|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/7390 |
6.12.2024 |
Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni
tal-9 ta’ Ġunju 2023
li jiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u l-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE
(Il-Każ M.10433 – VIVENDI / LAGARDERE)
(innotifikat bin-numru C(2023) 3717)
(it-test bil-Franċiż biss hu awtentiku)
(C/2024/7390)
Fid-9 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni f’każ ta’ konċentrazzjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (1) , u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) ta’ dak ir-Regolament. Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni sħiħa tista’ tinstab bil-Franċiż fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, fl-indirizz li ġej: https://competition-cases.ec.europa.eu/search .
1. IL-PARTIJIET
|
(1) |
Id-Deċiżjoni mehmuża tiddikjara li l-akkwist ta’ Lagardère S.A. kollha kemm hi (“Lagardère” jew “Il-Kumpanija fil-Mira”, Franza) mill-grupp Vivendi S.E. (“Vivendi” jew il-“Parti Notifikanti”, Franza) (flimkien riferuti bħala l-“Partijiet”) permezz ta’ offerta ta’ skambju (it-“Tranżazzjoni”) huwa kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim dwar iż-ŻEE, f’konformità mal-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 8(2), tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u mal-Artikolu 57 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE. |
|
(2) |
Vivendi hija kumpanija kkwotata fil-Borża u li għandha s-sede tagħha fi Franza. Hija għandha l-kontroll esklużiv tal-grupp Vivendi, li huwa prinċipalment attiv fis-setturi li ġejjin: (i) it-televiżjoni, (ii) il-provvista ta’ servizzi ta’ xiri ta’ spazju għar-reklamar, (iii) il-pubblikazzjoni ta’ logħob tal-vidjo fuq il-mobiles, (iv) l-istampa (b’mod partikolari r-rivisti Gala u Voici), (v) il-pubblikazzjoni (permezz tal-grupp Editis), (vi) il-provvista u l-ospitar ta’ kontenut vidjo fuq l-internet, (vii) l-ispettaklu dirett u (viii) l-ħruġ ta’ biljetti. Il-grupp Vivendi nnifsu huwa kkontrollat esklużivament mill-grupp Bolloré, li għandu 29,5 % tal-kapital u 29,7 % tad-drittijiet tal-vot ta’ Vivendi. |
|
(3) |
Lagardère hija kumpanija kkwotata fil-Borża u li għandha s-sede tagħha fi Franza. Hija l-kumpanija ewlenija tal-grupp Lagardère, li huwa prinċipalment attiv fis-setturi li ġejjin: (i) il-pubblikazzjoni (permezz tas-sussidjarja tiegħu Lagardère Publishing, li fiha Hachette Livres tkopri l-attivitajiet kollha ta’ pubblikazzjoni tal-kotba), (ii) il-ħwienet tal-ivvjaġġar, (iii) l-awdjoviżiv, (iv) l-istampa (inkluża r-rivista Paris Match) u l-media (inkluż ir-reklamar), u (v) l-ispettaklu dirett u d-divertiment u (vi) l-biljetti. Lagardère ma hija kkontrollata minn ebda azzjonist fis-sens tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. |
2. IT-TRANŻAZZJONI
|
(4) |
Fl-24 ta’ Ottubru 2022, il-Kummissjoni Ewropea (il-“Kummissjoni”) rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”) li permezz tagħha Vivendi (Franza) biħsiebha takkwista, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll esklużiv ta’ Lagardère (Franza) permezz ta’ offerta pubblika. |
|
(5) |
Permezz tad-Deċiżjoni tagħha tat-30 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-Tranżazzjoni qajmet dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern u bdiet proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Il-Kummissjoni bagħtet lill-Parti Notifikanti Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet fit-22 ta’ Frar 2023. |
|
(6) |
Fil-5 u t-12 ta’ April 2023, il-Parti Notifikanti ppreżentat impenji skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet biex tirrimedja t-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni. |
3. IS-SWIEQ PRINĊIPALMENT IKKONĊERNATI MIT-TRANŻAZZJONI
|
(7) |
Għalkemm it-Tranżazzjoni taffettwa għadd ta’ swieq rilevanti, il-Kummissjoni esprimiet tħassib fir-rigward tas-swieq tal-prodotti u ġeografiċi li ġejjin (“swieq rilevanti”):
Dwar is-settur tal-pubblikazzjoni:
Fir-rigward is-settur tal-istampa:
|
4. VALUTAZZJONI KOMPETITTIVA
|
(8) |
L-investigazzjoni fil-fond ikkonfermat li t-Tranżazzjoni tagħti lok għal għadd ta’ effetti orizzontali fuq is-swieq rilevanti. It-taqsimiet li ġejjin ta’ din in-nota jiġbru fil-qosor is-sejbiet ewlenin tal-Kummissjoni. |
4.1. Is-settur tal-pubblikazzjoni
|
(9) |
Il-ktieb normalment isegwi ċirkwit, magħruf bħala l-“katina tal-pubblikazjoni tal-kotba”, li tradizzjonalment jinvolvi diversi atturi, jiġifieri l-pubblikatur, min jirreklama, id-distributur u l-bejjiegħa mill-ġdid qabel ma l-ktieb jasal għand il-qarrejj. L-investigazzjoni tal-Kummissjoni wriet li, lil hinn mill-pożizzjoni tal-Partijiet f’kull livell tal-katina tal-pubblikazzjoni tal-kotba, dawn il-ħoloq differenti huma fil-biċċa l-kbira interdipendenti u li dawn id-dinamiċi għandhom jitqiesu fl-analiżi kompetittiva. |
4.1.1. Is-sejba ta’ impediment sinifikattiv għal kompetizzjoni effettiva bħala riżultat ta’ effetti orizzontali mhux koordinati fis-swieq globali għall-akkwist tad-drittijiet tal-pubblikazzjoni
|
(10) |
L-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni turi li l-entità amalgamata, li tiġbor flimkien id-djar tal-pubblikazzjoni ta’ Hachette u Editis, għandha pożizzjoni sinifikanti fis-swieq primarji għall-akkwist ta’ drittijiet ta’ pubblikazzjoni għal xogħlijiet bil-lingwa Franċiża jew b’lingwa barranija fil-kategoriji tal-letteratura ġenerali u l-letteratura taż-żgħażagħ. L-analiżi tal-Kummissjoni wriet li, wara t-Tranżazzjoni, l-entità amalgamata se tibbenefika minn għadd ta’ vantaġġi kompetittivi fuq il-kompetituri tagħha li se jikkontribwixxu biex tiżdied l-attraenza tagħha għall-awturi, minħabba l-kapaċità tagħha fir-reklamar u d-distribuzzjoni, l-abilità tagħha li toffri servizzi multimedjali, u l-kapaċità finanzjarja tagħha. L-abilità tal-entità amalgamata li takkwista d-drittijiet ta’ pubblikazzjoni primarji tal-aktar awturi rimunerattivi jkollha impatt negattiv fuq il-kompetituri tagħha billi ċċaħħadhom minn sors sinifikanti ta’ dħul. Billi tipperikola s-sostenibbiltà tal-pubblikaturi, it-Tranżazzjoni sussegwentement twassal għal tnaqqis fl-għadd ta’ pubblikaturi tal-kotba. Barra minn hekk, l-eliminazzjoni ta’ mutur importanti tal-kompetizzjoni tippermetti lill-entità l-ġdida li tiddegrada l-kundizzjonijiet kuntrattwali mogħtija lill-awturi, fin-nuqqas ta’ alternattivi simili suffiċjenti f’dawk is-swieq. |
|
(11) |
L-analiżi tal-Kummissjoni wriet ukoll li l-entità amalgamata se jkollha saħħa sinifikanti tax-xiri fis-suq sekondarju għall-akkwist ta’ drittijiet ta’ pubblikazzjoni ta’ letteratura ġenerali. Din is-setgħa tax-xiri se tkun ibbażata b’mod partikolari fuq l-importanza tal-kollezzjonijiet tagħha tal-paperbacks u se tissaħħaħ bil-kapaċità finanzjarja u l-attraenza tagħha, meta titqies l-integrazzjoni vertikali tagħha u s-sħubija fi grupp ta’ konglomerat. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tħassib li, wara t-Tranżazzjoni, it-tisħiħ tas-setgħa fis-suq tal-entità amalgamata jippermettilha li timponi kundizzjonijiet kuntrattwali inqas favorevoli fuq il-pubblikaturi primarji rivali tagħha. |
4.1.2. Is-sejba li hemm impediment sinifikattiv għal kompetizzjoni effettiva minħabba effetti orizzontali fuq is-swieq tal-provvista ta’ servizzi ta’ xandir f’isem terzi persuni, skont it-tip ta’ bejjiegħ mill-ġdid, kif ukoll is-suq tad-distribuzzjoni tal-kotba f’isem terzi persuni
|
(12) |
L-analiżi tal-Kummissjoni identifikat lill-Partijiet bħala kompetituri mill-qrib fis-swieq għall-provvista ta’ servizzi ta’ reklamar u ta’ distribuzzjoni tal-kotba, b’ishma tas-suq ikkombinati ta’ aktar minn 50 %. Dawn is-swieq huma kkaratterizzati wkoll minn ostakli kbar għad-dħul u l-espansjoni, u l-klijenti tal-Partijiet għandhom setgħa kompensatorja limitata minħabba n-natura ta’ dawn l-attivitajiet. |
|
(13) |
L-analiżi tal-Kummissjoni wriet li t-Tranżazzjoni jkollha l-effett li toħloq pożizzjoni dominanti tal-entità amalgamata fis-swieq għall-provvista ta’ servizzi ta’ reklamar u ta’ distribuzzjoni fiż-żona tal-Unjoni Ewropea fejn huwa mitkellem il-Franċiż. Billi dawn is-swieq jeħtieġu l-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji u loġistiċi sinifikanti, id-dħul ta’ kompetituri oħra fi tmiem it-Tranżazzjoni jidher li mhuwiex plawżibbli. Minn dan isegwi li l-entità amalgamata, wara t-Tranżazzjoni, ikollha pożizzjoni fis-suq u setgħa fis-suq li l-ftit kompetituri u l-kompetituri iżgħar tagħha ma jkunux jistgħu jeżerċitaw pressjoni kompetittiva effettiva fuq l-entità amalgamata. |
4.1.3. Is-sejba ta’ impediment sinifikattiv għal kompetizzjoni effettiva li jirriżulta minn effetti orizzontali mhux ikkoordinati fis-swieq tal-bejgħ tal-kotba, skont it-tip ta’ bejjiegħa mill-ġdid u l-kategorija ta’ kotba
|
(14) |
L-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni wriet li t-Tranżazzjoni se tiġbor flimkien tnejn mill-atturi ewlenin tas-suq fil-kategoriji l-kbar tal-kotba u se toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni ewlenija tas-suq f’dawn is-swieq kollha. L-entità amalgamata se jkollha sehem mis-suq mill-inqas id-doppju tar-rivali prinċipali tagħha f’parti kbira tas-swieq tal-bejgħ tal-kotba. |
|
(15) |
L-investigazzjoni tal-Kummissjoni wriet li ħafna mill-kompetituri attwali tal-Partijiet diġà huma ristretti fl-abilità tagħhom li jikkompetu b’mod effettiv mal-entità amalgamata u li t-Tranżazzjoni se taggrava din is-sitwazzjoni. Barra minn hekk, il-klijenti ma jkunux jistgħu jeżerċitaw kontrosetgħa tad-domanda biżżejjed. B’riżultat ta’ dan, is-setgħa tan-negozjar tal-bejjiegħa tal-kotba, bħala klijenti tal-entità amalgamata, mhux ħlief se tiddeterjora. Ikun diffiċli ħafna għall-bejjiegħa tal-kotba li jinnegozjaw b’reazzjoni għal deterjorament fil-kundizzjonijiet kummerċjali u l-entità amalgamata tkun tista’ timponi l-kotba tagħha b’mod aktar faċli u tobbliga lill-ħwienet tal-kotba jimpenjaw ruħhom għal kwantitajiet jew investimenti jekk ikunu jixtiequ skontijiet addizzjonali. |
|
(16) |
It-Tranżazzjoni tista’ għalhekk, twassal għal tnaqqis fl-iskont mogħti lill-bejjiegħa tal-kotba u żieda fil-prezz tal-ktieb għall-konsumatur finali. |
4.2. Is-settur tal-istampa
4.2.1. Is-sejba ta’ impediment sinifikanti għal kompetizzjoni effettiva bħala riżultat ta’ effetti orizzontali mhux koordinati fuq is-suq tar-rivisti dwar iċ-ċelebritajiet
|
(17) |
L-entità l-ġdida kien ikollha sehem mis-suq kombinat għoli fis-suq tal-qarrejja għar-rivista stampati dwar iċ-ċelebritajiet. |
|
(18) |
Jidher li mill-istħarriġ tas-suq tal-qarrejja tar-rivisti dwar iċ-ċelebritajiet, tar-rivisti kompetituri u ta’ dawk li jirreklamaw fir-rivisti, li r-rivista Paris Match tappartjenti għad-dinja kompetittiva tar-rivisti dwar iċ-ċelebritajiet, b’Gala bħala kompetitur mill-qrib ħafna fid-dawl tal-pożizzjoni ta’ livell għoli tagħha fir-rigward tar-rivisti tradizzjonali dwar iċ-ċelebritajiet, u Voici biss bħala kompetitur mill-qrib. Ir-rivisti politici u tal-aħbarijiet ġenerali huma biss kompetituri remoti, u biss għar-rivista Paris Match. Dawn ir-riżultati ġew ikkonfermati mill-analiżi tal-Kummissjoni tal-prezzijiet, l-analiżi tal-kopertura tal-aħħar tliet snin, u d-dokumenti interni tal-Partijiet li juru monitoraġġ mill-qrib u sistematiku tar-rivisti ma’ xulxin. |
|
(19) |
Fis-suq tar-rivisti dwar iċ-ċelebritajiet hekk definit, matul l-aħħar tliet snin, il-Partijiet kellhom sehem mis-suq ugwali għal jew akbar minn [50-60] %, f’suq partikolarment ikkonċentrat, li fih iffaċċjaw tliet gruppi kompetituri. |
|
(20) |
Barra minn hekk, minbarra l-qrubija tal-kompetizzjoni bejn ir-rivisti, ir-riżultati tal-investigazzjoni tas-suq urew, li wara t-Tranżazzjoni, ma jkunx hemm biżżejjed atturi fis-suq biex jeżerċitaw pressjoni kompetittiva suffiċjenti biex ipattu għall-pressjoni kompetittiva kombinata eżerċitata mir-rivisti tal-Partijiet. |
|
(21) |
L-investigazzjoni tas-suq imwettqa mill-Kummissjoni wriet ukoll li s-suq tar-rivisti dwar iċ-ċelebritajiet huwa kkaratterizzat minn ostakli kbar għad-dħul, minħabba spejjeż operatorji għoljin u xejra ta’ tnaqqis fir-reklamar. |
|
(22) |
F’dan il-kuntest, l-analiżi tal-Kummissjoni wriet li t-Tranżazzjoni tagħti lill-entità amalgamata pożizzjoni dominanti u twassal għall-eliminazzjoni ta’ restrizzjoni kompetittiva importanti fuq is-suq tar-rivisti dwar iċ-ċelebritajiet. It-Tranżazzjoni tista’, b’mod partikolari, twassal għal żidiet aktar frekwenti jew evidenti fil-prezzijiet tal-bejgħ tar-rivisti, għal tnaqqis fl-isforzi tal-Partijiet biex itejbu l-kwalità tal-kontenut tar-rivisti tagħhom, jew biex inaqqsu d-diversità editorjali fost ir-rivisti dwar iċ-ċelebritajiet. |
4.3. Konklużjoni
|
(23) |
Id-Deċiżjoni għalhekk, tikkonkludi li t-Tranżazzjoni timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva f’parti sostanzjali tas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. |
5. IMPENJI PPREŻENTATI MILL-PARTIJIET
5.1. Impenji inizjali
|
(24) |
Fil-15 ta’ Diċembru 2022, il-Parti Notifikanti ppreżentat bħala impenn il-bejgħ ta’ Editis permezz ta’ skema mħallta li tinvolvi d-distribuzzjoni minn Vivendi tat-titoli ta’ Editis lill-azzjonisti tagħha fil-forma ta’ ħlas bil-quddiem fuq dividendi in natura, u t-trasferiment dirett sussegwenti minn Bolloré Group (azzjonist li jikkontrolla lil Vivendi b’sehem ta’ 29,46 %) tal-parti tal-kapital ta’ Editis dovut lilha lil terza persuna indipendenti. |
|
(25) |
Fl-14 ta’ Frar 2023, il-Parti Notifikanti ppreżentat bħala impenn ġdid il-bejgħ ta’ Editis permezz ta’ skema simili. Madankollu, il-blokka li kellha tiġi ttrasferita lill-azzjonist ta’ referenza kienet ikbar minn dik skont l-impenji tal-15 ta’ Diċembru 2022, billi l-akkwirent tal-blokka kien għalhekk iżomm 37,06 % tal-kapital azzjonista ta’ Editis mill-mument li jkun ikkwotat fil-Borża, li jikkorrispondi għal 29,46 % flimkien mal-ishma ta’ Vivendi stess. |
|
(26) |
Fid-Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni qieset li, meta mqabbel mal-bejgħ ta’ 100 % tal-kapital ta’ Editis lil xerrej xieraq, il-proċess propost ta’ kkwotar fil-Borża u d-distribuzzjoni kien aktar kumpless, kien jinvolvi riskji ta’ implimentazzjoni u wassal għal inċertezzi u riskji fir-rigward (i) tan-natura dejjiema tal-kontroll tax-xerrej tal-blokka, (ii) tal-vijabbiltà u l-kompetittività fit-tul ta’ Editis, (iii) tal-inċentivi għall-espansjoni tan-negozju f’ċessjoni, (iv) tal-abilità li jiġi żviluppat in-negozju f’ċessjoni, u (v) tar-rabtiet bejn in-negozju f’ċessjoni u l-Parti Notifikanti. |
|
(27) |
Barra minn hekk, l-impenji proposti ma kinux ikopru s-suq tar-rivisti dwar iċ-ċelebritajiet. |
|
(28) |
Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-impenji oriġinali ma kinux isolvu kompletament it-tħassib dwar il-kompetizzjoni. |
5.1. Impenji riveduti
|
(29) |
Fil-5 u t-12 ta’ April 2023, biex jiġi solvut it-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat fis-swieq rilevanti, il-Parti Notifikanti ppreżentat l-impenji deskritti hawn taħt. |
5.1.1. Il-bejgħ ta’ Editis
|
(30) |
L-impenji riveduti jikkonsistu fil-bejgħ ta’ 100 % tal-kapital ta’ Editis lil xerrej xieraq. |
|
(31) |
Barra minn hekk, il-Parti Notifikanti timpenja ruħha li ma timplimentax it-Tranżazzjoni qabel ma tkun ikkonkludiet il-Ftehim ta’ Ċessjoni ta’ Editis u l-Kummissjoni tkun approvat ix-xerrej u t-termini tal-bejgħ. |
|
(32) |
Il-Parti Notifikanti timpenja ruħha wkoll li ma tissolleċitax b’mod attiv (i) pubblikaturi terzi rreklamati u/jew distribwiti minn Editis għal perjodu ta’ tliet snin mill-għeluq tal-akkwist ta’ Editis mix-xerrej, (ii) awturi marbuta kuntrattwalment ma’ Editis b’kuntratt ta’ pubblikazzjoni għal perjodu ta’ tliet snin mill-għeluq tal-akkwist ta’ Editis mix-xerrej u (iii) d-diretturi ta’ djar tal-pubblikazzjoni jew dipartimenti editorjali ta’ Editis. |
|
(33) |
Il-Parti Notifikanti għandha wkoll tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tiżgura li kull informazzjoni kunfidenzjali li tikkonċerna lil Editis ma tkunx tista’ tintuża mill-impjegati tagħha għall-benefiċċju ta’ Hachette Livres. |
|
(34) |
Fl-aħħar nett, il-Parti Notifikanti timpenja ruħha li tbigħ Editis lil xerrej indipendenti mill-Partijiet, filwaqt li tibbenefika mill-kapaċità finanzjarja u l-inċentivi biex tespandi n-negozju, ma toħloqx tħassib dwar il-kompetizzjoni jew riskji ta’ eżekuzzjoni prima facie, u li jkollha esperjenza qawwija fis-settur tal-pubblikazzjoni jew tal-media. |
5.1.2. Il-bejgħ ta’ Gala
|
(35) |
L-impenji riveduti mbagħad jikkonsistu mill-bejgħ tar-rivista Gala, editjata minn Prisma Media, sussidjarja kollha kemm hi ta’ Vivendi. |
|
(36) |
L-assi ċeduti jkopru l-istokk materjali u tal-karta tar-rivista Gala, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-operat ta’ Gala, l-għodod diġitali, in-networks soċjali, il-listi ta’ klijenti attivi u l-abbonati tal-bullettini bla ħlas, 56 ekwivalenti full-time li jokkupaw pożizzjonijiet ta’ ġurnalisti jew ta’ persunal editorjali, u 65,6 ekwivalenti full-time li jkopru l-funzjonijiet ta’ appoġġ. |
|
(37) |
L-assi mibjugħa jinkludu wkoll kuntratti ta’ servizz konklużi għall-benefiċċju esklużiv ta’ Gala. Il-kuntratti kondiviżi mar-rivisti l-oħra tal-Groupe Vivendi jkunu s-suġġett ta’ ftehimiet ta’ servizz tranżizzjonali għal perjodu ta’ 12-il xahar. |
|
(38) |
L-impenji jipprevedu wkoll ftehimiet ta’ servizz tranżizzjonali ta’ 12-il xahar għal (i) bini li jospita persunal involut fl-operat ta’ Gala, (ii) tagħmir tal-uffiċċju u tal-IT relatat mal-operat ta’ Gala u ftehimiet ta’ servizz tranżizzjonali ta’ 18-il xahar għall-forniment ta’ servizzi operazzjonali, inkluż il-forniment temporanju tal-ambjent teknoloġiku, il-back-office u l-għodod ta’ ġestjoni. |
|
(39) |
Il-Parti Notifikanti timpenja ruħha li t-Tranżazzjoni ma tiġix implimentata sakemm il-Parti Notifikanti jew il-fiduċjarju taċ-ċessjoni ma jkunux daħlu fil-Ftehim ta’ Ċessjoni għall-bejgħ ta’ Gala u l-Kummissjoni tkun approvat ix-xerrej u t-termini tal-bejgħ. |
|
(40) |
Fl-aħħar nett, il-Parti Notifikanti timpenja ruħha li tbigħ Gala lil xerrej li jkun indipendenti mill-Partijiet u li jibbenefika mill-kapaċità finanzjarja u mill-inċentivi biex jespandi n-negozju, li ma jqajjimx tħassib dwar il-kompetizzjoni u riskji prima facie ta’ prestazzjoni, li jkollu esperjenza soda fl-istampa stampata u diġitali jew fis-settur tal-istampar u li juri għarfien ippruvat tal-karatteristiċi speċifiċi tas-suq Franċiż u abilità li jopera f’dak is-suq. |
5.1.3. Il-valutazzjoni tal-impenji ppreżentati
|
(41) |
Il-Kummissjoni nediet żewġ konsultazzjonijiet mal-parteċipanti rilevanti fis-suq fil-5 u t-13 ta’ April 2023, li jkopru rispettivament l-impenji relatati mal-bejgħ ta’ Editis u l-bejgħ ta’ Gala. |
|
(42) |
Ir-riżultati tat-testijiet tas-suq kienu ġeneralment pożittivi f’termini tal-ambitu, il-vijabbiltà, il-kompetittività u l-attraenza tal-impenji fis-swieq tal-pubblikazzjoni u tar-rivisti dwar iċ-ċelebritajiet. Fuq il-bażi ta’ dawn il-konsultazzjonijiet u l-analiżi tal-impenji finali, il-Kummissjoni tqis li l-impenji proposti huma suffiċjenti u effettivi biex jittrattaw it-tħassib maħluq mit-Tranżazzjoni fis-swieq rilevanti. |
|
(43) |
B’mod partikolari, il-Kummissjoni tqis li, bħala riżultat tal-bejgħ ta’ Editis kollha kemm hi lil xerrej xieraq, ir-riskji u l-inċertezzi tat-termini tal-bejgħ permezz ta’ kwotazzjoni fil-Borża u d-distribuzzjoni jiġu solvuti. Il-Kummissjoni tinnota li l-bejgħ tal-grupp Editis ineħħi kważi kull duplikazzjoni bejn l-attivitajiet ta’ pubblikazzjoni tal-Partijiet, u se jagħmilha possibbli li tiġi replikata r-restrizzjoni kompetittiva ta’ qabel it-Tranżazzjoni ta’ Editis b’mod vijabbli u kompetittiv, mingħajr riskji ta’ implimentazzjoni. |
|
(44) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li, bħala riżultat tal-bejgħ tar-rivista Gala, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-impenji finali fis-suq tar-rivisti dwar iċ-ċelebritajiet huwa biżżejjed biex jelimina r-riskju li t-Tranżazzjoni timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq tar-rivisti dwar iċ-ċelebritajiet. Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-impenji finali jkopru l-assi tanġibbli, l-assi intanġibbli, il-persunal u l-kuntratti kollha meħtieġa biex jiġu żgurati l-kompetittività u l-vijabbiltà ta’ Gala, u ma joħolqux riskji ta’ implimentazzjoni. |
|
(45) |
Fid-Deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li, fuq il-bażi tal-impenji offruti mill-Parti Notifikanti, il-konċentrazzjoni notifikata ma tfixkilx il-kompetizzjoni effettiva fis-swieq rilevanti. |
6. KONKLUŻJONI
|
(46) |
Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, id-Deċiżjoni tikkonkludi li, soġġett għall-konformità sħiħa mal-impenji mogħtija mill-Partijiet, il-konċentrazzjoni proposta mhux se tostakola b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-Suq Intern jew f’parti sostanzjali minnu. |
|
(47) |
Konsegwentement, it-Tranżazzjoni jenħtieġ li tiġi ddikjarata kompatibbli mas-Suq Intern u mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, f’konformità mal-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, f’konformità mal-kundizzjonijiet u mal-obbligi biex jiġi żgurat li l-impriżi kkonċernati jikkonformaw mal-impenji tagħhom lejn il-Kummissjoni. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/7390/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)