Official Journal L 110 , 04/05/1993 P. 0020 - 0021
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 24 P. 0037
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 24 P. 0037
Id-Direttiva tal-Kummissjoni 93/21/KEE tas-27 ta' April 1993 li tadatta għall-progress tekniku għat-tmintax-il darba d-Direttiva 67/548/KEE rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta' sustanzi perikolużi IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta' Ġunju 1967 rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta' sustanzi perikolużi [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 92/32/KEE [2], u partikolarment l-Artikoli 28 u 29 tagħha, Billi d-Direttiva tal-Kunsill 92/32/KEE [3] temenda d-Direttiva 67/548/KEE fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-klassifikazzjoni u l-ittikkettjar ta' sustanzi perikolużi; Billi l-Anness II tad-Direttiva 67/548/KEE għandu simboli u indikazzjonijiet ta' perikolu; billi huwa meħtieġ li jkun introdott simbolu ġdid għal ‘perikoluż għall-ambjent'; Billi l-Anness III tad-Direttiva 67/548/KEE għandu lista ta' frażijiet li tindika n-natura tar-riskji speċjali attribwibbli għal sustanzi perikolużi; billi jeħtieġ li jkunu introdotti frażijiet ġodda li jindikaw perikolu għas-saħħa għal sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni; billi huwa meħtieġ ukoll li jkunu introdotti frażijiet ta' riskju kombinati li jindikaw il-perikolu għall-ambjent; Billi l-Anness IV tad-Direttiva 67/548/KEE għandha lista ta' frażijiet li jindikaw il-parir ta' sigurtà dwar is-sustanzi perikolużi; billi huwa meħtieġ li jkunu riveduti ċerti frażijiet ta' parir fuq is-sigurtà rigward il-perikoli għall-ambjent; billi huwa meħtieġ li jkunu introdotti ċerti frażijiet kombinati rigward l-użu ta' sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi; Billi l-Anness VI tad-Direttiva 67/548/KEE għandu gwida għall-klassifikazzjoni u l-ittikkettjar tas-sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi; billi huwa meħtieġ li din il-gwida tkun emendata biex tinkludi tibdil li jirriżultaw mid-Direttiva 92/32/KEE; Billi id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat fuq l-Adattament għall-Progress Tekniku tad-Direttivi għat-Tneħħija ta' Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ f'Sustanzi u Preparazzjonijiet Perikolużi, ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Id-Direttiva 67/548/KEE hija emendata kif ġej: 1. L-Anness II huwa mibdul bl-Anness I ta' din id-Direttiva; 2. L-Anness III huwa mibdul bl-Anness II ta' din id-Direttiva; 3. L-Anness IV huwa mibdul bl-Anness III ta' din id-Direttiva; 4. Fl-Anness V, metodu B.2: Tossiċità akuta (inalazzjoni), Taqsima 1.6.2.4, (test tal-limitu) huwa mibdul b'li ġej: "1.6.2.4. Test tal-limitu Jekk esposizzjoni ta' ħames annimali tat-test maskili jew femminili għal 20 mg għal kull litru ta' gass jew 5 mg għal kull litru ta' aerosol jew partikulat għal erba' sigħat (jew, meta dan mhux possibbli minħabba l-propjetajiet fiżiċi jew kimiċi, inklużi splussivi, ta' sustanza tat-test, il-konċentrazzjoni massima li tista' tintlaħaq) ma tipproduċi l-ebda mortalità relatata mat-taħlita fi żmien 14-il jum, aktar testijiet m'għandhomx jitqiesu meħtieġa."; 5. L-Anness VI, Parti I u II huma mibdula bl-Anness IV ta' din id-Direttiva. Artikolu 2 1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex iħarsu din id-Direttiva sa' l-1 ta' Lulju 1994, bl-eċċezzjoni ta' dawk applikabbli għaċ-ċilindri tal-gass mobbli li jkun fihom butane, propane jew gass tal-petroleum likwidu. L-Istati Membri għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni b'dan. 2. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex iħarsu l-Anness IV, Kapitolu 8.1 ta' din id-Direttiva safejn tapplika għal ċilindri tal-gass mobbli li jkun fihom butane, propane jew gass tal-petroleum likwidu, sal-31 ta' Ottubru 1997. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b'dan. 3. Meta l-Istati Membri jadottaw id-dispożizzjonijiet msemmija fil-paragrafi 1 u 2, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fi żmien tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal din ir-referenza għandha tkun adottata mill-Istati Membri. Artikolu 3 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fis-27 ta' April 1993. Għall-Kummissjoni Yannis Paleokrassas Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU C 196, tas-16.8.1967, p. 1 [2] ĠU L 383, tad-29.12.1992, p. 113 [3] ĠU L 154, tal-5.6.1992, p. 1 -------------------------------------------------- L-ANNESS I Dan l-Anness mhuwiex riprodott billi kien sostitwit bid-Direttiva 2001/59/KE, ĠU L 225, 06.08.2001 -------------------------------------------------- L-ANNESS II Dan l-Anness mhuwiex riprodott billi kien sostitwit bid-Direttiva 2001/59/KE, ĠU L 225, 06.08.2001 -------------------------------------------------- L-ANNESS III Dan l-Anness mhuwiex riprodott billi kien sostitwit bid-Direttiva 2001/59/KE, ĠU L 225, 06.08.2001 -------------------------------------------------- L-ANNESS IV Dan l-Anness mhuwiex riprodott billi kien sostitwit bid-Direttiva 2001/59/KE, ĠU L 225, 06.08.2001 --------------------------------------------------