Official Journal L 236 , 23/09/2003 P. 0034 - 0035
Artikolu 6 1. Il-ftehim jew konvenzjonijiet konklużi jew applikati provizorjament mill-Komunità jew bi qbil ma' l-Artikolu 24 jew l-Artikolu 38 tat-Trattat ta' l-UE ma' xi Stat terz wieħed jew aktar, ma' xi organizzazzjoni internazzjonali jew ma' xi ċittadin ta' Stat terz, għandhom, bl-istess kondizzjonijiet kif stipulati fit-Trattati oriġinali u f'dan l-Att, ikunu jorbtu l-Istati Membri l-ġodda. 2. L-Istati Membri l-ġodda jintrabtu li jidħlu, bil-kondizzjonijiet kif indikati f'dan l-Att, għall-ftehim jew konvenzjonijiet konklużi jew applikati provisorjament mill-Istati Membri attwali u l-Komunità, li jaġixxu flimkien, u għal kull ftehim konkluż minn dawk l-Istati li huma marbuta ma' dawk il-ftehim jew konvenzjonijiet. L-adeżjoni ta' l-Istati Membri l-ġodda għal kull ftehim jew konvenzjoni msemmija fil-paragrafu 6 hawn taħt, kif ukoll il-ftehim mal-Belarussja, iċ-Ċina, iċ-Ċilì, il-Mercosur u l-Isvizzera li ġew konklużi jew iffirmati mill-Komunità u l-Istati Membri flimkien għandha tintlaħaq permezz ta' konklużjoni ta' protokoll għal dawn il-ftehim jew konvenzjonijiet bejn il-Kunsill, li jaġixxi unanimament għan-nom ta' l-Istati Membri, u l-pajjiż jew pajjiżi terzi jew l-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernati. Din il-proċedura hija bla ħsara għall-kompetenzi tal-Komunità innifisha u ma taffetwax l-allokazzjoni tal-poteri bejn il-Komunità u l-Istati Membri fir-rigward tal-konklużjoni ta' ftehim bħal dan fil-futur jew kwalunkwe emenda oħra li ma għandhiex x'taqsam ma' l-adeżjoni. Il-Kummissjoni għandha tinnegozja dawn il-protokolli għan-nom ta' l-Istati Membri abbażi ta' direttivi dwar in-negozjati approvati mill-Kunsill, li jaġixxi bl-unanimità, u b'konsultazzjoni ta' kumitat magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri. Għandha tgħaddi abbozz tal-protokolli biex jiġu konklużi mill-Kunsill. 3. Hekk kif jidħlu għall-ftehim u konvenzjonijiet li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2 l-Istati Membri l-ġodda għandhom jiksbu l-istess drittijiet u obbligi taħt dawk il-ftehim u konvenzjonijiet bħall-Istati Membri attwali. 4. Permezz ta' dan l-Att l-Istati Membri l-ġodda jidħlu għall-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibbew u tal-Paċifiku min-naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra [1], iffirmat f'Kotonou fit- 23 ta' Ġunju 2000. 5. L-Istati Membri l-ġodda jintrabtu li jidħlu, taħt il-kondizzjonijiet imniżżla f'dan l-Att, għall-Ftehim dwar l-Area Ekonomika Ewropea [2], skond l-Artikolu 128 ta' dak il-Ftehim. 6. Mid-data ta' l-adeżjoni, sakemm jiġu konklużi l-protokolli meħtieġa li hemm referenza għalihom fil-pragrafi 2, l-Istati Membri l-ġodda għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet tal-Ftehim konklużi mill-Istati Membri attwali, u, konġuntament, mill-Komunità ma' l-Alġerija, l-Armenja, l-Azerbajġan, il-Bulgarija, il-Kroazja, l-Eġittu, Dik li Qabel Kienet ir-Repubblika tal-Maċedonja, il-Ġeorġja, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Kazakastan, il-Kirgiżstan, il-Libanu, il-Messiku, il-Moldova, il-Marokk, ir-Rumanija, il-Federazzjoni Russa, San Marino, l-Afrika t'Isfel, il-Korea t'Isfel, is-Sirja, it-Tuniżija, it-Turkija, it-Turkmenistan, l-Ukraina u l-Użbekistan kif ukoll d-disposizzjonijiet ta' kull ftehim ieħor konkluż konġuntament mill-Istati Membri attwali u l-Komunità qabel l-adeżjoni. L-aġġustamenti kollha għal dawn il-Ftehim għandhom isiru permezz ta' Protokolli konklużi mal-pajjiżi ko-kontraenti bi qbil mad-disposizzjonijiet tat-tieni sub-paragrafu tal-paragrafu 2. Jekk il-protokolli ma jiġux konklużi sad-data ta' l-adeżjoni, il-Komunitàu l-Istati Membri għandhom jieħdu, fil-qafas tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, il-miżuri meħtieġa biex jittrattaw dik is-sitwazzjoni ma' l-adeżjoni. 7. Mid-data ta' l-adeżjoni, l-Istati Membri l-ġodda għandhom japplikaw il-ftehim u l-arranġamenti bilaterali dwar it-tessuti konklużi mill-Komunità ma' pajjiżi terzi. Ir-restrizzjonijiet kwantitattivi applikati mill-Komunità għall-importazzjoni tat-tessuti u l-prodotti tal-ħwejjeġ għandhom jiġu aġġustati sabiex jittieħed kont ta' l-adeżjoni ta' l-Istati Membri l-ġodda mal-Komunità. Għal dan il-għan, il-Komunità tista' tinnegozja emendi għal ftehim bilaterali u l-arranġamenti li hemm referenza għalihom iktar 'il fuq mal-pajjiżi terzi involuti qabel id-data ta' l-adeżjoni. Jekk l-emendi għall-ftehim u arranġamenti bilaterali dwar it-tessuti ma jkunux daħlu fis-seħħ sad-data ta' l-adeżjoni, il-Komunità għandha tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa għar-regoli tagħha dwar l-importazzjoni tat-tessuti u tal-prodotti tal-ħwejjeġminn pajjiżi terzi sabiex jittieħed kont ta' l-adeżjoni ta' l-Istati Membri l-ġodda mal-Komunità. 8. Ir-restrizzjonijiet kwantitattivi applikati mill-Komunità fuq l-importazzjoni ta' l-azzar u prodotti ta' l-azzar għandhom jiġu aġġustati abbażi ta' l-importazzjoni mill-Istati Membri l-ġodda matul is-snin reċenti ta' prodotti ta' l-azzar li joriġinaw mill-pajjiżi supplenti konċernati. Għal dan il-għan, l-emendi meħtieġa għal ftehim u l-arranġamenti bilaterali dwar l-azzar konklużi mill-Komunità ma' pajjiżi terzi għandhom jiġu nnegozjati qabel id-data ta' l-adeżjoni. Jekk l-emendi għall-ftehim u l-arranġamenti bilaterali ma jkunux daħlu fis-seħħ sad-data ta' l-adeżjoni, id-disposizzjonijiet ta' l-ewwel sub-paragrafu għandhom japplikaw. 9. Mid-data ta' l-adeżjoni, kull ftehim dwar is-sajd milħuq bejn l-Istati Membri l-ġodda ma' pajjiżi terzi għandu jiġi maniġġjat mill-Komunità. Id-drittijiet u l-obbligi ta' l-Istati Membri l-ġodda skond dawk il-ftehim ma għandhomx ikunu milquta matul il-perijodu li fih id-disposizzjonijiet ta ' dawk il-ftehim jinżammu fis-seħħ proviżorjament. Kemm jista' jkun malajr, u f'kwalunkwe każ qabel it-tmiem tal-ftehim li hemm referenza għalihom fl-ewwel sub-paragrafu, il-Kunsill, għandu jadotta f'kull każ b'maġġoranza kwalifikata, fuq proposta tal-Kummissjoni, dawk id-deċiżijonijiet xierqa li jħallu l-attivitajiet ta' sajd taħt dawk il-ftehim ikomplu, inkluża l-possibiltà li ċerti ftehim jiġu estiżi għall-perijodi ta' mhux aktar minn sena. 10. B'effett mid-data ta' l-adeżjoni, l-Istati Membri l-Ġodda għandhom jirtiraw minn kull ftehim ta' kummerċ ħieles ma' pajjiżi terzi, inkluż il-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles ta' l-Ewropa Ċentrali. Safejn xi ftehim bejn xi Stat Membru ġdid wieħed jew aktar min-naħa waħda, u xi pajjiż terz wieħed jew aktar min-naħa l-oħra, mhumiex kumpatibbli ma' l-obbligi li joħorġu minn dan l-Att, l-Istat Membru l-ġdid għandu jieħu l-passi kollha xierqa biex jelimina l-inkompatibbilitajiet li jirriżultaw. Jekk Stat Membru ġdid jiltaqa' ma' diffikultajiet fl-aġġustament ta' xi ftehim milħuq ma' pajjiż terz wieħed jew aktar qabel l-adeżjoni, hu għandu, skond it-termini tal-ftehim, jirtira minn dak il-ftehim. 11. B'dan l-Att u taħt il-kondizzjonijiet stipulati fih l-Istati Membri l-ġodda jaderixxu għall-ftehim interni konklużi mill-Istati Membri attwali sabiex li jimplimentaw il-ftehim jew il-konvenzjonjiet li hemm referenza għalihom fil-paragrafi 2 u 4 sa 6. 12. L-Istati Membri l-ġodda għandhom jieħdu l-miżuri xierqa, fejn ikun meħtieġ, sabiex jaġġustaw il-posizzjoni tagħhom fir-rigward ta' organizzazzjonjiet internazzjonali, kif ukoll fir-rigward ta' ftehim internazzjonali li l-Komunità jew xi Stati Membri oħra huma parti fihom, mad-drittijiet u ma' l-obbligi li jirriżultaw mill-adeżjoni tagħhom ma' l-Unjoni. B'mod partikolari mad-data ta' l-adeżjoni jew malajr kemm jista' jkun wara, għandhom jirtiraw minn dawk il-ftehim internazzjonali dwar is-sajd u minn organizzazzjonijiet li minnhom il-Komunità wkoll tagħmel parti, sakemm l-adeżjoni tagħhom ma tirrigwardax kwistjonijiet li ma għandhomx x'jaqsmu mas-sajd. [1] ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3. [2] ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3. --------------------------------------------------