SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
23 ta’ Novembru 2017 ( *1 )
“Kompetizzjoni – Artikolu 101 TFUE – Ftehim bejn impriżi – Relazzjonijiet kummerċjali bejn operaturi ta’ pompi tal-petrol u kumpanniji taż-żejt u l-gass – Ftehim ta’ xiri esklużiv ta’ karburanti għal perijodu twil – Deċiżjoni li biha l-Kummissjoni Ewropea tiddikjara vinkolanti l-impenji ta’ impriża – Portata tan-natura vinkolanti ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-impenji fir-rigward tal-qrati nazzjonali – Artikolu 9(1) u Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003”
Fil-Kawża C‑547/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (qorti suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ottubru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Ottubru 2016, fil-proċedura
Gasorba SL,
Josefa Rico Gil,
Antonio Ferrándiz González
vs
Repsol Comercial de Productos Petrolíferos SA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, M. Safjan, D. Šváby (Relatur) u M. Vilaras, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Gasorba SL, Rico Gil u A. Ferrándiz González, minn D. García Riquelme, procurador, A. Hernández Pardo, abogado, kif ukoll minn L. Ruiz Ezquerra, abogado, |
|
– |
għal Repsol Comercial de Productos Petrolíferos SA, minn A. Requeijo Pascua u P. Arévalo Nieto, abogados, kif ukoll minn M. Villarrubia García, abogada, |
|
– |
għall-Gvern Spanjol, minn A Gavela Llopis, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u R. Kanitz, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Castilla Contreras kif ukoll minn F. Jimeno Fernández u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Settembru 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) u tal-Artikolu 101(3) TFUE. |
|
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Gasorba SL, Josefa Rico Gil u Antonio Ferrándiz González (iktar ’il quddiem, flimkien, “Gasorba et”) u Repsol Comercial de Productos Petrolíferos SA (iktar ’il quddiem “Repsol”) dwar il-validità, fir-rigward tal-Artikolu 101 TFUE, ta’ kuntratt ta’ kera ta’ pompa tal-petrol b’obbligu ta’ xiri esklużiv. |
Il-kuntest ġuridiku
|
3 |
Il-premessi 13 u 22 tar-Regolament Nru 1/2003 huma fformulati kif ġej:
[…]
|
|
4 |
Skont l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament dwar: “Poteri tal-qrati nazzjonali” “Qrati nazzjonali ħa jkollhom is-setgħa li japplikaw l-Artikoli [101] u [102 TFUE].” |
|
5 |
L-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, li huwa ddedikat għar-“Rabta”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Fejn il-Kummissjoni qed taħseb li tadotta deċiżjoni li tirrikjedi li ksur jinġieb fit-temm [tmiem] u l-impriża konċernata toffri rabta [impenn] li tilħaq il‑konċerni espressi lilhom mil-Kummissjoni fl-istima preliminari, il-Kummissjoni tista b’deċiżjoni tagħmel dak l-rbit [impenn] vinkolanti fuq l-impriża. Deċiżjoni bħal din tista tiġi adottata għal perjodu speċifiku u ħa [għandha] ttikkonkludi li ma hemmx aktar raġuni għall-azzjoni mil-Kummissjoni.” |
|
6 |
L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1/2003 dwar “Koperazzjoni bejn qrati nazzjonali” jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Fil-proċeduri għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [101] jew l-Artikolu [102 TFUE], qrati ta’ Stati Membri jistgħu jistaqsu lil Kummissjoni biex tittrasmettilhom l-informazzjoni fil-pussess tagħha jew l-opinjoni tagħha fuq id-domandi li jikkonċernaw l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità.” |
|
7 |
L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1/2003 intitolat “L-applikazzjoni uniformi tal-Liġi tal-Kompetizzjoni tal-Komunità”, jiddikjara fil-paragrafu 1 tiegħu: “Meta il-qrati nazzjonali jiddeċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi taħt l-Artikolu [101] jew l-Artikolu [102 TFUE] li huma diġa suġġetti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jieħdux id-deċiżjonijiet li jmorru kontra id-deċiżjoni adottata mil-Kummissjoni. Huma jridu jevitaw li jieħdu deċiżjonijiet li huma f’kunflitt ma deċiżjoni kontemplata mil-Kummissjoni fil-proċeduri li jniżjat [mressqa minnha]. Għal dak l-effet, il-qrati nazzjonali jistgħu jagħmlu stima jekk huwiex neċessarju li jpoġġu [jissospendu] dawn il-proċeduri. Dan l-obligu hu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obligazzjonijiet taħt l-Artikolu [267 TFUE].” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
8 |
Fil-15 ta’ Frar 1993, J. Rico Gil u A. Ferrándiz González ikkonkludew żewġ kuntratti ma’ Repsol. |
|
9 |
Permezz tal-ewwel wieħed minn dawn il-kuntratti intitolat “att ta’ kostituzzjoni ta’ użufrutt” J. Rico Gil u A. Ferrándiz González ikkostitwixxew dritt reali ta’ użufrutt favur Repsol, għal perijodu ta’ 25 sena, fuq biċċa art li tinsab f’Orba (Spanja) u fuq il-pompa tal-petrol mibnija hemmhekk, kif ukoll fuq il-konċessjoni amministrattiva li awtorizzat l-operat ta’ din il-pompa tal-petrol. |
|
10 |
Permezz tat-tieni wieħed minn dawn il-kuntratti, intitolat “kuntratt ta’ trasferiment tal-operat ta’ pompa tal-petrol, ta’ bini u ta’ industrija u ta’ xiri esklużiv” (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ kiri”), Repsol kriet lil A. Ferrándiz González l-art u l-pompa tal-petrol għal perijodu ta’ 25 sena, bil-korrispettiv ta’ kera fix-xahar ta’ ESP 10000 (pesetas Spanjoli) (madwar EUR 60). |
|
11 |
Fit-12 ta’ Novembru 1994, J. Rico Gil, A. Ferrándiz González u ż-żewġt itfal tagħhom ikkostitwixxew kumpannija Gasorba, li ġiet issurrogata fid-drittijiet ta’ J. Rico Gil u A. Ferrándiz González ibbażati fuq kuntratti konklużi ma’ Repsol, bil-kunsens ta’ din tal-aħħar. |
|
12 |
Il-kuntratt ta’ kera kien jimponi fuq il-kerrejja, matul il-perijodu kollu tal-kuntratt ta’ kera, li jixtru esklużivament mingħand Repsol, li kienet tavżahom perijodikament dwar l-ogħla prezzijiet tal-bejgħ tal-karburant lill-pubbliku u kienet tippermetti lill-kerrejja li jagħtu skontijiet imnaqqsa mill-kummissjoni tagħhom, mingħajr tnaqqis mid-dħul tal-fornitur. |
|
13 |
Il-Kummissjoni fetħet proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE kontra Repsol. Wara evalwazzjoni preliminari, hija qieset li l-kuntratti ta’ distribuzzjoni esklużiva għal perijodu twil, inklużi l-kuntratti li jorbtu l-partijiet fil-kawża prinċipali, iqajmu dubji dwar il-kompatibbiltà tagħhom mal-Artikolu 101 TFUE, sa fejn setgħu jipprovokaw “effett ta’ saturazzjoni” kbir fuq is-suq Spanjol tal-kummerċ bl-imnut tal-karburant. |
|
14 |
Bi tweġiba għall-evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni, Repsol issottomettiet lil din tal-aħħar proposti ta’ impenji li jinkludu, b’mod partikolari, li fil-futur ma tikkonkludix kuntratti ta’ esklużività għal perijodu twil, li toffri inċentivi finanzjarji lill-kerrejja tal-pompi tal-petrol ikkonċernati sabiex itemmu, qabel ma jiskadu, il-kuntratti ta’ xiri għal perijodu twil li kienu jorbtuhom ma’ Repsol, kif ukoll li ma takkwistax, matul perijodu determinat, pompi tal-petrol indipendenti li tagħhom hija ma kinitx diġà l-fornitur. |
|
15 |
L-imsemmija impenji ġew reżi obbligatorji permezz tad-Deċiżjoni 2006/446/KE tal-Kummissjoni, tat-12 ta’ April 2006, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE (Kawża COMP/B‑1/38.348 – Repsol CPP) (ĠU 2006, L 176, p. 104, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar l-impenji”). |
|
16 |
Id-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni huwa fformulat kif ġej: “Artikolu 1 L-impenji […] huma vinkolanti għal Repsol. Artikolu 2 Il-proċedura f’din il-kawża għandha tingħalaq. Artikolu 3 Din id-deċiżjoni tapplika mid-data tan-notifika tagħha lil Repsol sal-31 ta’ Diċembru 2011. Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Repsol.” |
|
17 |
Wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, Gasorba et ippreżentaw rikors kontra Repsol, quddiem il-Juzgado de lo Mercantil de Madrid Nru 4 (qorti tal-kummerċ ta’ Madrid, Spanja), fis-17 ta’ April 2008, intiż, minn naħa, għall-annullament tal-kuntratt ta’ kera għar-raġuni li kien kuntrarju għall-Artikolu 101 TFUE u, min-naħa l-oħra, għal kumpens għad-danni li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-imsemmi kuntratt. |
|
18 |
Madankollu, dawn ġew miċħuda, qabel kollox, permezz ta’ sentenza mogħtija fit-8 ta’ Lulju 2011 minn din il-qorti, imbagħad, fl-appell, permezz ta’ sentenza ta’ konferma tal-Audiencia Provincial de Madrid (qorti provinċjali ta’ Madrid, Spanja) tas-27 ta’ Jannar 2014. |
|
19 |
Peress li d-deċiżjoni dwar l-impenji ma tipprekludix qorti nazzjonali milli tannulla kuntratt kopert minn din l-istess deċiżjoni minħabba ksur tal-Artikolu 101 TFUE, Gasorba et ippreżentaw appell ta’ kassazzjoni quddiem it-Tribunal Supremo (qorti suprema, Spanja). |
|
20 |
Din il-qorti tal-aħħar tqis li jeżistu dubji dwar il-portata tal-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali fir-rigward tal-Artikoli 9 u 16 tar-Regolament Nru 1/2003. F’dan ir-rigward hija tindika li l-Kummissjoni tidher li mminimizzat l-effett tad-deċiżjoni fuq l-impenji billi indikat, fl-avviż tat-8 ta’ Lulju 2009, mitlub abbażi tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1/2003 mill-Juzgado de lo Mercantil de Barcelona (qorti tal-kummerċ ta’ Barcelona) fil-kuntest tal-kawża li tat lok għad-digriet tas-27 ta’ Marzu 2014, Bright Service (C‑142/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:204), li din id-deċiżjoni ma tippreġudikax l-analiżi li l-Kummissjoni tista’ twettaq abbażi ta’ investigazzjonijiet sussegwenti u ta’ fatti addizzjonali. L-imsemmija deċiżjoni lanqas ma tippreġudika l-analiżi li għandha twettaq il-qorti nazzjonali. Skont il-Kummissjoni, id-deċiżjonijiet ibbażati fuq l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 għandhom bħala l-uniku għan tagħhom li jagħmlu obbligatorji, għall-impriżi kkonċernati, l-impenji proposti mill-partijiet sabiex jirrimedjaw il-problemi tal-kompetizzjoni kkonstatati, iżda ma jippronunzjawx ruħhom fuq l-eżistenza ta’ ksur passat jew attwali tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE. |
|
21 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
22 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003 għandux jiġi interpretat li jipprekludi lill-qorti nazzjonali milli tannulla ftehim bejn impriżi abbażi tal-Artikolu 101(2) TFUE, meta l-Kummissjoni tkun aċċettat minn qabel l-impenji li saru fil-kuntest tal-istess ftehim u reżi obbligatorji f’deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament. |
|
23 |
Konformement mal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1/2003, moqri fid-dawl tal-premessa 22 ta’ dan l-istess regolament, l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni hija bbażata fuq sistema ta’ kompetenzi paralleli fil-kuntest ta’ liema kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-qrati nazzjonali jistgħu japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE. |
|
24 |
L-uniformità tal-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni hija ggarantita b’mod partikolari mill-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003 li jobbliga lill-qrati nazzjonali li ma jiħdux deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura miftuħa skont ir-Regolament Nru 1/2003. |
|
25 |
Issa, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament jirriżulta li deċiżjoni meħuda abbażi ta’ dan l-artikolu għandha bħala effett b’mod partikolari li tirrendi obbligatorji l-impenji, proposti mill-impriżi, li huma ta’ natura li jwieġbu għall-preokkupazzjonijiet kompetittivi identifikati mill-Kummissjoni matul l-evalwazzjoni preliminari tagħha. Għandu jiġi kkonstatat li tali deċiżjoni ma tiċċertifikax il-konformità tal-prattika, li kienet is-suġġett tal-preokkupazzjonijiet, mal-Artikolu 101 TFUE. |
|
26 |
Fil-fatt, peress li, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003, moqri fid-dawl tal-premessa 13 ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni tista’ tagħmel biss “evalwazzjoni preliminari” tas-sitwazzjoni kompetittiva, mingħajr ma, sussegwentement, id-deċiżjoni dwar l-impenji meħuda abbażi ta’ dan l-artikolu tistabbilixxi jekk kienx hemm ksur jew le, ma jistax jiġi eskluż li qorti nazzjonali tikkonkludi li l-prattika li hija s-suġġett tad-deċiżjoni dwar l-impenji tikser l-Artikolu 101 TFUE u li, billi tagħmel hekk, hija tintendi, b’differenza mill-Kummissjoni, li tistabbilixxi ksur ta’ dan l-artikolu. |
|
27 |
Barra minn hekk, il-premessi 13 u 22 tar-Regolament Nru 1/2003, moqrija flimkien, jispeċifikaw espliċitament li d-deċiżjonijiet dwar l-impenji, huma bla preġudizzju għall-fakultà li għandhom l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati tal-Istati Membri li jiddeċiedu l-kawża, u ma jaffettwawx is-setgħa li għandhom il-qrati u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri li japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE. |
|
28 |
Minn dan isegwi li deċiżjoni meħuda abbażi tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003 ma toħloqx aspettattiva leġittima fir-rigward tal-impriżi kkonċernati dwar il-fatt li l-aġir tagħhom ikun konformi mal-Artikolu 101 TFUE. Fil-fatt, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-deċiżjoni dwar l-impenji ma tistax ma “tillegalizzax” l-aġir tal-impriża kkonċernata fis-suq, u wisq inqas retroattivament. |
|
29 |
Għaldaqstant, il-qrati nazzjonali ma jistgħux jinjoraw deċiżjonijiet bħal dawn. Fil-fatt, dawn l-atti huma, fi kwalunkwe każ, ta’ natura deċiżiva. Barra minn hekk, kemm il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stipulat fl-Artikolu 4(3) TUE, kif ukoll l-għan ta’ applikazzjoni effettiva u uniformi tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jirrikjedu li l-qorti nazzjonali tikkunsidra l-evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni u li tikkunsidraha bħala indizju, jew saħansitra bħala provi prima facie, tan-natura antikompetittiva tal-ftehim inkwistjoni fid-dawl tal-Artikolu 101(1) TFUE. |
|
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni dwar l-impenji adottata mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ ċerti ftehimiet bejn impriżi, skont l-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament, ma tipprekludix lill-qrati nazzjonali milli jeżaminaw il-konformità tal-imsemmija ftehimiet mar-regoli tal-kompetizzjoni u jikkonstataw, fejn xieraq, l-annullament ta’ dawn tal-aħħar skont l-Artikolu 101(2) TFUE. |
Fuq it-tieni domanda
|
31 |
Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. |
Fuq l-ispejjeż
|
32 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni dwar l-impenji adottata mill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward ta’ ċerti ftehimiet bejn impriżi, skont l-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament, ma tipprekludix lill-qrati nazzjonali milli jeżaminaw il-konformità tal-imsemmija ftehimiet mar-regoli tal-kompetizzjoni u jikkonstataw, fejn xieraq, l-annullament ta’ dawn tal-aħħar skont l-Artikolu 101(2) TFUE. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.