European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/101

10.1.2025

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Insaħħu t-trasparenza fiskali permezz tal-ibbaġitjar parteċipattiv fl-UE

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(C/2025/101)

Relatur:

Elena-Alexandra CALISTRU

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

18.1.2024

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adozzjoni fis-sezzjoni

11.10.2024

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

23.10.2024

Sessjoni plenarja Nru

591

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

174/1/0

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tat-trasparenza fiskali u l-ibbaġitjar parteċipattiv fit-tisħiħ tal-proċessi demokratiċi u l-bini tal-fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-UE. Waqt li jirrikonoxxi l-impenn eżistenti tal-UE fir-rigward ta’ dawn il-prinċipji, il-KESE jidentifika opportunitajiet sinifikanti għal titjib u standardizzazzjoni fl-Istati Membri kollha.

1.2.

L-UE għandha tistabbilixxi qafas komuni għat-trasparenza fiskali fil-programmi kollha ffinanzjati permezz tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP). Dan il-qafas għandu: a) jistabbilixxi standards u linji gwida ċari għat-trasparenza fiskali applikabbli għall-Istati Membri kollha; b) jenfasizza l-mekkaniżmi u l-aħjar prattiki aktar milli jintroduċu regolamenti ġodda; u c) jiżguraw il-konsistenza fir-rapportar u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni baġitarja f’fondi u programmi differenti tal-UE. Barra minn hekk, l-UE għandha tħeġġeġ u tappoġġja lill-Istati Membri biex jippubblikaw settijiet ta’ data ta’ kwalità għolja dwar il-baġits tagħhom u l-użu ta’ fondi Ewropej, peress li dan huwa kruċjali għas-suċċess ta’ kwalunkwe pjattaforma ta’ trasparenza fiskali fl-UE kollha.

1.3.

L-UE għandha tippromovi u tappoġġja inizjattivi ta’ bbaġitjar parteċipattiv, b’mod partikolari fil-livelli lokali u reġjonali fejn dawn urew li huma l-aktar effettivi. Dan jinkludi: a) l-għoti ta’ gwida u riżorsi għall-implimentazzjoni ta’ proċessi ta’ bbaġitjar parteċipattivi; b) l-inkoraġġiment tal-kondiviżjoni tal-għarfien u l-aħjar prattiki fost l-Istati Membri; u c) l-integrazzjoni ta’ elementi parteċipattivi fil-proċessi tal-ibbaġitjar fil-livell tal-UE fejn adegwat permezz tal-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata, bħal fid-deċiżjonijiet ta’ finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni.

1.4.

L-UE għandha tiżviluppa u tippromovi l-użu ta’ pjattaformi diġitali biex issaħħaħ it-trasparenza fiskali u l-involviment taċ-ċittadini. Dan jinvolvi: a) il-ħolqien ta’ pjattaforma diġitali faċli għall-utent u mifruxa mal-UE kollha għall-aċċess u l-fehim tal-informazzjoni baġitarja; b) l-użu tal-analitika tad-data u l-IA biex jiġi pprovdut għarfien aktar profond dwar id-data baġitarja u jittejjeb it-teħid tad-deċiżjonijiet; u c) l-iżgurar li dawn l-għodod diġitali jissemplifikaw l-informazzjoni kumplessa mingħajr ma jissemplifikaw iżżejjed jew ikunu populisti.

1.5.

Il-KESE jirrakkomanda li l-istituzzjonijiet tal-UE jsaħħu l-proċessi eżistenti ta’ sorveljanza u evalwazzjoni għat-trasparenza fiskali u l-inizjattivi ta’ bbaġitjar parteċipattiv. Dan jinkludi: a) l-għoti tas-setgħa lill-korpi ta’ sorveljanza indipendenti biex jimmonitorjaw u jawditjaw il-finanzi pubbliċi; b) l-implimentazzjoni ta’ valutazzjoni tal-impatt robusta u mekkaniżmi ta’ feedback għat-trasparenza u inizjattivi parteċipattivi; u c) ir-rieżami u l-aġġornament regolari tal-istandards u l-prattiki ta’ trasparenza bbażati fuq l-eżiti tal-evalwazzjoni. Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri f’dan il-proċess u jirrakkomanda li jissaħħaħ ir-rwol tagħha fil-promozzjoni tat-trasparenza fiskali.

1.6.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li tingħata prijorità lill-isforzi biex jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni u l-involviment tal-pubbliku fi kwistjonijiet fiskali. Dan jinvolvi: a) l-implimentazzjoni ta’ kampanji komprensivi ta’ edukazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni dwar it-trasparenza fiskali u l-ibbaġitjar parteċipattiv; b) l-għoti ta’ taħriġ u programmi ta’ bini tal-kapaċitajiet għall-uffiċjali pubbliċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; u c) l-involviment attiv taż-żgħażagħ u tal-mexxejja futuri fit-trasparenza fiskali u fil-proċessi parteċipattivi.

1.7.

Il-KESE jrid jiżgura li t-trasparenza fiskali u l-inizjattivi ta’ bbaġitjar parteċipattiv jappoġġjaw u jallinjaw mal-objettivi kritiċi tal-UE, inklużi: a) it-tħejjija għal tkabbir potenzjali tal-UE bi prattiki fiskali trasparenti; b) l-ibbilanċjar tal-għanijiet tal-indipendenza enerġetika mal-impenji tal-Patt Ekoloġiku permezz ta’ proċessi ta’ bbaġitjar ċari u parteċipattivi; c) it-tisħiħ tat-trasparenza u l-effettività tal-politika ta’ koeżjoni, li tirrappreżenta madwar terz tal-baġit tal-UE; u d) l-appoġġ għall-kompetittività sostenibbli tal-UE permezz ta’ finanzjament trasparenti għall-innovazzjoni u teħid ta’ deċiżjonijiet ekonomiċi.

1.8.

Il-KESE jixtieq iħeġġeġ aktar kooperazzjoni u kondiviżjoni tal-għarfien dwar it-trasparenza fiskali u l-ibbaġitjar parteċipattiv fl-Istati Membri kollha tal-UE permezz ta’ dawn il-punti: a) l-iffaċilitar ta’ programmi fl-UE kollha għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u mudelli ta’ suċċess; b) l-appoġġ għall-kollaborazzjonijiet reġjonali biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni tat-trasparenza; u c) it-trawwim ta’ sħubijiet bejn demokraziji stabbiliti u emerġenti biex jissaħħu l-prattiki ta’ trasparenza fiskali.

1.9.

Bl-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, l-UE tista’ ttejjeb b’mod sinifikanti t-trasparenza fiskali u l-prattiki ta’ bbaġitjar parteċipattiv fl-Istati Membri kollha tagħha. Dawn l-isforzi se jikkontribwixxu għal aktar fiduċja pubblika, użu aktar effettiv tar-riżorsi pubbliċi, u proċess demokratiku msaħħaħ fi ħdan il-qafas eżistenti tad-demokrazija rappreżentattiva. Il-KESE jenfasizza li dawn il-miżuri huma mfassla biex jikkomplementaw u jtejbu, mhux jissostitwixxu, l-istrutturi ta’ governanza attwali tal-UE, li fl-aħħar mill-aħħar iwasslu għal ċittadinanza aktar impenjata u infurmata u istituzzjonijiet aktar reattivi u responsabbli.

2.   Sfond u kummenti ġenerali

2.1.

It-trasparenza fiskali u l-ibbaġitjar parteċipattiv huma komponenti kritiċi ta’ governanza tajba, li jsaħħu l-proċessi demokratiċi li jikkomplementaw l-istrutturi rappreżentattivi tad-demokrazija.

2.2.

Għall-finijiet ta’ din l-Opinjoni:

—

It-trasparenza fiskali tirreferi għal kemm il-gvern huwa lest jiżvela informazzjoni finanzjarja. Dan jinkludi li d-data baġitarja ssir aċċessibbli għall-pubbliku, li jiġu pprovduti rapporti ċari u komprensivi dwar id-dħul u l-infiq tal-gvern u li jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet finanzjarji jkunu trasparenti.

—

L-ibbaġitjar parteċipattiv huwa proċess demokratiku li fih il-membri tal-pubbliku jiddeċiedu direttament kif jallokaw parti minn baġit pubbliku. Dan jippermetti l-involviment tal-komunità fid-deċiżjonijiet baġitarji, waqt li jiżgura li l-fondi pubbliċi jintefqu b’modi li jirriflettu l-prijoritajiet tal-popolazzjoni.

2.3.

Minkejja l-impenn tal-UE għat-trasparenza, jeżistu spariġġi sinifikanti fit-trasparenza fiskali f’diversi oqsma ta’ nfiq (eż. l-agrikoltura, il-politika ta’ koeżjoni) fil-QFP. Mhux biss hemm differenzi sinifikanti bejn il-fondi li huma ġestiti direttament mill-UE u dawk li huma taħt ġestjoni kondiviża, iżda hemm ukoll differenzi kbar fi ħdan l-għodod u l-livelli. Pereżempju, għall-politika ta’ koeżjoni, fil-livell tal-UE hemm żewġ eżempji ta’ pjattaformi li joffru għodod estensivi ta’ trasparenza għall-monitoraġġ tal-infiq: Cohesiondata (1) u Kohesio (2) jsegwu l-infiq kważi f’ħin reali, iżda b’livelli differenti ta’ dettall. Dan jiddependi wkoll mid-data miġbura fil-livell tal-Istati Membri. Fl-istess ħin, it-Tabella ta’ Valutazzjoni għall-Irkupru u r-Reżiljenza (3) ma tipprovdix data f’ħin reali, iżda biss stampa ex post tan-nefqa tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, minħabba n-natura tagħha bbażata fuq il-prestazzjoni, li torbot ir-rappurtar mal-kisba tal-istadji importanti u l-miri.

2.4.

L-UE diġà tuża diversi mekkaniżmi ta’ responsabbiltà, inkluża l-proċedura ta’ kwittanza biex tirrevedi kif jiġi implimentat il-baġit, il-prinċipju tas-sħubija biex iċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili jiġu involuti fl-ippjanar tal-fondi tal-UE, u l-panels taċ-ċittadini biex il-pubbliku jingħata vuċi fi kwistjonijiet baġitarji. Dan il-mekkaniżmu tal-aħħar jagħmel enfasi partikolari fuq il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, bil-għan li terz tal-membri tal-panel jirrappreżentaw liż-żgħażagħ. Dawn l-għodod eżistenti jipprovdu pedament għat-tisħiħ tat-trasparenza fiskali u l-proċessi parteċipattivi fil-livell tal-UE.

2.5.

Fl-UE, l-ibbaġitjar parteċipattiv ġie implimentat fuq diversi skali, u dan juri li huwa l-aktar effettiv fil-livell lokali fejn iservi kemm bħala għodda għat-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll bħala opportunità edukattiva għaċ-ċittadini. Waqt li l-Parlament Ewropew u xi Stati Membri esperimentaw b’dan l-approċċ, il-prattiki jvarjaw ħafna fl-UE kollha. F’xi pajjiżi, l-ibbaġitjar parteċipattiv huwa stabbilit sew u integrat fl-istrutturi ta’ governanza, waqt li f’oħrajn jibqa’ marġinali. Dan ix-xenarju varjat, b’mod partikolari fil-livell sottonazzjonali, jenfasizza l-ħtieġa kritika għal approċċ komprensiv u integrattiv għat-trasparenza fiskali u l-ibbaġitjar parteċipattiv fl-UE kollha, bil-għan li jiżdiedu l-involviment pubbliku, it-trasparenza u r-responsabbiltà fil-proċessi baġitarji.

2.6.

Huwa importanti li jiġu rikonoxxuti d-diversi livelli ta’ bbaġitjar parteċipattiv, mil-livell lokali sa dak tal-UE. Hekk kif qed nespandu dawn il-prattiki, il-KESE u s-soċjetà ċivili organizzata jaqdu rwol kruċjali fl-iżgurar ta’ parteċipazzjoni effettiva u inklużiva. L-għarfien espert u n-networks stabbiliti tagħhom jistgħu jgħinu biex jitnaqqas id-distakk bejn iċ-ċittadini u l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE. Fil-livell tal-UE, għandna nużaw dawn l-organizzazzjonijiet biex niżviluppaw mudelli li jinkoraġġixxu parteċipazzjoni wiesgħa u sinifikanti, waqt li nippreservaw l-integrità tal-proċess.

3.   Kummenti ġenerali u rakkomandazzjonijiet

3.1.

Fid-dawl tal-isfidi li qed jiffaċċjaw l-istituzzjonijiet demokratiċi fl-Ewropa kollha, l-inizjattivi ta’ trasparenza u parteċipazzjoni joffru opportunità biex terġa’ tinbena l-fiduċja. Il-KESE, bħala pont bejn is-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet tal-UE, jista’ jaqdi rwol ċentrali f’dan il-proċess. Billi ninvolvu b’mod attiv lis-soċjetà ċivili organizzata fid-diskussjonijiet baġitarji u nuru b’mod ċar kif il-kontribut tagħhom jsawwar id-deċiżjonijiet, nistgħu noħolqu UE aktar inklużiva u reattiva.

3.2.

Il-KESE jargumenta favur l-iżvilupp ta’ qafas komuni għat-trasparenza fiskali fil-programmi kollha li huma ffinanzjati permezz tal-QFP, irrispettivament mil-livell ta’ ġestjoni. Qafas komuni għat-trasparenza fiskali jista’ jgħin biex jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha tal-UE jkollhom standards u linji gwida simili għat-trasparenza fiskali. Dan jista’ jgħin biex jiżdiedu t-trasparenza u r-responsabbiltà fl-infiq pubbliku u jitnaqqas ir-riskju tal-evażjoni tat-taxxa u l-korruzzjoni.

3.3.

L-aħħar Stħarriġ dwar il-Baġit Miftuħ (2023) jenfasizza oqfsa leġiżlattivi u mekkaniżmi ta’ sorveljanza insuffiċjenti għat-trasparenza fiskali u l-ibbaġitjar parteċipattiv fl-UE kollha. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti standards uniformi għall-UE kollha permezz ta’ leġiżlazzjoni, li jiżguraw trasparenza konsistenti irrispettivament minn fejn jintefqu l-fondi tal-UE. Jirrakkomanda wkoll li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-istituzzjonijiet fiskali indipendenti eżistenti biex jissorveljaw u jivverifikaw il-finanzi pubbliċi, u mhux joħolqu saffi burokratiċi ġodda. Dawn il-miżuri għandhom jitfasslu skont il-fażijiet differenti tal-proċess baġitarju – l-ippjanar, l-eżekuzzjoni u l-awditjar – li kull wieħed minnhom jeħtieġ approċċi parteċipattivi distinti. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu żviluppati settijiet ta’ għodod speċifiċi għal kull fażi biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jiġu involuti b’mod effettiv matul iċ-ċiklu baġitarju kollu. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jindirizzaw id-disparità attwali fil-prattiki ta’ trasparenza fost il-pajjiżi tal-UE u jsaħħu r-responsabbiltà fiskali ġenerali.

3.4.

Iż-żieda fil-parteċipazzjoni pubblika fl-ibbaġitjar hija kruċjali sabiex it-trasparenza ssir realtà. L-ibbaġitjar parteċipattiv huwa għodda b’saħħitha li tista’ żżid it-trasparenza u r-responsabbiltà fl-infiq pubbliku. L-UE tista’ tħeġġeġ lil aktar Stati Membri jadottaw ibbaġitjar parteċipattiv u jipprovdu appoġġ lil dawk li diġà qed jimplimentawh.

3.5.

Biex nindirizzaw l-isfida ta’ baġits kumplessi tal-UE, li huma diffiċli kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għall-ispeċjalisti biex jifhmuhom, għandhom isiru sforzi biex tiġi ssemplifikata u ċċarata l-informazzjoni baġitarja. Dan jista’ jinvolvi l-ħolqien ta’ sommarji faċli għall-utent u preżentazzjonijiet viżwali tad-data tal-baġit, kif ukoll l-għoti ta’ riżorsi edukattivi biex jgħinu liċ-ċittadini jifhmu aħjar il-finanzi tal-UE. Il-KESE jirrakkomanda li ssir referenza sistematika għar-riżorsi relatati mal-finanzjament u t-trasparenza tal-baġit tal-UE f’siti li jagħtu dettalji dwar kif iċ-ċittadini u n-negozji jistgħu jużaw il-fondi tal-UE, idealment permezz ta’ FAQs, settijiet ta’ għodod, u formati aċċessibbli oħra.

3.6.

Il-KESE jipproponi li tiġi żviluppata pjattaforma diġitali għall-UE kollha għat-trasparenza fiskali biex tissaħħaħ ir-responsabbiltà tal-infiq pubbliku. Din il-pjattaforma faċli għall-utent tkun tintegra l-isforzi eżistenti, waqt li tipprovdi aċċess f’ħin reali għad-data baġitarja, id-dettalji tal-akkwist, u l-eżiti tal-proġetti. Billi tikkollabora mal-organizzazzjonijiet tat-teknoloġija ċivika, mas-soċjetà ċivili, u mal-imsieħba tas-settur privat, il-pjattaforma tista’ tisfrutta l-għarfien espert biex toħloq għodod attraenti u effettivi. Biex jitnaqqas kemm jista’ jkun il-piż amministrattiv, din għandha tislet id-data direttament mis-sistemi eżistenti aktar milli tirrikjedi rapportar addizzjonali mill-Istati Membri. Pjattaforma bħal din ittejjeb b’mod sinifikanti l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni finanzjarja tal-UE u l-fehim tagħha.

3.7.

Biex dawn l-għodod iħallu impatt, l-involviment tal-partijiet ikkonċernati huwa kruċjali. L-UE tista’ tħeġġeġ l-involviment tal-partijiet ikkonċernati billi tipprovdi opportunitajiet lill-membri tal-pubbliku u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jipparteċipaw fil-proċess tal-ibbaġitjar u jipprovdu kontribut dwar il-politiki fiskali. Dan għandu jikkomplementa, u mhux jieħu post, il-proċessi ta’ konsultazzjoni formali mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili. L-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata għandu jkun ir-rekwiżit minimu biex jiġu stabbiliti l-prijoritajiet baġitarji.

3.8.

L-għoti ta’ taħriġ u bini tal-kapaċitajiet għall-uffiċjali pubbliċi, fil-livelli kollha li jimmaniġġjaw il-fondi li ġejjin mill-QFP, kif ukoll għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, jista’ jgħin biex jiżdiedu t-trasparenza fiskali u r-responsabbiltà. L-UE tista’ tipprovdi taħriġ u programmi ta’ bini tal-kapaċitajiet biex tgħin lill-uffiċjali pubbliċi u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jifhmu l-importanza tat-trasparenza fiskali u kif jimplimentawha b’mod effettiv.

3.9.

Ostaklu sinifikanti għal trasparenza fiskali effettiva u bbaġitjar parteċipattiv huwa l-livell baxx ta’ sensibilizzazzjoni u involviment tal-pubbliku. Ħafna nies mhumiex infurmati dwar id-dritt tagħhom li jipparteċipaw jew kif jaċċessaw informazzjoni fiskali. Għandu jingħata appoġġ sinifikanti taħt kull fond ewlieni biex jiġu implimentati kampanji komprensivi ta’ edukazzjoni u sensibilizzazzjoni flimkien mas-soċjetà ċivili, u programmi ta’ bini tal-kapaċitajiet għall-uffiċjali tal-gvern u l-impjegati taċ-ċivil dwar l-aħjar prattiki għat-trasparenza u l-involviment taċ-ċittadini. Dawn il-kampanji għandhom ikunu mmirati mhux biss lejn iċ-ċittadini iżda wkoll lejn in-negozji, u jiġi rikonoxxut ir-rwol tagħhom bħala partijiet ikkonċernati ewlenin fix-xenarju ekonomiku tal-UE.

3.10.

L-UE għandha tagħti prijorità lill-involviment taż-żgħażagħ fil-proċessi ta’ bbaġitjar parteċipattiv, peress li fil-futur iż-żgħażagħ se jkunu l-partijiet ikkonċernati u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet. Dan jista’ jinkiseb billi jiġu żviluppati pjattaformi u għodod diġitali favur iż-żgħażagħ għall-ibbaġitjar parteċipattiv, it-twettiq ta’ kampanji mmirati ta’ sensibilizzazzjoni biex jinfurmaw u jinvolvu liż-żgħażagħ, u ħidma flimkien ma’ organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u istituzzjonijiet edukattivi biex jippromovu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ. Bħala pass konkret, l-UE tista’ tikkunsidra li toħloq programm pilota li permezz tiegħu ż-żgħażagħ jiddeċiedu dwar perċentwal żgħir ta’ baġit rilevanti permezz ta’ organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.

4.   Kummenti u rakkomandazzjonijiet speċifiċi

4.1.

Waqt li hemm ħafna għodod innovattivi għat-trasparenza fiskali u l-ibbaġitjar parteċipattiv, ħafna drabi dawn ikunu frammentati u ma jiġux adottati b’mod wiesa’ fl-UE kollha. Hemm bżonn ta’ koordinazzjoni u appoġġ akbar għall-inizjattivi tat-teknoloġija ċivika. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ avvenimenti li jlaqqgħu flimkien esperti tat-teknoloġija, uffiċjali tal-gvern u s-soċjetà ċivili biex joħolqu soluzzjonijiet għat-trasparenza fiskali u l-involviment pubbliku. Fl-istess ħin, pjattaformi effettivi fil-livell tal-Istati Membri jew tal-UE bħal opencoesione.it (4) u cohesiondata.ec.europa.eu (5) jistgħu u għandhom isiru standard.

4.2.

Ħafna gvernijiet mhumiex qed jużaw bis-sħiħ l-analitika tad-data u l-Intelliġenza Artifiċjali (IA) biex itejbu t-trasparenza fiskali u l-ibbaġitjar parteċipattiv. Dawn it-teknoloġiji jistgħu jipprovdu għarfien aktar profond dwar id-data baġitarja u jtejbu t-teħid tad-deċiżjonijiet. Bil-ħtieġa li tittieħed aktar azzjoni lejn ftehim diġitali, dan il-qasam għandu jkun wieħed mill-ewwel li jintegra l-analitika tad-data avvanzata u l-IA. L-analitika tad-data tista’ tintuża biex tipprovdi għarfien dwar ix-xejriet tal-infiq, tbassar l-eżiti tal-baġit u tidentifika kwistjonijiet potenzjali. L-għodod xprunati mill-IA jistgħu jintużaw biex jiġu analizzati settijiet kbar ta’ data, jiġu identifikati anomaliji u jiġi ssuġġerit titjib fl-allokazzjonijiet baġitarji.

4.3.

Il-kollaborazzjoni transfruntiera u l-kondiviżjoni tal-għarfien dwar it-trasparenza fiskali u l-ibbaġitjar parteċipattiv fost l-Istati Membri tal-UE għadhom limitati. Il-KESE jirrakkomanda li jiżdiedu l-opportunitajiet għal din il-kollaborazzjoni taħt il-programmi ffinanzjati mill-QFP permezz ta’ inizjattivi fl-UE kollha jew sħubijiet reġjonali. Dawn l-isforzi għandhom jiffaċilitaw l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet konġunti għall-isfidi komuni tat-trasparenza. Għandha ssir enfasi speċjali fuq it-trawwim ta’ kollaborazzjonijiet transfruntiera fost l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-mexxejja żgħażagħ f’dan il-qasam, u fl-istess ħin jiġi żgurat li l-ġenerazzjoni li jmiss tkun involuta b’mod attiv fl-avvanz tat-trasparenza fiskali u l-ibbaġitjar parteċipattiv fl-UE kollha.

4.4.

Il-KESE jinnota li ħafna inizjattivi ta’ bbaġitjar parteċipattiv u ta’ trasparenza huma nieqsa minn mekkaniżmi robusti ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ, u dan jagħmilha diffiċli biex tiġi vvalutata l-effettività tagħhom u jsir it-titjib meħtieġ. Biex dan jiġi indirizzat, jirrakkomanda li jiġu implimentati oqfsa ta’ monitoraġġ komprensivi li jinkludu valutazzjonijiet tal-impatt regolari u mezzi ta’ feedback għaċ-ċittadini. Dawn il-miżuri jiffaċilitaw it-titjib kontinwu ta’ dawn l-inizjattivi, u fl-istess ħin jiżguraw l-effettività u r-rispons kontinwu tagħhom. Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u tal-proċedura ta’ kwittanza biex tiġi żgurata r-responsabbiltà fiskali u jirrakkomanda li dan il-proċess jitqies b’mod aktar iddettaljat u jsir aktar aċċessibbli fil-kuntest tat-tisħiħ tat-trasparenza fiskali.

L-integrazzjoni ta’ angoli ewlenin tal-politika tal-UE

4.5.

Il-QFP jistabbilixxi l-prijoritajiet u l-allokazzjonijiet tal-infiq fit-tul tal-UE, waqt li jaġixxi kemm bħala restrizzjoni kif ukoll bħala faċilitatur għat-trasparenza fiskali u l-ibbaġitjar parteċipattiv. Il-KESE jirrakkomanda li l-għodod ta’ trasparenza fiskali jiġu allinjati mal-prijoritajiet strateġiċi tal-QFP, li jintuża bħala l-qafas ewlieni għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-prinċipji. Dan l-allinjament jista’ jgħin biex jiġu żgurati finanzjament u appoġġ istituzzjonali għal inizjattivi ta’ trasparenza waqt li jiġi żgurat li l-QFP li jmiss jinkorpora l-ogħla grad ta’ trasparenza u parteċipazzjoni. Il-KESE jenfasizza l-importanza li s-soċjetà ċivili organizzata tiġi involuta fit-tħejjija tal-QFP, permezz ta’ konsultazzjonijiet strutturati simili għal dawk użati għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

4.6.

Il-politika ta’ koeżjoni, kruċjali għat-tnaqqis tad-disparitajiet bejn ir-reġjuni, qed tiġi taħt skrutinju fi klima ta’ populiżmu dejjem jikber u kritika tal-burokrazija tal-UE. Il-KESE jemmen li t-tisħiħ tat-trasparenza u tal-prattiki parteċipattivi jista’ jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-politika ta’ koeżjoni fi ħdan il-QFP. Dan jinvolvi l-iżgurar li l-fondi ta’ koeżjoni jiġu allokati b’mod trasparenti, bi kriterji ċari u rapportar pubbliku dwar l-eżiti, waqt li jiġu integrati wkoll il-proċessi baġitarji parteċipattivi fid-deċiżjonijiet ta’ finanzjament. Billi tinvolvi lill-komunitajiet lokali fid-determinazzjoni ta’ kif jiġu allokati l-fondi, l-UE tista’ trawwem fehim u appoġġ akbar għall-politika ta’ koeżjoni, tiġġieled il-kritika u ssaħħaħ l-importanza tagħha fl-indirizzar tal-inugwaljanzi reġjonali. Il-KESE jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni tal-ibbaġitjar parteċipattiv trid tqis il-livelli differenti ta’ deċentralizzazzjoni fl-Istati Membri kollha. L-approċċi għandhom ikunu flessibbli biżżejjed biex jakkomodaw dawn id-differenzi fl-istess waqt li jitkomplew jiġu promossi t-trasparenza u l-involviment taċ-ċittadini fil-livelli kollha ta’ governanza.

4.7.

L-adeżjoni potenzjali tal-Ukrajna, tal-Moldova u tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent sal-2030 se jkollha impatt sinifikanti fuq ix-xenarju finanzjarju tal-UE. Il-KESE jirrakkomanda prattiki fiskali trasparenti għat-tħejjija għal dan it-tkabbir, li jappoġġjaw lill-pajjiżi kandidati fl-adozzjoni tal-istandards tal-UE għat-trasparenza fiskali u l-ibbaġitjar parteċipattiv. L-aġġustamenti għall-QFP u l-politika ta’ koeżjoni għandhom isiru b’mod trasparenti, bil-kontribut tas-soċjetà ċivili, biex jiġu akkomodati l-ħtiġijiet finanzjarji futuri tal-Istati Membri ġodda. Barra minn hekk, l-involviment attiv taż-żgħażagħ minn pajjiżi kandidati f’dawn id-diskussjonijiet jista’ jrawwem kultura ta’ trasparenza fost il-mexxejja futuri, u fl-istess ħin jiżgura integrazzjoni bla xkiel u impenn fit-tul għal dawn il-prinċipji.

4.8.

Il-gwerra Russa kontra l-Ukrajna żiedet il-ħtieġa għall-indipendenza enerġetika, ħtieġa li potenzjalment tmur kontra l-impenji tal-Green Deal. Il-KESE jargumenta li l-ibbaġitjar trasparenti jista’ jgħin biex jinsab bilanċ bejn dawn il-prijoritajiet f’kompetizzjoni. L-UE jeħtiġilha tikkomunika b’mod ċar kif qed tippjana li tikseb kemm l-indipendenza enerġetika kif ukoll il-miri tal-Patt Ekoloġiku, waqt li tiżgura l-involviment tal-pubbliku f’dawn id-deċiżjonijiet kritiċi. L-investimenti fl-infrastruttura tal-enerġija għandhom ikunu trasparenti u allinjati mal-għanijiet ta’ sostenibbiltà fit-tul, b’kontribut mill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-attivisti tal-klima dwar l-investiment sostenibbli u l-prattiki tal-ibbaġitjar.

4.9.

Ir-rapport Enrico Letta “Much more than a market” jenfasizza l-importanza li tinżamm il-kompetittività tal-UE permezz tal-innovazzjoni, il-produttività u l-istabbiltà ekonomika. Politiki u prattiki fiskali trasparenti huma kruċjali biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Il-KESE jirrakkomanda li l-finanzjament għall-innovazzjoni jiġi allokat b’mod trasparenti u li jintuża bbaġitjar parteċipattiv fit-teħid tad-deċiżjonijiet ekonomiċi. Dan l-approċċ jista’ jtejjeb il-fehim pubbliku u l-appoġġ għal inizjattivi ta’ kompetittività waqt li jagħti spinta lil-leġittimità u l-effettività tal-politiki relatati. Il-KESE jirrikonoxxi wkoll l-għarfien komplementari pprovdut mir-rapport ta’ Draghi dwar il-kompetittività tal-UE, li jkompli jenfasizza l-ħtieġa għall-allokazzjoni trasparenti u effettiva tar-riżorsi biex tingħata spinta lir-reżiljenza ekonomika u l-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-UE.

4.10.

Meta jiġi implimentat l-ibbaġitjar parteċipattiv, huwa essenzjali li jintuża l-bażi ta’ għarfien kollettiv tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Dawn il-gruppi, bil-fehim profond tagħhom tal-ħtiġijiet tas-soċjetà, jistgħu jgħinu biex jibbilanċjaw ix-xewqat fuq terminu qasir ma’ investimenti fit-tul. Il-KESE jista’ jiffaċilita d-djalogu bejn diversi partijiet ikkonċernati, waqt li jiżgura li l-proċessi parteċipattivi jibbenefikaw minn firxa wiesgħa ta’ perspettivi u għarfien espert. Evalwazzjoni perjodika ta’ dawn il-proċessi, b’kontribut mill-organizzazzjonijiet parteċipanti, se tkun vitali jekk iridu jkomplu jittejbu u jibqgħu effettivi.

Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2024.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Oliver RÖPKE


(1)   Cohesiondata.

(2)   Kohesio.

(3)   Tabella ta’ Valutazzjoni għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

(4)   OpenCoesione.

(5)   Cohesiondata.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/101/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)