12004V201

Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - PARTI III - POLITIKA U FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI - TITOLU III - POLITIKA U AZZJONIJIET INTERNI - KAPITOLU II - POLITIKA EKONOMIKA U MONETARJA - Sezzjoni 5 - Disposizzjonijiet transitorji - Artikolu III-201

Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0089 - 0090


Artikolu III-201

1. Meta Stat Membru b'deroga jkollu diffikultajiet jew ikun mhedded b'mod serju b'diffikultajiet fir-rigward tal-bilanċ tal-pagamenti tiegħu jew bħala riżultat ta' skwilibriju ġenerali fil-bilanċ tal-pagamenti tiegħu, jew bħala riżultat tat-tip ta' muniti għad-disposizzjoni tiegħu, u meta dawn id-diffikultajiet b'mod partikolari x'aktarx jipperikolaw il-funzjonament tas-suq intern jew l-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali komuni, l-Kummissjoni għandha immedjatament tinvestiga l-posizzjoni ta' l-Istat in kwistjoni u l-azzjoni li, bl-użu tal-mezzi kollha għad-disposizzjoni tiegħu, dak l-Istat ikun ħa jew jista' jieħu skond il-Kostituzzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiddikjara liema miżuri tirrakkomanda li l-Istat Membru konċernat għandu jadotta.

Jekk l-azzjoni meħuda minn Stat Membru b'deroga u l-miżuri suġġeriti mill-Kummissjoni ma jkunux biżżejjed biex jegħlbu d-diffikultajiet li jkunu nħolqu jew li jistgħu jinħolqu, l-Kummissjoni għandha, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, tirrakkomanda lill-Kunsill l-għoti ta' għajnuna reċiproka u metodi xierqa.

Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kunsill regolarment infurmat bis-sitwazzjoni u b'kif din tevolvi.

2. Il-Kunsill għandu jadotta regolamenti jew deċiżjonijiet Ewropej li jagħtu din l-għajnuna reċiproka u jiffissaw il-kondizzjonijiet u d-dettalji tagħha. L-għajnuna reċiproka tista' tieħu l-forma ta':

a) azzjoni konċertata fi kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali oħra li għaliha l-Istati Membri b'deroga ikollhom id-dritt li jirrikorru;

b) miżuri meħtieġa sabiex tiġi evitata devjazzjoni tal-kummerċ meta l-Istat Membru b'deroga, li jkun f'diffikultajiet, iżomm jew jerġa' jdaħħal restrizzjonijiet kwantitattivi kontra pajjiżi terzi;

ċ) l-għoti ta' krediti limitati minn Stati Membri oħra, soġġett għall-kunsens tagħhom.

3. Jekk l-għajnuna reċiproka rakkomandata mill-Kummissjoni ma tingħatax mill-Kunsill jew jekk l-għajnuna reċiproka mogħtija u l-miżuri meħuda mhumiex biżżejjed, il-Kummissjoni għandha tawtorizza l-Istat Membru b'deroga, li hu f'diffikultajiet, biex jieħu miżuri protettivi, li l-kondizzjonijiet u d-dettalji tagħhom għandha tiddeterminahom il-Kummissjoni.

Din l-awtorizzazzjoni tista' tiġi revokata u dawn il-kondizzjonijiet u d-dettalji jistgħu jinbidlu mill-Kunsill.

--------------------------------------------------