KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fit‑13 ta’ Marzu 2025 ( 1 )
Kawża C‑142/24
Familienstiftung
vs
Finanzamt Köln-West
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Köln (il‑Qorti tal-Finanzi ta’ Köln, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea — Artikolu 63 tat-Trattat FUE — Moviment liberu tal-kapital — Taxxa fuq is-suċċessjoni u d‑donazzjonijiet — Issuġġettar għal taxxa fuq it-trasferiment ta’ patrimonju inter vivos mingħajr ħlas permezz tal-ħolqien ta’ fondazzjoni tal-familja — Fondazzjoni tal-familja b’sede f’Liechtenstein — Issuġġettar għal taxxa fuq id-donazzjonijiet fil‑Ġermanja — Trattament fiskali sfavorevoli tal-fondazzjoni ta’ familja barranija — Ġustifikazzjoni — Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali — Koerenza tas-sistema fiskali — Taxxa ta’ suċċessjoni sostitutiva — Proporzjonalità”
|
1. |
Id-dritt Ġermaniż jawtorizza l-ħolqien ta’ fondazzjonijiet tal‑familja fl-interess ta’ familja waħda jew ta’ diversi familji. Meta l‑fundatur huwa residenti fil-Ġermanja, it-trasferiment ta’ patrimonju sabiex tinħoloq waħda minn dawn il-fondazzjonijiet permezz ta’ att inter vivos huwa suġġett għat-taxxa fuq id-donazzjonijiet, kemm jekk il‑fondazzjoni titwaqqaf fil-Ġermanja kif ukoll jekk f’pajjiż ieħor. |
|
2. |
Il-fondazzjoni tal-familja mwaqqfa barra mill-pajjiż minn persuna residenti fil-Ġermanja tirċievi trattament fiskali iktar oneruż minn dik imwaqqfa fil-Ġermanja. Din id-differenza hija bbażata, skont l‑awtoritajiet Ġermaniżi, fuq li l-fondazzjonijiet tal-familja ta’ dan l‑Istat Membru iħallsu, kull tletin sena, “taxxa ta’ suċċessjoni sostitutiva”, li ma tapplikax fil-każ tal-fondazzjonijiet tal-familja mwaqqfa barra mill-pajjiż. |
|
3. |
Il-qorti tar-rinviju hija adita b’kawża bejn fondazzjoni ta’ familja mwaqqfa f’Liechtenstein minn persuna residenti fil-Ġermanja u l‑awtoritajiet tat-taxxa Ġermaniżi. Sabiex tiddeċiedi dwar it-tilwima, tixtieq tkun taf jekk il-leġiżlazzjoni fiskali ta’ dan l-Istat Membru, dwar it-taxxa fuq id-donazzjonijiet, tosservax il-prinċipju ta’ moviment liberu tal‑kapital stabbilit fl-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat‑2 ta’ Mejju 1992 ( 2 ). |
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt internazzjonali. Il-Ftehim ŻEE
|
4. |
L-Artikolu 40 jistipula: “Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, ma għandu jkun hemm l-ebda restrizzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti fuq il-moviment ta’ kapital li jappartjeni lil persuni li huma residenti fi Stati Membri tal-[Komunità Ewropea] jew fi Stati ta[l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA)] u ma għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni msejsa fuq iċ‑ċittadinanza jew fuq il-post ta’ residenza tal-partijiet jew fuq il-post fejn dak il-kapital hu investit. L-Anness XII fih id-dispożizzjonijiet necessarji biex jiġi implimentat dan l-Artikolu”. |
|
5. |
Fl-Anness XII, intitolat “Moviment liberu tal-kapital”, isir riferiment għad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE tal‑24 ta’ Ġunju 1988, għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat ( 3 ). |
B. Id-dritt tal-Unjoni. Id-Direttiva 88/361
|
6. |
Skont l-Artikolu 1: “1. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet segwenti, l-Istati Membri għandhom jabolixxu restrizzjonijiet fuq il-movimenti ta’ kapital li jseħħu bejn persuni residenti fi Stati Membri. Biex jiffaċilitaw l‑applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, movimenti ta’ kapital għandhom jkunu kklassifikati skond in-Nomenklatura fl-Anness I. […]” |
|
7. |
L-Anness I fih in-nomenklatura tal-movimenti ta’ kapital imsemmija fl-Artikolu 1. Taħt XI, iddedikat għal “Movimenti ta’ kapital personali”, u taħt l-ittra B jaqgħu “Rigali u iddotar”. |
C. Id-dritt Ġermaniż. ErbStG ( 4 )
|
8. |
L-Erbschaftsteuer- und Schenkungsteuergesetz (il-Liġi dwar it‑taxxa fuq is-suċċessjoni u fuq id-donazzjonijiet) (iktar ’il quddiem, l‑“ErbStG”) tistabbilixxi, fil-punt 2 tal-Artikolu 1(1) tagħha (“Tranżazzjonijiet suġġetti għal obbligu ta’ taxxa”), li donazzjonijiet inter vivos huma suġġetti għat-taxxa. |
|
9. |
Huwa wkoll suġġett għall-ErbStG, skont il-punt 4 tal‑Artikolu 1(1) tagħha, il-patrimonju ta’ fondazzjoni, sakemm hija mwaqqfa essenzjalment fl-interess ta’ familja jew ta’ familji partikolari, kull tletin sena. |
|
10. |
Skont l-Artikolu 2 (“Obbligu ta’ taxxa personali”), l-obbligu fiskali jsir dovut:
|
|
11. |
Skont il-punt 8 tal-Artikolu 7(1) (“Donazzjonijiet inter vivos”), huwa meqjus donazzjoni inter vivos it-trasferiment ta’ patrimonju permezz ta’ att tal-fondazzjoni inter vivos. |
|
12. |
Skont il-punt 4 tal-Artikolu 9(1) (“Fatt taxxabbli”), it‑taxxa titnissel, fil-każijiet previsti fil-punt 4 tal-Artikolu 1(1) kull tletin sena mid-data tal-ewwel trasferiment tal-assi lill-fondazzjoni. |
|
13. |
L-Artikolu 15(1) (“Klassijiet fiskali”) jispeċifika l-kriterji li għandhom jiġu stabbiliti, ibbażati fuq ir-relazzjoni personali bejn il‑benefiċjarju u l-mejjet jew id-donatur, il-klassijiet fiskali segwenti:
|
|
14. |
L-Artikolu 15(2) jistipula li, fil-każ tal-fondazzjonijiet previst fil‑punt 8 tal-Artikolu 7(1), it-taxxa hija bbażata fuq ir-rabta ta’ parentela bejn l-iktar benefiċjarju mbiegħed skont l-istatut tal-fondazzjoni u d‑deċedut jew id-donatur, sakemm il-fondazzjoni tkun twaqqfet fit-territorju nazzjonali essenzjalment fl-interess ta’ familja jew ta’ familji partikolari. |
|
15. |
L-Artikolu 16(1) (“Tnaqqis”) jistabbilixxi l-ammonti minimi eżentati li jistgħu jitnaqqsu mill-bażi taxxabbli f’każijiet ta’ taxxa minħabba obbligu personali, meta t-trasferiment isir favur:
[…]
|
|
16. |
L-Artikolu 19 (“Tipi ta’ taxxa”) jirregola r-rati ta’ taxxa skont il‑klassijiet fiskali u l-valur tat-trasferiment suġġett għat-taxxa. Għall‑klassi I, ir-rati jvarjaw minn 7 % sa 30 %; għall-klassi II, minn 15 % sa 43 %; u, għall-klassi III, minn 30 % sa 50 %. |
II. Il‑fatti, il‑kawża u d‑domanda preliminari
|
17. |
Fl‑2014, is-Sa Y (iktar ’il quddiem, il-“il-fundatriċi”), residenti fil‑Ġermanja, ħolqot fondazzjoni ta’ familja f’Liechtenstein skont il‑leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar pajjiż. |
|
18. |
Skont l-istatut tal-fondazzjoni, l-għan tagħha huwa li tippromwovi u tagħti appoġġ lill-ulied komuni tal-fundatriċi u tal-konjuġi mejjet tagħha. Il-benefiċjarji tal-fondazzjoni huma l-fundatriċi, l-imsemmija tfal komuni u wliedhom. |
|
19. |
Meta ħolqitha, il-fundatriċi tat patrimonju lill-fondazzjoni, li fuqu din akkwistat kapaċità totali u inkundizzjonata ta’ trasferiment ħieles tal-assi. Il-fundatriċi tilfet id-dritt li tiddisponi minn dan il‑patrimonju, mingħajr il-possibbiltà li titlob lura l-assi kollha jew parti minnhom. |
|
20. |
Fis‑16 ta’ April 2015, il-fondazzjoni nnotifikat it-tranżazzjoni lill‑Finanzamt Köln-West (l-Uffiċċju tat-Taxxa fil-Punent ta’ Köln, il‑Ġermanja; iktar ’il quddiem, l-“awtorità tat-taxxa”) u ppreżentat dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet. |
|
21. |
Peress li essenzjalment kienet twaqqfet għall-interess tal-familja tal-fundatriċi, il-fondazzjoni sostniet li, sabiex tiġi kkalkolata t-taxxa dovuta fuq id-donazzjonijiet, kellha tiġi kkunsidrata r-rabta ta’ parentela tal-iktar benefiċjarju mbiegħed mal-fundatriċi, skont l-istatut. Skont dan il-kriterju, hija applikat it-tnaqqis tal-bażi taxxabbli u r-rata tat-taxxa li tikkorrispondi mal-qraba tal-klassi I (’l hekk imsejjaħ il-“privileġġ tal-klassijiet fiskali”). |
|
22. |
Fit‑22 ta’ Novembru 2018, l-awtorità tat-taxxa ċaħdet dan l-approċċ. Hija argumentat li:
|
|
23. |
Fid‑19 ta’ Diċembru 2018, il-fondazzjoni ppreżentat rikors quddiem l-awtorità tat-taxxa, li ġie miċħud fis‑6 ta’ Jannar 2021. |
|
24. |
Fil‑5 ta’ Frar 2021, il-fondazzjoni ppreżentat rikors quddiem il‑Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln, il-Ġermanja), li fih sostniet li għandu jiġi applikat għaliha l-privileġġ tal-klassi fiskali I li, anki meta l-fondazzjoni tkun imwaqqfa barra mill-pajjiż. Inkella, hija sostniet, id-dritt għall-moviment liberu tal-kapital jinkiser b’mod mhux ġustifikat. |
|
25. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Köln (il‑Qorti tal-Finanzi ta’ Köln, il-Ġermanja) tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “L-Artikolu 40 tal-Ftehim [ŻEE]) għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni legali nazzjonali ta’ Stat Membru dwar l-impożizzjoni tat-taxxa fuq is-suċċessjoni u tat-taxxa fuq id-donazzjoni li, fir-rigward tat-tassazzjoni ta’ trasferiment inter vivos ta’ patrimonju abbażi ta’ ftehim ta’ fondazzjoni lil fondazzjoni barranija tapplika l-ogħla klassi fiskali (il-klassi fiskali III), f’sitwazzjoni fejn il-fondazzjoni tkun essenzjalment twaqqfet fl-interess ta’ familja jew ta’ familji partikolari (fondazzjoni ta’ familja) filwaqt li fil-każ korrispondenti fejn tkun involuta fondazzjoni ta’ familja nazzjonali l-klassi fiskali tiddependi mir-rabta ta’ parentela bejn l-iktar benefiċjarju mbiegħed, skont l-istatut tal-fondazzjoni, mill-persuna li tagħmel id-donazzjoni (li toħloq il-fondazzjoni), b’tali mod li, fil-każ ta’ fondazzjoni ta’ familja nazzjonali, japplikaw klassijiet fiskali iktar favorevoli (il-klassijiet fiskali I jew II)?” |
III. Il‑proċeduri quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja
|
26. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal‑Ġustizzja fit‑23 ta’ Frar 2024. |
|
27. |
Il-fondazzjoni rikorrenti, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. |
|
28. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx neċessarju li tinżamm seduta. |
IV. Evalwazzjoni
|
29. |
Fl-analiżi tiegħi ser insegwi l-metodu li bih il-Qorti tal‑Ġustizzja twettaq, sistematikament, l-analiżi tad-domandi preliminari magħmula f’każijiet simili għal dan. Il-mod ta’ kif taħdem, f’fażijiet jew stadji, ifittex li jidentifika, l-ewwel nett, il-libertà applikabbli u r‑restrizzjoni eventwali fir-rigward tagħha. It-tieni nett, hija tqabbel is‑sitwazzjonijiet inkwistjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn kinux suġġetti għal trattament differenti, fatt li jeħtieġ eżami ddettaljat tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxi dan it-trattament. Fl-aħħar nett, hija tinvestiga l‑eventwali ġustifikazzjonijiet, ibbażati fuq raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku, u fuq il-proporzjonalità tal-miżura nazzjonali li tirrestrinġi l-libertà inkwistjoni. |
A. Il‑libertà applikabbli
|
30. |
Il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi jekk il-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni hijiex kompatibbli mal-Artikolu 40 tal‑Ftehim ŻEE dwar il-moviment liberu tal-kapital. Għall-kuntrarju, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-eżami għandu jsir mill-perspettiva tal-libertà ta’ stabbiliment. |
|
31. |
Fil-fehma tal-Gvern Ġermaniż:
|
|
32. |
Minkejja dan, il-Gvern Ġermaniż isostni li, minkejja d-dubji tiegħu, “ser jitlaq mill-prinċipju li l-moviment liberu tal-kapital huwa applikabbli għal din il-kawża” u li l-kunsiderazzjonijiet ulterjuri tiegħu jistgħu, fi kwalunkwe każ, jiġu estrapolati għal-libertà ta’ stabbiliment ( 5 ). |
|
33. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, ripetutament li “[…] sabiex jiġi ddeterminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali taqax taħt ir-regoli dwar il‑libertà ta’ stabbiliment jew dawk dwar il-moviment liberu tal-kapital, għandu jiġi kkunsidrat l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni” ( 6 ). |
|
34. |
F’dan il-każ, il-kawża li minnha oriġinat it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-leġiżlazzjoni Ġermaniża li tirregola t-taxxa fuq is-suċċessjoni u d-donazzjonijiet. Din il-leġiżlazzjoni tikklassifika t‑trasmissjoni ta’ patrimonju permezz tat-twaqqif ta’ fondazzjoni tal‑familja bħala donazzjoni (il-punt 8 tal-Artikolu 7(1) tal-ErbStG). |
|
35. |
It-taxxa fuq id-donazzjonijiet tidħol fis-seħħ, preċiżament, permezz tat-trasferiment inter vivos mingħajr ħlas ta’ patrimonju, jew favur donatur jew inkella, bħal f’dan il-każ, favur fondazzjoni tal‑familja. Il-fatt li minn dan it-trasferiment jinħoloq “stabbiliment tal‑familja” b’personalità ġuridika huwa konsegwenza sussegwenti, li għandha l-konsegwenzi fiskali tagħha stess. |
|
36. |
Mill-perspettiva tal-moviment liberu tal-kapital, kemm jekk isir riferiment għall-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE kif ukoll għall-Artikolu 63 tat-Trattat FUE, it-tnejn jipproteġu l-istess libertà. Skont il-Qorti tal‑Ġustizzja:
|
|
37. |
L-elementi msemmija hawn fuq iwassluni sabiex naqbel mal‑pożizzjoni tal-qorti tar-rinviju u nqis li d-domanda għandha tiġi analizzata mill-perspettiva tal-moviment liberu tal-kapital. |
B. L-eżistenza ta’ restrizzjoni
|
38. |
L-Artikolu 15(2) tal-ErbStG jistipula li, f’każ ta’ trasferiment ta’ patrimonju għat-twaqqif ta’ fondazzjoni tal-familja taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-klassi fiskali tiġi stabbilita skont il-prossimità ta’ parentela (klassijiet I u II). |
|
39. |
Madankollu, il-fondazzjonijiet tal-familja mwaqqfa barra mill‑pajjiż jibqgħu fil-klassi fiskali III, li jfisser li jiġi applikat tnaqqis iktar baxx fil-bażi taxxabbli u li r-rati jinbidlu għal rati iktar ogħla. |
|
40. |
F’dak li jirrigwarda t-taxxa fuq is-suċċessjoni, li, bħal fil-każ ta’ donazzjonijiet ( 10 ), hija imposta fuq trasferimenti ta’ beni mingħajr ħlas, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru simili għal dik inkwistjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ( 11 ). |
|
41. |
Il-Gvern Ġermaniż jirrikonoxxi li l-leġiżlazzjoni fiskali tiegħu fiha, f’dan l-istadju, restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment tal-kapital. Huwa żviluppa l-argument tiegħu f’erba’ punti: ( 12 )
|
|
42. |
Fid-dawl ta’ dan ir-rikonoxximent espliċitu tal-Gvern Ġermaniż, li jaqbel mal-Kummissjoni u mal-fondazzjoni rikorrenti, naħseb li mhux meħtieġ li ssir xi riflessjoni oħra. |
|
43. |
Jista’ jkun hemm qbil, għalhekk, li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża tistipula li l-oneru tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet jiddependi mill-post li fih il‑fondazzjoni tal-familja jkollha l-uffiċċju reġistrat jew is-sede tagħha. Konsegwentement donazzjoni sabiex titwaqqaf fondazzjoni tal-familja bis-sede fil-Ġermanja hija suġġetta għal taxxa fuq id-donazzjonijiet inqas minn dik mitluba sabiex titwaqqaf fondazzjoni tal-familja bis-sede f’Liechtenstein, bl-effett li jitnaqqas il-valur tad-donazzjoni, f’dan l‑aħħar każ. |
|
44. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital hekk iddikjarata tistax tkun iġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE (ekwivalenti, mutatis mutandis, għall-Artikolu 63 TFUE). |
C. Il‑ġustifikazzjoni tar‑restrizzjoni
|
45. |
Skont il-metodu li semmejt iktar ’il fuq, issa għandu jiġi kkunsidrat, fl-ewwel lok, jekk is-sitwazzjonijiet ikkontestati humiex paragunabbli u, jekk ikun il-każ, fit-tieni lok, il-possibbiltà li jiġi ġġustifikat it-trattament differenti ta’ dawn is-sitwazzjonijiet minħabba raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ( 13 ). |
|
46. |
Effettivament, “sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni […] tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mad‑dispożizzjonijiet tat-trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, jeħtieġ li d-differenza fit-trattament tkun tirrigwarda sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew li din id-differenza tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali” ( 14 ). |
1. Il-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet
|
47. |
Ma hemmx dubju li t-twaqqif ta’ fondazzjoni tal-familja Ġermaniża hija suġġetta għat-taxxa fuq id-donazzjonijiet, l-istess kif hija fondazzjoni tal-familja barra mill-pajjiż, imwaqqfa minn resident Ġermaniż. F’dan l-aħħar każ, l-issuġġettar għat-taxxa fuq id‑donazzjonijiet iseħħ skont diversi dispożizzjonijiet tal-ErbStG:
|
|
48. |
Lanqas ma huwa kkontestat li, kif jirriżulta minn dawn il‑premessi, l-oneru fiskali fuq it-twaqqif (għal resident Ġermaniż) ta’ fondazzjonijiet b’sede f’pajjiż barrani huwa ogħla min dak għat-twaqqif ta’ fondazzjonijiet b’sede fil-Ġermanja. |
|
49. |
Għalhekk, l-istess fatt (it-trasferiment minn persuna residenti fil‑Ġermanja ta’ patrimonju permezz tat-twaqqif ta’ fondazzjoni, kemm jekk Ġermaniża jew barranija) jagħti lok għall-obbligu ta’ taxxa li għandu jikkontribwixxi, fiż-żewġ każijiet, għat-taxxa fuq id-donazzjonijiet Ġermaniża. Konsegwentement, bħala regola, is-sitwazzjonijiet huma paragunabbli. |
|
50. |
Il-Gvern Ġermaniż isostni, madankollu, li s-sitwazzjoni ta’ fondazzjoni tal-familja nazzjonali ma hijiex oġġettivament paragunabbli ma’ dik ta’ fondazzjoni tal-familja barranija. Fl-opinjoni tiegħu, il‑leġiżlatur Ġermaniż seta’ jistabbilixxi privileġġ fiskali għall‑fondazzjonijiet tal-familja nazzjonali, bil-għan li jikkumpensa għall-iżvantaġġ tat-taxxa fuq is-suċċessjoni sostitutiva, li għandha titħallas perijodikament biss mill-fondazzjonijiet tal-familja nazzjonali. |
|
51. |
Ma naqbilx ma’ din il-perspettiva, li telimina l-possibbiltà li jiġi analizzat jekk differenza fit-trattament hijiex ksur ta’ libertà fundamentali: jekk jiġi aċċettat l-argument tal-Gvern Ġermaniż iwassal sabiex id-differenza fit-trattament tkun is-sors, waħidha, ta’ element determinanti tan-nuqqas ta’ paragunabbiltà ta’ sitwazzjonijiet. Argument analogu minn dan l-istess Gvern diġà ġie miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja meta ddeċidiet fuq kawża oħra relatata mal-applikazzjoni tal-ErbStG ( 17 ). |
|
52. |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sitwazzjonijiet ikkontestati humiex paragunabbli, għandu jitqies il-fatt li jiġġenera l-obbligu tat-taxxa prinċipali, ikun xi jkun il-post ta’ residenza ta’ kull wieħed mis-suġġetti obbligati li jħallsu t-taxxa. |
|
53. |
F’dan il-każ, dan il-fatt li jiġġenera l-obbligu tat-taxxa (it‑trasferiment ta’ beni permezz tat-twaqqif ta’ fondazzjoni tal-familja, minn persuna residenti fil‑Ġermanja) huwa taxxabbli għat-taxxa fuq id‑donazzjonijiet skont l-ErbStG, irrispettivament minn jekk il‑fondazzjoni tal-familja hijiex imwaqqfa f’dak il-pajjiż jew f’Liechtenstein. Il-fatt li jiġġenera l-obbligu tat-taxxa, nirrepeti, huwa l‑istess fiż-żewġ każijiet. |
|
54. |
Elementi oħra tat-taxxa intenzjonati sabiex jistabbilixxu, b’mod partikolari, id-dejn tat-taxxa (bħal tnaqqis fuq il-bażi taxxabbli u r-rata ta’ taxxa) ma humiex essenzjali għat-tnissil ta’ relazzjoni legali tat-taxxa. Huma jikkontribwixxu biss għall-modulazzjoni tal-obbligu tal-ħlas tat‑taxxa. |
|
55. |
Il-qorti tar-rinviju tikkorrobora li għadha quddiemha sitwazzjonijiet paragunabbli: “in-natura taxxabbli tat-trasferiment patrimonjali bħala konsegwenza ta’ tranżazzjoni ta’ twaqqif ta’ fondazzjoni skont il-punt 8 tal-Artikolu 7(1) tal-ErbStG tinkludi kemm il-fondazzjonijiet nazzjonali kif ukoll it-twaqqif ta’ fondazzjoni f’Liechtenstein, bħal f’dan il-każ. Għalhekk, il-fatti huma oġġettivament paragunabbli” ( 18 ). |
|
56. |
Fir-realtà, id-domanda preliminari ma tinkludix l-evalwazzjoni tal-paragunabbiltà bejn is-sitwazzjonijiet, li l-qorti tar-rinviju taċċetta mingħajr riżervi. L-unika ħaġa li din il-qorti għandha dubju dwarha, kif tiddikjara espressament, hija “jekk jeżistux raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jiġġustifikaw restrizzjoni tal-moviment liberu tal‑kapital skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(2) tal‑ErbStG” ( 19 ). |
2. Differenza fit‑trattament bejn sitwazzjonijiet paragunabbli
|
57. |
Id-determinazzjoni tad-dejn tat-taxxa fl-ErbStG hija bbażata fuq il-grad ta’ parentela bejn id-donatur u l-benefiċjarju. Għal dan il-għan, l‑Artikolu 15(1) jistabbilixxi tliet klassijiet fiskali. Fil-klassi I, huma inklużi l-eqreb qraba (fosthom, it-tfal u n-neputijiet), fil-klassi II, dawk l‑iktar ’il bogħod u, u fil-klassi III, persuni oħra. |
|
58. |
Il-klassi taxxabbli għat-twaqqif ta’ fondazzjonijiet tal-familja jistabbilixxiha l-Artikolu 15(2) tal-ErbStG, abbażi tar-rabta ta’ parentela bejn l-iktar benefiċjarju imbiegħed (skont l-istatut tal-fondazzjoni) u d‑donatur. Madankollu, din ir-regola tapplika biss għal fondazzjonijiet tal‑familja mwaqqfa fit-territorju Ġermaniż. |
|
59. |
Id-differenza fit-trattament bejn il-fondazzjonijiet tal-familja nazzjonali u barranin tirriżulta, għalhekk, minħabba li r-regola nazzjonali tpoġġihom fi klassijiet fiskali differenti. F’dak li jirrigwarda l-fondazzjoni tal-familja b’sede f’Liechtenstein tapplika l‑klassi fiskali III (il-klassi residwali), minflok il-klassi fiskali I, li kienet tapplika għaliha li kieku kienet imwaqqfa fil-Ġermanja. Ir-relazzjoni tal‑fundatriċi mal-qraba tagħha issir, għalhekk, irrilevanti għal dan il-għan. |
|
60. |
Ir-riżultat finali huwa li l-fondazzjoni tal-familja barranija għandha ssostni ħlas ta’ taxxa ogħla, minħabba żewġ fatturi:
|
|
61. |
Il-qorti tar-rinviju tikkonferma li d-dritt nazzjonali jwassal għal trattament differenti, fis-sens hawn fuq imsemmi, tal-fondazzjonijiet imwaqqfa fil-Ġermanja minn residenti Ġermaniżi, meta mqabbla ma’ dawk imwaqqfa mill-istess residenti Ġermaniżi fi Stat taż-ŻEE ( 22 ). Hija żżid li l-Ftehim dwar taxxa doppja bejn il-Ġermanja u Liechtenstein ( 23 ) ma jtaffix din is-sitwazzjoni ( 24 ). |
3. Koerenza fiskali
|
62. |
Il-Gvern Ġermaniż jiġġustifika l-leġiżlazzjoni kkontestata bil‑ħtieġa li tiġi żgurata l-koerenza tas-sistema tat-taxxa nazzjonali. Huwa jibbaża ruħu fuq il-fatt li l-fondazzjonijiet tal-familja nazzjonali, b’differenza mill-fondazzjonijiet tal-familja barranin, kull tletin sena huma suġġetti għal taxxa ta’ suċċessjoni sostitutiva. |
|
63. |
Skont il-qorti tar-rinviju ( 25 ), permezz tar-regola applikabbli hawnhekk, il‑Gvern Ġermaniż:
|
|
64. |
Il-vantaġġ fiskali mogħti lill-fondazzjonijiet tal-familja nazzjonali (il-privileġġ tal-klassijiet fiskali) kien, għalhekk, sabiex jikkumpensa għall‑iżvantaġġ fiskali tat-taxxa ta’ suċċessjoni sostitutiva, kull tletin sena. Il-vantaġġ u l-iżvantaġġ jirreferu għall-obbligi fiskali li jirriżultaw fil-qasam tal-familja u għall-istess tip ta’ taxxa (għal dak li huwa rilevanti f’dan il-każ, it-taxxa fuq id-donazzjonijiet). |
|
65. |
Huwa konsistenti li din is-simetrija bejn vantaġġ u żvantaġġ tiġi estiża għall-fondazzjonijiet tal-familja mwaqqfa barra mill-pajjiż minn residenti Ġermaniżi? Peress li dawn ma humiex suġġetti għal taxxa ta’ suċċessjoni sostitutiva, huwa koerenti li jiġu intaxxati, għal darba waħda biss (fil-mument tat-twaqqif tal-fondazzjoni), permezz ta’ taxxa analoga għal dik li l-kontropartijiet Ġermaniżi tagħhom ma jistgħux jevitaw? |
|
66. |
Jiena diġà spjegajt il-mekkaniżmu li permezz tiegħu l-leġiżlatur Ġermaniż ta l-vantaġġ fiskali biss lill-fondazzjonijiet imwaqqfa fil‑Ġermanja minn residenti f’dan l-istess Stat Membru. Issa dan il‑vantaġġ għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja. |
|
67. |
Fi kliem il-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
68. |
Skont il-qorti tar-rinviju, huwa dubjuż li l-għan iddikjarat mil‑leġiżlatur Ġermaniż huwa “[…] suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li hemm relazzjoni diretta, personali u materjali bejn il-privileġġ tal-klassijiet fiskali u t-taxxa ta’ suċċessjoni sostitutiva, kif tirrikjedi l-Qorti tal‑Ġustizzja biex jiġi kkonfermat li hemm koerenza” ( 29 ). Fl-opinjoni tagħha, argument kuntrarju, “jista’ jkun li, minħabba l-perijodu relattivament twil ta’ tletin sena, mhux il-fondazzjonijiet tal-familja nazzjonali kollha neċessarjament ikomplu jeżistu wara dan il-perijodu, u li l-patrimonju tal-fondazzjoni jista’ jinbidel b’mod imprevedibbli matul dan il-perijodu” ( 30 ). |
|
69. |
Dan l-argument (il-perijodu ta’ tletin sena, stabbilit għall-perijodu tat-taxxa ta’ suċċessjoni sostitutiva, u t-tibdil patrimonjali eventwali) huwa fil-bażi ta’ wħud mill-allegazzjonijiet tal-fondazzjoni rikorrenti, li fl-opinjoni tagħha d-differenza fit-trattament ma hijiex iġġustifikata. |
|
70. |
Fil-fatt, il-fondazzjoni rikorrenti tagħmel sensiela ta’ allegazzjonijiet sabiex tiddefendi l-argument tagħha, li hija stess tqassar f’żewġ intestaturi: a) in-nuqqas ta’ konformità tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża mal‑Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE u mal-Artikolu 63 TFUE “ma jistax jiġi iġġustifikat permezz tal-koerenza tas-sistema fiskali” (punti 6 sa 32 tal‑osservazzjonijiet bil-miktub tagħha); u b) “in-natura sproporzjonata tad-differenza tat-taxxa bejn il-fondazzjonijiet tal-familja” (punti 33 sa 36 ta’ dawn l-istess osservazzjonijiet) ( 31 ). |
|
71. |
Ser nanalizza dawn l-allegazzjonijiet b’mod separat, billi norbothom, meta jkun il-każ, mad-dubji tal-qorti tar-rinviju li għadni kemm spjegajt. |
|
72. |
Il-fondazzjoni rikorrenti:
|
|
73. |
Fl-analiżi tiegħi ta’ dawn l-allegazzjonijiet ( 32 ) ser ninjora ir‑riferimenti għall-ġurisprudenza tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja), peress li dak li qiegħed jiġi diskuss hawn hija l-konformità tal-ErbStG mad-dritt tal-Unjoni, u mhux mal‑leġiżlazzjoni nazzjonali. |
|
74. |
Fir-rigward tar-rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali (il-privileġġ tal-klassijiet fiskali) u l-iżvantaġġ fiskali (il-ħlas ta’ taxxa ta’ suċċessjoni sostitutiva) ( 33 ), ir-risposta għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-għan tal‑leġiżlazzjoni u li t-tnejn li huma jaffettwaw lill-istess persuna taxxabbli minħabba l-istess taxxa. |
|
75. |
Fl-opinjoni tiegħi, li tikkorrispondi ma’ dik tal-Gvern Ġermaniż ( 34 ) u ma’ dik tal-Kummissjoni ( 35 ), dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti f’din il-kawża: fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni, li huwa li ġġib f’parità b’mod simetriku s-sitwazzjoni ta’ xi fondazzjonijiet tal-familja u oħrajn mill‑perspettiva tal-oneru fiskali, fir-rigward tal-istess persuna taxxabbli (il-fondazzjoni tal-familja) ( 36 ) u l-istess taxxa (taxxa fuq id‑donazzjonijiet). |
|
76. |
Madankollu, huwa ċar li, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, id‑distakk fiż-żmien bejn il-vantaġġ u l-iżvantaġġ fiskali huwa kunsiderevoli: il-privileġġ tal-klassijiet fiskali japplika fil-mument li titwaqqaf il-fondazzjoni, filwaqt li t-taxxa ta’ suċċessjoni sostitutiva tidħol fis-seħħ wara tletin sena. |
|
77. |
Dan id-distakk fiż-żmien jista’, eventwalment, ineħħi l‑korrelazzjoni diretta bejn il-benefiċċju tal-klassi fiskali u l-oneru tat‑taxxa ta’ suċċessjoni sostitutiva, jekk ikunu persuni taxxabbli li ma għandhomx il-karatteristiċi ta’ fondazzjoni tal-familja, li jkunu suġġetti għal taxxa “ta’ natura mbiegħda u aleatorja” ( 37 ). Għall-kuntrarju, fil-każ tat-twaqqif ta’ fondazzjonijiet tal-familja bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, li huma intenzjonati li jibqgħu jeżistu għal diversi ġenerazzjonijiet ( 38 ), inqis li r-rabta diretta tinżamm billi d-dħul tat‑taxxa tas-suċċessjoni sostitutiva jakkumpanja l-pass tal-bidla ġenerazzjonali, kull tletin sena ( 39 ). |
|
78. |
Barra minn hekk, fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ din ir-relazzjoni vantaġġ/żvantaġġ, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat ċerta flessibbiltà f’termini ta’ żmien, fil-każ ta’ tnaqqis tal-primjums ta’ assigurazzjoni (vantaġġ) li huma kkumpensati bit-taxxa (żvantaġġ) tal-pensjonijiet, tad‑dħul u tal-kapital dovuti mill-persuni assigurati ( 40 ). Bl-istess mod, hija aċċettat ir-rabta diretta bejn it-tnaqqis fit-taxxa fuq is-suċċessjoni irregolat mill-ErbStG u l-ġbir preċedenti tal-istess taxxa ( 41 ). |
|
79. |
Fir-rigward tal-ksur tal-koerenza fiskali, wara r-riforma tal-liġi dwar il-fondazzjonijiet Ġermaniżi, il-fondazzjoni rikorrenti ssostni ( 42 ) li, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2023, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża ( 43 ) tippermetti l-ħolqien ta’ fondazzjonijiet tal-familja għal perijodu ta’ inqas minn tletin sena. Minn dan il-fatt (għal dawn il-fondazzjonijiet ma tkunx dovuta t‑taxxa ta’ suċċessjoni sostitutiva) jirriżulta li tiġi eliminata r-rabta bejn il‑vantaġġ fiskali u t-taxxa ta’ suċċessjoni sostitutiva, li hija dovuta kull tletin sena. |
|
80. |
L-allegazzjoni tista’, eventwalment, ikollha ċertu piż kieku, f’din il‑kawża, kienu inkwistjoni fondazzjonijiet imwaqqfa wara l-1 ta’ Lulju 2023, li ma huwiex il-każ f’din il-kawża: il-fondazzjoni rikorrenti twaqqfet fl‑2014, favur tlett ġenerazzjonijiet ta’ benefiċjarji. Il-previżjoni oġġettiva fil‑mument tat-twaqqif tagħha kien, għalhekk, li tkun teżisti għal iktar minn tletin sena. Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li, kwistjoni li tkun qamet mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl‑2014 ma tistax tiġi solvuta billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-emendi introdotti bil-liġi dwar il‑fondazzjonijiet fl‑2021 ( 44 ). |
|
81. |
F’dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ koerenza bejn it-taxxa ta’ suċċessjoni sostitutiva u l-privileġġ tal-klassijiet fiskali, l-argument tal‑fondazzjoni rikorrenti ( 45 ) huwa bbażat fuq xogħlijiet parlamentari li tiċċita l-qorti tar-rinviju, kif ukoll fuq ir-riforma tas-sistema li tirregola l‑fondazzjonijiet approvata fl‑2021. |
|
82. |
Il-qorti tar-rinviju stess, mill-iter parlamentari tar-riforma tal‑ErbStG tal-1974 (fejn iż-żewġ dispożizzjonijiet, dik relatata mal‑privileġġ tal-klassijiet fiskali u dik relatata mat-taxxa ta’ suċċessjoni sostitutiva, ġew introdotti simultanjament) tiddeduċi li, għal-leġiżlatur nazzjonali, “il-vantaġġi li jagħti l-privileġġ tal-klassijiet fiskali jiġu kkumpensati mill-iżvantaġġi tat-taxxa ta’ suċċessjoni sostitutiva” ( 46 ). U fir-rigward tal-effett tar-riforma tal-leġiżlazzjoni dwar il-fondazzjonijiet fl‑2021, huwa biżżejjed dak li ntqal qabel. |
|
83. |
Il-fondazzjoni rikorrenti tiddefendi, bl-istess mod, li ma hemm l‑ebda kumpens essenzjali bejn l-għoti ta’ benefiċċju u l-oneru fiskali, li jirrigwarda lill-istess persuna taxxabbli u fir-rigward tal-istess kategorija ta’ taxxa ( 47 ). |
|
84. |
Sabiex ma jiġux ripetuti argumenti preċedenti ( 48 ), din il-kritika lill‑ErbStG hija bbażata fuq il-fatt li ma hemmx kumpens “eżatt” bejn it‑taxxa fuq id-donazzjonijiet imħallsa fil-mument tat-twaqqif ta’ fondazzjoni u t-taxxa ta’ suċċessjoni sostitutiva; il-bażijiet ta’ taxxa rispettivi tagħhom jistgħu jvarjaw minn darba għal oħra. |
|
85. |
Ċertament, huwa diffiċli li jkun hemm ugwaljanza matematika (“ammont eżatt”). Issa, sa fejn il-fondazzjonijiet tal-familja għandhom il‑kapaċità li jwettqu attivitajiet ekonomiċi ( 49 ) u jiksbu profittabbiltà b’tali mod li l-ġenerazzjonijiet ta’ benefiċjarji futuri jgawdu, tal-inqas, mill-istess livell ta’ ġid ( 50 ), il-leġiżlatur jista’, b’mod raġonevoli, jippreżumi li l-bażi taxxabbli tad-donazzjoni inizjali tkun, tal-inqas, ekwivalenti għal dik li ser tkun il-bażi ta’ referenza għall-kalkolu tal-eventwali taxxa ta’ suċċessjoni sostitutiva. |
|
86. |
Il-fondazzjoni rikorrenti ssostni, f’din l-istess linja, li, mill‑perspettiva ekonomika, it-taxxa ta’ suċċessjoni sostitutiva hija, fil‑verità, forma partikolari ta’ taxxa fuq il-patrimonju u li ma hijiex imposta, bħat-taxxa fuq id-donazzjonijiet, fuq it-trasferiment ta’ patrimonju. Għalhekk, dawn huma kategoriji fiskali differenti. |
|
87. |
Il-klassifikazzjoni tal-kategoriji fiskali hija xi ħaġa li tikkorrispondi ma’ kull dritt nazzjonali. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ma għandhiex dubju sabiex tikklassifika ż-żewġ taxxi bħala speċi omoġenji. Mid-deskrizzjoni tal-kuntest ġuridiku nazzjonali jirriżulta li t-taxxa ta’ suċċessjoni sostitutiva topera fuq il-fictio juris li kull tletin sena jkun hemm trasferiment inter-ġenerazzjonali ta’ patrimonju. |
|
88. |
L-allegazzjonijiet tal-fondazzjoni rikorrenti dwar il-protezzjoni tal-patrimonju tal-familja, bħala korollarju tal-protezzjoni taż-żwieġ u tal‑familja ( 51 ), li huma bbażati fuq deċiżjonijiet tal‑Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali), jenfasizzaw li l-kundizzjonijiet imposti minn din il-qorti sabiex jirrispettaw il-kontinwità tal-patrimonju matrimonjali u tal-familja ma kinux issodisfatti. Kif diġà esponejt, dawn l-allegazzjonijiet ma jaffettwax l-analiżi tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad‑dritt tal-Unjoni. |
|
89. |
Il-fondazzjoni rikorrenti tinvoka wkoll in-nuqqas ta’ kumpens mill-Istat ( 52 ) sabiex tenfasizza li tali kumpens (bejn il-privileġġ tal‑klassijiet fiskali u t-taxxa ta’ suċċessjoni sostitutiva) għandu jiġi eżaminat mill-perspettiva tal-istess Stat u mhux minn “kunsiderazzjonijiet transnazzjonali”. Fl-opinjoni tagħha, l-Istat Ġermaniż “jgħaddi b’mod indirett” l-oneru ta’ taxxa lill-Istati barranin li fihom il-fondazzjonijiet tal-familja għandhom is-sede tagħhom. |
|
90. |
Min-naħa tiegħi, madankollu, ma narax ħjiel li s-sistema tal‑ErbStG li qegħda tiġi diskussa tirriżulta f’impatt indirett tal-oneru ta’ taxxa fuq Stati oħra minbarra l-Ġermanja. |
|
91. |
Fl-aħħar nett, il-fondazzjoni rikorrenti ssostni n-nuqqas ta’ koerenza fid-dawl tal-istruttura tal-ErbStG ( 53 ). Meta tiżviluppa din l‑allegazzjoni tispjega li l-ErbStG bħala linji gwida tittratta l-vantaġġi u l-oneri fiskali b’mod ugwali, irrispettivament mill-post tad-domiċilju fiskali jew tar-residenza tal-persuna taxxabbli. Stabbilita din il-premessa, l-għoti tal-privileġġ fiskali lill-fondazzjonijiet tal-familja Ġermaniżi biss jeħtieġ raġuni imperattiva, kemm mill-perspettiva tad-dritt nazzjonali kif ukoll tad-dritt tal-Unjoni. Fl-opinjoni tagħha, ma hemmx tali raġuni imperattiva, u lanqas ma jista’ jiġi invokat l-Artikolu 65 TFUE sabiex tinstab. |
|
92. |
L-argument, imqajjem f’dawn it-termini, għandu natura ċirkulari jekk jipprova juri, preċiżament, għaliex ma hemmx raġuni imperattiva li tikkonsisti f’li tiġi żgurata l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali, fir‑rigward tar-regoli ErbStG applikati għall-fondazzjonijiet tal-familja. |
4. Proporzjonalità
|
93. |
Fir-rigward tal-proporzjonalità tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-kapital, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikjedi li “d-differenza għandha tkun tista’ tiggarantixxi t-twettieq tal-għan invokat u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq” ( 54 ). |
|
94. |
Skont il-fondazzjoni rikorrenti, inkluż jekk jiġi aċċettat li r‑restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital (minħabba d-differenza fit-trattament fiskali bejn xi fondazzjonijiet u oħrajn) kienet iġġustifikata, tali differenza ma tkunx proporzjonali. |
|
95. |
Sussegwentement, tosserva, f’dan ir-rigward, in-nuqqas ta’ adegwatezza tal-leġiżlazzjoni kkontestata sabiex tilħaq l-għan tagħha ( 55 ) u l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri inqas ristrettivi għall-istess għan ( 56 ). |
|
96. |
Fir-rigward tal-idonjetà tal-mekkaniżmu adottat mill-ErbStG sabiex jiġu żgurati l-għanijiet tiegħu, skont il-fondazzjoni rikorrenti “hemm raġunijiet biex wieħed jiddubita li d-differenza fit-trattament fiskali tikkontribwixxi għall-għanijiet inkwistjoni”. Iżda, meta tiżviluppa din l‑opinjoni, hija tgħid biss, mingħajr iktar argumenti, li n-nuqqas ta’ idonjetà jirriżulta mill-fatt li “l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tiżgurax l‑għan b’mod koerenti u sistematiku” ( 57 ), li jqajjem mill-ġdid l-istess oġġezzjoni li diġà ġiet analizzata. |
|
97. |
Sabiex issostni li l-koerenza tas-sistema fiskali tista’ tiġi żgurata permezz ta’ dispożizzjonijiet inqas ristrettivi, il-fondazzjoni rikorrenti tipproponi bħala alternattivi: a) l-estensjoni tat-taxxa ta’ suċċessjoni sostitutiva u l‑privileġġ tal-klassijiet fiskali għall-fondazzjonijiet tal‑familja barranin; b) konfigurazzjoni ta’ din it-taxxa ta’ suċċessjoni sostitutiva bħala taxxa fuq il-patrimonju; u ċ) bidla tat-taxxa ta’ suċċessjoni sostitutiva bħala taxxa annwali moderata, b’taxxa identika għall-fondazzjonijiet tal-familja nazzjonali u barranin fil-mument tat‑twaqqif tagħhom ( 58 ). |
|
98. |
Fl-opinjoni tiegħi, għal darb’oħra bi qbil ma’ dik tal‑Kummissjoni ( 59 ), kwalunkwe waħda minn dawn l-alternattivi timplika li jiġi aċċettat li l-fondazzjonijiet tal-familja b’sede barra mill-pajjiż għandhom l-iżvantaġġ fiskali li jirriżulta mit-taxxa ta’ suċċessjoni sostitutiva. Issa, peress li l-Ġermanja, mill-mument tat-twaqqif ta’ fondazzjoni tal‑familja b’sede barra mill-pajjiż (u tat-trasferiment tal-patrimonju korrispondenti) titlef il-kompetenza fiskali tagħha fir-rigward ta’ din il‑fondazzjoni, dawn is-soluzzjonijiet huma diffiċilment vijabbli. |
|
99. |
L-alternattivi inqas restrittivi li l-fondazzjoni rikorrenti tissuġġerixxi jixxekklu, għalhekk, bl-istess inkonvenjent: l-Istat Ġermaniż ma jistax jilħaq il-fondazzjonijiet tal-familja b’sede barra mill‑pajjiż, li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-poter fiskali tiegħu. |
V. Konklużjoni
|
100. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li tingħata risposta lil Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln, il‑Ġermanja) bil-mod segwenti: “L-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat‑2 ta’ Mejju 1992, għandu jiġi interpretat fis-sens li: ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li, meta tirregola t-taxxa fuq id-donazzjonijiet applikabbli għat-twaqqif, minn resident ta’ dan l-iStat Membru, ta’ fondazzjoni b’sede fi Stat li jappartjeni għaż-Żona Ekonomika Ewropea, u sabiex tinżamm il‑koerenza fiskali ta’ tali leġiżlazzjoni, timponi kundizzjonijiet fiskali iktar onerużi minn dawk applikabbli għat-twaqqif ta’ fondazzjoni fl‑imsemmi Stat Membru, bħala kumpens simmetriku għall-fatt li l‑fondazzjoni b’sede barra mill-pajjiż ma tkunx suġġetta għal taxxa ta’ suċċessjoni sostitutiva li hija imposta, għall-kuntrarju, fuq il‑fondazzjonijiet b’sede f’dak l-Istat Membru”. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3 (iktar ’il quddiem, il-“Ftehim ŻEE”). Huwa parti minn dan il‑Ftehim, fost l-oħrajn, il-Prinċipat tal-Liechtenstein sa mill‑1 ta’ Mejju 1995 (Deċiżjoni 1/95 tal-Kunsill taż-ŻEE, tal-10 ta’ Marzu 1995, dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea għall-Prinċipat ta’ Liechtenstein (ĠU 1995, L 86, p. 58)).
( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10.
( 4 ) Fil-verżjoni emendata bil-Gesetz zur Umsetzung der Beitreibungsrichtlinie sowie zur Änderung steuerlicher Vorschriften (il-Liġi li timplimenta d-Direttiva dwar l‑irkupru tad-dejn u li temenda r-regoli tat-taxxa), tas‑7 ta’ Diċembru 2011 (BeitrRLUmsG) (BGBl 2011 I, p. 2592).
( 5 ) Punt 46 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż.
( 6 ) Sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, A (C‑48/11, EU:C:2012:485), punt 17.
( 7 ) Sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑521/07, EU:C:2009:360), punt 33.
( 8 ) Sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2011, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑10/10, EU:C:2011:399), punt 24.
( 9 ) Sentenza tat‑22 ta’ April 2010, Mattner (C‑510/08, EU:C:2010:216), punt 20.
( 10 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa din l-assoċjazzjoni fis-sentenza tat‑22 ta’ April 2010, Mattner (C‑510/08, EU:C:2010:216), punt 20.
( 11 ) Sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Feilen (C‑123/15, EU:C:2016:496), punt 19.
( 12 ) Punti 47 sa 50 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.
( 13 ) Sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2023, BA (Suċċessjoni — Politika tal-akkomodazzjoni soċjali fl-Unjoni) (C‑670/21, EU:C:2023:763), punt 56.
( 14 ) Sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, F. E. Familienprivatstiftung Eisenstadt (C‑589/13, EU:C:2015:612), punt 58.
( 15 ) Digriet tar-rinviju, punt 38.
( 16 ) Digriet tar-rinviju, punt 41.
( 17 ) Sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2023, BA (Suċċessjoni — Politika tal-akkomodazzjoni soċjali fl-Unjoni) (C‑670/21, EU:C:2023:763), punt 64: “[…] bla ħsara għall-eżami tan-natura eventwalment iġġustifikata tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali abbażi ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, li jiġi aċċettat li sitwazzjonijiet ma humiex paragunabbli minħabba s-sempliċi fatt li l-proprjetà immobbli inkwistjoni tinsab fi Stat terz li ma jkunx Stat parti għall-Ftehim ŻEE, filwaqt li l-Artikolu 63(1) TFUE jipprojbixxi preċiżament ir-restrizzjonijiet għall‑moviment tal-kapital transkonfinali, iċaħħad lil din id-dispożizzjoni mill‑kontenut tagħha”.
( 18 ) Punt 63 tad-digriet tar-rinviju.
( 19 ) Punt 64 tad-digriet tar-rinviju.
( 20 ) L-Artikolu 10 tal-ErbStG jieħu inkunsiderazzjoni t-tnaqqis (minimu eżenti) previst fl-Artikolu 16 sabiex jikkalkola l-bażi taxxabbli. Fin-nuqqas ta’ data iktar preċiża, jidher li, f’din il-kwistjoni, it-tnaqqis tal-bażi taxxabbli huwa ta’ EUR 20000 (klassi III), minflok EUR 200000 (klassi I, għat-tfal tat-tfal).
( 21 ) Skont l-Artikolu 19 tal-ErbStG, ir-rata ta’ taxxa applikabbli għall-klassi III hija, għal valur ta’ inqas minn EUR 75000, ta’ 30 % minflok 7 % għall-klassi I.
( 22 ) Punti 37 sa 47 tad-digriet tar-rinviju.
( 23 ) Ftehim konkluż fis‑17 ta’ Novembru 2011 bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Prinċipat ta’ Liechtenstein dwar il-ħelsien mit-taxxa doppja u l-evażjoni fiskali fil-qasam tat-taxxi fuq id-dħul u fuq il-kapital (BGBl. 2012 II, p. 1462).
( 24 ) Punti 46 u 47 tad-digriet tar-rinviju.
( 25 ) Il-qorti tar-rinviju analizzat fid-dettal il-ġenesi u l-perkors parlamentari kemm tal‑privileġġ tal-klassijiet fiskali (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(2) tal-ErbStG) kif ukoll tat-taxxa ta’ suċċessjoni sostitutiva (il-punt 4 tal-Artikolu 1(1) tal-istess Liġi), maħluqa simultanjament fl‑1974.
( 26 ) Punt 76 tad-digriet tar-rinviju.
( 27 ) Sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2013, K (C‑322/11, EU:C:2013:716), punt 65.
( 28 ) Sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2013, K (C‑322/11, EU:C:2013:716), punt 66.
( 29 ) Digriet tar-rinviju, punt 77.
( 30 ) Digriet tar-rinviju, punt 77, in fine.
( 31 ) Fil-verità, iżżid it-tielet intestatura (punti 37 u 38 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha) fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA). Madankollu, il-kontenut tagħha sempliċement jenfasizza li d‑dispożizzjonijiet relatati mal-libertà ta’ moviment tal-kapital (l-Artikolu 40 tal‑ftehim ŻEE) li huma fundamentalment identiċi għal dawk tat-Trattat FUE (l‑Artikolu 63) għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi. Din l-allegazzjoni ġenerali ma taffettwax id-deċiżjoni speċifika dwar il-kwistjoni mqajma hawn.
( 32 ) Fis-sottomissjonijiet tagħha, forsi inevitabbilment, il-fondazzjoni rikorrenti tirrepeti, f’ċerti punti, argumenti li diġà ġew ippreżentati f’oħrajn.
( 33 ) Punti 7 sa 9 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-fondazzjoni rikorrenti.
( 34 ) Punti 67 sa 69 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż.
( 35 ) Punt 46 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.
( 36 ) Kif tindika l-Kummissjoni, ir-rekwiżit li jkun hemm l-istess persuna taxxabbli jdgħajjef is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Feilen (C‑123/15, EU:C:2016:496), punt 37: “l-għan imfittex mill-Artikolu 27 tal-ErbStG huwa […] li jnaqqas sa ċertu [livell] l-oneru fiskali impost fuq suċċessjoni li tinkludi patrimonju ttrasferit bejn qraba li jkun diġà ta lok għal taxxa preċedenti, billi tiġi evitata parzjalment it‑tassazzjoni doppja fil-Ġermanja ta’ dan il-patrimonju f’perijodu qasir ta’ żmien. Fir-rigward ta’ dan l-għan, teżisti […] rabta diretta bejn it-tnaqqis tat-taxxa tas‑suċċessjoni li dan l-artikolu jipprevedi u l-ġbir preċedenti ta’ taxxa tas‑suċċessjoni, billi dan il-vantaġġ fiskali u dan il-ġbir preċedenti jirrigwardaw l‑istess taxxa, l-istess patrimonju u l-qraba tal-istess familja”.
( 37 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Finanzamt Linz (C‑66/14, EU:C:2015:661), punt 48. Madankollu, f’din il-kawża, ma kinitx inkwistjoni l-leġiżlazzjoni speċifika dwar is-suċċessjoni jew donazzjonijiet.
( 38 ) Il-fondazzjonijiet tal-familja b’sede f’Liechtenstein jidhru li huma mfassla sabiex jiżviluppaw l-attività tagħhom fit-tul, peress li wieħed mill-għanijiet tagħhom huwa li jissalvagwardjaw il-ġid għal ġenerazzjonijiet. Véase H.S.H. Prince Michael von und zu Liechtenstein, “Liechtenstein family foundations and financial privacy”, Trust and Trustees, vol. 16, n.o6, Oxford University Press, Oxford, 2010, pp. 476 sa 478.
( 39 ) Meta jitqies li, statistikament, l-aspettattiva tal-ħajja fil-Ġermanja hija ta’ madwar tmenin sena (https://www.destatis.de/EN/Themes/Society-Environment/Population/Deaths-Life-Expectancy/_node.html#268862).
( 40 ) Sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 1992, Bachman (C‑204/90, EU:C:1992:35) u Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑300/90, EU:C:1992:37).
( 41 ) Sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Feilen (C‑123/15, EU:C:2016:496), li l-punt 37 tagħha huwa kkwotat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 42 ) Punti 10 u 11 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.
( 43 ) Gesetz zur Vereinheitlichung des Stiftungsrechts und zur Änderung des Infektionsschutzgesetzes (il-Liġi għall-unifikazzjoni tad-dritt tal-fondazzjonijiet u li temenda l-liġi dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-mard infettiv uman), tas‑16 ta’ Lulju 2021 (BGBl. I, p. 2947).
( 44 ) Jekk, eventwalment, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża ma kellhiex koerenza b’effett mir‑riforma tas-sistema li tirregola l-fondazzjonijiet tal‑2021, dan ma jfissirx li ma kellhiex fl‑2014, is-sena li għaliha jirreferu l-fatti.
( 45 ) Punti 12 sa 14 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.
( 46 ) Punt 76 tad-digriet tar-rinviju, ikkwotat fil-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 47 ) Punti 15 sa 21 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.
( 48 ) Dan huwa l-każ fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-persuna taxxabbli, li diġà eżaminajt fil-punti preċedenti.
( 49 ) Il-Gvern Ġermaniż jirrikonoxxi li l-fondazzjonijiet tal-familja jfittxu li jiksbu dħul li jibbenefika lill-membri tal-familja (punt 45 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu). Il-fatt li dħul tal-fondazzjonijiet tal-familja huwa ntaxxat bit-taxxa tal-kumpanniji jikkonferma n-natura imprenditorjali tagħhom. Ara Meinecke, P., “The German and the Liechtenstein family foundation after the German foundation law reform”, Trust and Trustees, vol. 29, n.o6, Oxford University Press, Oxford, 2023, pp. 540 sa 552.
( 50 ) Ara Haag, M., u Tischendorf, M., “The German family foundation: concept, legal framework, and taxation”, Trust and Trustees, vol. 26, n.o 6, Oxford University Press, Oxford, 2020, pp. 534 sa 541.
( 51 ) Punti 22 u 23 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.
( 52 ) Punti 24 u 25 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.
( 53 ) Punti 26 sa 32 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.
( 54 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Masco Denmark u Damixa (C‑593/14, EU:C:2016:984), punt 33.
( 55 ) Punt 34 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.
( 56 ) Punti 35 u 36 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.
( 57 ) Punt 34 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.
( 58 ) Punt 36 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.
( 59 ) Punt 47 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.