-Istat ma tistax tixħet dubji fuq il-korp sostanzjali ta ’evidenza u l-konklużjonijiet fit-Taqsimiet 3.3.1.3 sa 3.3.1.5 li juru l-firxa u l-pervażività tal-influwenza tal-gvern u tas-CCP fl-ekonomija Ċiniża, inkluż fis-settur tal-aluminju. Barra minn hekk, kif indikat fit-Taqsima 3.3.1.8, il-gvern għandu għad-dispożizzjoni tiegħu għadd kbir ta’ strumenti u ta’ inċentivi finanzjarji biex imexxi lill-kumpaniji, inklużi dawk privati, biex isegwu l-gwida tiegħu. Kif deskritt fl-istess Taqsima, l-istituzzjonijiet finanzjarji, inklużi dawk privati, għandhom inċentivi biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament għal proġetti f’konformità mal-pjanijiet governattivi, li għandu impatt sostanzjali fuq il-kumpaniji privati li jeħtieġ li jikkonformaw mad-direttivi tal-gvern biex jiżguraw il-likwidità finanzjarja. Għalhekk, jenħtieġ li l-argument ta’ Xiamen li huwa ħieles minn kwalunkwe influwenza tal-gvern, inklużi s-sjieda, il-kontroll jew is-superviżjoni u l-gwida politiċi mill-awtoritajiet Ċiniżi, ikun miċħud.

(155)

B’mod aktar speċifiku, il-Kummissjoni nnotat li Xiamen huwa formalment rikonoxxut bħala: Intrapriża ta’ Livell Nazzjonali Ewlenija tat-Teknoloġija Avvanzata mill-Kunsill tal-Istat; Intrapriża Ewlenija għall-Industriji Strateġiċi u Emerġenti tal-Provinċja ta’ Fujian mill-Kummissjoni Ekonomika u tal-IT tal-Provinċja ta’ Fujian; Intrapriża Innovattiva tal-Provinċja ta’ Fujian mill-Uffiċċju tax-Xjenza u tat-Teknoloġija tal-Provinċja ta’ Fujian, mill-Kummissjoni Ekonomika u tal-IT tal-Provinċja ta’ Fujian, mill-Federazzjoni Provinċjali tat-Trade Unions ta’ Fujian u mill-Kummissjoni għas-Superviżjoni u għall-Amministrazzjoni tal-Assi proprjetà tal-Istat tal-Gvern tal-Poplu tal-Provinċja ta’ Fujian (88). Sabiex tirċievi dawn ir-rikonoxximenti formali, il-kumpanija jeħtiġilha tkun issodisfat ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà rilevanti, li jinkludu, fost l-oħrajn, li ssegwi l-linja uffiċjali tal-GtĊ u li tkun konformi mal-istrateġiji u mal-politiki governattivi uffiċjali. Dan huwa meħtieġ ukoll biex ikunu jistgħu jinżammu tali rikonoxximenti u jittieħed vantaġġ ulterjuri mill-appoġġ governattiv dirett jew indirett marbut magħhom. Pereżempju, uħud mill-politiki, mill-objettivi u mill-benefiċċji speċifiċi marbuta mar-rikonoxximent bħala intrapriżi ewlenin tal-Industriji Strateġiċi u Emerġenti fil-provinċja ta’ Fujian, titolu miżmum minn Xiamen, jinkludu: “Involviment tal-intrapriżi ewlenin bħala mexxejja u eżempji, trawwim tal-iżvilupp xjentifiku ewlieni tal-industriji emerġenti strateġiċi f’Fujian, u lħuq tal-għanijiet u twettiq tal-kompiti stabbiliti fil-“Pjan ta’ Implimentazzjoni għall-Aċċellerazzjoni tal-Iżvilupp tal-Industriji Strateġiċi Emerġenti fil-Provinċja ta’ Fujian”; “Appoġġ għad-diversi tipi ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju ta’ Fujian għal industriji emerġenti strateġiċi biex iwettqu investiment ta’ ekwità bl-għan li jiżviluppaw proġetti ewlenin ta’ intrapriżi ewlenin”; “Tħeġġiġ u appoġġ għall-intrapriżi ewlenin tal-industriji strateġiċi provinċjali emerġenti biex isiru pubbliċi għal finanzjament u joħorġu bonds korporattivi, kambjali ta’ finanzjament fuq terminu qasir, eċċ., u għoti ta’ appoġġ u forniment ta’ servizzi rilevanti għall-finanzjament korporattiv”; “Flimkien mad-dipartimenti ekonomiċi u kummerċjali ta’ distretti, ta’ bliet, taż-Żona Esperimentali Komprensiva ta’ Pingtan u ma’ kumpaniji (azzjonarji) tal-grupp provinċjali, il-Kumitat Ekonomiku u Kummerċjali Provinċjali stabbilixxa sistema ta’ ħidma u ta’ kuntatt ma’ intrapriżi ewlenin tal-industrija emerġenti biex tgħin fil-koordinazzjoni u fis-sejbien ta’ soluzzjoni għad-diffikultajiet u għall-problemi ffaċċjati fl-iżvilupp tal-intrapriżi, u biex jiġu żgurati l-monitoraġġ u l-analiżi tal-iżvilupp tal-intrapriżi ewlenin” (89). Għalhekk, il-Kummissjoni ma aċċettatx id-difiża speċifika tal-kumpanija li Xiamen ikun ħieles mill-kontroll jew mis-superviżjoni tal-politika jew mill-gwida tal-awtoritajiet tar-RPĊ.

(156)

Barra minn hekk, Xiamen sostna li kien intrapriża barranija kompletament proprjetà tiegħu (“WOFE”) u soġġetta għal-liġijiet Ċiniżi. L-azzjonist tiegħu kien Daching Enterprises Limited, kumpanija inkorporata f’Hong Kong. Huwa sostna wkoll li d-dikjarazzjonijiet finanzjarji tiegħu ġew awditjati skont l-istandards kontabilistiċi internazzjonali billi huwa parti minn grupp internazzjonali u ġie ffurmat abbażi tal-Liġi dwar il-Kummerċ Barrani tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, tal-Liġi dwar l-Investiment Barrani tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, tal-Liġi tal-Kumpaniji tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u kien soġġett għal-Liġi dwar il-Falliment tal-Intrapriżi tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Skont dawn il-liġijiet, huwa kien protett bil-liġi dwar il-falliment u l-kapital tiegħu seta’ jiġi rimess b’mod liberu ’l ġewwa jew ’il barra f’konformità mal-liġi. Huwa argumenta wkoll li r-rapporti finanzjarji tiegħu ġew awditjati skont l-istandards kontabilistiċi internazzjonali, minn Ernst & Young u jekk is-saħħa finanzjarja tiegħu tkun fil-periklu, ikollu jsegwi l-istandards internazzjonali u possibbilment jitpoġġa f’falliment.

(157)

Il-Kummissjoni fakkret, li, kif deskritt fit-Taqsima 3.3.1.6, id-distorsjonijiet fir-RPĊ fil-qasam tal-liġi ma jirriżultawx mill-fatt li l-liġijiet Ċiniżi huma inadegwati għall-iskop tagħhom. Għall-kuntrarju, il-liġijiet Ċiniżi huma mmudellati fuq liġijiet simili f’pajjiżi oħra u għalhekk ma hemm l-ebda problema ta’ kwalità bil-liġijiet minnhom infushom. Il-problema tinsab fl-infurzar inadegwat ta’ dawk il-liġijiet u fir-rwol li għandu l-Istat fil-proċedimenti ta’ insolvenza. Din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx, abbażi tas-sejbiet fit-Taqsima 3.3.1.6 u fin-nuqqas ta’ evidenza li Xiamen ma kienx se jkun soġġett għad-distorsjonijiet fil-pajjiż kollu fir-rigward tal-proċedimenti ta’ falliment.

(158)

Xiamen ikkummenta wkoll li huwa mexxa negozjati indipendenti dwar il-prezzijiet mal-klijenti tiegħu fl-UE jew x’imkien ieħor abbażi tal-kost tal-produzzjoni u l-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq. Huwa żied jgħid li meta jbigħ lill-klijenti tiegħu fl-UE, il-prezz tiegħu kien ibbażat fuq primjum ta’ konverżjoni flimkien mal-prezz tal-aluminju kkwotat, għall-bejgħ fl-UE, fil-London Metal Exchange (LME).

(159)

Skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali jrid jiġi stabbilit abbażi ta’ prezzijiet jew ta’ parametri referenzjarji mingħajr distorsjoni jekk jiġi ddeterminat li ma huwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-pajjiż esportatur minħabba l-eżistenza f’dak il-pajjiż ta’ distorsjonijiet sinifikanti. L-affermazzjonijiet miġbura fil-qosor fil-premessa preċedenti jikkonċernaw il-prezz tal-esportazzjoni lejn l-UE (jew bnadi oħra) u mhux il-valur normali. Għalhekk, il-Kummissjoni ,ma laqgħetx din il-pretensjoni.

(160)

Fir-rigward tal-materja prima, Xiamen sostna li ma hemm l-ebda politika jew miżura pubblika li tiddiskrimina favur il-fornituri domestiċi jew li b’xi mod ieħor tinfluwenza l-forzi tas-suq ħieles fir-RPĊ. Fil-fehma tiegħu, huwa għandu għażla libera li jagħżel il-fornituri tiegħu stess, kemm jekk produtturi kif ukoll distributuri, bi prezzijiet negozjati b’mod liberu. Huwa żied jgħid li l-prezz tax-xiri tal-materja prima u ta’ inputs oħra kien iddeterminat permezz ta’ negozjati u ta’ offerti bejn diversi fornituri. Xiamen żied jgħid ukoll li xtara parti mill-materja prima tiegħu barra mill-pajjiż. B’mod partikolari, dan huwa l-każ għat-Titanium Boron Aluminium Rod, li huwa jixtri kompletament mir-Renju Unit.

(161)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni fakkret li Xiamen ma pprovdiex evidenza li tistabbilixxi pożittivament li l-kostijiet tiegħu fir-rigward ta’ inputs minn sorsi domestiċi ma kinux affettwati mill-intervent sostanzjali tal-gvern skont is-sejbiet li saru fit-Taqsimiet 3.3.1.2 sa 3.3.1.9. L-investigazzjoni stabbiliet distorsjonijiet fil-katina kollha tas-settur tal-aluminju. Dawk id-distorsjonijiet jikkonċernaw ukoll il-fornituri tal-materja prima, li huma soġġetti għat-tipi kollha ta’ distorsjonijiet misjuba fir-RPĊ, inkluż il-kost tal-elettriku, il-manodopera, l-aċċess għall-finanzi eċċ. B’kuntrast ma’ dan, fil-każ tax-xiri ta’ Xiamen barra mill-pajjiż, abbażi tal-evidenza ppreżentata u sussegwentement kontroverifikata mill-bogħod, inklużi t-tweġiba għall-kwestjonarju, analiżi tal-prezzijiet ta’ dan ix-xiri (li turi prezzijiet simili għal dawk użati mill-pajjiż rappreżentattiv), u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe evidenza ta’ distorsjonijiet għal dan l-input fir-Renju Unit, ġie stabbilit b’mod pożittiv li l-prezz tax-xiri ta’ Titanium Boron Aluminium Rod mir-Renju Unit (li jirrappreżenta parti żgħira mill-kostijiet kumplessivi tal-materja prima ta’ din il-kumpanija) ma huwiex distort u ma għandux għalfejn jiġi ssostitwit b’data minn pajjiż rappreżentattiv.

(162)

Barra minn hekk, l-investigazzjoni żvelat li Xiamen stabbilixxa b’mod konġunt ma’ Yunnan Yunlv Yongxin Metal Processing Co., Ltd, Intrapriża tal-istat, (State-owned Enterprise, “SOE”), intrapriża inkorporata taħt l-isem ta’ Yunnan Yongshun Aluminium Co., Ltd. fil-Kontea ta’ Jianshui, Provinċja ta’ Yunnan. In-negozju ewlieni ta’ dik il-kumpanija huwa l-produzzjoni ta’ ċangaturi kbar tal-liga tal-aluminju u hija fornitur ta’ Xiamen. Dan juri li l-ewwel, Xiamen qed jikkoopera mill-qrib mal-Istat Ċiniż, billi joħloq impriża konġunta ma’ SOE, u t-tieni nett, li d-distorsjonijiet fil-pajjiż kollu jikkonċernaw ukoll lill-fornituri tiegħu.

(163)

Xiamen sostna wkoll li l-gvern ma kellu l-ebda influwenza fuq il-kapaċità tiegħu li jaċċessa l-kreditu jew it-termini ta’ kreditu li l-kumpanija ngħatat u li t-termini tal-kreditu, bħar-rata tal-imgħax, huma ddeterminati mir-rata tas-suq prevalenti pertinenti. Barra minn hekk, Xiamen sostna li l-kostijiet SG&A tiegħu kienu raġonevoli u mingħajr distorsjoni u jenħtieġ li jitqiesu.

(164)

Il-Kummissjoni fakkret li għall-fini li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti skont l-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, l-impatt potenzjali ta’ wieħed jew aktar mill-elementi distorsivi elenkati f’dik id-dispożizzjoni huwa analizzat fir-rigward tal-prezzijiet u l-kostijiet fil-pajjiż esportatur. Anki jekk il-produttur esportatur ma bbenefika minn ebda finanzjament sinifikanti mill-Istat b’mod dirett, quod non, Xiamen kien eliġibbli għal appoġġ finanzjarju kif deskritt fit-Taqsimiet 3.3.1.8 flimkien ma’ 3.3.1.5 ta’ hawn fuq. Dan għaliex, kif spjegat fit-Taqsima 3.3.1.5, il-produttur esportatur kien soġġett, bħall-kumpaniji kollha fis-settur tal-aluminju, għal dokumenti ta’ ppjanar u ta’ gwida tal-Istat Ċiniż u gawda minn aċċess għall-finanzjament, permezz tas-sistema finanzjarja Ċiniża deskritta fit-Taqsima 3.3.1.8. F’dan ir-rigward, il-banek u istituzzjonijiet oħra ta’ finanzjament li jsegwu l-gwida tal-GtĊ, jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament mill-atturi tas-suq, inklużi l-produtturi ta’ prodotti tal-aluminju, u b’hekk joħolqu xibka ta’ sikurezza finanzjarja għal dawk l-intrapriżi, u jagħtuhom vantaġġ addizzjonali meta mqabbla mal-kontropartijiet tagħhom li jinsabu barra mir-RPĊ. Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessa (118), Xiamen, li għandu l-istatus ta’ Industrija Strateġika Emerġenti (Strategic Emerging Industry, “SEI”), huwa soġġett għall-appoġġ finanzjarju disponibbli għall-kumpaniji li għandhom l-istatus ta’ SEI, kif deskritt fil-premessa msemmija.

(165)

Fir-rigward tal-manodopera, Xiamen sostna li segwa sistema tajba u normali ta’ kostijiet lavorattivi. Huwa nnegozja b’mod indipendenti mal-impjegati tiegħu għall-pagi individwali fuq il-bażi tar-rati tas-suq u l-għarfien espert u l-kisbiet personali tagħhom. Huwa żied jgħid li ma hemm l-ebda mandat tal-Istat rigward il-kontrolli tal-pagi fir-RPĊ.

(166)

Il-Kummissjoni fakkret li d-distorsjonijiet fis-suq tax-xogħol ġew stabbiliti fil-livell tal-pajjiż kollu fit-Taqsima 3.3.1.7. Il-kwistjonijiet inerenti għas-suq tax-xogħol Ċiniż, inklużi n-nuqqas ta’ trade unions indipendenti mill-gvern u r-restrizzjonijiet tal-mobilità tal-forza tax-xogħol minħabba s-sistema ta’ reġistrazzjoni tal-unitajiet domestiċi kif deskritt fil-premessa (130) għandhom impatt distorsiv fuq il-ħolqien tal-pagi fir-RPĊ. F’dan ir-rigward, ma hemm l-ebda evidenza li tistabbilixxi li l-effetti distorsivi tan-nuqqas ta’ trade unions indipendenti fil-pajjiż kollu u l-kwistjoni tas-sistema ta’ reġistrazzjoni tal-unitajiet domestiċi ma humiex applikabbli għal Xiamen. Għalhekk, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(167)

Fl-aħħar nett, Xiamen sostna li, għar-raġunijiet kollha msemmija hawn fuq, l-SG&A u l-profitti tiegħu mingħajr distorsjoni u kienu anke raġonevoli u jenħtieġ li jitqiesu fil-kalkoli.

(168)

Fir-rigward tal-pretensjoni li tikkonċerna l-SG&A u l-profitti, il-Kummissjoni l-ewwel innotat li din kienet ġenerika u mhux sostanzjata, billi kienet sempliċement tirreferi għall-pretensjonijiet l-oħra ta’ dan il-produttur esportatur, li kollha ma ntlaqgħux. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku jeħtieġ b’mod speċifiku li jekk ikun hemm sejba ta’ distorsjonijiet sinifikanti, il-valur normali stabbilit irid jinkludi ammont raġonevoli u mingħajr distorsjoni għall-kostijiet SG&A u għall-profitti. Dawn il-pretensjonijiet ma ntlaqgħux billi dan huwa l-każ f’din l-investigazzjoni u l-produttur esportatur kif ukoll il-fornituri tiegħu huma affettwati minn dawn id-distorsjonijiet.

(169)

Konsegwentement, u filwaqt li tqieset l-eċċezzjoni rigward it-titanium boron aluminium rod, il-Kummissjoni pproċediet biex tibni l-valur normali abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu l-prezzijiet jew il-parametri referenzjarji mingħajr distorsjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, abbażi tal-kostijiet korrispondenti tal-produzzjoni u tal-bejgħ f’pajjiż rappreżentattiv xieraq, f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, kif diskuss fit-taqsima li ġejja.

3.4.   Pajjiż rappreżentattiv

3.4.1.   Rimarki ġenerali

(170)

L-għażla tal-pajjiż rappreżentattiv kienet ibbażata fuq il-kriterji li ġejjin, skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku:

—

Livell ta’ żvilupp ekonomiku simili għar-RPĊ. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni użat pajjiżi b’introjtu nazzjonali gross per capita simili għar-RPĊ abbażi tal-bażi ta’ data tal-Bank Dinji (90);

—

Il-produzzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat f’dan il-pajjiż;

—

Id-disponibbiltà tad-data pubblika rilevanti fil-pajjiż rappreżentattiv.

—

Fejn kien hemm aktar minn pajjiż rappreżentattiv wieħed possibbli, tingħata preferenza, fejn xieraq, lill-pajjiż b’livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali.

(171)

Kif spjegat fil-premessi (70)-(71), il-Kummissjoni ħarġet u poġġiet żewġ noti fuq il-fajl dwar is-sorsi għad-determinazzjoni tal-valur normali. In-noti ddeskrivew il-fatti u l-evidenza sottostanti tal-kriterji rilevanti u indirizzaw il-kummenti li rċevew il-partijiet dwar dawk l-elementi u dwar is-sorsi rilevanti. Fit-Tieni Nota, il-Kummissjoni għarrfet lill-partijiet interessati bl-intenzjoni tagħha li t-Turkija kienet pajjiż rappreżentattiv xieraq f’dan il-każ jekk l-eżistenza tad-distorsjonijiet sinifikanti skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku tiġi kkonfermata. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tista’ tinġabar fil-qosor kif ġej.

3.4.2.   Livell ta’ żvilupp ekonomiku simili għal dak taċ-Ċina u l-produzzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat

(172)

Fl-Ewwel Nota, il-Kummissjoni identifikat 55 pajjiż b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħaċ-Ċina. Fil-perjodu ta’ investigazzjoni, il-Bank Dinji kklassifika lil dawn il-pajjiżi bħala pajjiżi b’“introjtu medju superjuri” fuq bażi tal-introjtu nazzjonali gross. Madankollu, produzzjoni mdaqqsa tal-prodott li qed jiġi investigat nstabet li kienet teżisti biss f’ħamsa minn dawn il-pajjiżi, jiġifieri fl-Armenja, fil-Brażil, fl-Indoneżja, fil-Federazzjoni Russa u fit-Turkija.

(173)

Minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ data sinifikanti dwar l-importazzjonijiet/l-esportazzjonijiet u/jew data finanzjarja tal-produtturi tal-ACF fl-Armenja u l-Indoneżja, dawn il-pajjiżi ma ġewx eżaminati aktar bħala pajjiżi rappreżentattivi potenzjali.

(174)

Wara l-Ewwel Nota, Xiamen sostna li l-Kummissjoni jenħtieġ li tikkunsidra lill-Malasja bħala pajjiż rappreżentattiv possibbli. Dan il-produttur esportatur sostna li l-kwantitajiet rappreżentattivi biżżejjed tal-foil tal-aluminju huma prodotti fil-Malasja u rrefera għal żewġ kumpaniji li jipproduċu l-prodott ikkonċernat, jiġifieri Alcom u UACJ Foil Malaysia. Xiamen tenna l-affermazzjoni tiegħu wara t-Tieni Nota.

(175)

L-ewwel, il-Kummissjoni nnotat li r-restrizzjonijiet tal-esportazzjoni kummerċjali fil-forma ta’ rekwiżiti ta’ liċenzjar u taxxi tal-esportazzjoni relatati mar-ruttam tal-aluminju huma fis-seħħ fil-Malasja. Dan il-fattur tal-produzzjoni jammonta għal madwar 5 % u 10 % tal-kost tal-manifattura. It-tieni, Alcom ma dehritx li qed tipproduċi l-ACF, u UACJ Foil Malaysia kienet qed tagħmel telf abbażi tal-aħħar data finanzjarja disponibbli għall-2019 (perjodu li jikkoinċidi parzjalment mal-PI) fil-bażi ta’ data ta’ Dun&Bradstreet (“D&B”) (91). Fl-aħħar, in-Noti fihom ukoll anness speċifiku maħsub biex jiggwida lill-partijiet fil-preżentazzjoni ta’ informazzjoni dwar pajjiżi u/jew kumpaniji rappreżentattivi addizzjonali eventwali għall-fini tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku. Xiamen naqas milli jipprovdi l-informazzjoni għall-istandard u l-livell ta’ dettall preskritti mill-imsemmi anness. Għar-raġunijiet ta’ hawn fuq, il-pretensjoni ta’ Xiamen ma setgħetx tintlaqa’.

(176)

Barra minn hekk, għar-Russja, instab li kien hemm restrizzjonijiet fil-forma ta’ taxxa tal-esportazzjoni fir-rigward tar-ruttam tal-aluminju (92), prodott sekondarju sinifikanti li sa ċertu punt jista’ jintuża mill-ġdid fil-proċess tal-produzzjoni tal-ACF. Barra minn hekk, il-maġġoranza tal-istokks tal-foil tal-aluminju (li huwa input ewlieni għall-produzzjoni tal-ACF, li jirrappreżenta aktar minn 90 % tal-kost tal-produzzjoni, skont il-proċess tal-produzzjoni) jiġi importat miċ-Ċina jew minn pajjiżi elenkati fl-Anness I tar-Regolament (EU) 2015/755 (93) (“ir-Regolament 2015/755”). Għalhekk, il-Kummissjoni eskludiet lir-Russja mill-kunsiderazzjoni tagħha stabbilita u analizzata fin-Noti f’aktar dettall il-Brażil u t-Turkija bħala pajjiżi rappreżentattivi potenzjali.

3.4.3.   Id-disponibbiltà tad-data pubblika rilevanti fil-pajjiż rappreżentattiv

(177)

Wara l-Ewwel Nota, il-produtturi esportaturi kollha inklużi fil-kampjun argumentaw li l-Brażil ma kienx pajjiż rappreżentattiv xieraq, minħabba l-eżistenza ta’ diversi distorsjonijiet fis-suq tal-aluminju Brażiljan. Huma sostnew ukoll li Novelis do Brasil Ltda, il-kumpanija proposta mill-Kummissjoni bħala produttur rappreżentattiv, ma kinitx adattata, b’mod partikolari minħabba livell għoli li ma tantx huwa tipiku ta’ profitt irrapportat, li kien meqjus bħala mhux rappreżentattiv tas-settur industrijali kkonċernat u mhux xieraq għall-użu f’dan il-każ.

(178)

Il-Kummissjoni hija konxja li l-awtoritajiet Brażiljani fetħu, fid-29 ta’ Lulju 2020, investigazzjoni anti-dumping dwar importazzjonijiet Ċiniżi ta’ prodotti tal-aluminju fil-Brażil (iċ-Ċirkolari Nru 46 tat-28 ta’ Lulju 2020 – “Ċirkolari 46” – tas-Segretarjat Brażiljan tal-Kummerċ Barrani –“SECEX”) (94). L-ambitu tal-prodott tal-investigazzjoni msemmi fiċ-Ċirkolari 46 fil-biċċa l-kbira kien jikkoinċidi mal-ambitu tal-prodott ikkonċernat fl-investigazzjoni attwali, definit fit-Taqsima 2 ta’ hawn fuq. Iċ-Ċirkolari 46 ippubblikat ukoll, f’format ta’ indiċi, l-introjtu operatorju tal-ilmentaturi (tliet kumpaniji inkluż Novelis do Brasil) li wera li matul il-perjodu 2015–2019, l-ilmentaturi rreġistraw telf.

(179)

Fuq il-bażi ta’ din l-evidenza, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kienx probabbli li l-profitt irrapportat ta’ Novelis do Brasil (19,4 % fl-aħħar perjodu finanzjarju) kien inkiseb fir-rigward tal-prodott ikkonċernat. F’dan ir-rigward, minħabba li l-kumpanija tipproduċi firxa kbira ta’ prodotti, il-Kummissjoni kkunsidrat li tali profitt x’aktarx, u fil-biċċa l-kbira tiegħu, inkiseb fir-rigward ta’ prodotti oħra mmanifatturati minn Novelis do Brasil, bħal prodotti għall-ajruspazju jew għall-industrija tal-karozzi u l-bottijiet tax-xorb.

(180)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li d-data ta’ Novelis do Brasil ma kinitx tikkostitwixxi parametru referenzjarju xieraq biex jiġu stabbiliti SG&A u profitt raġonevoli għall-prodott li qed jiġi investigat. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet, fl-istadju tat-Tieni Nota, il-Brażil bħala għażla għal pajjiż rappreżentattiv xieraq u ffokat l-analiżi tagħha fuq it-Turkija.

(181)

L-analiżi tal-importazzjonijiet tal-fatturi ewlenin tal-produzzjoni fit-Turkija wriet li l-importazzjonijiet tal-istokk tal-foil fit-Turkija ma kinux affettwati materjalment mill-importazzjonijiet miċ-Ċina jew minn xi wieħed mill-pajjiżi elenkati fl-Anness I tar-Regolament 2015/755. Barra minn hekk, ġie stabbilit li data dwar l-importazzjonijiet aktar preċiża għal inputs ewlenin (inkluż l-istokk tal-foil) kienet disponibbli għat-Turkija meta mqabbla mal-Brażil.

(182)

F’dan il-każ, il-Kummissjoni identifikat żewġ produtturi Torok tal-ACF, li jġibu l-isem ta’ Assan Aluminyum u Asaş Aluminyum. Filwaqt li Assan Aluminyum kien qed jagħmel it-telf fis-sena finanzjarja 2019 (li tikkoinċidi parzjalment mal-PI), il-profitt ta’ Asaş Aluminyum fl-2019 kien qrib l-ekwilibriju. Il-Kummissjoni nnotat f’dan ir-rigward, kif stabbilit fl-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, “il-valur normali maħdum għandu jinkludi ammont raġonevoli u mingħajr distorsjoni għal kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali u għal profitti” . Profitt qrib il-punt tal-ekwilibriju ma jistax jitqies bħala raġonevoli, b’mod partikolari meta jitqies il-livell ta’ profitt miksub minn kumpaniji Torok oħra fl-industrija tal-aluminju (95). Għalhekk, id-data għal Asaş Aluminyum bħala produttur tal-ACF ma kinitx meqjusa provviżorjament bħala parametru referenzjarju xieraq.

(183)

Fin-nuqqas ta’ parametru referenzjarju xieraq biex jiġu stabbiliti SG&A u profitt raġonevoli għall-prodott li qed jiġi investigat fit-Turkija, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod provviżorju li d-data tal-kumpaniji f’settur li jipproduċi prodott simili tista’ tkun xierqa f’dawn iċ-ċirkostanzi. B’mod aktar speċifiku, il-Kummissjoni kkunsidrat li d-data tal-kumpaniji Torok attivi fis-settur tal-estrużjonijiet tal-aluminju tkun xierqa għall-użu. Il-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha fuq l-għarfien u fuq l-informazzjoni diġà disponibbli f’investigazzjoni reċenti oħra ta’ anti-dumping (96), fl-istess settur (aluminju) u li tkopri prodott simili u perjodu simili, jiġifieri estrużjonijiet tal-aluminju. Dan ġie kkomplementat aktar minn riċerka addizzjonali.

(184)

L-estrużjonijiet tal-aluminju huma prodotti li għandhom kompożizzjoni ta’ materjal minn sors simili bħall-ACF. Fir-rigward tal-proċess ta’ produzzjoni, l-aluminju jista’ jiġi ffurmat f’varjetà ta’ prodotti permezz ta’ estrużjoni, ta’ rrumblar jew ta’ kkastjar. L-estrużjonijiet huma, flimkien mal-ACF, ikkunsidrati bħala prodotti tal-aluminju nofshom lesti, u b’hekk jappartjenu għall-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti. Barra minn hekk, il-kumpaniji li jipproduċu l-estrużjonijiet f’xi każijiet jagħmlu wkoll prodotti oħra tal-aluminju, inklużi prodotti rrumblati li jkopru wkoll l-ACF (ara l-Premessa (193) għal aktar dettalji). Dan jiġġustifika l-għażla tal-produtturi ta’ estrużjoni għall-istabbiliment tal-profitt u tal-SG&A fil-pajjiż rappreżentattiv.

(185)

Għall-finijiet tal-każ preżenti, id-disponibbiltà tad-data tal-kumpaniji għas-sena finanzjarja 2019, li tkopri nofs il-perjodu ta’ investigazzjoni, ġiet iddeterminata l-ewwel. L-ebda data finanzjarja ma kienet disponibbli għall-2020. Sussegwentement, intgħażlu l-kumpaniji profittabbli (97) fil-perjodu finanzjarju msemmi. Mill-kumpaniji identifikati, tliet kumpaniji (98) nstabu li juru livell raġonevoli ta’ profittabilità bbażat fuq id-data fil-bażi tad-data D&B fl-2019.

(186)

Barra minn hekk, fuq il-bażi tar-riċerka supplimentari mwettqa mill-Kummissjoni, ġie osservat li Asaş Aluminyum (il-produttur tal-ACF) kif ukoll żewġ kumpaniji oħra identifikati minn Zhongji fil-kummenti tagħhom b’reazzjoni għall-Ewwel Nota (P.M.S. Metal Profil Aluminyum Sanayi Ve Ticaret Anonim Sirketi u Cansan Aluminyum Profil Sanayi Ve Ticaret Anonim Sirketi) huma involuti, minbarra l-produzzjoni ta’ prodotti oħra tal-aluminju nofshom lesti, fil-manifattura ta’ estrużjonijiet tal-aluminju (99). Barra minn hekk, data finanzjarja għal P.M.S. Metal u Cansan Aluminyum huma faċilment disponibbli fil-bażi tad-data D&B u, b’differenza minn Asaş Aluminyum, il-kumpaniji msemmija ddikjaraw ukoll livelli ta’ profitt raġonevoli fl-2019. Għalhekk, iż-żewġ kumpaniji msemmija huma kkunsidrati wkoll mill-Kummissjoni bħala produtturi rappreżentattivi fit-Turkija għall-finijiet ta’ dan il-każ (ara l-premessa (223) għal lista sħiħa tal-kumpaniji magħżula).

(187)

B’reazzjoni għat-Tieni Nota, il-produtturi esportaturi kollha inklużi fil-kampjun opponew l-użu ta’ SG&A u data dwar il-profitt għal kumpaniji mis-settur tal-estrużjoni, minflok talbu għall-użu tad-data korrispondenti tal-produtturi Torok tal-ACF (bl-użu ta’ ċifri attwali jew aġġustati), jew tal-produtturi ta’ prodotti oħra tal-aluminju, bħal foil tal-aluminju. Il-kumpaniji argumentaw li l-estrużjonijiet u l-ACF ma jappartjenux għall-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti u/jew ta’ setturi u li ma hemm l-ebda korrispondenza bejn iż-żewġ prodotti, f’termini ta’ karatteristiċi kemm fiżiċi kif ukoll tekniċi, ta’ użi finali, ta’ proċess ta’ produzzjoni jew ta’ kost tal-produzzjoni.

(188)

L-ewwel, huwa mfakkar li l-Kummissjoni tfittex li tidentifika l-profitt attwali, raġonevoli u mingħajr distorsjoni u ċ-ċifri tal-SG&A fil-pajjiż rappreżentattiv. Kif spjegat fit-Tieni Nota, fit-tfittxija ta’ parametri referenzjarji xierqa, il-Kummissjoni tista’, jekk meħtieġ, tikkunsidra wkoll produtturi li jimmanifatturaw prodott fl-istess kategorija ġenerali u/jew settur tal-prodott li qed jiġi investigat fin-nuqqas ta’ produttur rappreżentattiv tal-ACF. Għalkemm ċerti karatteristiċi, użi finali, proċessi ta’ produzzjoni u kost ta’ produzzjoni għall-ACF u l-estrużjonijiet tal-aluminju għandhom mnejn ma jkunux identiċi, dawn l-aspetti ma jistgħux jitqiesu determinanti fil-każ preżenti. Flimkien mar-raġunijiet diġà mniżżla fil-premessa (184), l-industrija tal-estrużjoni tal-aluminju taqa’ taħt l-istess kategorija ġenerali ta’ attività ekonomika u industrija bħall-produzzjoni tal-ACF, ibbażata fuq il-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi fl-Unjoni (100).

(189)

Fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni jenħtieġ li tuża produtturi ta’ prodotti oħra tal-aluminju, jiġifieri l-foil tal-aluminju (għajr l-ACF), din il-parti ma spjegatx kif dan il-prodott u l-karatteristiċi u l-użu tiegħu kienu aktar xierqa mill-estrużjoni tal-aluminju u kif dawn jikkomparaw miegħu. Barra minn hekk, il-produtturi esportaturi naqsu milli jipproponu produtturi tal-foil tal-aluminju b’data finanzjali disponibbli u profitt raġonevoli mill-pajjiż rappreżentattiv potenzjali. Fi kwalunkwe każ, kif speċifikat hawn taħt fil-premessa (190), il-kumpaniji użati b’mod provviżorju f’din l-investigazzjoni huma rappreżentattivi ta’ grupp usa’ ta’ prodotti tal-aluminju, inklużi prodotti rrumblati.

(190)

It-tieni, il-kumpaniji kkunsidrati bħala xierqa fil-kuntest tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku ta’ spiss jipproduċu aktar minn prodott wieħed. Bl-istess mod, huwa komuni li l-livell ta’ dettall tad-data finanzjarja disponibbli għall-pubbliku ta’ kumpaniji xierqa fil-pajjiż rappreżentattiv ma jippermettix li ssir analiżi aktar fid-dettall tal-SG&A u tal-profitt fil-livell ta’ prodotti individwali. B’mod simili, f’dan il-każ, id-data finanzjarja tal-produtturi ta’ estrużjoni identifikati hija disponibbli biss fuq livell aggregat fil-bażi ta’ data D&B filwaqt li, kif deskritt fil-premessa (186) aktar ’il fuq, uħud mill-produtturi ta’ estrużjoni jagħmlu wkoll prodotti oħra tal-aluminju nofshom lesti. Għalhekk, id-data finanzjarja disponibbli għall-kumpaniji tal-estrużjoni tal-aluminju hija rappreżentattiva b’mod strett mhux biss tas-sitwazzjoni fis-suq tal-estrużjoni, iżda wkoll f’dak li jirrigwarda s-suq għal grupp ta’ prodotti usa’, inklużi prodotti llaminati. Għalhekk, it-talba li tintuża data finanzjarja alternattiva ma ntlaqgħetx.

(191)

Barra minn hekk, il-produtturi esportaturi kollha inklużi fil-kampjun ma qablux mal-fatt li l-Kummissjoni injorat lil Asaş Aluminyum (il-produttur tal-ACF) billi kellu profitt baxx wisq, filwaqt li qieset il-kumpaniji profittabbli kollha tal-estrużjoni tal-aluminju, irrispettivament mil-livelli ta’ profitt individwali tagħhom, bħala produtturi potenzjalment rappreżentattivi. Zhongji sostna wkoll li l-profittabilità ta’ Asaş Aluminyum ma kinitx mhux raġonevoli għall-industrija tal-ACF.

(192)

Il-Kummissjoni osservat li l-użu ta’ data finanzjarja miġbura u ponderata ta’ basket ta’ kumpaniji b’ċifri ta’ profitt raġonevoli (lil hinn mil-livelli ta’ profitt negattivi jew ta’ ekwilibriju) huwa aktar adegwat mill-eżami tal-prestazzjoni ta’ produttur uniku għall-finijiet li jinstab ammont raġonevoli għall-SG&A u għall-profitt. Kif stipulat fil-premessa (177) kif ukoll fin-noti tal-fajl, f’dan il-każ, profitt qrib l-ekwilibriju, ibbażat biss fuq id-data ta’ kumpanija waħda, ma jistax jitqies raġjonevoli fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

(193)

Zhongji kompla jargumenta li s-sejbiet tal-Kummissjoni dwar id-data finanzjarja li għandha tintuża għal produtturi rappreżentattivi għandhom jiġu rieżaminati wara li ssir disponibbli d-data għall-2020. Skont Zhongji, id-data għall-2019 kienet fil-biċċa l-kbira mhux affettwata mill-pandemija tal-COVID-19 kemm għaċ-Ċiniżi kif ukoll għal produtturi oħrajn f’pajjiżi rappreżentattivi potenzjali, filwaqt li d-data għall-2020 kienet affettwata bis-sħiħ mill-pandemija.

(194)

Bi tweġiba, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni li, l-ewwel nett, il-pandemija tal-COVID-19 ġiet iddikjarata biss f’Marzu 2020 (101), għalhekk kien hemm sovrapożizzjoni mal-PI ta’ trimestru wieħed biss. It-tieni, il-PI kopra l-perjodu minn Lulju 2019 sa Ġunju 2020, li jfisser li d-data għall-2019 kif ukoll għall-2020 kienet rilevanti bl-istess mod għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma identifikat l-ebda data finanzjarja disponibbli, rilevanti għal dan il-każ, għall-2020. Barra minn hekk, il-pretensjoni ta’ Zhongji dwar l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-produtturi mhijiex sostanzjata u, minħabba l-prestazzjoni tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fil-PI meta mqabbla mal-2019, tidher li mhijiex plawsibbli.

(195)

Fl-aħħar nett, id-data finanzjarja għal aggregazzjoni rappreżentattiva ta’ produtturi ta’ estrużjoni tal-aluminju meqjusa indikattiva tas-sitwazzjoni u tal-livelli ta’ profitt fis-segment tal-aluminju nofsu lest (inkluż l-ACF) hija disponibbli u kkunsidrata adegwata sabiex jiġi stabbilit valur normali f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

3.4.4.   Livell ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali

(196)

Wara li ġie stabbilit li t-Turkija kienet il-pajjiż rappreżentattiv xieraq f’dan l-istadju tal-investigazzjoni, abbażi tal-elementi kollha ta’ hawn fuq, ma kienx hemm bżonn li titwettaq valutazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali f’konformità mal-aħħar sentenza tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

3.4.5.   Konklużjoni

(197)

Fid-dawl tal-analiżi ta’ hawn fuq, u f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni biħsiebha (skont it-Tieni Nota) tuża lit-Turkija bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq u tuża d-data finanzjarja tal-produtturi ta’ estrużjoni tal-aluminju kif elenkat fil-premessa (223).

3.5.   Sorsi użati biex jiġu stabbiliti kostijiet mingħajr distorsjoni għall-fatturi ta’ produzzjoni

(198)

Abbażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-partijiet interessati u ta’ informazzjoni rilevanti oħra disponibbli fil-fajl, fl-Ewwel Nota l-Kummissjoni stabbiliet lista inizjali ta’ fatturi ta’ produzzjoni (Factors of Production, “FOP”) bħal materjali, enerġija u manodopera użati għall-produzzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat.

(199)

F’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni identifikat ukoll sorsi li għandhom jintużaw biex jiġu stabbiliti prezzijiet u parametri referenzjarji mingħajr distorsjoni. Is-sors ewlieni li l-Kummissjoni pproponiet li jintuża kien jinkludi l-Atlas tal-Kummerċ Globali (il-Global Trade Atlas“GTA”). Fl-aħħar, il-Kummissjoni identifikat il-kodiċijiet tas-Sistema Armonizzata (“SA”) tal-FOPs li fl-Ewwel Nota tqiesu inizjalment li kellhom jintużaw għall-analiżi tal-GTA abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-partijiet interessati.

(200)

Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkummentaw u jipproponu informazzjoni pubblikament disponibbli dwar valuri mingħajr distorsjoni għal kull wieħed mill-FOPs msemmija fl-Ewwel Nota. Sussegwentement, fit-Tieni Nota, il-Kummissjoni aġġornat l-informazzjoni għal għadd ta’ FOPs abbażi tal-kummenti li rċeviet mill-partijiet interessati.

(201)

Il-Kummissjoni stabbiliet ukoll li bosta FOPs elenkati inizjalment fin-Noti għandhom jiġu injorati għall-finijiet tal-kostruzzjoni tal-valur normali, billi fil-fatt ma kinux użati minn xi wieħed mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fil-proċess tal-produzzjoni tal-ACF (ara wkoll il-premessi (230)-(231) għal aktar dettalji).

(202)

Fid-dawl ta’ dan t’hawn fuq, l-FOPs li ġejjin u s-sorsi tagħhom ġew identifikati fir-rigward tat-Turkija, sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku:

Tabella 2

Fatturi tal-produzzjoni tal-ACF

Fattur ta’ Produzzjoni

Kodiċi tal-Komodità

Valur mingħajr distorsjoni

Unità ta’ kejl

Materja prima

Ingotti tal-Aluminju

7601 10

12,73

CNY/KG

Ċangaturi tal-aluminju

7601 20 20

13,91

CNY/KG

Stokk tal-foil tal-aluminju

7606 12 92

26,06

CNY/KG

Żejt tal-laminazzjoni (“spirtu abjad”)

2710 12 21

5,92

CNY/KG

Addittivi taż-żejt tal-laminazzjoni

2710 12 21

5,92

CNY/KG

Skrapp tal-aluminju

7602 00 19

11,01

CNY/KG

Manodopera

Kostijiet lavorattivi fis-settur tal-manifattura

NACE C.24

59,97

CNY/siegħa

Enerġija

Elettriku

Istitut Tork tal-Istatistika faxxa tal-konsum ta’ 70 000 MWh < konsum < 150 000  MWh

0,51

CNY/KWh

Elettriku

faxxa tal-konsum tal-Istitut Tork tal-Istatistika ta’ 150 000 MWh < konsum

0,48

CNY/KWh

3.5.1.   Materja prima użata fil-proċess tal-produzzjoni

(203)

Sabiex tistabbilixxi l-prezz mingħajr distorsjoni tal-materja prima, il-Kummissjoni użat bħala bażi l-prezz medju ponderat tal-importazzjoni (CIF) għall-pajjiż rappreżentattiv, kif irrapportat fil-GTA, mill-pajjiżi terzi kollha minbarra r-RPĊ u l-pajjiżi li ma humiex membri tad-WTO u elenkati fl-Anness I tar-Regolament 2015/755. Il-Kummissjoni ddeċidiet li teskludi l-importazzjonijiet miċ-Ċina peress li kkonkludiet li ma huwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fiċ-Ċina minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku (ara t-Taqsima 3.3.1 ta’ hawn fuq). Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe evidenza li turi li l-istess distorsjonijiet ma jaffettwawx bl-istess mod il-prodotti maħsuba għall-esportazzjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-istess distorsjonijiet affettwaw l-esportazzjonijiet. Fejn applikabbli, il-prezz medju ponderat tal-importazzjoni ġie aġġustat għad-dazji tal-importazzjoni.

(204)

Il-Kummissjoni esprimiet il-kost tat-trasport imġarrab mill-produtturi esportaturi li kkooperaw għall-provvista ta’ materja prima bħala perċentwal tal-kost attwali ta’ materja prima bħal din u mbagħad applikat l-istess perċentwal għall-kost mingħajr distorsjoni tal-istess materja prima sabiex jinkisbu l-kostijiet mingħajr distorsjoni tat-trasport. Il-Kummissjoni kkunsidrat li, fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, il-proporzjon bejn il-materja prima tal-produttur esportatur u l-kostijiet tat-trasport irrapportati jista’ jintuża b’mod raġonevoli bħala indikazzjoni biex jiġu stmati l-kostijiet mingħajr distorsjoni tat-trasport meta tiġi kkonsenjata lill-fabbrika tal-kumpanija.

(205)

Għal għadd żgħir ta’ FOPs, il-kostijiet effettivi mġarrba mill-produtturi esportaturi li kkooperaw kienu jirrappreżentaw sehem negliġibbli tal-kostijiet totali tal-materja prima fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Peress li l-valur użat għal dawk ma kellu l-ebda impatt apprezzabbli fuq il-kalkoli tal-marġni tad-dumping, irrispettivament mis-sors użat, il-Kummissjoni ttrattat dawk l-FOPs bħala oġġetti konsumabbli kif spjegat fil-premessa (227).

(206)

B’reazzjoni għat-Tieni Nota, Zhongji argumenta li l-bażijiet tad-data li l-Kummissjoni sserraħ fuqhom (notevolment GTA u D&B) ma humiex ġeneralment disponibbli u huma aċċessibbli biss għall-abbonati u li fin-nuqqas ta’ abbonament, il-partijiet ma jistgħux jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom b’mod xieraq. Barra minn hekk, Zhongji esprima t-tħassib tiegħu dwar l-affidabbiltà tad-data inkluża fil-bażi tad-data ta’ D&B, li tirreferi għal ineżattezzi misjuba fid-data mdaħħla fil-bażi tad-data għal affiljati ta’ Zhongji f’Hong Kong. Fl-aħħar nett, Zhongji ddikjara li l-Kummissjoni naqset milli tiżvela fit-Tieni Nota valuri aġġornati maħsuba biex jintużaw għal kull FOP kif ukoll id-data tas-sors sottostanti u l-kalkoli mwettqa.

(207)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni nnotat li, skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, id-data ma għandhiex għalfejn tkun “disponibbli pubblikament” iżda “disponibbli faċilment”. Il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni li “disponibbli pubblikament” tfisser disponibbli għall-pubbliku ġenerali filwaqt li “disponibbli faċilment” tfisser disponibbli għal kulħadd, dment li jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, bħal pereżempju ħlas ta’ tariffa. It-tieni, il-bażi ta’ data ta’ D&B hija direttorju kummerċjali komprensiv u użat b’mod wiesa’ u rikonoxxut, li l-Kummissjoni użat b’mod mhux diskriminatorju sabiex jiġu identifikati produtturi f’pajjiżi rappreżentattivi potenzjali. Kwalunkwe ineżattezza potenzjali mdaħħla fil-bażi tad-data għall-kumpanija marbuta ma’ Zhongji li tinsab f’Hong Kong ma kinitx sostanzjata. Ir-reġistrazzjonijiet għal din il-kumpanija lanqas biss ma huma disponibbli fil-bażi tad-data D&B (102) u barra minn hekk, is-silta pprovduta minn Zhongji tinkludi dħul mudellat aktar milli dħul reali. Fi kwalunkwe każ, l-ineżattezzi allegati ma jkunux responsabbli għad-dgħufija tal-affidabbiltà tad-data użata mill-Kummissjoni f’dan il-każ, billi d-data għall-kumpanija marbuta ma’ Zhongji li tinsab f’Hong Kong bl-ebda mod ma ntużat għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. It-tielet, l-informazzjoni rilevanti kollha użata biex jinbena l-valur normali għall-produtturi esportaturi, inkluża d-data sottostanti kollha u l-kalkoli dettaljati, saret disponibbli għall-produtturi permezz ta’ divulgazzjonijiet ġenerali jew speċifiċi għall-kumpaniji, u b’hekk il-kumpaniji msemmija setgħu jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom kif xieraq. Għalhekk, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(208)

B’reazzjoni għat-Tieni Nota, Donghai kif ukoll Zhongji kkontestaw ripetutament l-inklużjoni tad-dazju tal-importazzjoni mħallas fil-pajjiż rappreżentattiv għal kull input ta’ materja prima użata fil-kostruzzjoni tal-valur normali. Skont Zhongji, bl-inklużjoni tad-dazji tal-importazzjoni fil-kost, il-Kummissjoni qed toħloq distorsjoni għal dan il-kost u mhux qed tikseb il-kost mingħajr distorsjoni tal-produzzjoni fiċ-Ċina. Zhongji kompla jargumenta li l-kostijiet korrispondenti fiċ-Ċina, skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, ma jinkludux dazji tal-importazzjoni peress li l-inputs huma prodotti domestikament. Barra minn hekk u fuq nota simili, Donghai sostna li, billi f’konformità mal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, il-valutazzjoni għandha ssir għal kull esportatur u produttur separatament, l-inklużjoni tad-dazji tal-importazzjoni għall-materja prima li l-kumpaniji Ċiniżi xtraw domestikament ma setgħetx titqies raġonevoli.

(209)

Huwa nnotat li għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, l-objettiv huwa li jiġu ddeterminati prezzijiet mingħajr distorsjoni ta’ inputs fis-swieq rappreżentattivi. Fin-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ data dwar il-prezzijiet domestiċi fil-pajjiżi rappreżentattivi possibbli (li huwa l-każ hawnhekk ukoll), tiġi applikata d-data dwar il-prezzijiet tal-importazzjoni li huma faċilment disponibbli għall-Kummissjoni. Sabiex tintlaħaq indikazzjoni raġonevoli li tirrappreżenta prezz domestiku mingħajr distorsjoni fis-suq domestiku tal-pajjiż rappreżentattiv magħżul, jeħtieġ li jiġu aġġustati l-prezzijiet tal-importazzjoni identifikati biż-żieda tad-dazji fuq l-importazzjoni rilevanti, minħabba li dawn jaffettwaw ukoll il-prezz attwali fis-suq domestiku. Fin-nuqqas tad-dazji fuq l-importazzjoni, il-prezz ma jkunx rappreżentattiv tal-prezz tas-suq fil-pajjiż rappreżentattiv. Barra minn hekk, din il-valutazzjoni saret għal kull produttur esportatur fil-kampjun b’mod individwali fl-istabbiliment tal-marġnijiet tad-dumping separati tagħhom. Għalhekk, dawn il-pretensjonijiet tal-partijiet ma setgħux jintlaqgħu.

(210)

B’reazzjoni għat-Tieni Nota, Donghai kif ukoll Zhongji sostnew li r-ruttam tal-aluminju li jiġġeneraw matul il-proċess tal-produzzjoni tal-ACF kellu purità ugwali jew simili għall-ingotta tal-aluminju u li r-ruttam intuża bl-istess mod bħall-ingotti tal-aluminju fl-istadju tal-ikkastjar. Konsegwentement, skont dawk il-kumpaniji, il-kodiċi HS rrapportat mill-Kummissjoni fin-Noti (7602 00) jew anke l-kodiċi bi 8 ċifri 7602 00 90 jirreferi għal prodott differenti, jiġifieri għar-ruttam tal-aluminju b’diversi sorsi, b’inqas purità u b’kompożizzjoni differenti ta’ liga, ma jikkorrispondux mal-kwalità tar-ruttam attwalment prodott mill-kumpaniji.

(211)

L-ewwel, il-Kummissjoni osservat abbażi tal-evidenza miġjuba kemm minn Donghai kif ukoll minn Zhongji matul il-proċess tal-RCC, li r-ruttam tal-aluminju użat (u mibjugħ) minn dawn il-produtturi esportaturi ma kienx ipprezzat fl-istess livell bħall-ingotti tal-aluminju, iżda sar tnaqqis fil-prezz skont il-grad tiegħu, sabiex tiġi riflessa l-purità tar-ruttam. Għalhekk, ġie kkonfermat li l-prezz tal-ingotti tal-aluminju kien ogħla mill-prezz tar-ruttam tal-aluminju ġġenerat.

(212)

It-tieni, il-Kummissjoni stabbiliet li l-kodiċi tal-komodità rilevanti taħt in-nomenklatura Torka jiddistingwi bejn l-hekk imsejjaħ skrapp tal-manifattura taħt il-kodiċi tal-komodità bi 8 ċifri 7602 00 19 u l-iskrapp taħt il-kodiċi tal-komodità bi 8 ċifri 7602 00 90. Fuq il-bażi tar-rieżami tal-Kummissjoni tal-kodiċijiet u l-argumenti rispettivi ppreżentati mill-partijiet, il-kodiċi tal-komodità 7602 00 19 jidher li jirrifletti aħjar it-tip ta’ skrapp ikkunsmat u prodott kemm minn Donghai kif ukoll minn Zhongji. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li bħala l-parametru referenzjarju tuża l-prezz tal-importazzjoni taħt il-kodiċi tal-komodità 7602 00 19 u mhux prezz tal-importazzjoni għal ingott kif issuġġerit mill-kumpanija.

(213)

B’reazzjoni għat-Tieni Nota, Zhongji ddikjara li d-dipendenza fuq id-data dwar l-importazzjonijiet tal-GTA Torka bl-użu ta’ kodiċi tal-komodità bi 8 ċifri għall-istokk tal-foil (7606 12 92) ma kinitx rappreżentattiva, u lanqas ma kienet tikkorrispondi għall-kostijiet ta’ Zhongji għall-istokk tal-foil. B’mod aktar speċifiku, Zhongji argumenta li l-prezzijiet tal-GTA Torok huma ogħla mill-prezzijiet tal-Unjoni. Barra minn hekk, skont il-kumpanija, id-data dwar l-importazzjonijiet għall-kodiċi tal-komodità 7606 12 92 tkopri wkoll l-importazzjonijiet tal-istokk tal-foil użat għall-partijiet tal-inġenji tal-ajru u għall-industrija awtomobilistika, li allegatament jirriżulta f’inflazzjoni sinifikanti tal-prezzijiet. Zhongji sostna wkoll li d-data tal-GTA ma tagħmilx distinzjoni bejn it-tipi ta’ ligi. Filwaqt li Zhongji juża biss ċerti tipi ta’ ligi li huma orħos fl-istokk tal-foil tiegħu, id-data tal-GTA li l-Kummissjoni kienet isserraħ fuqha kienet tkopri l-ligi kollha. Għalhekk, Zhongji talab li d-data tal-GTA tiġi aġġustata abbażi tal-prezz ta’ liga speċifika simili f’termini ta’ komponenti kimiċi u metalliċi għall-gradi użati minn Zhongji fir-rapport tas-CRU (103). Zhongji afferma li l-Ilment innifsu kien iserraħ ukoll fuq id-data tas-CRU, speċifikament fil-kuntest tat-Turkija bħala pajjiż rappreżentattiv. Donghai ressaq pretensjoni fuq linji simili, bl-argument li d-data tas-CRU hija aktar xierqa għall-użu peress li tippermetti li ssir distinzjoni bejn prodotti bbażati fuq tipi speċifiċi ta’ ligi. Fl-aħħar nett, Zhongji ddikjara li diversi tranżazzjonijiet ta’ importazzjoni inklużi fil-GTA għall-importazzjonijiet tal-istokk tal-foil urew prezzijiet unitarji għoljin b’mod anormali u jenħtieġ li jiġu esklużi.

(214)

Bħala rimarka preliminari, ta’ min ifakkar li skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni mmirat li tidentifika l-kostijiet korrispondenti tal-produzzjoni f’pajjiż rappreżentattiv xieraq b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħall-pajjiż esportatur jew, jekk hi tqis bħala xierqa, il-prezzijiet, il-kostijiet jew il-parametri referenzjarji internazzjonali mingħajr distorsjoni (104).

(215)

F’dan il-każ, il-prezzijiet tal-importazzjoni lejn it-Turkija huma disponibbli fil-bażi ta’ data tal-GTA (105). Fir-rigward tal-istokk tal-foil, id-data fil-GTA hija disponibbli fuq livell ta’ 8 ċifri, u b’hekk il-Kummissjoni tista’ tidentifika b’mod speċifiku l-importazzjonijiet tal-istokk tal-foil tal-ħxuna użata mill-manifatturi tal-ACF (ħxuna ta’ inqas minn 3 mm). Il-kodiċi bi 8 ċifri bl-istess mod jeskludi l-istokk tal-foil li jkun eħxen u foil iddisinjat għal użi finali oħra bħall-istokk tal-laned tax-xorb jew l-istokk tal-foil miksi. Għalhekk, id-data tal-GTA fuq livell ta’ tmin (8) ċifri mhux biss tidentifika t-tipi kollha l-istokk tal-foil użati fil-produzzjoni tal-ACF, iżda teskludi wkoll f’livell konsiderevoli t-tipi ta’ stokk tal-fojl użati f’applikazzjonijiet oħra. Għaldaqstant, data bħal din hija xierqa għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

(216)

Barra minn hekk, b’kuntrast mad-data tal-GTA, li tkopri b’mod affidabbli l-istokk tal-foil użat mill-produtturi tal-ACF, id-data li tirriżulta mir-rapport tas-CRU għandha diversi proprjetajiet li jagħmluha inqas xierqa għall-użu. L-ewwel, id-data tas-CRU li jibbażaw fuqha Donghai u Zhongji tikkonċerna biss il-prezzijiet għall-istokk tal-foil magħmul mit-tip speċifiku ta’ ligi 1050. Min-naħa l-oħra, il-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun ma użawx biss ligi differenti tas-serje 1xxx, iżda użaw ukoll ligi tas-serje 8xxx fi kwantitajiet materjali, li huma magħrufa bħala li huma ta’ kwalità superjuri (kif ikkonfermat ukoll matul l-RCC ma’ Zhongji) u għalhekk ta’ prezz ogħla mil-ligi tas-serje 1xxx. Għalhekk, il-prezz għal-liga 1050 ma jistax jitqies bħala rappreżentattiv tal-prezzijiet għall-istokk tal-foil li fil-fatt jintużaw mill-produtturi tal-ACF fil-proċess tal-produzzjoni. Barra minn hekk, il-prezzijiet tas-CRU proposti mill-partijiet kienu relatati mal-prezzijiet f’diversi Stati Membri tal-Unjoni (il-Ġermanja, l-Italja, Franza) u fir-Renju Unit u, għalhekk, la kienu jirriflettu s-sitwazzjoni f’pajjiż rappreżentattiv b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku u lanqas parametri referenzjarji internazzjonali. Barra minn hekk, filwaqt li d-data tas-CRU ntużat fl-Ilment, dan kien bil-għan li jiġu ddeterminati l-kapaċità tal-produzzjoni u l-konsum tal-ACF fit-Turkija minflok biex jiġu identifikati l-valuri ta’ parametri referenzjarji għal fatturi ta’ produzzjoni.

(217)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkunsidrat id-data dwar l-importazzjonijiet disponibbli għall-istokk tal-foil kollu kemm hu. L-użu ta’ prezz medju jnaqqas l-impatt ta’ kwalunkwe prezz potenzjalment anormali fil-limiti inferjuri u superjuri tal-medda u jirrifletti bl-istess mod taħlita ta’ kwalitajiet differenti tal-materja prima użata (f’dan il-każ, eż., it-tipi ta’ ligi tas-serje 1xxx u 8xxx) fis-suq rappreżentattiv ikkonċernat.

3.5.2.   Manodopera

(218)

Sabiex tistabbilixxi l-parametru referenzjarju għall-kostijiet lavorattivi, il-Kummissjoni użat l-aktar statistika reċenti ppubblikata mill-Istitut Tork tal-Istatistika (106). Dan l-istitut jippubblika informazzjoni dettaljata dwar il-kostijiet lavorattivi f’setturi ekonomiċi differenti fit-Turkija. Il-Kummissjoni stabbiliet il-parametru referenzjarju fuq il-bażi tal-kostijiet lavorattivi fis-siegħa għall-2016 għall-attività ekonomika C.24 (Manifattura ta’ metalli bażiċi) (107). Il-valuri ġew aġġustati aktar għall-inflazzjoni bl-użu tal-indiċi tal-prezzijiet tal-produttur domestiku (108) ppubblikat mill-Istitut Tork tal-Istatistika biex jiġu riflessi l-kostijiet għall-perjodu ta’ investigazzjoni.

(219)

Donghai kif ukoll Zhongji argumentaw li f’termini ta’ parametru referenzjarju użat għall-manodopera, il-produzzjoni tal-ACF hija eqreb lejn l-attivitajiet taħt il-kodiċi 25 (Manifattura ta’ prodotti tal-metall iffabbrikat, ħlief għal makkinarju u tagħmir), jiġifieri l-Klassi 25.50 (Fonderija, ippressar, stampar u rrumblar tal-metall; metallurġija tat-trab) jew il-Klassi 25.92 (Manifattura ta’ imballaġġ ta’ materjal ħafif), aktar milli attivitajiet taħt il-kodiċi C.24. Barra minn hekk, Zhongji argumenta li xi produtturi tal-Unjoni (Amcor u Carcano Antonio) huma kklassifikati taħt il-klassi 25.92 tal-NACE.

(220)

Il-Kummissjoni nnotat li abbażi tal-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi fl-Unjoni (li hija konformi mal-klassifikazzjoni internazzjonali tan-NU), il-produzzjoni tal-aluminju taqa’ taħt it-Taqsima 24, b’mod aktar speċifiku taħt il-grupp 24.4 (Manifattura ta’ metalli bażiċi prezzjużi u ta’ metalli oħra mhux ferrużi) u l-klassi 24.42 (109). Il-klassi msemmija tkopri l-produzzjoni tal-aluminju inklużi attivitajiet bħall-manifattura nofsha lesta ta’ aluminju u l-produzzjoni ta’ foil tat-tgeżwir tal-aluminju. Il-fatt li xi wħud mill-produtturi tal-ACF jistgħu jiġu kklassifikati taħt klassi differenti tal-NACE (bħal pereżempju l-klassi 25.92) sempliċiment ifisser li dawn il-kumpaniji jipproduċu, fost affarijiet oħra, imballaġġ tal-metall ukoll, li ma huwiex meqjus bħala ACF. Għalhekk il-Kummissjoni sostniet li kienet stabbiliet b’mod korrett il-parametru referenzjarju bl-użu tal-kostijiet lavorattivi għall-attività ekonomika C.24 (manifattura ta’ metalli bażiċi) bħala bażi, u l-pretensjonijiet tal-partijiet ma setgħux jintlaqgħu.

3.5.3.   Elettriku

(221)

Sabiex tistabbilixxi l-prezz ta’ parametru referenzjarju għall-elettriku, il-Kummissjoni użat il-prezzijiet tal-elettriku għall-kumpaniji (utenti industrijali) fit-Turkija ppubblikati mill-Istitut Tork tal-Istatistika (110). Il-parametru referenzjarju ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezz tal-elettriku ppubblikat fit-23 ta’ Settembru 2020. Il-prezz imsemmi huwa l-medja għat-tieni semestru tal-2019 u għall-ewwel semestru tal-2020. Il-Kummissjoni użat id-data dwar il-prezzijiet tal-elettriku industrijali fil-faxxa tal-konsum korrispondenti li hija rispettivament ta’ 70 000 ≤ T < 150 000 MWh u > 150 000 MWh. Il-Kummissjoni użat il-prezzijiet fil-livell nett (mingħajr il-VAT).

3.5.4.   SG&A u profitti

(222)

Skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, “il-valur normali maħdum għandu jinkludi ammont raġonevoli u mingħajr distorsjoni għal kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali u għal profitti” . Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi stabbilit valur għall-kostijiet ġenerali tal-manifattura biex ikopri l-kostijiet mhux inklużi fil-fatturi ta’ produzzjoni msemmija hawn fuq.

(223)

Biex tistabbilixxi ammont raġonevoli u mingħajr distorsjoni għall-SG&A u għall-profitti, il-Kummissjoni użat l-SG&A u l-profitt tal-ħames kumpaniji fit-Turkija, li kienu ġew identifikati bħala li jipproduċu l-prodott simili (fost prodotti oħrajn tal-aluminju nofshom lesti), jiġifieri prodotti tal-estrużjoni tal-aluminju kif spjegat fil-premessi (190)-(196). Kif spjegat f’dawn il-premessi, il-Kummissjoni użat iċ-ċifri relatati mad-data finanzjarja tal-2019 billi din kienet l-aktar data reċenti disponibbli, li barra minn hekk tikkoinċidi mal-PI b’nofs sena. Intużat id-data għall-ħames kumpaniji li ġejjin:

(1)

Eksal Aluminyum Kalip Sanayi Ve Ticaret Limited Sirketi,

(2)

Okyanus Aluminyum Sanayi Ticaret Anonim Sirketi,

(3)

Cuhadaroglu Metal Sanayi Ve Pazarlama Anonim Sirketi

(4)

P.M.S. Metal Profil Aluminyum Sanayi Ve Ticaret Anonim Sirketi

(5)

Cansan Aluminyum Profil Sanayi Ve Ticaret Anonim Sirketi

3.6.   Il-kalkolu tal-valur normali

(224)

Abbażi tal-prezzijiet u tal-parametri referenzjarji mingħajr distorsjoni deskritti hawn fuq, il-Kummissjoni bniet il-valur normali għal kull tip ta’ prodott fuq bażi ex-works f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

(225)

Sabiex tistabbilixxi l-kostijiet mingħajr distorsjoni tal-manifattura għal kull entità legali li timmanifattura u tesporta l-prodott ikkonċernat, il-Kummissjoni ssostitwiet, għal kull produttur esportatur, fatturi ta’ produzzjoni mixtrija kemm minn partijiet relatati kif ukoll minn partijiet mhux relatati bil-fatturi ta’ produzzjoni identifikati fit-Tabella 2.

(226)

L-ewwel, il-Kummissjoni stabbiliet il-kostijiet mingħajr distorsjoni tal-manifattura bbażati fuq il-fatturi ta’ produzzjoni mixtrija minn kull waħda mill-kumpaniji. Imbagħad applikat il-kostijiet unitarji mingħajr distorsjoni għall-konsum effettiv tal-fatturi individwali tal-produzzjoni ta’ kull wieħed mill-produtturi esportaturi li kkooperaw. Il-Kummissjoni naqqset il-kostijiet tal-manifattura bil-kostijiet mingħajr distorsjoni tal-prodotti sekondarji użati mill-ġdid fil-proċess ta’ produzzjoni.

(227)

It-tieni, biex tasal għal kost totali mingħajr distorsjoni tal-manifattura, il-Kummissjoni żiedet l-ispejjeż ġenerali tal-manifattura. L-ispejjeż ġenerali tal-manifattura mġarrba mill-produtturi esportaturi li kkooperaw żdiedu bil-kostijiet tal-materja prima u l-oġġetti konsumabbli msemmija fil-premessa (205) u sussegwentement espressi bħala sehem tal-kostijiet tal-manifattura li fil-fatt ġew imġarrba minn kull wieħed mill-produtturi esportaturi. Dan il-perċentwal ġie applikat għall-kostijiet tal-manifattura mingħajr distorsjoni.

(228)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni żiedet l-SG&A u l-profitt, iddeterminati abbażi tal-ħames kumpaniji Torok (ara l-premessa (223)). L-SG&A espressi bħala perċentwal tal-kost tal-prodotti mibjugħa u applikati għall-kost totali mingħajr distorsjoni tal-manifattura, kienu jammontaw għal 8,7 %. Il-profitt, espress bħala perċentwal tal-kost tal-prodotti mibjugħa u applikat għall-kostijiet totali mingħajr distorsjoni tal-manifattura, kien jammonta għal 7,5 %.

(229)

Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni bniet il-valur normali għal kull tip ta’ prodott fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika, f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

(230)

Donghai stqarr li l-entità produttur tiegħu tal-ACF jenħtieġ li tiġi ttrattata, flimkien ma’ entitajiet oħra li jappartjenu għall-istess grupp korporattiv (“il-Grupp Nanshan”), b’mod konsolidat f’dak li għandu x’jaqsam mal-kalkolu tal-valur normali, jiġifieri jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra biss li tissostitwixxi l-prezzijiet tal-fatturi ta’ produzzjoni li l-Grupp Nanshan kien qed jixtri fil-bidu tal-proċess ta’ produzzjoni mingħand parti mhux relatata bil-prezzijiet tal-parametri referenzjarji. F’dan il-kuntest, Donghai irrefera għall-prattika tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ “entità ekonomika unika” applikata għall-iskop li tistabbilixxi l-prezz tal-esportazzjoni. Bl-istess mod, Zhongji argumenta li l-entità produttur tiegħu tal-ACF kisbet il-maġġoranza tal-istokk tal-foil minn kumpaniji affiljati u li jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis il-komponenti tal-kostijiet (għall-produzzjoni tal-istokk tal-foil) ta’ dawn il-kumpaniji affiljati għall-bini tal-valur normali tal-entità produttur ta’ Zhongji. Skont Zhongji, jenħtieġ li l-fatt li l-entità produttur ta’ Zhongji kienet parti minn grupp integrat ta’ kumpaniji u kisbet il-materja prima mill-entitajiet relatati jkun rifless kif xieraq u ttrattat b’mod differenti minn xenarju fejn il-materja prima tkun ipprovduta minn fornituri mhux relatati.

(231)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni osservat li l-kunċett ta’ “entità ekonomika waħda” japplika għall-istabbiliment tal-prezz tal-esportazzjoni jew tal-prezz domestiku, sakemm dan jorjenta d-determinazzjoni tal-prezz rilevanti lejn il-klijenti indipendenti, u l-aġġustamenti possibbli għal prezzjijiet bħal dawn, fejn il-bejgħ għall-esportazzjoni jew dak domestiku jsir permezz ta’ kummerċjant relatat. B’kuntrast ma’ dan, il-kwistjoni li qajmu Donghai u Zhongji tirreferi għall-proċess ta’ produzzjoni segwita mill-entitajiet ta’ produzzjoni u għall-inputs rilevanti użati minnhom meta jimmanifatturaw il-prodott ikkonċernat. F’dan ir-rigward, hija l-prattika konsistenti tal-Kummissjoni (applikata wkoll fil-każ preżenti) li tibni valur normali għal kull entità ta’ produttur esportatur individwali bbażat fuq il-proċess speċifiku ta’ produzzjoni u l-inputs kif mixtrija minn kull entità legali li timmanifattura l-prodott ikkonċernat. It-talba biex il-proċess tal-produzzjoni jiġi stabbilit fuq bażi konsolidata u bl-użu ta’ fatturi ta’ produzzjoni ta’ produtturi affiljati għal prodotti upstream għajr għall-ACF toskura r-realtà industrijali u ekonomika tal-entitajiet produtturi tal-ACF billi tassumi b’mod mhux ġustifikat li l-grupp ta’ kumpaniji relatati jikkostitwixxi entità produttriċi integrata unika. Għalhekk, il-pretensjonijiet ippreżentati minn Donghai u Zhongji ma ntlaqgħux.

3.7.   Prezz tal-esportazzjoni

(232)

L-ewwel wieħed mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, Donghai, esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni permezz ta’ kumpanija relatata li tinsab fiċ-Ċina u l-prezz tal-esportazzjoni kien il-prezz effettivament imħallas jew pagabbli għall-prodott ikkonċernat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

(233)

Barra minn hekk, Donghai biegħ ukoll il-prodott ikkonċernat lill-Unjoni permezz ta’ kumpanija relatata addizzjonali stabbilita fl-Unjoni, li taġixxi bħala importatur. Għal dan il-bejgħ, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit abbażi tal-prezz li bih il-prodott importat reġa’ nbiegħ għall-ewwel darba lil klijenti indipendenti fl-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. L-aġġustamenti li saru relatati mal-kostijiet kollha mġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, inklużi l-ispejjeż tal-SG&A u l-profitti, sabiex jiġi stabbilit prezz tal-esportazzjoni affidabbli fil-livell tal-fruntiera tal-Unjoni.

(234)

It-tieni kumpanija inkluża fil-kampjun, Zhongji, esportat il-prodotti kkonċernati direttament lil klijenti indipendenti fl-Unjoni kif ukoll permezz ta’ kumpanija relatata li tinsab f’Hong Kong. Il-prezz tal-esportazzjoni għal Zhongji kien il-prezz attwalment imħallas jew pagabbli għall-prodott ikkonċernat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

(235)

Fl-aħħar nett, it-tielet produttur inkluż fil-kampjun, Xiamen, esporta il-prodott ikkonċernat permezz ta’ kumpanija relatata li tinsab f’Hong Kong u, fi kwantitajiet żgħar, direttament lil klijenti indipendenti fl-Unjoni. Il-prezz tal-esportazzjoni għal Xiamen kien il-prezz attwalment imħallas jew pagabbli għall-prodott ikkonċernat meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

3.8.   Tqabbil

(236)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fuq bażi ex-works.

(237)

Sabiex tiżgura tqabbil ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet, f’konformità mal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti fil-prezz tal-esportazzjoni għat-trasport, għall-assigurazzjoni, għall-immaniġġjar u għat-tagħbija, għall-imballaġġ, għall-kummissjoni, għall-iskontijiet, għall-kostijiet tal-krediti, għat-tariffi bankarji, għar-rifużjonijiet ta’ tmiem is-sena u għad-dazji doganali.

(238)

Il-bejgħ kollu tal-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat minn Donghai sar permezz ta’ kummerċjant domestiku relatat fiċ-Ċina, li kien ibigħ l-ACF jew direttament lil klijenti indipendenti fl-Unjoni jew permezz ta’ kumpanija kummerċjali relatata fil-Ġermanja. Skont Donghai, il-kummerċjant domestiku aġixxa bħala dipartiment intern tal-bejgħ tal-kumpaniji tal-produzzjoni. Abbażi ta’ valutazzjoni tal-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni aċċettat l-affermazzjoni b’mod provviżorju u ma sar l-ebda aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) għall-kummerċjant domestiku.

(239)

Barra minn hekk, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, kemm Zhongji kif ukoll Xiamen esportaw l-ACF lejn l-Unjoni permezz ta’ kummerċjanti relatati li jinsabu barra l-Unjoni, f’Hong Kong. Il-Kummissjoni sabet li l-funzjonijiet ta’ dawn il-kummerċjanti kienu simili għal dawk ta’ aġent billi rċevew żieda fuq il-prezz għas-servizzi tagħhom.

(240)

F’dan il-kuntest, Xiamen talab l-applikazzjoni ta’ status ta’ “entità ekonomika unika” lill-kummerċjant tiegħu li jinsab f’Hong Kong. Qed tinġibed l-attenzjoni li: (i) il-kummerċjant ta’ Xiamen ma kienx jinsab fil-bini jew qrib il-produtturi u żamm ir-rekords tal-kontabilità fil-bini proprju tiegħu; (ii) barra l-attivitajiet kummerċjali tiegħu, il-kummerċjant qed jaġixxi wkoll bħala entità għall-akkwist għal ċerti materji awżiljarji għall-grupp, u huwa wkoll impenjat fl-iħħeġġjar u fl-operazzjonijiet finanzjarji bħala l-kumpanija holding tal-grupp; (iii) abbażi tar-rapport tal-introjtu vverifikat, il-profitt proprju tal-kummerċjant relatat kopra l-infiq tal-uffiċċju; (iv) il-kummerċjant assuma r-riskju ta’ inadempjenza tal-klijent; (v) il-kummerċjant kien qed iħallas l-ispiża tal-ġarr bil-baħar u l-ispejjeż tal-bank tal-bejgħ bl-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat lill-Unjoni; (vi) mhux il-prodotti kollha mibjugħa minn Xiamen jinbiegħu permezz tal-kummerċjant relatat - madwar [20% - 30%] tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat lill-UE u 100% tal-bejgħ ta’ prodotti oħra lill-UE u lill-pajjiżi terzi oħra jsir direttament minn Xiamen. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-argument ta’ Xiamen ma setax jintlaqa’.

(241)

Konsegwentement, sar aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) għall-bejgħ permezz tal-kumpaniji kummerċjali relatati ta’ Xiamen u ta’ Zhongji. L-aġġustament li għalih ġie applikat b’analoġija l-Artikolu 2(9), kien jikkonsisti fit-tnaqqis tal-SG&A tal-kumpaniji kummerċjali rispettivi u profitt nozzjonali bbażat fuq il-marġni ta’ profitt għall-uniku importatur mhux relatat li kkoopera f’dan il-każ.

3.9.   Marġnijiet tad-dumping

(242)

Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw inklużi fil-kampjun, il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju ponderat ta’ kull tip ta’ prodott simili mal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat biex tikkalkola l-marġni tad-dumping, f’konformità mal-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

(243)

Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw li ma humiex inklużi fil-kampjun, il-Kummissjoni kkalkolat il-medja ponderata tal-marġni tad-dumping, f’konformità mal-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, dan il-marġni ġie stabbilit abbażi tal-marġnijiet tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun.

(244)

Abbażi ta’ dan, il-marġni tad-dumping provviżorju tal-produtturi esportaturi kooperattivi li ma humiex inklużi fil-kampjun huwa ta’ 69,6 %.

(245)

Għall-produtturi esportaturi l-oħrajn kollha fiċ-Ċina, il-Kummissjoni stabbiliet il-marġni tad-dumping fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni ddeterminat il-livell ta’ kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi. Il-livell ta’ kooperazzjoni huwa ddeterminat abbażi tal-volum ta’ esportazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw lejn l-Unjoni, espress bħala proporzjon tal-valur totali tal-esportazzjonijiet — kif irrapportat fl-istatistika dwar l-importazzjoni tal-Eurostat — mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni.

(246)

Il-livell ta’ kooperazzjoni f’dan il-każ huwa kkunsidrat għoli minħabba li l-esportazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw kienu jikkostitwixxu aktar minn 90 % tal-esportazzjonijiet totali lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset xieraq li tistabbilixxi l-marġni tad-dumping mal-pajjiż kollu applikabbli għall-produtturi esportaturi l-oħra kollha li ma kkooperawx fil-livell tal-ogħla marġni tad-dumping stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun, jiġifieri Donghai. Il-marġni tad-dumping stabbilit b’dan il-mod kien ta’ 98,9 %.

(247)

Il-marġnijiet provviżorji tad-dumping, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġni provviżorju tad-dumping

Yantai Donghai Aluminum Foil Co., Ltd

98,9  %

Jiangsu Zhongji Lamination Materials Co., Ltd.

81,5  %

Xiamen Xiashun Aluminium Foil Co., Ltd.

16,1  %

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

69,6  %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

98,9  %

4.   DANNU

4.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(248)

Kif indikat fil-premessa (39), il-perjodu ta’ tranżizzjoni għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE ntemm fil-31 ta’ Diċembru 2020 u r-Renju Unit ma baqax soġġett għad-dritt tal-Unjoni mill-1 ta’ Jannar 2021. Konsegwentement, il-Kummissjoni talbet lill-partijiet interessati jipprovdu informazzjoni aġġornata fuq il-bażi tal-EU27. L-indikaturi kif ukoll it-twaqqigħ tal-prezz u l-bejgħ taħt il-prezz ġew għalhekk ikkalkolati abbażi tad-data unika tal-UE27.

(249)

Il-prodott simili kien manifatturat minn ħdax-il produttur fl-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Dawn jikkostitwixxu l-“industrija tal-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

(250)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kienet stabbilita għal madwar 209 000 tunnellata. Il-Kummissjoni stabbiliet din iċ-ċifra fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli dwar l-industrija tal-Unjoni, bħat-tweġibiet għall-kwestjonarji dwar l-anti-dumping mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun kif ukoll it-tweġibiet għall-kwestjonarju makro minn produtturi tal-Unjoni mhux inklużi fil-kampjun. Din id-data ġiet kontroverifikata maċ-ċifri fl-ilment għall-affidabbiltà u għall-kompletezza. Kif indikat fil-premessa (27), it-tliet produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun irrappreżentaw aktar minn 50 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-prodott simili.

4.2.   Determinazzjoni tas-suq rilevanti tal-Unjoni

(251)

Sabiex tistabbilixxi jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx dannu u sabiex tiddetermina l-konsum u d-diversi indikaturi ekonomiċi relatati mas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-użu sussegwenti tal-produzzjoni tal-industrija fl-Unjoni tal-prodott simili kellux jiġi kkunsidrat fl-analiżi, u sa liema punt.

(252)

B’dan, u biex tagħti stampa tal-industrija tal-Unjoni li kienet kompluta kemm jista’ jkun, il-Kummissjoni kisbet data għall-attività kollha tal-ACF u ddeterminat jekk il-produzzjoni kinitx destinata għall-użu kaptiv jew għas-suq ħieles.

(253)

Il-Kummissjoni sabet li parti żgħira ħafna mill-produzzjoni totali tal-produtturi tal-Unjoni kienet destinata għas-suq kaptiv, kif jidher fit-Tabella 3 ta’ hawn taħt. Is-suq kaptiv żdied matul il-perjodu kkunsidrat iżda baqa’ f’livell relattivament baxx ta’ madwar 15 % tal-konsum fil-PI. Madankollu, f’dan l-istadju tal-investigazzjoni l-Kummissjoni ma għandhiex evidenza konklużiva dwar jekk il-kumpaniji li jużaw l-ACF għall-produzzjoni downstream għandhomx għażla libera tal-fornitur jew le, minħabba li l-informazzjoni dwar il-bejgħ kaptiv u l-produzzjoni kaptiva hija bbażata fuq data miġbura minn kumpaniji mhux inklużi fil-kampjun. Il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod provviżorju li jista’ jkun hemm kompetizzjoni bejniethom, u konsegwentement l-ishma kollha mis-suq jiġu kkalkolati fuq il-bażi tal-konsum totali tal-UE. F’dan l-istadju, dan huwa l-aktar approċċ konservattiv u fi kwalunkwe każ, ma jbiddilx is-sejbiet dwar id-dannu.

(254)

Il-Kummissjoni eżaminat ċerti indikaturi ekonomiċi relatati mal-industrija tal-Unjoni esklużivament abbażi tad-data għas-suq ħieles. Dawn l-indikaturi huma: il-volum tal-bejgħ u l-prezzijiet tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni, it-tkabbir, il-volum tal-esportazzjoni u l-prezzijiet, il-profittabilità, ir-redditu fuq l-investiment, u l-fluss tal-flus. Fejn kien possibbli u ġustifikat, is-sejbiet tal-eżami tqabblu mad-data għas-suq kaptiv sabiex tiġi pprovduta stampa sħiħa tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

(255)

Madankollu, indikaturi ekonomiċi oħrajn jistgħu jiġu eżaminati b’mod sinifikanti biss billi ssir referenza għall-attività kollha, inkluż l-użu kaptiv tal-industrija tal-Unjoni. Dawn huma: il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, l-investimenti, l-istokkijiet, l-impjiegi, il-produttività, il-pagi u l-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital. Dawn l-indikaturi jiddependu mill-attività kollha, kemm jekk il-produzzjoni tkun kaptiva kif ukoll jekk tinbiegħ fis-suq ħieles.

4.3.   Konsum tal-Unjoni

(256)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-konsum tal-Unjoni abbażi tat-tweġibiet tal-produttur tal-Unjoni għall-kwestjonarju dwar l-anti-dumping, il-kwestjonarju makro kif ukoll l-importazzjonijiet ibbażati fuq id-data tal-Eurostat.

(257)

Il-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej matul il-perjodu meqjus:

Tabella 3

Konsum tal-Unjoni (tunnellati)

 

2017

2018

2019

PI

Konsum totali tal-Unjoni

201 282

201 696

191 085

189 149

Indiċi

100

100

95

94

Suq kaptiv

27 209

27 340

28 727

29 128

Indiċi

100

100

106

107

Suq ħieles

174 073

174 356

162 358

160 021

Indiċi

100

100

93

92

Sors: il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u dawk mhux inklużi fil-kampjun kif ukoll il-Eurostat

(258)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-konsum l-ewwel żdied bi ftit b’inqas minn 1 % fl-2018 qabel ma naqas b’5 % fl-2019 u mbagħad b’1 % ieħor fil-PI. B’riżultat ta’ dan, il-konsum naqas b’6 % matul il-perjodu kkunsidrat. It-tnaqqis huwa mill-inqas parzjalment ikkawżat mil-linji gwida ġenerali mħabbra mill-UE fl-2019 għal Ekonomija Ċirkolari inklużi l-miri ta’ riċiklabbiltà għall-materjali bażiċi bħall-aluminju, l-azzar, il-ħġieġ eċċ. Il-laminati li għalihom jintużaw foils ta’ ħxuna rqiqa flimkien ma’ materjali bażiċi oħrajn bħal riti tal-plastik, karta, eċċ. jinsabu taħt skrutinju serju billi dawn bilkemm jistgħu jiġu rriċiklati bit-teknoloġiji eżistenti. Dan kellu effett negattiv fuq id-domanda għal foil tal-aluminju b’gauge ħafif.

(259)

Jidher li l-konsum ma kienx affettwat mill-pandemija tal-COVID-19. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-produtturi tal-Unjoni, il-ħażna ta’ prodotti tal-ikel fil-bidu tal-pandemija fil-fatt inizjalment żiedet il-konsum, iżda mbagħad dawn il-prodotti ġew ikkonsmati fix-xhur li ġejjin bi ftit tnaqqis fil-bejgħ tal-ippakkjar tal-ikel.

4.4.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

4.4.1.   Volum u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(260)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-volum tal-importazzjonijiet fuq il-bażi ta’ żewġ kodiċi TARIC (111) estratti mill-istatistika tal-Eurostat. Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet ġie stabbilit abbażi tal-volum tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat meta mqabbel mal-volum tal-konsum totali tal-Unjoni kif muri fit-Tabella 3.

(261)

L-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 4

Volum tal-importazzjonijiet u sehem mis-suq

 

2017

2018

2019

PI

Volum ta’ importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat (tunnellati)

36 660

42 343

46 595

44 276

Indiċi

100

115

127

121

Sehem mis-suq

18  %

21  %

24  %

23  %

Indiċi

100

115

134

129

Sors: Eurostat

(262)

Il-volum tal-importazzjonijiet mir-RPĊ żdied b’21 % matul il-perjodu kkunsidrat u s-sehem mis-suq tagħhom żdied b’5 punti perċentwali, u laħaq it-23 % fil-PI. Qabel il-pandemija, jiġifieri fl-2019, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi saħansitra laħaq l-24 %.

4.4.2.   Prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat u bejgħ taħt il-prezz

(263)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-prezzijiet tal-importazzjonijiet fuq il-bażi tad-data tal-Eurostat, billi użat il-kodiċijiet TARIC indikati fil-premessa (260).

(264)

Il-prezz medju ponderat tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati żviluppa kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 5

Prezzijiet tal-importazzjonijiet (EUR/ tunnellata)

 

2017

2018

2019

PI

Prezz tal-importazzjonijiet

2 869

2 893

2 801

2 782

Indiċi

100

101

98

97

Sors: Eurostat

(265)

Il-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet miċ-Ċina naqsu bi 3 % matul il-perjodu kkunsidrat minn EUR 2 869/tunnellata għal EUR 2 782/tunnellata. Dawn il-prezzijiet baqgħu b’mod sinifikanti taħt il-prezzijiet tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun u l-kost tal-produzzjoni matul il-perjodu kkunsidrat, kif muri fit-Tabella 9.

(266)

Il-Kummissjoni ddeterminat it-twaqqigħ tal-prezz matul il-perjodu ta’ investigazzjoni billi qabblet:

—

il-prezzijiet tal-bejgħ medji ponderati għal kull tip ta’ prodott tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun mitluba lill-klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, aġġustati għal livell ex-works; u

—

il-prezzijiet medji ponderati korrispondenti għal kull tip ta’ prodott tal-importazzjonijiet mill-produtturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun li kkooperaw sal-ewwel klijent indipendenti fis-suq tal-Unjoni, stabbiliti fuq bażi ta’ kost, assigurazzjoni u nol (CIF), b’aġġustamenti xierqa għad-dazji doganali u għall-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni.

(267)

It-tqabbil tal-prezzijiet sar tip b’tip għat-tranżazzjonijiet fl-istess livell ta’ kummerċ, b’aġġustament debitu fejn meħtieġ, u wara tnaqqis tar-rifużjonijiet u tal-iskontijiet. Ir-riżultat tat-tqabbil ġie espress bħala perċentwal tal-fatturat teoretiku tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Dan wera marġni medju ponderat tat-twaqqigħ tal-prezz ta’ bejn 3,9 % u 14,2 % permezz tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat fis-suq tal-Unjoni. It-twaqqigħ tal-prezz medju ponderat li nstab kien ta’ 10,8 %.

4.5.   Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.5.1.   Rimarki ġenerali

(268)

F’konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-eżaminazzjoni tal-impatt tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Unjoni kienet tinkludi evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi kollha li influwenzaw l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(269)

Kif imsemmi fil-premessa (27), intuża l-kampjunar għad-determinazzjoni tad-dannu possibbli li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni.

(270)

Biex tiddetermina d-dannu, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-indikaturi tad-dannu makroekonomiċi u dawk mikroekonomiċi. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi makroekonomiċi fuq il-bażi tad-data li tinsab fit-tweġibiet għall-kwestjonarju dwar l-anti-dumping mill-produtturi inklużi fil-kampjun kif ukoll fit-tweġibiet għall-kwestjonarju makro mill-produtturi mhux inklużi fil-kampjun, kontroverifikati mad-data fl-ilment. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi mikroekonomiċi abbażi tad-data fit-tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Iż-żewġ settijiet ta’ data nstabu li kienu rappreżentattivi tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

(271)

L-indikaturi makroekonomiċi huma: il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum ta’ bejgħ, is-sehem mis-suq, it-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività, il-kobor tal-marġni tad-dumping, u l-irkupru minn dumping tal-passat.

(272)

L-indikaturi mikroekonomiċi huma: il-prezzijiet unitarji medji, il-kost unitarju, il-kostijiet lavorattivi, l-inventarji, il-profittabilità, il-flussi tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital.

4.5.2.   Indikaturi makroekonomiċi

4.5.2.1.   Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

(273)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 6

Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

 

2017

2018

2019

PI

Volum tal-produzzjoni (tunnellati)

240 005

240 349

212 713

208 976

Indiċi

100

100

89

87

Kapaċità tal-produzzjoni (tunnellati)

296 161

283 091

281 091

278 319

Indiċi

100

96

95

94

Użu tal-kapaċità

81  %

85  %

76  %

75  %

Indiċi

100

105

93

93

Sors: il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u dawk mhux inklużi fil-kampjun

(274)

Il-volum tal-produzzjoni baqa’ kważi l-istess bejn l-2017 u l-2018, imbagħad naqas fl-2019, u mbagħad kompla fil-PI. Il-volum tal-produzzjoni globali naqas bi 13 % matul il-perjodu kkunsidrat. Meta titqies is-sitwazzjoni tas-suq ħieles u t-tnaqqis fil-bejgħ (ara t-tabella 7), sabiex tinżamm il-produzzjoni u jitnaqqsu l-kostijiet fissi, il-produtturi tal-Unjoni żiedu l-bejgħ kaptiv tagħhom (ara t-tabella 7), kif ukoll il-bejgħ tal-esportazzjoni tagħhom (ara t-tabella 14). Minkejja dawn l-isforzi, il-volum tal-produzzjoni xorta naqas.

(275)

Il-kapaċità tal-produzzjoni naqset b’6 % matul il-perjodu kkunsidrat. Dan kien rispons imkejjel biex jillimita d-dannu fil-każ ta’ tnaqqis fil-bejgħ fis-suq ħieles li niżżel il-produzzjoni matul il-perjodu kkunsidrat. Hekk kif il-produzzjoni naqset b’mod aktar qawwi mill-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità naqas b’7 % matul il-perjodu kkunsidrat u laħaq il-75 % fil-PI.

4.5.2.2.   Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq

(276)

Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 7

Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq

 

2017

2018

2019

PI

Volum tal-bejgħ totali fis-suq tal-Unjoni (tunnellati)

148 840

144 726

130 060

132 227

Indiċi

100

97

87

89

Sehem mis-suq

74  %

72  %

68  %

70  %

Indiċi

100

97

92

95

Bejgħ fis-suq kaptiv (tunnellati)

22 378

22 392

23 972

25 106

Indiċi

100

100

107

112

Is-sehem mis-suq tal-bejgħ tas-suq kaptiv

11  %

11  %

13  %

13  %

Indiċi

100

100

113

119

Bejgħ fis-suq ħieles (tunnellati)

126 462

122 334

106 087

107 120

Indiċi

100

97

84

85

Sehem mis-suq tal-bejgħ fis-suq ħieles

63  %

61  %

56  %

57  %

Indiċi

100

97

88

90

Sors: il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u dawk mhux inklużi fil-kampjun

(277)

Il-bejgħ totali fl-UE segwa xejra ’l isfel matul il-perjodu kkunsidrat u laħaq (-11 %). Bejn l-2018 u l-2019 it-tnaqqis kien l-aktar sinifikanti (–10 %), segwit minn żieda żgħira ta’ 2 % li kkoinċidiet mat-tfixkil fil-katina tal-provvista globali minħabba t-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 fir-RPĊ.

(278)

Kif imsemmi fil-premessa (253), parti tal-produzzjoni totali tal-produtturi tal-Unjoni kienet destinata għas-suq kaptiv. Din il-parti kienet responsabbli għall-15 % tal-konsum tal-Unjoni matul il-PI u żdiedet matul il-perjodu kkunsidrat bi 12 %. It-tkabbir seħħ l-aktar bejn l-2018 u l-2019 u matul il-PI.

(279)

Il-bejgħ totali fis-suq ħieles mill-industrija tal-Unjoni naqas bi 15 % matul il-perjodu kkunsidrat. B’konsegwenza ta’ dan, is-sehem mis-suq tal-bejgħ tas-suq ħieles tal-industrija tal-Unjoni naqas minn 63 % fl-2017 għal 57 % matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Wara li naqas b’5 punti perċentwali fl-2018-2019, dan żdied b’punt perċentwal wieħed 1 sa tmiem il-PI.

4.5.2.3.   Tkabbir

(280)

F’kuntest ta’ tnaqqis fil-konsum, l-industrija tal-Unjoni mhux biss tilfet il-volumi tal-bejgħ fl-UE iżda wkoll is-sehem mis-suq fis-suq ħieles kif muri fit-Taqsima 4.5.2.2.

4.5.2.4.   Impjiegi u produttività

(281)

L-impjiegi u l-produttività żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 8

Impjiegi u produttività

 

2017

2018

2019

PI

Għadd ta’ impjegati

2 220

2 151

2 072

2 003

Indiċi

100

97

93

90

Produttività (tunnellata/FTE)

108

112

103

104

Indiċi

100

103

95

97

Sors: il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u dawk mhux inklużi fil-kampjun

(282)

L-impjiegi naqsu b’10 % matul il-perjodu kkunsidrat hekk kif l-industrija tal-Unjoni ppruvat tiżgura s-sostenibbiltà tagħha u tallinjaha mad-domanda fis-suq domestiku.

(283)

Konsegwentement, fl-2018, il-produttività tagħha l-ewwel tjiebet minn 108 għal 112-il tunnellata / FTE qabel ma naqset wara t-tnaqqis fil-volum tal-produzzjoni. Il-produttività ġenerali għalhekk iddeterjorat bi 3 %. Dan għaliex fl-2018 l-impjiegi tnaqqsu filwaqt li l-produzzjoni baqgħet relattivament stabbli. Mill-2019 sa tmiem il-PI, madankollu, il-produzzjoni naqset aktar malajr mill-impjiegi minħabba fil-bejgħ kajman, li rriżulta fi tnaqqis korrispondenti fil-produttività.

4.5.2.5.   Kobor tal-marġni tad-dumping u rkupru minn dumping tal-passat

(284)

Il-marġnijiet kollha tad-dumping kienu sinfikantement ogħla mil-livell de minimis. L-impatt tal-kobor tal-marġnijiet attwali tad-dumping fuq l-industrija tal-Unjoni kien sostanzjali, minħabba l-volum u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat.

(285)

Din hija l-ewwel investigazzjoni anti-dumping dwar il-prodott ikkonċernat. Għalhekk, ma kienx hemm data disponibbli biex jiġu vvalutati l-effetti ta’ dumping possibbli fil-passat.

4.5.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

4.5.3.1.   Il-prezzijiet u l-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(286)

Il-prezzijiet medji ponderati tal-bejgħ ta’ unità tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 9

Il-prezzijiet tal-bejgħ fl-Unjoni

 

2017

2018

2019

PI

Prezz medju tal-bejgħ ta’ unità fis-suq tal-Unjoni (EUR/ tunnellata)

3 396

3 557

3 408

3 359

Indiċi

100

105

100

99

Kost unitarju tal-produzzjoni (EUR/tunnellata)

3 423

3 642

3 733

3 687

Indiċi

100

106

109

108

Sors: produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

(287)

Il-prezzijiet tal-bejgħ fis-suq ħieles l-ewwel żdiedu minn EUR 3 396 għal EUR 3 557/tunellata fl-2018. Imbagħad naqsu għal EUR 3 408 fl-2019 qabel ma komplew jonqsu għal EUR 3 359/tunnellata fil-perjodu ta’ investigazzjoni.

(288)

Il-kost unitarju tal-produzzjoni tal-produtturi fil-kampjun żdied minn EUR 3 423 EUR/tunnellata b’6 % fl-2018 u mbagħad bi 3 punti perċentwali oħra fl-2019, meta laħaq it-EUR 3 733/tunnellata. Din iċ-ċifra baqgħet ftit jew wisq stabbli matul il-PI. Wieħed mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun ġarrab kostijiet relatati mar-ristrutturar (prinċipalment pakketti ta’ sensji), li kellhom impatt fuq il-kost tal-produzzjoni fil-PI. Madankollu, anki mingħajr dawn il-kostijiet, il-kost unitarju tal-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun kien ikun 3 % ogħla meta mqabbel mal-2017 matul il-PI.

(289)

Iż-żieda ġenerali tal-kost unitarju tal-produzzjoni matul il-perjodu kkunsidrat kienet prinċipalment ikkawżata mit-tnaqqis fil-volum tal-produzzjoni bi 13 % (15 % għall-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun). Apparti l-kostijiet straordinarji tar-ristrutturar, din hija partikolarment viżibbli fl-2019, meta dawn il-kostijiet kienu minuri iżda tnaqqis fil-produzzjoni kien sinifikanti ħafna għall-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun (-19 %). Wara dan, il-produtturi kollha tal-Unjoni inklużi fil-kampjun bdew jadattaw, u l-bejgħ u l-volum tal-produzzjoni matul il-PI tjiebu kemxejn anki minħabba importazzjonijiet aktar baxxi mir-RPĊ wara li faqqgħet il-pandemija. Din l-eliminazzjoni u d-dilwizzjoni ta’ xi wħud mill-kostijiet fissi rriżultaw fit-tnaqqis tal-kost unitarju tal-produzzjoni matul il-PI (jekk ma jitqisux il-kostijiet tar-ristrutturar).

4.5.3.2.   Il-kostijiet lavorattivi

(290)

Il-kostijiet lavorattivi medji tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 10

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat

 

2017

2018

2019

PI

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat (EUR)

75 686

80 542

74 897

94 489

Indiċi

100

106

99

125

Sors: Produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

(291)

Il-kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat żdiedu b’6 % fl-2018 u mbagħad naqsu b’ 7 % fl-2019. Imbagħad żdiedu b’26 % fil-PI, li huwa fattur tal-kostijiet tar-ristrutturar imġarrba minn produttur tal-Unjoni. Jekk dawn il-kostijiet straordinarji jiġu injorati, iċ-ċifra fil-PI tkun [77 000 – 81 000], li hija żieda ta’ [2 – 7] % mill-2017.

4.5.3.3.   Inventarji

(292)

Il-livelli tal-istokkijiet tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 11

Inventarji

 

2017

2018

2019

PI

Stokkijiet tal-għeluq (tunnellati)

8 745

8 598

6 664

7 491

Indiċi

100

98

76

86

Stokkijiet tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni

7,9  %

7,9  %

7,3  %

8,2  %

Indiċi

100

99

92

103

Sors: produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

(293)

L-istokkijiet tal-għeluq baqgħu f’livell raġonevoli matul il-perjodu kkunsidrat. Peress li l-industrija tal-ACF ġeneralment topera fuq bażi ta’ produzzjoni skont l-ordni, dan l-indikatur huwa ta’ inqas importanza fl-analiżi ġenerali tad-dannu.

(294)

Il-perċentwal tal-istokkijiet tal-għeluq espress fuq il-produzzjoni juri tnaqqis żgħir fl-2019 u żieda żgħira fil-PI. Madankollu, dawn ma humiex varjazzjonijiet straordinarji tal-istokkijiet.

4.5.3.4.   Profittabilità, fluss tal-flus, investimenti, redditu fuq l-investimenti u kapaċità li jiġi ġġenerat kapital

(295)

Il-profittabilità, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 12

Profittabilità, fluss tal-flus, investimenti u redditu fuq l-investimenti

 

2017

2018

2019

PI

Profittabilità tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati (% tal-fatturat mill-bejgħ)

-1,9  %

-1,0  %

-8,1  %

-9,6  %

Il-fluss tal-flus (EUR)

1 714 095

12 673 563

2 805 796

-11 241 877

Indiċi

100

739

164

- 656

Investimenti (EUR)

21 447 204

19 751 766

19 457 392

16 592 531

Indiċi

100

92

91

77

Redditu fuq l-investimenti

-2  %

-5  %

-19  %

-24  %

Indiċi

- 100

- 210

- 769

- 997

Sors: produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

(296)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-profittabilità tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun billi esprimiet il-profitt nett qabel it-taxxa tal-prodott simili lil konsumaturi mhux relatati fl-Unjoni bħala perċentwal tal-fatturat ta’ dak il-bejgħ.

(297)

Il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati nbidel minn bejgħ bit-telf fl-2017 għal bejgħ bi ftit inqas telf fl-2018, għal bejgħ b’telf sinifikanti fl-2019 u għal bejgħ b’telf saħansitra akbar fil-PI (-9,6 %). Ta’ min jinnota li wieħed mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun beda r-ristrutturar matul il-PI. Il-kost ta’ dan ir-ristrutturar, inklużi l-ħlasijiet għal-liċenzjament kellhom impatt negattiv fuq it-tieni parti tal-PI. Madankollu, anke mingħajr dawn il-kostijiet straordinarji, il-produtturi inklużi fil-kampjun xorta waħda jagħmlu telf bir-rata ta’ -5,6 % fil-PI.

(298)

Huwa ċar li l-industrija tal-Unjoni kienet diġà ġarrbet dannu fl-2017. Dan ma huwiex sorprendenti meta jiġi kkunsidrat is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi (18 % fl-2017), bi prezzijiet mhux biss taħt il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni iżda wkoll taħt il-kostijiet tal-produzzjoni tagħha. Kif spjegat fil-premessi (260) u (261), il-kostijiet tal-produtturi tal-Unjoni żdiedu aktar mill-prezzijiet tagħhom, li wassal għat-tnaqqis fil-profittabilità tal-industrija tal-Unjoni. L-industrija tal-Unjoni ma setgħetx iżżid il-prezzijiet bl-istess rata li biha l-kostijiet kienu qed jiżdiedu minħabba l-pressjoni ’l isfel ikkawżata mill-importazzjonijiet mir-RPĊ (kemm f’termini ta’ volumi kif ukoll f’termini ta’ prezzijiet baxxi). Tabilħaqq, matul il-perjodu kkunsidrat, il-prezzijiet Ċiniżi kienu konsistentement baxxi u ferm taħt il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni (ara t-Tabelli 5 u 9), u dan illimita ż-żidiet fil-prezzijiet. Dan irriżulta f’soppressjoni tal-prezzijiet u tnaqqis fil-profittabbiltà li kompla matul il-PI. Tabilħaqq, wara żieda żgħira ta’ 1 % fl-2018, il-prezzijiet Ċiniżi naqqsu bi 3 % fl-2019 u mbagħad b’0,7 % fil-PI. Baqgħu ferm taħt il-livell tal-prezz miksub mill-industrija tal-Unjoni. Evidenza ta’ dan huma wkoll il-marġnijiet sinifikanti ta’ twaqqigħ tal-prezz iddikjarati fil-premessa (224).

(299)

Il-fluss tal-flus nett huwa l-kapaċità tal-produtturi tal-Unjoni li jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom stess. Ix-xejra fil-fluss tal-flus nett żviluppat b’mod negattiv matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni f’konformità mal-evoluzzjoni tal-profittabilità.

(300)

L-investiment naqas bi 23 % matul il-perjodu kkunsidrat. Il-pjanijiet ambizzjużi ta’ investiment twaqqfu minħabba l-profittabilità insuffiċjenti. Minflokhom, ġew implimentati pjanijiet inqas ambizzjużi.

(301)

Ir-redditu fuq l-investimenti huwa l-profitt f’perċentwal tal-valur kontabilistiku nett tal-investimenti. Dan żviluppa b’mod negattiv matul il-perjodu kkunsidrat minn -2 % fl-2017 għal -24 % fil-PI. Dan l-iżvilupp isegwi t-tnaqqis fil-profittabilità tal-industrija tal-Unjoni.

(302)

Kif iddikjarat fil-premessa (256), qed isir dejjem aktar diffiċli għall-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun biex jiġġeneraw il-kapital għall-investiment. B’redditi fuq l-investimenti li bdew jonqsu daqshekk malajr, il-kapaċità tal-produtturi inklużi fil-kampjun biex jiġġeneraw kapital fil-futur tinsab f’periklu saħansitra akbar.

4.5.4.   Konklużjoni dwar id-dannu

(303)

Matul il-perjodu kkunsidrat, l-importazzjonijiet tal-ACF mir-RPĊ, li kienu diġà sinifikanti fl-2017, żdiedu b’mod sinifikanti kemm f’termini assoluti (+21 %) kif ukoll f’termini relattivi (+5 punti perċentwali fis-sehem mis-suq) filwaqt li l-konsum fl-UE naqas b’6 %. Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet tal-produtturi esportaturi fil-kampjun waqqgħu l-prezzijiet tal-Unjoni b’medja ta’ 10,8 %. Irrispettivament mit-twaqqigħ tal-prezz speċifiku li nstab fir-rigward tal-produtturi esportaturi fil-kampjun, il-Kummissjoni osservat ukoll li l-prezzijiet Ċiniżi kienu konsistentement baxxi u b’mod sinifikanti taħt il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kollu kkunsidrat (ara t-Tabelli 5 u 9). L-industrija tal-Unjoni ma setgħetx iżżid il-prezzijiet bl-istess mod li bih il-kostijiet kienu qed jiżdiedu minħabba l-pressjoni ’l isfel ikkawżata mill-importazzjonijiet mir-RPĊ (kemm f’termini ta’ volumi kif ukoll ta’ prezzijiet baxxi).

(304)

Fil-bidu tal-perjodu kkunsidrat, l-industrija tal-Unjoni diġà wriet sinjali ta’ dannu. Dan ma huwiex sorprendenti, meta jitqies is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi ta’ 18 % fl-2017 u l-prezz tagħhom ikun ferm taħt il-prezz tal-industrija tal-Unjoni (ara t-tabelli 5 u 9).

(305)

L-indikaturi makroekonomiċi kollha, bħall-produzzjoni, il-kapaċità, l-użu tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ fis-suq tal-UE, is-sehem mis-suq, l-impjiegi u l-produttività, urew xejra negattiva matul il-perjodu kkunsidrat. Bl-istess mod, virtwalment l-indikaturi mikroekonomiċi kollha, bħall-prezzijiet tal-bejgħ fis-suq ħieles tal-UE, il-kost tal-produzzjoni, il-kostijiet lavorattivi, il-profittabilità, l-istokkijiet tal-għeluq, il-fluss tal-flus, l-investiment u r-redditu fuq l-investimenti, urew xejra negattiva matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. L-istess indikaturi tad-dannu żviluppaw ukoll b’mod negattiv meta wieħed iħares lejn il-perjodu 2017-2019, jiġifieri, qabel il-bidu tal-pandemija tal-COVID-19. Għal ħafna indikaturi s-sitwazzjoni fil-PI kienet aħjar milli fl-2019. Dan huwa prinċipalment minħabba l-livell aktar baxx ta’ importazzjonijiet mir-RPĊ, li kien ikkawżat mit-tifqigħa tal-pandemija fl-aħħar tal-2019 u fil-bidu tal-2020. Dan jenfasizza wkoll l-impatt li dawn l-importazzjonijiet għandhom fuq is-sitwazzjoni ġenerali tal-industrija tal-Unjoni.

(306)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod provviżorju li l-industrija tal-Unjoni sofriet dannu materjali fis-sens tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

5.   KAWŻALITÀ

(307)

F’konformità mal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjonijiet oġġetti ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat ikkawżawx dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. F’konformità mal-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk fatturi oħrajn magħrufa setgħux fl-istess ħin ikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni u żgurat li kull dannu possibbli kkawżat minn fatturi oħrajn għajr l-importazzjonijiet l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat ma kienx minħabba l-importazzjonijiet imsemmija. Ġew identifikati l-fatturi potenzjali li ġejjin: il-konsum; il-pandemija tal-COVID-19; allegat nuqqas ta’ investiment; ristrutturar tal-industrija tal-Unjoni; kostijiet għoljin tal-produzzjoni fl-Unjoni; importazzjonijiet minn pajjiżi terzi; il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

5.1.   Effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping

(308)

Id-deterjorament fis-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kkoinċida mal-penetrazzjoni sinifikanti mill-importazzjonijiet miċ-Ċina, li konsistentement waqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni u rażżnu l-prezz tas-suq tal-Unjoni. Kif imsemmi fil-premessa (224), il-prezzijiet tal-importazzjonijiet tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun waqqgħu l-prezzijiet tal-Unjoni b’medja ta’ 10,8 %.

(309)

Il-volum tal-importazzjonijiet mir-RPĊ żdied (kif muri fit-Tabella 4) minn madwar 36 660 tunnellata fl-2017 għal madwar 44 276 fil-perjodu ta’ investigazzjoni, żieda ta’ 21 %. Min-naħa tiegħu, is-sehem mis-suq żdied b’29 %, jiġifieri minn 18 % għal 23 %. Matul l-istess perjodu (kif muri fit-Tabella 7), il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq ħieles naqas bi 15 % u s-sehem mis-suq tagħha fis-suq ħieles niżel minn 63 % għal 57 %, tnaqqis ta’ 10 %.

(310)

Is-sitwazzjoni fil-perjodu 2017-2019 hija saħansitra aktar evidenti hekk kif l-importazzjonijiet Ċiniżi żdiedu b’27 % (minn 36 660 tunnellata għal 46 595 tunnellata) u laħqu 24 % tas-sehem mis-suq filwaqt li s-sehem mis-suq ħieles tal-industrija tal-Unjoni naqas għal 56 % (tnaqqis ta’ 12 %). Tabilħaqq, minkejja tnaqqis fil-konsum bejn l-2018 u l-2019, l-importazzjonijiet Ċiniżi komplew jiżdiedu u jiksbu sehem mis-suq mill-industrija tal-Unjoni.

(311)

Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġetti ta’ dumping naqsu bi 3 % matul il-perjodu kkunsidrat (kif muri fit-Tabella 5) minn EUR 2 869 għal EUR 2 781/tunnellata. Bi tqabbil ma’ dan, il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni naqsu biss b’1 % matul l-istess perjodu; minn EUR 3 396/tunnellata fl-2017 għal EUR 3 359/tunnellata fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk, għalkemm bdew minn livell ta’ prezz aktar baxx fl-2017, il-prezzijiet Ċiniżi naqsu aktar (-88 EUR/tunnellata) mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni (-37 EUR/tunnellata) matul il-perjodu kkunsidrat. Barra minn hekk, fil-perjodu 2017-2019, it-tnaqqis fil-prezzijiet Ċiniżi ammonta għal 2 % filwaqt li l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni żdiedu b’inqas minn 1 % (EUR 12/tunnellata).

(312)

Il-pressjoni eżerċitata mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping ikkawżat trażżin sinifikanti tal-prezzijiet lill-industrija tal-Unjoni. L-industrija tal-Unjoni ma setgħetx iżżid il-prezzijiet bl-istess rata li bih il-kostijiet kienu qed jiżdiedu minħabba l-pressjoni ’l isfel ikkawżata mill-importazzjonijiet miċ-Ċina (kemm f’termini ta’ volumi kif ukoll ta’ prezzijiet baxxi). Tabilħaqq, il-grad ta’ tali pressjoni ’l isfel, tirriżulta, tal-inqas, mill-fatt li matul il-perjodu kkunsidrat, il-prezzijiet Ċiniżi kienu baxxi b’mod konsistenti u ferm inqas mill-prezzjijiet tal-industrija tal-Unjoni u l-kost tal-produzzjoni, biex b’hekk illimitaw il-possibbiltà ta’ żieda fil-prezzijiet (ara l-premessa (265)). Dan irriżulta fi tnaqqis tal-profittabilità tal-industrija tal-Unjoni.

(313)

Id-differenza bejn l-2019 u l-PI hija partikolarment evidenti f’termini tar-rabta bejn l-importazzjonijiet mir-RPĊ u s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Meta l-importazzjonijiet naqsu wara t-tfixkil tal-produzzjoni u l-esportazzjonijiet fir-RPĊ minħabba l-pandemija, il-produzzjoni tal-prokuri tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, il-bejgħ, il-kost unitarju tal-produzzjoni u l-profittabilità tal-industrija tal-Unjoni tjiebu kemxejn (filwaqt li jiġu injorati l-kostijiet straordinarji tar-ristrutturar).

(314)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod provviżorju li l-importazzjonijiet miċ-Ċina kkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. Dannu bħal dan kellu effetti kemm fuq il-volum kif ukoll fuq il-prezz.

5.2.   Effetti ta’ fatturi oħrajn

5.2.1.   Konsum

(315)

Produttur esportatur wieħed argumenta li l-ACF li qed jinbidel f’ċerti segmenti minn prodotti oħrajn jista’ jkun is-sors ta’ dannu tal-industrija tal-Unjoni.

(316)

Tabilħaqq, kif indikat fil-premessa (258), il-konsum tal-Unjoni naqas fl-2019 u fil-PI. Madankollu, l-importazzjonijiet mir-RPĊ żdiedu matul il-perjodu kkunsidrat, filwaqt li l-konsum naqas. Tabilħaqq, meta d-domanda tkun qed tonqos, wieħed normalment jistenna li l-produtturi kollha jiġu affettwati b’mod simili jew li saħansitra l-esportazzjonijiet jonqsu aktar meta mqabbla mal-bejgħ domestiku (tal-Unjoni) fid-dawl tal-prossimità bejn il-produtturi domestiċi u l-klijenti. Madankollu, matul il-perjodu kkunsidrat, l-importazzjonijiet mir-RPĊ żdiedu b’21 % (27 % fl-2019) filwaqt li l-bejgħ tal-Unjoni lejn is-suq ħieles naqas bi 15 % (16 % fl-2019). Barra minn hekk, it-titjib żgħir ta’ xi indikaturi diskussi fil-premessa (284) ikkoinċida mat-tnaqqis kontinwu fil-konsum kif jidher fit-tabella 4. L-unika differenza sinifikanti bejn dawn iż-żewġ perjodi kienet livelli aktar baxxi ta’ importazzjonijiet irħas mir-RPĊ minħabba l-pandemija.

5.2.2.   Il-pandemija tal-COVID-19

(317)

Il-pandemija tal-COVID-19 li bdiet fl-ewwel nofs tal-2020 affettwat is-sitwazzjoni fis-suq tal-UE b’diversi modi. Kif imsemmi fil-premessa (259), billi l-konsum ġenerali ma kienx affettwat, waqt li kien hemm tnaqqis żgħir fl-importazzjonijiet mir-RPĊ.

(318)

Kif spjegat fil-premessa (262), l-importazzjonijiet Ċiniżi oġġetti ta’ dumping kienu diġà żdiedu b’mod stabbli fuq bażi ta’ sena wara sena fil-perjodu 2017-2019 li wassal għal żieda ta’ aktar minn 27 % sal-bidu tal-pandemija tal-COVID-19 fl-ewwel nofs tal-2020. Fi kliem ieħor, id-dannu materjali kkawżat lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet oġġetti ta’ dumping diġà mmaterjalizza kif muri mill-iżvilupp negattiv tal-indikaturi makroekonomiċi u mikroekonomiċi kollha fil-perjodu 2017-2019 qabel ma l-COVID-19 saret parti mir-realtà. Barra minn hekk, kif diskuss fil-premessa (284), volum aktar baxx ta’ importazzjonijiet mir-RPĊ minħabba l-pandemija fil-bidu tal-2020 kellu impatt pożittiv fuq xi wħud mill-indikaturi tad-dannu. Dan juri wkoll rabta qawwija bejn l-importazzjonijiet u s-sitwazzjoni dannuża tal-industrija tal-Unjoni.

(319)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni provviżorjament ikkonkludiet li l-pandemija tal-COVID-19 ma kkontribwitx għad-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

5.2.3.   Nuqqas ta’ investiment

(320)

Produttur esportatur wieħed u żewġ utenti argumentaw li n-nuqqas ta’ investiment mill-industrija tal-Unjoni fil-faċilitajiet ta’ produzzjoni tagħhom huwa waħda mir-raġunijiet għad-dannu.

(321)

Huwa minnu li, kif imsemmi fil-premessa (256), xi investimenti ambizzjużi tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun twaqqfu. Madankollu, dan kien ir-riżultat tas-sitwazzjoni dannuża tal-industrija tal-Unjoni, mhux il-kawża tagħha. Minkejja s-sitwazzjoni mwiegħra tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-investigazzjoni wriet investimenti f’mekkaniżmi inline għall-kontroll tal-kwalità u aġġornamenti oħrajn għall-park tal-magni eżistenti. Barra minn hekk, diversi kumpaniji investew fir-R&Ż biex jipproduċu ACF irqaq u ACF għall-produzzjoni tal-batteriji tal-vetturi. Dan juri li l-industrija tal-Unjoni adattat għar-rekwiżiti tas-suq, fi ħdan il-possibbiltajiet finanzjarji tagħhom.

(322)

Filwaqt li ma jistax jiġi eskluż li jistgħu jkunu meħtieġa investimenti addizzjonali fl-aħħar teknoloġija biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tal-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-istat tat-tagħmir tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni u l-iżvilupp tal-kostijiet operatorji tagħha ma jnaqqsux ir-rabta kawżali stabbilita bejn l-importazzjonijiet oġġetti ta’ dumping u d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

(323)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, qed jiġi provviżorjament konkluż li investiment limitat ma kkontribwixxiex għad-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

5.2.4.   Ristrutturar tal-industrija tal-Unjoni

(324)

Utent partikolari ġibed l-attenzjoni għall-produtturi tal-Unjoni li joħorġu mis-suq u r-ristrutturar bħala raġuni għas-sitwazzjoni dannuża tal-industrija tal-Unjoni.

(325)

Il-biċċa l-kbira tal-ħruġ mis-suq innotat mill-utent seħħ qabel il-perjodu kkunsidrat. Ma kien hemm l-ebda raġuni li tindika li dan l-għeluq iseħħ taħt kundizzjonijiet tas-suq ġusti. Jekk xejn, b’mod simili għas-sitwazzjoni dwar l-investimenti spjegata fil-premessa (271), l-għeluq tal-faċilitajiet tal-produzzjoni u n-negozju huma riżultat tas-sitwazzjoni dannuża tal-industrija tal-Unjoni, mhux il-kawża tagħha. Bħala parti mir-ristrutturar u l-adattament, għeluq bħal dan normalment itaffi, mhux jiggrava d-dannu.

(326)

Kif imsemmi fil-premessa (253) huwa minnu li l-kost tar-ristrutturar ta’ wieħed mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun fit-tieni nofs tal-PI seta’ kellu impatt fuq xi indikaturi, bħall-kost tal-produzzjoni, il-kost tal-impjiegi u l-profittabilità. Din hija r-raġuni għaliex fil-premessi (260)-(261), (263) u (268) il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll l-istampa tad-dannu filwaqt li injorat dawk il-kostijiet. Anke mingħajr dawk l-elementi tal-kost huwa ċar li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu matul il-perjodu kkunsidrat inkluż fil-PI. Għaldaqstant, dawn il-pretensjonijiet ma ntlaqgħux.

(327)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni provviżorjament ikkonkludiet li r-ristrutturar tal-industrija tal-Unjoni ma kkontribwixxiex għad-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

5.2.5.   Pagi għoljin, kostijiet tal-enerġija u nuqqas ta’ integrazzjoni vertikali

(328)

Utent minnhom argumenta li pagi u prezzijiet tal-enerġija għoljin huma r-raġunijiet għas-sitwazzjoni dannuża tal-industrija tal-Unjoni.

(329)

Il-produtturi tal-Unjoni naqqsu mill-2017 sal-PI l-għadd ta’ impjegati fil-produzzjoni u l-amministrazzjoni, u naqqsu l-kost lavorattiv globali tagħhom b’mod sostanzjali, biex iżommu l-kompetittività b’sehem iżgħar mis-suq. Kif muri fit-tabella 10, il-kost medju għal kull impjegat żdied fil-PI, iżda dan kien l-aktar minħabba r-ristrutturar ta’ wieħed mill-produtturi inklużi fil-kampjun. Meta jiġu injorati dawn il-kostijiet straordinarji, il-kost medju għal kull impjegat jibqa’ relattivament stabbli matul il-perjodu kkunsidrat filwaqt li l-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun għadhom qed jagħmlu telf bir-rata ta’ -5,6 % (ara l-premessa (268)).

(330)

Fir-rigward tal-kostijiet tal-enerġija, dawn jirrappreżentaw porzjon relattivament baxx tal-kost tal-produzzjoni (madwar 3 %) u bħala tali ma għandhomx impatt sinifikanti fuq iż-żieda tal-kost tal-produzzjoni indikata fit-Tabella 9. Filwaqt li l-kost tal-enerġija għal kull tunnellata ta’ ACF prodotta mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żdied bi 12 % matul il-perjodu kkunsidrat, dan huwa parzjalment dovut għat-tnaqqis fil-volum tal-produzzjoni u fi kwalunkwe każ, meta jiġi kkunsidrat il-fatt li l-kost tal-enerġija żdied fil-kost tal-produzzjoni, dan ma jistax ikun responsabbli għaż-żieda fil-kost tal-produzzjoni fit-Tabella 9.

(331)

Utent wieħed argumenta li n-nuqqas ta’ integrazzjoni vertikali huwa sors ta’ dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni.

(332)

Il-Kummissjoni nnotat li n-nuqqas ta’ integrazzjoni vertikali ma jkissirx il-katina tal-kawżalità billi dan il-fattur ma nbidilx matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Barra minn hekk, lanqas il-produtturi esportaturi Ċiniżi kollha ma huma integrati vertikalment. Għalhekk, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(333)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni provviżorjament ikkonkludiet li l-pagi, il-kostijiet tal-enerġija u n-nuqqas ta’ integrazzjoni vertikali ma kkontribwewx għad-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

5.2.6.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

(334)

Il-volum tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn żviluppa kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 13

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

Pajjiż

 

2017

2018

2019

PI

Total tal-pajjiżi terzi kollha minbarra l-pajjiż ikkonċernat

Volum (tunnellati)

10 950

9 680

9 675

8 625

Indiċi

100

88

88

79

Sehem mis-suq

5  %

5  %

5  %

5  %

Prezz medju (EUR/tunnellata)

3 192

3 386

3 474

3 575

Indiċi

100

106

109

112

Sors: Eurostat

(335)

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi kienu relattivament limitati. Il-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi kienu konsistentement ogħla mill-prezzijiet Ċiniżi matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Dawn kienu biss ftit inqas mill-prezzijiet tal-Unjoni fl-2017 u l-2018 u mbagħad qabżuhom fl-2019 u matul il-PI. Il-volumi tagħhom naqsu (-21 %) matul il-perjodu kkunsidrat. Meta jiġi kkunsidrat it-tnaqqis tal-konsum, is-sehem mis-suq tagħhom baqa’ madwar 5 % matul il-perjodu kkunsidrat. Il-prezzijiet tagħhom żdiedu bi 12 % matul il-perjodu kkunsidrat.

(336)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet minn pajjiżi oħrajn matul il-perjodu kkunsidrat ma kkontribwietx għad-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

5.2.7.   Prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(337)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni l-volum tal-esportazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppa kif ġej:

Tabella 14

Prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

 

2017

2018

2019

PI

Volum tal-esportazzjonijiet (tunnellati)

57 956

74 277

69 027

61 811

Indiċi

100

128

119

107

Prezz medju (EUR/tunnellata)

3 498

3 632

3 475

3 400

Indiċi

100

104

99

97

Sors: l-industrija tal-Unjoni inkluża fil-kampjun u mhux inkluża fil-kampjun

(338)

L-esportazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni żdiedu b’7 % matul il-perjodu kkunsidrat minn 57 356 tunnellata fl-2017 għal madwar 61 811-il tunnellata fil-perjodu ta’ investigazzjoni.

(339)

Il-prezz medju ta’ dawn l-esportazzjonijiet l-ewwel żdied b’4 % fl-2018 qabel ma naqas progressivament għal livell aktar baxx milli fl-2017 (-3 %) fil-PI. Il-prezz medju ta’ dawn l-esportazzjonijiet baqa’ konsistentement ogħla mill-prezz li l-industrija tal-Unjoni setgħet tikseb fis-suq tal-UE.

(340)

Fid-dawl tal-livelli tal-prezzijiet tal-esportazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni lejn pajjiżi terzi, il-Kummissjoni provviżorjament ikkonkludiet li l-prestazzjoni tal-esportazzjoni ma kkontribwietx għad-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

5.3.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(341)

Hemm rabta ċara bejn id-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni u ż-żieda fl-importazzjonijiet mir-RPĊ.

(342)

Il-Kummissjoni ddistingwiet u sseparat l-effetti tal-fatturi kollha magħrufa dwar is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni mill-effetti dannużi tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. L-ebda wieħed mill-fatturi ma kkontribwixxa, waħdu jew f’kombinazzjoni, għall-iżviluppi negattivi tal-indikaturi tad-dannu osservati fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(343)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet f’dan l-istadju li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat ikkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni u li l-fatturi l-oħra, meqjusa individwalment jew kollettivament, ma naqqsux ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u d-dannu materjali.

6.   INTERESS TAL-UNJONI

6.1.   Interess tal-industrija u tal-fornituri tal-Unjoni

(344)

Hemm ħdax-il grupp magħruf ta’ kumpaniji li jipproduċu l-ACF fl-Unjoni. L-industrija tal-Unjoni timpjega aktar minn 2 000 ħaddiem direttament b’ħafna aktar jiddependu fuqha indirettament. Il-produtturi huma mifruxa b’mod wiesa’ madwar l-Unjoni.

(345)

In-nuqqas ta’ miżuri huwa probabbli li jkollu effett negattiv sinifikanti fuq l-industrija tal-Unjoni f’termini ta’ aktar soppressjoni tal-prezzijiet, inqas bejgħ u aktar deterjorament tal-profittabilità. Il-miżuri se jippermettu lill-industrija tal-Unjoni tilħaq il-potenzjal tagħha fis-suq tal-Unjoni, tirkupra s-sehem mis-suq mitluf, u ttejjeb il-profittabilità għal livelli mistennija f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni.

(346)

Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-impożizzjoni ta’ miżuri hija fl-interess tal-industrija tal-Unjoni u l-fornituri upstream tagħha.

6.2.   L-interess tal-utenti

(347)

Kif imsemmi fil-premessa (36), disa’ utenti li jirrappreżentaw l-industrija flessibbli tal-imballaġġ kif ukoll l-industrija tal-materjal tal-kostruzzjoni wieġbu għall-kwestjonarju. Id-disa’ kumpaniji jammontaw għal madwar 27 % tal-importazzjonijiet Ċiniżi matul il-PI. Żewġ utenti oħra pprovdew kummenti, iżda ma pprovdewx tweġibiet għall-kwestjonarju. Abbażi ta’ dawn it-tweġibiet, il-Kummissjoni ma sabitx dipendenza sinifikanti fuq l-ACF importat mir-RPĊ. Għall-biċċa l-kbira tal-utenti li kkooperaw, l-ACF mir-RPĊ kienu jirrappreżentaw bejn żero u 7 % tal-kostijiet tal-produzzjoni tal-prodotti li kienu jikkonsmaw l-ACF. L-eċċezzjoni għal dan kienet żewġ utenti (wieħed fis-settur tal-kostruzzjoni u l-ieħor fis-settur tal-imballaġġ), li jimportaw [80 - 95] % u [85 - 100] % tal-ACF tagħhom mir-RPĊ, li jirrappreżentaw, rispettivament, [15 - 25]% u [20 - 30]% tal-kost tagħhom tal-produzzjoni rilevanti. F’dan l-istadju tal-investigazzjoni, it-tweġibiet tagħhom fihom diskrepanzi fl-informazzjoni pprovduta u l-kapaċità tagħhom li jgħaddu jew li jassorbu l-kostijiet addizzjonali ma tistax tiġi vvalutata b’mod affidabbli. Dan l-aspett se jiġi investigat aktar.

(348)

Erba’ utenti argumentaw li l-produtturi tal-Unjoni ma setgħux jipprovdu ACF tal-istess kwalità bħall-produtturi Ċiniżi minħabba nuqqas ta’ investiment f’makkinarju ġdid u tagħmir ta’ kontroll tal-kwalità in-line. Filwaqt li huwa minnu li l-produtturi tal-Unjoni b’mod ġenerali għandhom firxa ta’ magni aktar antiki mill-produtturi Ċiniżi, il-produtturi tal-Unjoni għamlu investimenti u japplikaw bl-istess mod għodod ta’ detezzjoni tal-kwalità in-line. Kif juru ċ-ċifri tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, il-produtturi tal-Unjoni jistgħu wkoll jikkompetu b’suċċess fi swieq ta’ pajjiżi terzi, u dan juri li l-prodott tagħhom ġeneralment mhuwiex inferjuri meta mqabbel mal-istandard globali. Filwaqt li xi mexxejja Ċiniżi tas-suq għandhom faċilitajiet li kapaċi jipproduċu prodott ta’ kwalità għolja b’mod effiċjenti, l-analiżi tal-kwalità pprovduta minn utent uriet li dan ma huwiex minnu għall-industrija tal-ACF kollha fir-RPĊ u għall-produtturi esportaturi kollha tagħha.

(349)

Tliet utenti argumentaw li l-produtturi tal-Unjoni ma jkunux jipprovdu wisgħat kbar jew tal-inqas ikollhom restrizzjonijiet fuq il-forniment għal dimensjonijiet speċifiċi. L-investigazzjoni sabet li l-produtturi tal-Unjoni setgħu jipprovdu l-wisgħat kollha mitluba mis-suq. Il-wisgħat speċifiċi jistgħu jkunu aktar kosteffiċjenti minn oħrajn, skont il-wisgħa massima tal-magna tal-irrumblar, li mbagħad tiġi riflessa fin-negozjati dwar il-prezzijiet, madankollu din hija prattika normali tan-negozju.

(350)

Tliet utenti argumentaw li l-produtturi tal-Unjoni ma jkunux kapaċi jipprovdu ACF ta’ gauge inqas minn 6 mikroni. Kif spjegat fil-premessa (50), il-Kummissjoni sabet li l-industrija tal-Unjoni mhux biss għandha kapaċità eżistenti u għamlet bejgħ kummerċjali f’dan is-settur, iżda li tinvesti wkoll fil-produzzjoni ta’ gaugeijiet taħt is-6 mikroni, li kien segment tas-suq li qed jiżviluppa b’konsum relattivament baxx matul il-PI.

(351)

Żewġ utenti argumentaw li d-dazji anti-dumping jikkawżaw interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista. Filwaqt li d-domanda massima f’sitwazzjonijiet speċifiċi tista’ tikkawża ħinijiet itwal ta’ stennija għall-materjal u l-produtturi Ċiniżi jista’ jkollhom aktar flessibbiltà finanzjarja għall-istokkijiet tal-materja prima, huwa importanti li jiġi nnotat li interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista mir-RPĊ jistgħu jseħħu wkoll, kif seħħ minħabba l-COVID 19, u dan jagħmel is-sopravivenza tal-produtturi tal-Unjoni fattur importanti għall-istabbiltà tal-provvista fl-Ewropa. Fi kwalunkwe każ, kif indikat fit-Tabella 6, hemm kapaċità ta’ produzzjoni żejda sostanzjali fl-Unjoni disponibbli għall-utenti.

(352)

Żewġ utenti argumentaw li d-dazji anti-dumping jipperikolaw il-kompetittività tal-industrija tal-konvertituri fis-suq tal-Unjoni, jikkompetu kontra produtturi minn pajjiżi barra l-Unjoni, billi ż-żidiet fil-kostijiet ma setgħux jingħaddew lill-klijenti tagħhom. Għalhekk, il-konvertituri Ewropej jistgħu jċaqilqu l-produzzjoni ’lbarra mill-Unjoni. Madankollu, ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza speċifika dwar l-inkapaċità l-kostijiet addizzjonali jgħaddu lill-konvertituri.

(353)

Żewġ utenti argumentaw li d-dazji jmorru kontra l-għan Ewropew ta’ sostenibbiltà peress li l-użu ta’ ACF irqaq jgħin biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Madankollu, filwaqt li l-Kummissjoni diġà kkonkludiet hawn fuq (ara l-premessa (50)) li l-industrija tal-Unjoni tinsab perfettament fil-pożizzjoni biex tipproduċi ACF irqaq, jenħtieġ li jiġi nnotat li l-Unjoni Ewropea ma tistax tibni politika ekoloġika sostenibbli, li tinkludi materjali ta’ iżolament aktar ekoloġiċi għall-kostruzzjoni, fuq l-importazzjonijiet mir-RPĊ li huma l-oġġett ta’ dumping konsiderevoli u ta’ dannu serju.

(354)

Utent minnhom argumenta li d-dazji joħolqu distorsjoni fis-suq billi tnejn mill-akbar produtturi tal-ACF, li huma wkoll konvertituri, ikollhom konsum kaptiv akbar minn 70 % tal-produzzjoni tagħhom. Fid-dawl tan-numru ta’ produtturi tal-Unjoni, huwa improbabbli ħafna li l-konsum kaptiv ta’ żewġ produtturi tal-ACF integrati, li huma wkoll konvertituri, joħloq distorsjoni tas-suq. Barra minn hekk, hemm kapaċità żejda sinifikanti ta’ ACF disponibbli fl-UE. Fl-aħħar nett, in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping għal din ir-raġuni jkun ifisser li jiġi ffavorit mudell ta’ negozju wieħed (produzzjoni mhux integrata) fuq l-ieħor.

(355)

Utent minnhom argumenta li minflok ma jimponi dazji anti-dumping, l-għajnuna mill-Istat tista’ tiġi offruta lill-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni nnotat li l-għajnuna finanzjarja, madankollu, ma hijiex l-istrument xieraq għall-indirizzar ta’ dumping dannuż.

(356)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma hemm l-ebda interess uniformi tal-utenti la favur u lanqas kontra l-impożizzjoni tal-miżuri. Dawk l-utenti, li argumentaw kontra l-impożizzjoni tal-miżuri, u b’mod partikolari t-tnejn imsemmija fil-premessa (339), jistgħu jiffaċċjaw ċerti konsegwenzi negattivi.

6.3.   L-interessi tal-importaturi

(357)

Konsorzju ta’ ħames importaturi mhux relatati pprovda kummenti dwar il-bidu. Madankollu, importatur wieħed biss mhux relatat, li jirrappreżenta [15 – 25 %] tal-importazzjonijiet mir-RPĊ, issottometta tweġiba għall-kwestjonarju tal-importaturi. F’dan l-istadju tal-investigazzjoni, it-tweġiba tagħha fiha diskrepanzi fl-informazzjoni pprovduta u l-kapaċità tagħha li tgħaddi jew li tassorbi l-kostijiet addizzjonali ma tistax tiġi vvalutata b’mod affidabbli. Dan l-aspett se jiġi investigat aktar.

(358)

Il-konsorzju argumenta li l-produtturi tal-Unjoni ma jistgħux jimmanifatturaw l-ispettru sħiħ tal-ACF fil-kwalità u fil-volum meħtieġa minħabba restrizzjonijiet tekniċi li joriġinaw minn nuqqas ta’ integrazzjoni vertikali tal-biċċa l-kbira tal-produtturi tal-Unjoni. Dan jikkawża kostijiet ogħla tal-produzzjoni, kwalità aktar baxxa, dipendenza fuq is-suq tal-materja prima (l-istokk tal-foil) u ħinijiet ta’ stennija itwal minħabba katina tal-provvista itwal. Huma sostnew ukoll li nuqqas ta’ investiment, speċjalment f’sistemi ta’ detezzjoni in-line, wassal għal problemi ta’ kwalità. Għalhekk, il-konsorzju jistenna nuqqas ta’ provvista, speċjalment għal ACF b’gauge irqiq, jekk jiġu imposti miżuri. Dan, flimkien ma’ prezzijiet ogħla, jimmina l-kompetittività tal-konvertituri (tal-utenti) tal-Unjoni.

(359)

Kif diskuss fit-Taqsima4.6.2.1, l-industrija tal-Unjoni tidher li għandha biżżejjed kapaċità żejda, anke meta jitqies il-livell għoli ta’ użu kaptiv ta’ żewġ produtturi kbar tal-Unjoni. Kuntrarju għall-pretensjoni tal-konsorzju ta’ importaturi, saru investimenti fil-kontroll tal-kwalità in-line u d-data ma turix b’mod konsistenti kwalità ogħla tal-ACF Ċiniż.

(360)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet f’dan l-istadju li l-impożizzjoni ta’ miżuri mhux neċessarjament tkun fl-interess tal-importaturi. Madankollu, hija vvalutat ukoll l-effetti probabbli tagħhom meta qabblet l-interessi differenti inkwistjoni (ara t-Taqsima 6.4).

6.4.   Ibbilanċjar tal-interessi konkorrenti

(361)

F’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni vvalutat l-interessi konkorrenti u tat kunsiderazzjoni speċjali lill-ħtieġa li jiġu eliminati l-effetti distorsivi tal-kummerċ tad-dumping dannuż u li tiġi rrestawrata l-kompetizzjoni effettiva.

(362)

F’dak li għandu x’jaqsam maż-żieda fil-prezzijiet, l-investigazzjoni żvelat li l-prezzijiet Ċiniżi kienu qed iwaqqgħu l-prezzijiet tal-Unjoni b’medja ta’ 10,8 % u li t-trażżin tal-prezzijiet wassal għal deterjorament fis-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Jekk il-prezzijiet jerġgħu jogħlew għal livelli sostenibbli, il-Kummissjoni kkunsidrat li tali żieda tkun limitata fid-dawl tal-livell ta’ kompetizzjoni fis-suq tal-Unjoni. Kif diġà ssemma fit-Taqsima 4.6.2.1, l-industrija tal-Unjoni għandha biżżejjed kapaċità żejda. Għaldaqstant, l-effett negattiv fuq l-utenti jibqa’ wkoll limitat. L-ebda wieħed mill-argumenti speċifiċi mqajma mill-utenti u mill-importaturi u diskussi fil-premessi (340) sa (348) u (350) sa (351) ma jibdel din il-konklużjoni.

(363)

Meta vvalutat is-sinifikat tal-effetti negattivi għall-importaturi, il-Kummissjoni l-ewwel innotat li l-livell ta’ kooperazzjoni kien relattivament baxx peress li wieħed biss mill-ħames importaturi li kkooperaw ippreżenta tweġiba għall-kwestjonarju. Kif imsemmi fil-premessa (349), f’dan l-istadju tal-investigazzjoni huwa impossibbli li jiġi stabbilit jekk l-importatur ikunx kapaċi jassorbi ż-żieda fil-prezz, billi ma pprovdiex id-data rilevanti.

6.5.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(364)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni provviżorjament ikkonkludiet li ma kienx hemm raġunijiet konvinċenti biex tikkonkludi li ma huwiex fl-interess tal-Unjoni li timponi miżuri provviżorji fuq l-importazzjonijiet ta’ ACF li joriġinaw miċ-Ċina.

7.   LIVELL TAL-MIŻURI

(365)

Sabiex tiddetermina l-livell tal-miżuri, il-Kummissjoni eżaminat jekk dazju aktar baxx mill-marġni tad-dumping ikunx biżżejjed biex ineħħi d-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet oġġetti ta’ dumping lill-industrija tal-Unjoni.

(366)

F’dan il-każ, l-ilmentaturi sostnew l-eżistenza ta’ distorsjonijiet fil-materja prima fis-sens tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, sabiex titwettaq il-valutazzjoni fuq il-livell xieraq ta’ miżuri, il-Kummissjoni l-ewwel stabbiliet l-ammont ta’ dazju neċessarju biex jiġi eliminat id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni fin-nuqqas ta’ distorsjonijiet skont l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku. Imbagħad eżaminat jekk il-marġni tad-dumping tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun humiex se jkunu ogħla mill-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz tagħhom (ara l-premessa (380) hawn taħt).

7.1.   Marġni tad-dannu

(367)

Il-Kummissjoni l-ewwel stabbiliet l-ammont ta’ dazju neċessarju biex jiġi eliminat id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni fin-nuqqas ta’ distorsjonijiet skont l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku. F’dan il-każ, id-dannu jiġi eliminat jekk l-industrija tal-Unjoni tkun kapaċi tkopri l-kostijiet tal-produzzjoni tagħha, inklużi dawk il-kostijiet li “li jirriżultaw mill-Ftehimiet Ambjentali Multilaterali u l-protokolli tagħhom, li għalihom l-Unjoni hija parti, jew mill-Konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) elenkati fl-Anness Ia” (l-Artikolu 7(2d) tar-Regolament bażiku), u biex tikseb profitt raġonevoli (“profitt fil-mira”).

(368)

F’konformità mal-Artikolu 7(2c) tar-Regolament bażiku, sabiex tistabbilixxi l-profitt fil-mira, il-Kummissjoni qieset il-fatturi li ġejjin:

—

il-livell ta’ profittabilità qabel iż-żieda fl-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat,

—

il-livell ta’ profittabilità meħtieġ biex jiġu koperti l-kostijiet u l-investimenti sħaħ, ir-riċerka u żvilupp (R&Ż) u l-innovazzjoni, u

—

il-livell ta’ profittabilità mistenni f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni.

(369)

Dan il-marġni ta’ profitt jenħtieġ li ma jkunx inqas minn 6 %.

(370)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, kumpanija waħda biss inkluża fil-kampjun setgħet tikseb profitt ogħla minn 6 % fl-2017. Iż-żewġ kumpaniji l-oħrajn inklużi fil-kampjun, li flimkien irrappreżentaw [65 – 85%] tal-bejgħ tal-kumpaniji kollha inklużi fil-kampjun fl-Unjoni, kienu qed jagħmlu telf matul il-perjodu kollu kkunsidrat. Il-marġni ta’ profitt konsolidat tal-industrija tal-Unjoni, meta jitqies l-ogħla marġni ta’ profitt ta’ kull kumpanija inkluża fil-kampjun matul il-perjodu kkunsidrat, kien wieħed ta’ telf ta’ 1 %.

(371)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-marġni ta’ profitt ġie stabbilit għal 6 % f’konformità mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 7(2c).

(372)

F’konformità mal-Artikolu 7(2d) tar-Regolament bażiku, bħala pass finali, il-Kummissjoni vvalutat il-kostijiet futuri li jirriżultaw minn Ftehimiet Ambjentali Multilaterali, u l-protokolli taħthom, li għalihom l-Unjoni hija parti, u mill-Konvenzjonijiet tal-ILO elenkati fl-Anness Ia tar-Regolament bażiku li l-industrija tal-Unjoni se ġġarrab matul il-perjodu tal-applikazzjoni tal-miżura skont l-Artikolu 11(2). Il-Kummissjoni stabbiliet kost addizzjonali li jvarja minn madwar EUR 9,93 sa EUR 15,64/tunnellata li ġie miżjud mal-prezz mhux dannuż għall-produtturi tal-Unjoni kkonċernati inklużi fil-kampjun. Nota għall-fajl dwar kif il-Kummissjoni stabbiliet dan il-kost addizzjonali tinsab fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati.

(373)

Dawn il-kostijiet kienu jinkludu l-kostijiet futuri addizzjonali sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet (EU ETS). L-EU ETS hija pedament tal-politika tal-UE għall-konformità mal-Ftehimiet Ambjentali Multilaterali. Dawn il-kostijiet addizzjonali ġew ikkalkolati abbażi tal-medja tal-Kwoti Ġenerali (EUA) addizzjonali li se jkollhom jinxtraw matul il-perjodu tal-applikazzjoni tal-miżuri (mill-2021 sal-2025). L-EUAs użati fil-kalkolu kienu netti mill-kwoti bla ħlas riċevibbli u ġew aġġustati biex jiġi żgurat li kienu relatati biss mal-prodott simili. Il-kostijiet addizzjonali qiesu wkoll il-kostijiet indiretti tas-CO2 li jirriżultaw minn żieda fil-prezzijiet tal-elettriku matul il-perjodu 2021-2025 marbuta mal-EU ETS. Tali kostijiet indiretti tas-CO2 kienu bbażati wkoll fuq l-EUA u netti minn kwalunkwe kumpens riċevut mill-awtoritajiet nazzjonali.

(374)

Il-kostijiet tal-EUAs ġew estrapolati sabiex titqies il-varjazzjoni mistennija fil-prezzijiet matul il-ħajja tal-miżuri. Is-sors ta’ dawn il-prezzijiet proġettati hija estrazzjoni minn Bloomberg New Energy Finance bid-data tat-2 ta’ Marzu 2021. Il-prezz medju proġettat għall-EUAs għal dan il-perjodu huwa ta’ EUR 35,50/tunnellata ta’ emissjonijiet ta’ CO2.

(375)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkalkolat prezz mhux dannuż tal-prodott simili għall-industrija tal-Unjoni.

(376)

Imbagħad il-Kummissjoni ddeterminat il-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu abbażi ta’ tqabbil tal-prezz medju ponderat tal-importazzjoni tal-produtturi esportaturi li kkooperaw, kif stabbilit għall-kalkoli ta’ twaqqigħ tal-prezz, mal-prezz medju ponderat mhux dannuż tal-prodott simili mibjugħ mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Kwalunkwe differenza li tirriżulta minn dan it-tqabbil ġiet espressa bħala perċentwal tal-valur CIF medju ponderat tal-importazzjoni.

(377)

F’termini tal-marġni residwu, meta jiġi kkunsidrat li l-kooperazzjoni tal-esportaturi Ċiniżi kienet għolja, u kunsiderazzjonijiet oħrajn spjegati fil-premessa (289) hawn fuq, il-Kummissjoni stabbiliet il-marġni residwu fil-livell tal-ogħla marġni tal-bejgħ taħt il-prezz stabbilit għat-tipi ta’ prodotti mibjugħa fi kwantitajiet rappreżentattivi, fuq il-bażi tad-data tal-produtturi esportaturi li kkooperaw. Il-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz residwu kkalkolat b’dan il-mod ġie stabbilit f’livell ta’ 29,1 %.

(378)

Ir-riżultat ta’ dawn il-kalkoli jidher fit-tabella ta’ hawn taħt.

Kumpanija

Marġni tad-dumping

Marġni tad-dannu

Dazju anti-dumping provviżorju

Jiangsu Zhongji Lamination Materials Co., Ltd.

81,5  %

29,1  %

29,1  %

Xiamen Xiashun Aluminium Foil Co., Ltd

16,1  %

16,0  %

16,0  %

Yantai Donghai Aluminium Foil Co., Ltd.

98,9  %

25,2  %

25,2  %

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

69,6  %

24,2  %

24,2  %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

98,9  %

29,1  %

29,1  %

7.2.   Id-distorsjonijiet fil-materja prima

(379)

Kif spjegat fin-Notifika ta’ Bidu, l-ilmentatur ipprovda biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni li fil-pajjiż ikkonċernat hemm distorsjonijiet fil-materja prima rigward il-prodott investigat. Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, din l-investigazzjoni eżaminat id-distorsjonijiet allegati biex tivvaluta, jekk rilevanti, jekk dazju inferjuri għall-marġni tad-dumping ikunx biżżejjed biex jelimina d-dannu.

(380)

L-ilmentatur allega li fir-RPĊ, waħda mill-materji primi użata biex jiġi mmanifatturat il-prodott ikkonċernat kienet soġġetta għal taxxa tal-esportazzjoni u għalhekk, kienet distorta. Il-materja prima distorta kienet ingotti tal-aluminju, li skont l-ilmentatur kienet tammonta għal aktar minn 17 % tal-kost tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat.

(381)

L-investigazzjoni kkonfermat li fil-PI, ir-RPĊ kellha taxxa tal-esportazzjoni fuq l-ingotti tal-aluminju. Din it-taxxa tammonta għal 15 % tal-prezz tal-esportazzjoni tal-ingotti. Għalhekk, il-Kummissjoni ikkonkludiet li din il-miżura taqa’ taħt il-lista ta’ miżuri li jwasslu għal distorsjoni tal-materja prima fis-sens tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku.

(382)

Il-Kummissjoni kkonfermat li l-ingotti tal-aluminju kienu jammontaw għal aktar minn 17 % tal-kost tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat. Il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk il-prezz ta’ din il-materja prima kienx ferm aktar baxx meta mqabbel mal-prezzijiet fis-swieq internazzjonali rappreżentattivi, f’konformità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 7(2a). Għall-fini ta’ dan it-tqabbil, il-Kummissjoni użat provviżorjament il-prezz ta’ riferiment stabbilit biex tikkalkula l-valur normali, jiġifieri l-prezz tal-importazzjoni tal-ingotti tal-aluminju fit-Turkija kif indikat fit-Tabella 2 fil-premessa (208), peress li f’dan il-każ dan il-prezz tqies ukoll li jikkostitwixxi prezz ta’ swieq internazzjonali rappreżentattivi. Il-Kummissjoni qabblet il-prezz ta’ riferiment stabbilit mal-prezz tal-ingotti tal-aluminju effettivament imħallas mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, u stabbiliet fuq din il-bażi li l-prezz tax-xiri ta’ din il-materja prima fir-RPĊ mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun ma kienx ferm taħt il-prezz ta’ riferiment stabbilit fil-pajjiż rappreżentattiv, jiġifieri f’medda ta’ [0% - 5%] bħala medja. L-evidenza fil-fajl uriet ukoll li l-prezzijiet domestiċi għall-ingotti tal-aluminju varjaw ’il fuq u ’l isfel mill-prezzijiet internazzjonali.

(383)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet provviżorjament li l-prezz tal-ingotti tal-aluminju ma kienx ferm aktar baxx meta mqabbel mal-prezzijiet fis-swieq internazzjonali rappreżentattivi. Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat f’dan l-istadju li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku ma ġewx issodisfati u b’riżultat ta’ dan id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(2) kienu applikabbli biex jiġi stabbilit il-livell tad-dazju provviżorju.

8.   MIŻURI PROVVIŻORJI ANTI-DUMPING

(384)

Abbażi tal-konklużjonijiet milħuqa mill-Kummissjoni dwar id-dumping, id-dannu, il-kawżalità, l-interess tal-Unjoni u l-livell ta’ miżuri, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri provviżorji biex jiġi evitat aktar dannu lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet oġġetti ta’ dumping.

(385)

Jenħtieġ li jiġu imposti miżuri anti-dumping provviżorji fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-ACF li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, f’konformità mar-regola tad-dazju inferjuri fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku wara l-konklużjoni provviżorja fil-premessa (383) dwar l-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku.

(386)

Il-Kummissjoni qabblet il-marġnijiet tal-bejgħ taħt il-prezz u l-marġnijiet tad-dumping (il-premessa (377) aktar ’il fuq). L-ammont tad-dazji ġie stabbilit fil-livell l-aktar baxx tal-marġnijiet tad-dumping u tal-bejgħ taħt il-prezz.

(387)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, ir-rati tad-dazju anti-dumping provviżorji, espressi skont il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, jenħtieġ li jkunu kif ġej:

Kumpanija

Dazju anti-dumping provviżorju

Jiangsu Zhongji Lamination Materials Co., Ltd.

29,1  %

Xiamen Xiashun Aluminium Foil Co., Ltd

16,0  %

Yantai Donghai Aluminium Foil Co., Ltd.

25,2  %

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

24,2  %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

29,1  %

(388)

Ir-rati tad-dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, huma kienu jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati tad-dazju huma esklużivament applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat u mmanifatturati mill-entitajiet legali msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat manifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija b’mod speċifiku fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija b’mod speċifiku, jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”. Dawn jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għal xi rata individwali tad-dazju anti-dumping.

(389)

Sabiex jiġu mminimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza fir-rati tad-dazju, hemm bżonn ta’ miżuri speċjali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dazji anti-dumping individwali. Il-kumpaniji b’dazji anti-dumping individwali jeħtiġilhom jippreżentaw fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 1(4) ta’ dan ir-Regolament. Importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati minn dik il-fattura jenħtieġ li jkunu soġġetti għad-dazju anti-dumping applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

(390)

Filwaqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija meħtieġa sabiex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali fuq l-importazzjonijiet, hija mhijiex l-uniku element li jrid jitqies mill-awtoritajiet doganali. Tabilħaqq, anki jekk jiġu ppreżentati b’fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(4) ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jridu jwettqu l-verifiki tas-soltu tagħhom u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħra kollha, jitolbu dokumenti addizzjonali (dokumenti tat-trasport, eċċ.) sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jkun hemm fid-dikjarazzjoni u biex jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tar-rata tad-dazju aktar baxxa tkun ġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali.

(391)

Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati tad-dazju individwali aktar baxxi jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, tali żieda fil-volum tista’ tiġi kkunsidrata bħala waħda li minnha nnifisha tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’ċirkostanzi bħal dawn u dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet, tista’ tinbeda investigazzjoni antiċirkomvenzjoni. Din l-investigazzjoni tista’, inter alia, teżamina l-ħtieġa għat-tneħħija ta’ rata/i tad-dazju individwali u l-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju għall-pajjiż kollu.

(392)

Biex jiġi żgurat infurzar xieraq tad-dazji anti-dumping, id-dazju anti-dumping għall-kumpaniji l-oħra kollha jenħtieġ li japplika mhux biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f’din l-investigazzjoni, iżda wkoll għall-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet esportawx lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

9.   INFORMAZZJONI FL-ISTADJU PROVVIŻORJU

(393)

F’konformità mal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati dwar l-impożizzjoni ppjanata ta’ dazji provviżorji. Din l-informazzjoni saret disponibbli wkoll għall-pubbliku ġenerali fuq is-sit web tad-DĠ TRADE. Il-partijiet interessati ngħataw tlett ijiem ta’ xogħol biex jipprovdu kummenti dwar l-akkuratezza tal-kalkoli żvelati speċifikament lilhom.

(394)

Wara l-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni, waslu kummenti mingħand żewġ produtturi esportaturi (Xiamen u Donghai) kif ukoll mingħand utent wieħed (Manreal). L-ebda wieħed minnhom ma kien marbut ma’ żbalji klerikali, għaldaqstant ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ qabel id-divulgazzjoni.

10.   DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

(395)

Fl-interessi ta’ amministrazzjoni tajba, il-Kummissjoni se tistieden lill-partijiet interessati sabiex iressqu kummenti bil-miktub u/jew jitolbu seduta mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċeduri kummerċjali fi żmien skadenza fissa.

(396)

Il-konklużjonijiet li jikkonċernaw l-impożizzjoni ta’ dazji provviżorji huma provviżorji u jistgħu jiġu emendati fl-istadju definittiv tal-investigazzjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju anti-dumping provviżorju huwa impost fuq importazzjonijiet ta’ foil tal-aluminju għall-modifikazzjoni bi ħxuna ta’ inqas minn 0,021 mm, mingħajr rinforz, mhux maħdum aktar ħlief irrumblat, f’rombli ta’ piż li jaqbeż l-10 kg, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 7607 11 19 (il-kodiċijiet TARIC 7607111960 u 7607111991) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   Il-prodotti li ġejjin għandhom jiġu esklużi mill-prodott deskritt fil-paragrafu 1:

—

Il-foil tal-aluminju għal użu domestiku ta’ ħxuna ta’ mhux inqas minn 0,008 mm u ta’mhux aktar minn 0,018 mm, mingħajr rinforz, mhux maħdum aktar ħlief irrumblat, f’rombli mhux usa’ minn 650 mm u ta’ piż li jaqbeż l-10 kg.

—

Il-foil tal-aluminju għal użu domestiku ta’ ħxuna ta’ mhux anqas 0,007 mm iżda anqas minn 0,008 mm, indipendentement mill-wisa’ tar-rombli, kemm jekk ittemprat u kemm jekk mhux.

—

Il-foil tal-aluminju għal użu domestiku ta’ ħxuna ta’ mhux anqas minn 0,008 mm u ta’mhux aktar minn 0,018 mm, f’rombli usa’ minn 650 mm, kemm jekk ittemprat u kemm jekk mhux.

—

Il-foil tal-aluminju għal użu domestiku ta’ ħxuna ta’ mhux aktar 0,018 mm u anqas minn 0,021 mm, indipendentement mill-wisa’ tar-rombli, kemm jekk ittemprat u kemm jekk mhux.

3.   Ir-rati tad-dazju anti-dumping provviżorju applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u manifatturat mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, għandhom ikunu kif ġej:

Kumpanija

Dazju anti-dumping provviżorju (%)

Kodiċi addizzjonali TARIC

Jiangsu Zhongji Lamination Materials Co., Ltd.

29,1  %

C686

Xiamen Xiashun Aluminium Foil Co., Ltd.

16,0  %

C687

Yantai Donghai Aluminium Foil Co., Ltd.

25,2  %

C688

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw (Anness)

24,2  %

 

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

29,1  %

C999

4.   L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 3 għandha tkun kondizzjonali fuq il-preżentazzjoni ta’ fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha għandu jkun hemm dikjarazzjoni datata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ din il-fattura, identifikat b’ismu/isimha u l-kariga, abbozzata kif ġej: “Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li l-(volum) tal-(prodott ikkonċernat) mibjugħ sabiex jiġi esportat lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (isem u indirizz tal-kumpanija) (kodiċi addizzjonali TARIC) fi [pajjiż ikkonċernat]. Jiena niddikjara li l-informazzjoni mogħtija f’din il-fattura hija sħiħa u korretta.” Jekk ma tiġix ippreżentata fattura bħal din, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.

5.   Ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni tal-prodott imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun soġġett għall-għoti ta’ depożitu ta’ garanzija ekwivalenti għall-ammont tad-dazju provviżorju.

6.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

1.   Il-partijiet interessati għandhom jippreżentaw il-kummenti bil-miktub tagħhom lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum tal-kalendarju mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-partijiet interessati li jixtiequ seduta mal-Kummissjoni għandhom jagħmlu dan fi żmien ħamest (5) ijiem kalendarji mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

3.   Il-partijiet interessati li jixtiequ jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali huma mistiedna jagħmlu dan fi żmien 5 ijiem tal-kalendarju mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. L-Uffiċjal tas-Seduta għandu jeżamina t-talbiet ippreżentati barra dan il-limitu taż-żmien u jista’ jiddeċiedi dwar jekk l-aċċettazzjoni tagħhom tkunx xieraq.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1 għandu japplika għal perjodu ta’ sitt xhur.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Notifika ta’ Bidu ta’ proċediment anti-dumping dwar l-importazzjonijiet ta’ foil tal-aluminju għall-modifikazzjoni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ĠU C352 I, 22.10.2020, p.1.

(3)  Ara r-Rettifika tan-Notifika ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping dwar l-importazzjonijiet ta’

foil tal-aluminju għall-modifikazzjoni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ĠU C 398, 23.11.2020, p.32.

(4)  https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2487

(5)  Avviż dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji ĠU C 86/6, 16.3.2020.

(6)  Verżjoni konsolidata tal-ilment, p. 13.

(7)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ, l-20 ta’ Diċembru 2017, SWD(2017) 483 final/2.

(8)  OECD (2019), “Measuring distortions in international markets: the aluminium value chain”, OECD Trade Policy Papers, Nru. 218, OECD Publishing, Paris, https://doi.org/10.1787/c82911ab-en (ikkonsultat l-aħħar fit-03/09/2020).

(9)  Think!Desk China Consulting & Research, Rapport Finali – Analysis of Market Distortions in the Chinese Non- Ferreous Metal Industry, l-24 ta’ April 2017 (Anness 2A.6 tal-Ilment).

(10)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/915 tal-4 ta’ Ġunju 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu foil tal-aluminju f’rombli li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 146, 5.6.2019, p. 63.

(11)  Certain Aluminium Foil from the People’s Republic of China: Amended Final Affirmative

Countervailing Duty Determination and Countervailing Duty Order, 83 Fed. Reg. 17,360 (Dep’t Comm, Apr. 19, 2018) (ara l-Anness 2A.2 tal-Ilment)

(12)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 2, p. 6-7.

(13)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 2, p. 10.

(14)  Disponibbli fuq http://www.fdi.gov.cn/1800000121_39_4866_0_7.html (ikkonsultat l-aħħar fit-8 ta’ Settembru 2020).

(15)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 2, p. 20-21.

(16)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 3, p. 41, 73-74.

(17)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 6, p. 120-121.

(18)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 6. p. 122 -135.

(19)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 7, p. 167-168.

(20)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 8, p. 169-170, 200-201.

(21)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 2, p. 15-16, ir-Rapport – il-Kapitolu 4, p. 50, p. 84, ir-Rapport – il-Kapitolu 5, p. 108-9.

(22)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 3, p. 22-24 u l-Kapitolu 5, p. 97-108.

(23)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 5, p. 104-9.

(24)  Studju tal-OECD, p. 29.

(25)  Ara p.51 tar-Rapport WV Metalle.

(26)  Australian Anti-Dumping Commission, Aluminium Extrusions from China, REP 248, p. 79 (it-13 ta’ Lulju 2015).

(27)  Ara pereżempju rapport li jikkonċerna n-nuqqas tal-gvern provinċjali ta’ Shandong li jrażżan l-espansjoni tal-kapaċità tal-aluminju: https://mp.weixin.qq.com/s?__biz=MzI2OTUyMzA0Nw==&mid=2247494318&idx=1&sn=9690ca50845c19f38eafff659516817a&chksm=eaddaba6ddaa22b071a5e2588aa787ed6f6a1a964ccae55c4d85c6f7ccbfcb5cedd3cdceac9d&scene=0&pass_ticket=JFplYZoDqNTFmOPYUGJbMwF0XlC1N3hAJ3EYPpsKx6rkt4fSeZ4TwIvB5BffX4du#rd (ikkonsultat fis-7 ta’ Settembru 2020).

(28)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 15, p. 387-388.

(29)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 5, p. 100-1.

(30)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 2, p. 26

(31)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 2, p. 31-2.

(32)  Disponibbli fuq https://www.reuters.com/article/us-china-congress-companies-idUSKCN1B40JU (ikkonsultat l-aħħar fid-9 ta’ Settembru 2020).

(33)  Disponibbli fuq www.gov.cn/zhengce/2020-09/15/content_5543685.htm (ikkonsultat l-aħħar fl-10 ta’ Marzu 2021).

(34)  Financial Times (2020) “Chinese Communist Party asserts greater control over private enterprise”, disponibbli fuq: https://on.ft.com/3mYxP4j

(35)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/915 tal-4 ta’ Ġunju 2019, ĠU L 146, 5.6.2019, p. 63.

(36)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 15, p. 388.

(37)  http://www.chalco.com.cn/chalcoen/rootfiles/2018/04/19/1524095189602052-1524095189604257.pdf, (ikkonsultat fit-8 ta’ Marzu 2019).

(38)  http://act.chinatt315.org.cn/hy/tthy/2014/0906/13763.html

(39)  Ir-Rapport – il-Kapitoli 14.1 sa 14.3.

(40)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 4, p. 41-42, 83.

(41)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/915 tal-4 ta’ Ġunju 2019, ĠU L 146, 5.6.2019, p. 63

(42)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/546 tad-29 ta’ Marzu 2021, ĠUL 109, 30.3.2021, p. 1.

(43)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/582 tad-9 ta’ April 2021, ĠU L 124, 12.4.2021, p. 40.

(44)  It-13-il Pjan ta’ Ħames Snin għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (2016-2020), http://en.ndrc.gov.cn/newsrelease/201612/P020161207645765233498.pdf.

(45)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 15, p. 377.

(46)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 12, p. 275-282 u l-Kapitolu 15, p. 378-382.

(47)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 12, p. 275 - 282

(48)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 15, p. 378-382, 390.

(49)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 15, p. 384-385.

(50)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 15, p. 382-383.

(51)  Ara http://www.gov.cn/zhengce/content/2016-06/16/content_5082726.htm (ikkonsultat fl-20 ta’ Lulju 2020)

(52)  Ibid, Taqsima 3

(53)  Ibid, Taqsima 4

(54)  Ara: http://gxt.shandong.gov.cn/art/2018/11/6/art_15681_3450015.html (ikkonsultat fl-20 ta’ Lulju 2020), Taqsima 13

(55)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 15, p. 386.

(56)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 15, pp. 390 – 391. Il-provvista tal-elettriku bi prezz skontat hija rrapportata wkoll minn sorsi oħra. Ara pereżempju: Economic Information Daily: Tħassib dwar it-tnaqqis fir-ritmu tat-tkabbir, min-naħa tar-reġjun tal-Punent li joħroġ politiki preferenzjali biex jappoġġa l-industriji b’konsum għoli tal-enerġija http://jjckb.xinhuanet.com/2012-07/24/content_389459.htm (ikkonsultat fl-4 ta’ Settembru 2020), li jirrapporta dwar kif il-provinċji Ċiniżi tal-Punent, bħal Shaanxi, Ningxia, Qinghai u Gansu, komplew jipprovdu l-elettriku bi prezz irħis biex jattiraw aktar investimenti.

(57)  Ara: http://www.gov.cn/zhengce/content/2016-06/16/content_5082726.htm, Taqsima 10

(58)  Ara: https://finance.sina.com.cn/money/future/indu/2019-11-26/doc-iihnzahi3508583.shtml (ikkonsultat fl-20 ta’ Lulju 2020)

(59)  Ara: http://gxt.shandong.gov.cn/art/2018/11/6/art_15681_3450015.html, Taqsima 6

(60)  Ara http://www.chinania.org.cn/html/introduce/xiehuizhangcheng/ (ikkonsultat fil-21 ta’ Lulju 2020)

(61)  Ara: http://www.cnfa.net.cn/about/1546.aspx (ikkonsultat fil-21 ta’ Lulju 2020)

(62)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 15, pp. 377-387.

(63)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 15, p. 378 u 389; Studju tal-OECD, p. 25-26.

(64)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 15, pp. 392 – 393.

(65)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 15, pp. 393 – 394.

(66)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 15, pp. 395 – 396.

(67)  Ibid, p. 16, p. 30. Madankollu, l-awtoritajiet Ċiniżi jinterferixxu fir-rigward ta’ inputs oħrajn ukoll. Eżempju tipiku huwa l-faħam, fejn il-gvern għandu s-setgħa li jtaffi ż-żidiet fil-prezz tal-faħam. Ara: https://policycn.com/policy_ticker/coal-price-unlikely-to-jump-during-heating-season/?iframe=1&secret=c8uthafuthefra4e (ikkonsultat fl-4 ta’ Settembru 2020).

(68)  Ibid p. 16-18.

(69)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 6, p. 138-149.

(70)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 9, p. 216.

(71)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 9, p. 213-215.

(72)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 9, p. 209-211.

(73)  Decision Memorandum for the Preliminary Affirmative Determination: Countervailing Duty Investigation of certain Aluminium Foil from The People’s Republic of China, published by the International Trade Administration, Department of Commerce, fis-7 ta’ Awwissu 2017, IX.E. p. 30, disponibbli fuq https://enforcement.trade.gov/frn/summary/prc/2017-17113-1.pdf (ikkonsultat l-aħħar fil-11 ta’ Marzu 2019).

(74)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 13, p. 332-337.

(75)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 13, p. 336.

(76)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 13, p. 337-341.

(77)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 6, p. 114-117.

(78)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 6, p. 119.

(79)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 6, p. 120.

(80)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 6, p. 121-122, 126-128, 133-135.

(81)  Ara d-dokument uffiċjali tal-politika tal-Kummissjoni Regolatorja Bankarja u tal-Assigurazzjoni taċ-Ċina (“CBIRC”) tat-28 ta’ Awwissu 2020: Il-pjan ta’ azzjoni ta’ tliet snin għat-titjib tal-governanza korporattiva tas-setturi bankarji u tal-assigurazzjoni (2020-2022 ). http://www.cbirc.gov.cn/cn/view/pages/ItemDetail.html?docId=925393&itemId=928 (ikkonsultat l-aħħar fit-3 ta’ April 2021). Il-Pjan jagħti istruzzjonijiet biex “jiġi implimentat aktar l-ispirtu inkorporat fid-diskors ewlieni tas-Segretarju Ġenerali Xi Jinping dwar l-avvanz tar-riforma tal-governanza korporattiva tas-settur finanzjarju” . Barra minn hekk, it-taqsima II tal-Pjan għandha l-għan li tippromwovi l-integrazzjoni organika tat-tmexxija tal-Partit fil-governanza korporattiva: “ aħna għandna nagħmlu l-integrazzjoni tat-tmexxija tal-Partit fil-governanza korporattiva aktar sistematika, standardizzata u bbażata fuq il-proċedura […] Iridu jkunu ġew diskussi kwistjonijiet operattivi u ta’ ġestjoni ewlenin mill-Kumitat tal-Partit qabel ma jiġu deċiżi mill-Bord tad-Diretturi jew mill-maniġment superjuri.”

(82)  Ara In-Notifika dwar il-Metodu ta’ valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-banek kummerċjali tas-CBIRC, maħruġ fil-15 ta’ Diċembru 2020. http://jrs.mof.gov.cn/gongzuotongzhi/202101/t20210104_3638904.htm (ikkonsultat l-aħħar fit-12 ta’ April 2021).

(83)  Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-FMI “Resolving China’s Corporate Debt Problem”, ta’ Wojciech Maliszewski, Serkan Arslanalp, John Caparusso, José Garrido, Si Guo, Joong Shik Kang, W. Raphael Lam, T. Daniel Law, Wei Liao, Nadia Rendak, Philippe Wingender, Jiangyan, Ottubru 2016, WP/16/203

(84)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 6, p. 121-122, 126-128, 133-135.

(85)  Studju tal-OECD, p. 21.

(86)  Ara OECD (2019), OECD Economic Surveys: China 2019, OECD Publishing, Pariġi. p. 29. https://doi.org/10.1787/eco_surveys-chn-2019-en.

(87)  Ara: http://www.xinhuanet.com/fortune/2020-04/20/c_1125877816.htm (ikkonsultat l-aħħar fit-12 April 2021).

(88)  Ara s-sit web ta’ Xiamen: http://www.xiashun.com/about/awards.htm

(89)  Ara l-Avviż tal-2012 tal-Provinċja ta’ Fujian dwar l-iżvilupp tar-rikonoxximent tal-intrapriżi ewlenin tal-industrija Strateġika u Emerġenti, it-Taqsimiet II u VI: http://www.fjmtxh.com/NewsInfo.aspx?Id=11101

(90)   Data Miftuħa tal-Bank Dinji – Introjtu Medju Superjuri, https://data.worldbank.org/income-level/upper-middle-income.

(91)  https://dnb.onelogin.com/portal/ (https://globalfinancials.com/index-admin.html)

(92)  Il-kodiċi HS 7602 00.

(93)  Ir-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi, ĠU L 123, 19.5.2015, p. 33, kif emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/749 tal-24 ta’ Frar 2017 (ĠU L113, 29.04.2017, p.11).

(94)  Iċ-Ċirkolari Nru 46 tat-28 ta’ Lulju 2020, tas-Segretarjat Brażiljan tal-Kummerċ Barrani, http://www.in.gov.br/en/web/dou/-/circular-n-46-de-28- de-julho-de-2020-269159613

(95)  Ara r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/582 tad-9 ta’ April 2021 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-aluminju rrumblati ċatti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ĠU 2021 (L 124), p. 40–115, il-premessi 266-267.

(96)  Ara r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/546 tad-29 ta’ Marzu 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ estrużjonijiet tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, L109, p.1.

(97)  Profitt raġonevoli kellu jinkiseb mill-kumpaniji, jiġifieri l-kumpaniji li kienu qed jagħmlu t-telf jew li kellhom profitt baxx ħafna (qrib l-ekwilibriju) ġew esklużi mill-kunsiderazzjoni.

(98)  Ir-raba’ kumpanija magħżula b’mod provviżorju fit-Tieni Nota (Emek Kablo Sanayi Ve Ticaret Anonim Sirketi) fl-aħħar mill-aħħar instabet li ma kinitx qed tipproduċi estrużjonijiet tal-aluminju u għalhekk kienet eskluża mill-konsiderazzjoni.

(99)  Ara https://www.asastr.com/production-facilities/, http://www.cansan.com.tr/EN/Production/Extrusion/ u https://www.turkishexportal.com/PMS-Metal-Profile-Aluminum-Industry-Trade-Inc_SHC13B_3f52c050b5a442608328416c31ac84bd?lang=en għal aktar dettalji.

(100)  Il-Klassi 24.42 – Produzzjoni tal-Aluminju, li tkopri l-manifattura nofsha lesta tal-aluminju u l-produzzjoni tal-foil tat-tgeżwir tal-aluminju (ara https://ec.europa.eu/eurostat/documents/3859598/5902521/KS-RA-07-015-EN.PDF (p.156)) .

(101)  Ara https://www.who.int/director-general/speeches/detail/who-director-general-s-opening-remarks-at-the-media-briefing-on-covid-19---11-march-2020 (ikkonsultat l-aħħar fil-21 ta’ April 2021)

(102)  https://globalfinancials.com/index-admin.html

(103)  CRU International Ltd. hija kumpanija tar-riċerka dwar il-komoditajiet li toħroġ a.o. Data ta’ Monitoraġġ tal-Prodotti tal-Aluminju.

(104)  Inkella, il-kostijiet domestiċi jistgħu jintużaw, iżda sal-punt biss li jkunu stabbiliti pożittivament biex ma jkunux soġġetti għal distorsjoni, abbażi ta’ evidenza akkurata u xierqa.

(105)  http://www.gtis.com/gta/secure/default.cfm

(106)  Il-kostijiet lavorattivi huma disponibbli fuq http://www.turkstat.gov.tr/PreIstatistikTablo.do?istab_id=2088

(107)  Il-kategorija “metalli bażiċi” tinkludi l-aluminju taħt il-kodiċi C24.42.

(108)  https://data.tuik.gov.tr/Bulten/DownloadIstatistikselTablo?p=RQJc6lWaNMpivNV6h1MxkWk9ycHqk1cNqZM2UJkJfMUYAmenKIIz/lKzy74RY7Y2

(109)  Ara https://ec.europa.eu/eurostat/documents/3859598/5902521/KS-RA-07-015-EN.PDF, p.156; ara wkoll l-International Standard Industrial Classification of All Economic Activities tan-NU https://unstats.un.org/unsd/classifications/Econ/Download/In%20Text/ISIC_Rev_4_publication_English.pdf , p. 122-123.

(110)  https://data.tuik.gov.tr/Bulten/Index?p=Electricity-and-Natural-Gas-Period-I:-January-June,-2020-33647

(111)  Il-kodiċijiet TARIC 7607111960 u 7607111993 (li kien innumerat 7607111995 sas-17 ta’ Frar 2017).


ANNESS

Produtturi esportaturi li kkooperaw li ma humiex fil-kampjun

Pajjiż

Isem

Kodiċi TARIC addizzjonali

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Zhangjiagang Fineness Aluminum Foil Co., Ltd.

C689

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Kunshan Aluminium Co., Ltd.

C690

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Suntown Technology Group Corporation Limited

C691

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Luoyang Wanji Aluminium Processing Co., Ltd.

C692

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Shanghai Sunho Aluminum Foil Co., Ltd.

C693

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Binzhou Hongbo Aluminium Foil Technology Co. Ltd.

C694