SENTENZA TAT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla)
29 ta’ April 2015 ( *1 )
[Test rettifikat bid-Digriet tat-13 ta’ Mejju 2015]
“Servizz pubbliku — Promozzjoni — Proċedura ta’ promozzjoni 2011 — Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi — Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal — Anzjanità ta’ sentejn fil-grad — Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu ta’ xogħol imwettaq bħala membru tal-persunal temporanju — Differenza fit-trattament minħabba n-natura legali tar-reklutaġġ tal-ħaddiema kkonċernati — Direttiva 1999/70/KE — [kif rettifikat bid-Digriet tat-13 ta’ Mejju 2015] Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien indeterminat — Klawżola 4 — Invokabbiltà — Esklużjoni”
Fil-Kawża F‑78/12,
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu,
Viara Todorova Androva, uffiċjal tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, residenti f’Rhode-Saint-Genèse (il-Belġju), irrappreżentata minn M. Velardo, avukat,
rikorrenti,
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J. Herrmann u M. Bauer, bħala aġenti,
konvenut,
sostnut minn
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Currall u G. Gattinara, bħala aġenti,
u
Il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn T. Kennedy, N. Scafarto u K. Zavřelová, bħala aġenti, sussegwentement minn N. Scafarto, bħala aġent,
intervenjenti,
IT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla),
komposta minn K. Bradley (Relatur), President, H. Kreppel u M. I. Rofes i Pujol, Imħallfin,
Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Jannar 2015,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-25 ta’ Lulju 2012, V. Todorova Androva ppreżentat rikors intiż, essenzjalment, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li ma jinkludihiex fil-lista tal-uffiċjali li setgħu jiġu promossi fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2011 u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens tad-dannu materjali u morali li hija allegatament ġarrbet minħabba l-illegalità ta’ din id-deċiżjoni. |
Il-kuntest ġuridiku
|
2 |
L-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jipprovdi: “Il-promozzjoni tkun b’deċiżjoni mill-Awtorità tal-Ħatra fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 6(2). Tkun effettwata bil-ħatra ta’ l-uffiċjal għall-grad aktar għoli li jmis fil-grupp tal-funzjoni li miegħu jappartjeni. Il-promozzjoni għandha tkun esklussivament bl-għażla fost l-uffiċjali li għamlu perjodu minimu [li jkollhom anzjanità] ta’ sentejn fil-grad tagħhom, wara konsiderazzjoni tal-meriti komparabbli ta’ l-uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni. […]” |
|
3 |
Fit-28 ta’ Ġunju 1999, il-Kunsill adotta d-Direttiva 1999/70/KE, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368). |
|
4 |
Skont il-Klawżola 1 tal-Ftehim qafas konkluż bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat, li jinsab anness mad-Direttiva 1999/70 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), l-għan ta’ dan il-ftehim qafas huwa: “[…]
|
|
5 |
Il-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tipprovdi:
[…]
|
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
6 |
Ir-rikorrenti kienet ġiet irreklutata mill-Kunsill, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2006, bħala membru tal-persunal temporanju fis-sens tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom li kienet applikabbli dak iż-żmien (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”). Hija kienet ikklassifikata fil-grad AD 5 u kienet assenjata, bħala amministratur lingwistiku, lill-Unità tal-lingwa Bulgara fi ħdan id-Direttorat “Traduzzjoni u produzzjoni ta’ dokumenti” tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Persunal u amministrazzjoni” tas-Segretarjat Ġenerali. Kien previst li l-kuntratt ta’ reklutaġġ, kif emendat permezz ta’ diversi addenda suċċessivi, kellu jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2010. |
|
7 |
Peress li fil-frattemp kienet għaddiet mill-kompetizzjoni EPSO/AD/166/09, ir-rikorrenti nħatret bħala uffiċjal bi prova fil-grad AD 5, permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Novembru 2010 li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2010. Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrenti żammet l-anzjanità tagħha fl-iskala li hija kienet kisbet bħala membru tal-persunal temporanju u, sussegwentement, kienet ikklassifikata fl-iskala 4. |
|
8 |
Huwa paċifiku bejn il-partijiet li, wara l-ħatra tagħha bħala uffiċjal bi prova, ir-rikorrenti kompliet teżerċita l-istess kompiti bħalma kienet diġà teżerċita bħala membru tal-persunal temporanju. |
|
9 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2011, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2011, ir-rikorrenti nħatret uffiċjal permanenti. |
|
10 |
Permezz tal-Avviż lill-persunal Nru 87/11 tat-12 ta’ Settembru 2011, l-Awtorità tal-Ħatra ppubblikat il-lista tal-uffiċjali li setgħu jiġu promossi fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2011. L-isem tar-rikorrenti ma kienx inkluż f’din il-lista. |
|
11 |
Fis-17 ta’ Ottubru 2011, ġie ppubblikat l-Avviż lill-persunal Nru 100/11 bil-lista tal-uffiċjali promossi fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2011. L-isem tar-rikorrenti ma kienx inkluż f’din il-lista. |
|
12 |
Fid-9 ta’ Diċembru 2011, ir-rikorrenti ressqet ilment kontra d-deċiżjoni li ma tkunx inkluża fil-lista tal-uffiċjali li setgħu jiġu promossi, kif tirriżulta mill-Avviż lill-persunal Nru 87/11. |
|
13 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ April 2012, l-Assistent Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra, ċaħad l-ilment minħabba, b’mod partikolari, li r-rikorrenti ma kellhiex sentejn ta’ anzjanità fil-grad mill-ħatra tagħha bħala uffiċjal, kif meħtieġ mill-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex uffiċjal jiġi inkluż fil-lista tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tiċħad l-ilment”). |
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
|
14 |
Fid-dawl tar-riżenja tal-Imħallef Relatur li lilu l-kawża kienet inizjalment assenjata u tal-bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli, il-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku nnomina, fis-6 ta’ Mejju 2013, Imħallef Relatur ġdid. |
|
15 |
Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Ġunju 2013, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku informa lill-partijiet li kellu l-intenzjoni jistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u lill-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea sabiex jintervjenu fil-proċedura u talabhom jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward. |
|
16 |
Peress li l-partijiet ma oġġezzjonawx għall-istedina ta’ intervent ikkunsidrata, l-interventi tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Awdituri ġew ammessi permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-4 ta’ Diċembru 2013 (Todorova Androva vs Il-Kunsill, F‑78/12, EU:F:2013:206). Il-Parlament u l-Qorti tal-Ġustizzja ma xtaqux jintervjenu fil-kawża ineżami. |
|
17 |
Il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri ppreżentaw in-nota ta’ intervent tagħhom fl-14 u fil-15 ta’ Jannar 2014 rispettivament. |
|
18 |
Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Frar 2014, il-Kunsill informa lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li ma kellux osservazzjonijiet dwar in-noti ta’ intervent tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Awdituri. Fl-10 ta’ Marzu 2014, ir-rikorrenti bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha dwar in-noti ta’ intervent tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Awdituri. |
|
19 |
Ir-rikorrenti titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:
|
|
20 |
Il-Kunsill jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:
|
|
21 |
Il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri jitolbu li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu jiċħad ir-rikors u jikkundanna lir-rikorrenti għal-ispejjeż. |
Id-dritt
Fuq it-talbiet indirizzati kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment
|
22 |
Skont il-ġurisprudenza, it-talbiet għal annullament imressqa formalment kontra ċ-ċaħda ta’ lment għandhom l-effett li jressqu quddiem il-qorti l-att li kontrih ikun ġie ppreżentat l-ilment meta dawn it-talbiet ikunu, fihom infushom, nieqsa minn kontenut awtonomu (sentenza Balionyte-Merle vs Il-Kummissjoni, F‑113/12, EU:F:2013:191, punt 24, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
23 |
Fil-kawża ineżami, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tikkonferma d-deċiżjoni li isem ir-rikorrenti ma jiġix inkluż fil-lista tal-uffiċjali li setgħu jiġu promossi, filwaqt li tipprovdi l-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni. F’tali każ, għandha effettivament tiġi eżaminata l-legalità tal-att inizjali li jikkawża preġudizzju, billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, sa fejn din il-motivazzjoni hija preżunta li tikkoinċidi ma’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, EU:T:2009:485, punti 58 u 59, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
24 |
Għaldaqstant, it-talbiet għal annullament imressqa kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment ma għandhomx kontenut awtonomu u r-rikors għandu jitqies li huwa ppreżentat kontra d-deċiżjoni, kif tirriżulta mill-Avviż lill-persunal Nru 87/11, tat-12 ta’ Settembru 2011, li r-rikorrenti ma tiġix inkluż fil-lista tal-uffiċjali li setgħu jiġu promossi fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2011 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li l-motivazzjoni tagħha hija ppreċiżata permezz tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Eveillard vs Il-Kummissjoni, T‑258/01, EU:T:2004:177, punti 31 u 32, u Buxton vs Il-Parlament, F‑50/11, EU:F:2012:51, punt 21). |
Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata
|
25 |
Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tqajjem formalment tliet motivi, ibbażati rispettivament:
|
|
26 |
Madankollu, fid-dawl tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tat-talbiet tagħha u fid-dawl tal-preċiżazzjonijiet mogħtija minnha matul is-seduta, l-ewwel motiv għandu jinftiehem bħala li huwa bbażat prinċipalment fuq ksur tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal u sussidjarjament, permezz ta’ eċċezzjoni, fuq l-illegalità tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal sa fejn ma josservax il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, kif espress fil-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas. |
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal u, permezz ta’ eċċezzjoni, fuq l-illegalità ta’ din id-dispożizzjoni
– L-argumenti tal-partijiet
|
27 |
Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li hija kienet vittma ta’ diskriminazzjoni mhux ġustifikata fil-konfront tal-uffiċjali li setgħu jiġu promossi dovuta għall-fatt li hija kienet wettqet, bħala membru tal-persunal temporanju, kompiti identiċi għal dawk ta’ uffiċjal, u għall-fatt li, madankollu, il-perijodi ta’ servizz li hija wettqet bħala membru tal-persunal temporanju ma ttieħdux inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu ta’ sentejn ta’ anzjanità fil-grad neċessarji, skont l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex tkun tista’ tiġi promossa. Fil-fatt, sa mid-dħul fis-servizz tagħha bħala membru tal-persunal temporanju, ir-rikorrenti kienet dejjem eżerċitat l-istess funzjonijiet. |
|
28 |
Permezz tal-ewwel motiv, kif ippreċiżat mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-noti ta’ intervent u matul is-seduta, ir-rikorrenti ssostni, prinċipalment, li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, skontha, il-Kunsill interpreta din id-dispożizzjoni fis-sens li, sabiex jiġu kkalkolati s-sentejn ta’ anzjanità fil-grad li għandu jkollhom l-uffiċjali sabiex ikunu jistgħu jiġu promossi, l-anzjanità li eventwalment ikunu kisbu l-uffiċjali li, bħar-rikorrenti, kienu membri tal-persunal temporanju qabel ma nħatru uffiċjali permanenti ma kellhiex tittieħed inkunsiderazzjoni. Skont ir-rikorrenti, il-formulazzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal tippermetti tali teħid inkunsiderazzjoni u din l-interpretazzjoni hija l-unika waħda li tkun konformi mad-Direttiva 1999/70. |
|
29 |
Ir-rikorrenti tqis li, jekk l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jkunx jista’ jiġi interpretat fis-sens li jippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità miksuba bħala membru tal-persunal temporanju għall-finijiet tal-kalkolu tas-sentejn ta’ anzjanità fil-grad neċessarji sabiex uffiċjal ikun jista’ jiġi promoss għall-grad superjuri, dan l-artikolu jkun kuntrarju għad-Direttiva 1999/70 u għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif espress f’din id-direttiva, u għalhekk ikollu jiġi ddikjarat illegali. |
|
30 |
Skont ir-rikorrenti, fis-sentenza Rosado Santana (C‑177/10, EU:C:2011:557), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Ftehim qafas kellu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi kull differenza fit-trattament bejn l-“impjegati permanenti taċ-ċivil” u l-“impjegati temporanji taċ-ċivil”, sakemm din id-differenza ma tkunx ibbażata fuq raġuni oġġettiva, u li, għalhekk, kien kuntrarju għal dan il-ftehim qafas il-fatt li ma jitteħidx inkunsiderazzjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna setgħetx tkun intitolata għal promozzjoni, perijodu ta’ servizz imwettaq minn din il-persuna bħala “impjegat temporanju taċ-ċivil” qabel ma saret permanenti. |
|
31 |
Ir-rikorrenti tqis li d-Direttiva 1999/70 tapplika għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-relazzjonijiet tagħhom mal-membri tal-persunal tagħhom. Hija ssostni li l-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas, li fuq il-bażi tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-perijodi ta’ servizz imwettqa bħala membru tal-persunal temporanju kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fuq bażi ugwali bħall-perijodi ta’ servizz imwettqa bħala uffiċjal permanenti, tikkostitwixxi l-espressjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, li huwa “prinċipju fundamentali”. |
|
32 |
Sussidjarjament, ir-rikorrenti tqis li, anki jekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li hija ma tistax tinvoka l-eżistenza ta’ prinċipju fundamentali, l-istituzzjonijiet huma obbligati jinterpretaw l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal fid-dawl tad-Direttiva 1999/70, u dan skont id-dmir ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE. |
|
33 |
Fi kwalunkwe każ, peress li l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal jista’ jiġi interpretat b’diversi modi, ir-rikorrenti tqis li l-Kunsill kien imissu ħa inkunsiderazzjoni d-Direttiva 1999/70 u, sussegwentement, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim qafas sabiex jiddetermina liema interpretazzjoni kellha tingħata lill-kunċett ta’ “perjodu minimu [anzjanità] ta’ sentejn fil-grad” fis-sens tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
34 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li l-fatt li s-sentenza Rosado Santana (EU:C:2011:557) kienet tikkonċerna proċedura ta’ selezzjoni interna u mhux proċedura ta’ promozzjoni ma jikkostitwixxix element li jiġġustifika li s-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx applikata għall-kawża ineżami. Fil-fatt, proċedura ta’ promozzjoni tagħmel parti, l-istess bħal proċedura ta’ selezzjoni interna, mill-progress tal-karriera tal-membri tal-persunal taċ-ċivil u, b’hekk, taqa’ taħt il-kundizzjonijiet tal-impjieg li jissemmew fil-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas. |
|
35 |
Skont ir-rikorrenti, l-eżistenza ta’ kontinwità bejn l-anzjanità miksuba bħala membru tal-persunal temporanju u dik miksuba bħala uffiċjal ma hijiex eskluża mir-Regolamenti tal-Persunal, u saħansitra tirriżulta minn ċerti dispożizzjonijiet tagħhom. Fil-fatt, l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jindikax b’mod espliċitu li l-anzjanità msemmija f’dan l-artikolu għandha tkun inkisbet biss bħala uffiċjal. Barra minn hekk, l-imsemmi artikolu ma jeskludix li rapporti ta’ evalwazzjoni oħra għajr dawk stabbiliti wara li l-persuna kkonċernata tkun saret uffiċjal jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni. Għall-kuntrarju, mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta b’mod espliċitu li l-membri tal-persunal temporanju li jkunu saru uffiċjali jistgħu jżommu l-benefiċċju tal-anzjanità miksuba preċedentement, u dan anki fil-każ li kienu impjegati taħt regoli legali differenti. |
|
36 |
Il-Kunsill isostni li t-teżi tar-rikorrenti hija kuntrarja għall-intenzjoni tal-leġiżlatur li, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-perijodi ta’ servizz mwettqa bħala uffiċjal, intenzjoni li tirriżulta mill-kliem “perjodu minimu [anzjanità] [...] fil-grad” li jinsabu fit-test stess tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
37 |
Barra minn hekk, skont il-Kunsill, it-teżi tar-rikorrenti timplika l-eżistenza ta’ kontinwità legali bejn l-istatus ta’ membru tal-persunal temporanju u dak ta’ uffiċjal. Issa, analiżi tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-ġurisprudenza, b’mod partikolari tad-digrieti Kyriazi vs Il-Kummissjoni (F‑66/06, EU:F:2006:92) u Pereira Sequeira vs Il-Kummissjoni (F‑65/06, EU:F:2006:124) u tas-sentenza Toronjo Benitez vs Il-Kummissjoni (F‑33/07, EU:F:2008:25), għandha twassal lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jeskludi tali kontinwità legali. |
|
38 |
Fl-aħħar nett, skont il-Kunsill, l-għażla tal-leġiżlatur li, fil-kuntest tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-perijodi ta’ servizz imwettqa bħala uffiċjal ma tistax tiġi kkontestata permezz tal-invokazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza u b’mod partikolari skont is-sentenzi Chetcuti vs Il-Kummissjoni (C‑16/07 P, EU:C:2008:549, punt 40) u Wasmeier vs Il-Kummissjoni (T‑381/00, EU:T:2002:190, punt 122), ma jkunx hemm diskriminazzjoni minħabba t-trattament differenti tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal temporanju peress li d-definizzjoni ta’ kull waħda minn dawn il-kategoriji tikkorrispondi għall-ħtiġijiet leġittimi tal-amministrazzjoni u għan-natura tal-kompiti, permanenti jew temporanji, li l-amministrazzjoni hija intiża li twettaq. |
|
39 |
Barra minn hekk, il-Kunsill iqis li s-soluzzjoni mogħtija fis-sentenza Rosado Santana (EU:C:2011:557) ma tistax tiġi applikata għall-kawża ineżami. |
|
40 |
L-ewwel nett, il-Kunsill ifakkar li s-sentenza Rosado Santana (EU:C:2011:557) tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ direttiva li kellha tiġi applikata fi Stat Membru u li direttiva tista’ tiġi invokata fil-konfront ta’ istituzzjoni b’mod indirett biss, fil-każijiet identifikati fis-sentenza Aayhan et vs Il-Parlament (F‑65/07, EU:F:2009:43, punti 113 sa 116). Issa, il-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas ma taqa’ fl-ebda wieħed minn dawn il-każijiet. B’mod partikolari, il-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas, kif implementat permezz tad-Direttiva 1999/70, ma tikkostitwixxix l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt u, peress li l-formulazzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal hija ċara, ma hemmx lok li wieħed jirreferi għad-Direttiva sabiex jiġi ddeterminat is-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
41 |
It-tieni nett, il-Kunsill jenfasizza li hemm differenza fundamentali bejn is-sitwazzjoni tar-rikorrenti u dik ta’ F. J. Rosado Santana, jiġifieri li dan tal-aħħar kien dejjem jaqa’ taħt l-istess regoli legali bażiċi, peress li kien “impjegat temporanju taċ-ċivil” qabel ma sar “impjegat permanenti taċ-ċivil”, filwaqt li r-rikorrenti kienet suġġetta suċċessivament għal żewġ strumenti legali distinti, jiġifieri għall-Kondizzjonijiet tal-impjieg, bħala membru tal-persunal temporanju, u mbagħad għar-Regolamenti tal-Persunal, bħala uffiċjal. |
|
42 |
Fit-tweġiba tiegħu għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kunsill ippreċiża l-pożizzjoni tiegħu billi bbaża ruħu fuq id-digriet Rivas Montes (C‑178/12, EU:C:2013:150). Skont il-Kunsill, minn dan id-digriet jirriżulta li l-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas ma tistax tiġi invokata bħala bażi għal eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, din il-klawżola tirrigwarda d-diskriminazzjoni fir-rigward tal-ħaddiema li jkollhom relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat fuq il-bażi biss tat-tul ta’ din ir-relazzjoni filwaqt li, fil-kawża ineżami, id-differenza fit-trattament bejn membri tal-persunal temporanju u uffiċjali hija bbażata fuq in-natura legali tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. |
|
43 |
Fil-każ li jitqies li s-soluzzjoni mogħtija fil-kuntest tas-sentenza Rosado Santana (EU:C:2011:557) tista’ tiġi ttrasposta għas-servizz pubbliku tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill isostni li l-ħtiġijiet leġittimi tal-amministrazzjoni u n-natura tal-kompiti, permanenti jew temporanji, li l-amministrazzjoni hija intiża li twettaq jikkostitwixxu raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-proċedura ta’ promozzjoni, tal-perijodi ta’ servizz imwettqa mir-rikorrenti bħala membri tal-persunal temporanju. |
|
44 |
Skont il-Kummissjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jiddikjara ex officio li l-eċċezzjoni ta’ illegalità hija inammissibbli peress li din l-eċċezzjoni ma tqajmitx fl-ilment. |
|
45 |
Fuq il-mertu, il-Kummissjoni ssostni l-argumenti kollha tal-Kunsill, filwaqt li tenfasizza n-natura ferm differenti tal-istatus ta’ membru tal-persunal temporanju u dak ta’ uffiċjal. |
|
46 |
B’mod partikolari, il-Kummissjoni tqis li l-fatt li r-rikorrenti wettqet, bħala membru tal-persunal temporanju, l-istess kompiti bħal dawk fdati lilha wara l-ħatra tagħha bħala uffiċjal bi prova ma għandu l-ebda rilevanza. It-teżi tar-rikorrenti tagħti, skont il-Kummissjoni, wisq importanza lil elementi fattwali kompletament aleatorji u vantaġġ mhux ġustifikat lill-membri tal-persunal li kienu jeżerċitaw dejjem l-istess kompiti, l-ewwel bħala membri tal-persunal temporanju u mbagħad bħala uffiċjali, meta mqabbla ma’ membri tal-persunal li kellhom kompiti differenti. |
|
47 |
Fin-nota ta’ intervent tagħha, filwaqt li ssostni l-argumenti tal-Kunsill, il-Qorti tal-Awdituri targumenta, essenzjalment, li l-Klawżola 4 tal-Ftehim Qafas ma tistax tiġi invokata kontra l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-anzjanità miksuba minn uffiċjal meta kien membru tal-persunal temporanju. Hija tqis li tali sitwazzjoni la tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u lanqas ma tikkostitwixxi abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi u li fi kwalunkwe każ ir-rikorrenti ma invokatx tali abbuż. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku
|
48 |
It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ser jeżamina, l-ewwel nett, il-kwistjoni ta’ jekk il-Kunsill naqasx milli josserva l-portata tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal meta interpretah fis-sens li ma kienx jippermettilu jieħu inkunsiderazzjoni l-anzjanità miksuba mir-rikorrenti bħala membru tal-persunal temporanju għall-finijiet tal-kalkolu tas-sentejn ta’ anzjanità fil-grad neċessarji sabiex tkun tista’ tiġi promossa. Fil-fatt, il-kwistjoni tal-legalità tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, imqajma mir-rikorrenti b’mod sussidjarju, tkun rilevanti fil-kawża ineżami biss fil-każ li l-Kunsill ma wettaqx żball fl-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
49 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss it-termini tagħhom, iżda wkoll l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha u mill-kuntest tagħhom (sentenza Hoštická et, C‑561/13, EU:C:2014:2287, punt 29). |
|
50 |
F’dan il-każ, l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-promozzjoni “għandha tkun esklussivament bl-għażla fost l-uffiċjali li għamlu perjodu minimu [li jkollhom anzjanità] ta’ sentejn fil-grad tagħhom”. Issa, bl-użu tal-espressjoni “perjodu minimu [anzjanità] [...] fil-grad tagħhom” u tal-pronom possessiv “tagħhom”, li jirreferi għall-“uffiċjali”, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tindika li l-Awtorità tal-Ħatra għandha tieħu inkunsiderazzjoni biss l-anzjanità miksuba fil-grad bħala uffiċjal. |
|
51 |
Din l-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal hija kkorroborata minn analiżi tar-Regolamenti tal-Persunal fl-intier tagħhom. Fil-fatt, jidher li, skont il-leġiżlatur, ma hemm ebda kontinwità legali fil-karriera ta’ membru tal-persunal temporanju li jsir uffiċjal (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Bellantone vs Il-Qorti tal-Awdituri, F‑85/06, EU:F:2007:171, punt 51; Toronjo Benitez vs Il-Kummissjoni, EU:F:2008:25, punt 87, u d-digriet Prieto vs Il-Parlament, F‑42/07, EU:F:2011:159, punt 61). |
|
52 |
F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li, skont l-Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal, “[l]-uffiċjali għandhom iservu perjodu ta’ prova ta’ disa’ xhur qabel ma jistgħu jkunu stabbiliti”. Din id-dispożizzjoni ma tagħmel ebda differenza bejn il-membri tal-persunal li jkunu maħtura uffiċjali bi prova wara li jkunu ħadmu bħala membri tal-persunal temporanju u l-membri tal-personal l-oħra, anki jekk ikunu eżerċitaw l-istess funzjonijiet taħt iż-żewġ sistemi. Jekk it-teżi tal-kontinwità legali proposta mir-rikorrenti titqies li hija fondata, tali dispożizzjoni tiċċaħħad minn kull effettività għall-uffiċjali maħtura wara li jkunu diġà ħadmu bħala membri tal-persunal temporanju. |
|
53 |
Barra minn hekk, meta l-leġiżlatur xtaq jieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ xogħol imwettqa minn membru tal-persunal bħala membru tal-persunal temporanju sabiex jislet minnhom konsegwenzi għall-karriera tiegħu ta’ uffiċjal, huwa għamel dan b’mod espliċitu. Dan huwa l-każ fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi li “[m]embri tal-persunal temporanju ggradat skond il-kriterji li bih ikunu ggradati adottati mill-istituzzjoni għandhom iżommu s-senjorita’ fl-iskala akkwistata f’dik il-kapaċita’ jekk ikunu maħtura uffiċjali fl-istess grad immedjatament wara l-perjodu tas-servizz temporanju”, u dan b’deroga mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 32 li jipprovdi li l-uffiċjal irreklutat għandu jiġi kklassifikat fl-ewwel skala tal-grad tiegħu. Fl-istess sens, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprovdi li “[k]ull perjodu tas-servizz tal-persunal temporanju [tal-Unjoni] għandu jkun ikkunsidrat bil-għan li jinħadmu s-snin tas-servizz tal-pensjoni kif ipprovdut fl-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal”. |
|
54 |
Minn dan isegwi li l-Kunsill ma wettaqx żball meta interpreta l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal fis-sens li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss l-anzjanità fil-grad miksuba bħala uffiċjal, u dan iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li l-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jipprovdux li dan l-artikolu, fi kwalunkwe każ, japplika, b’xi mod jew ieħor, għas-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal temporanju. |
|
55 |
Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq żball fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal u għandha tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma, b’mod sussidjarju, mir-rikorrenti u bbażata fuq l-argument li, billi jipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ attività li uffiċjal ikun wettaq bħala membru tal-persunal temporanju, l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal jmur kontra l-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas. |
|
56 |
Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami u għall-finijiet tal-ekonomija tal-ġudizzju, l-imsemmija eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi eżaminata fil-mertu mingħajr ma tingħata deċiżjoni minn qabel dwar l-ammissibbiltà tagħha, u dan peress li l-imsemmija eċċezzjoni hija, fi kwalunkwe każ u għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, infondata fid-dritt (sentenza ET vs EACEA, F‑113/10, EU:F:2012:20, punt 49). |
|
57 |
L-ewwel nett, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas tapplikax għall-kawża ineżami u għalhekk jekk eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal tistax tkun ibbażata fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija klawżola. |
|
58 |
It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jfakkar li, skont il-ġurisprudenza, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/70 u tal-Ftehim qafas li huwa anness magħha ma jistgħux jitqiesu li jimponu, bħala tali, obbligi fuq l-istituzzjonijiet fir-relazzjonijiet tagħhom mal-persunal tagħhom (sentenza Aayhan et vs Il-Parlament, EU:F:2009:43, punt 111). |
|
59 |
Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu, b’mod partikolari, japplikaw indirettament għal istituzzjoni jekk jikkostitwixxu l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li din l-istituzzjoni tkun f’tali każ obbligata tapplika bħala tali (sentenzi Adjemian et vs Il-Kummissjoni, T‑325/09 P, EU:T:2011:506, punt 56; Aayhan et vs Il-Parlament, EU:F:2009:43, punt 113, u AI vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F‑85/10, EU:F:2012:97, punt 134). |
|
60 |
Il-punt 1 tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas jistabbilixxi projbizzjoni li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-impjieg, il-ħaddiema għal żmien determinat jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema għal żmien indeterminat komparabbli fuq il-bażi biss li jaħdmu għal żmien determinat, sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat minn raġunijiet oġġettivi. Il-punt 4 ta’ din il-klawżola jistabbilixxi l-istess projbizzjoni fir-rigward tal-kriterji ta’ perijodi ta’ anzjanità marbuta ma’ kundizzjonijiet partikolari tal-impjieg (sentenzi Rosado Santana, EU:C:2011:557, punt 64, u Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 39). |
|
61 |
Issa, il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jinsabu applikati fil-punt 1 tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas, jikkostitwixxu prinċipji fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza Aayhan et vs Il-Parlament, EU:F:2009:43, punt 101) li fid-dawl tagħhom għandha tiġi evalwata l-legalità tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
62 |
Madankollu, għandu jiġi speċifikat li, meta kellha tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim qafas fil-kuntest ta’ tilwim bejn uffiċjali u l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eventwali differenzi fit-trattament bejn il-persunal irregolat minn regolamenti tal-persunal u l-membri tal-persunal bil-kuntratt ma jaqgħux taħt il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fil-Ftehim qafas, peress li tali differenzi fit-trattament ma humiex ibbażati fuq iż-żmien determinat jew indeterminat tar-relazzjoni ta’ xogħol iżda fuq jekk din ir-relazzjoni hijiex rregolata minn regolamenti tal-persunal jew minn kuntratt (digriet Rivas Montes, EU:C:2013:150, punti 44 u 45). |
|
63 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jagħmel ebda differenza fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat. Fil-fatt, l-uniku element meħud inkunsiderazzjoni fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa n-natura legali tar-reklutaġġ tal-membri tal-persunal ikkonċernati, fejn fil-fatt jistabbilixxi differenza fit-trattament bejn l-anzjanità miksuba minn uffiċjali u l-anzjanità miksuba mill-membri l-oħra tal-persunal. Issa, skont il-ġurisprudenza, tali differenza fit-trattament ma taqax taħt il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fil-Ftehim qafas (ara d-digriet Rivas Montes, EU:C:2013:150, punti 44 u 47). |
|
64 |
Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma tistax tibbaża eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-punt 1 tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas jew fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif applikat permezz ta’ din il-klawżola. |
|
65 |
Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-prinċipji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Rosado Santana (EU:C:2011:557). Fil-fatt, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali li wasslet għal dik is-sentenza kien qiegħed essenzjalment jikkontesta differenza fit-trattament li kienet tikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet ta’ proċedura ta’ selezzjoni interna, il-perijodi ta’ servizz imwettqa bħala impjegat permanenti taċ-ċivil u mhux dawk imwettqa bħala impjegat temporanju taċ-ċivil (sentenza Rosado Santana, EU:C:2011:557, punt 42). Fil-kawża ineżami, ir-rikorrenti qiegħda tikkontesta l-legalità tad-differenza fit-trattament bejn l-uffiċjali, li l-anzjanità tagħhom tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, u l-membri tal-persunal temporanju, irrispettivament minn jekk ikunux irreklutati fil-kuntest ta’ kuntratt għal żmien indeterminat jew indeterminat. |
|
66 |
Għalhekk, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu bħala infondat. |
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament
|
67 |
Ir-rikorrenti tosserva li fil-lista tal-uffiċjali promossi huma inklużi l-ismijiet ta’ “diversi uffiċjali” li, bħalha, kienu membri tal-persunal temporanju fil-funzjoni ta’ tradutturi u li kellhom l-istess anzjanità “fil-funzjonijiet”, iżda li kienu maħtura uffiċjali permanenti qabilha. Hija targumenta li, meta stabbilixxiet il-lista tal-uffiċjali promossi f’dawn il-kundizzjonijiet, l-Awtorità tal-Ħatra ma wettqitx eżami komparattiv li, skont il-ġurisprudenza, għandu jitwettaq b’attenzjoni u b’imparzjalità, fl-interess tas-servizz u konformement mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, u b’mod partikolari, aġixxiet bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
|
68 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti ma tindikax liema huma l-uffiċjali li skontha kienu ġew promossi minħabba eżami komparattiv ivvizzjat bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ma tagħti lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ebda element li jista’ jippermettilu jivverifika l-eżattezza tal-argumenti tagħha. Huwa minnu li r-rikorrenti tipproponi li “tiżvela” l-ismijiet ta’ dawn l-uffiċjali fuq talba tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Madankollu, tali offerta ma hijiex suffiċjenti sabiex tirrimedja n-nuqqas ta’ preċiżjoni fir-rikors. |
|
69 |
Minn dan isegwi li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-dmir ta’ premura
|
70 |
Ir-rikorrenti tqis li, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, l-Awtorità tal-Ħatra ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-interess tagħha u b’hekk kisret id-dmir ta’ premura tagħha. |
|
71 |
It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li t-tielet motiv ma tqajjimx fl-ilment u ma huwa marbut ma ebda wieħed mill-motivi jew argumenti mqajma f’dan l-ilment, li jsemmi biss żball manifest ta’ evalwazzjoni u ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat. |
|
72 |
Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli peress li tqajjem għall-ewwel darba fir-rikors, bi ksur tar-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment, fis-sens tal-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, u r-rikors sussegwenti, liema regola teżiġi, taħt piena ta’ inammissibbiltà, li l-motivi mressqa direttament kontra l-att li jikkawża preġudizzju mqajma quddiem il-qorti tal-Unjoni jkunu diġà tqajmu fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, sabiex l-Awtorità tal-Ħatra jew l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ ikunu f’pożizzjoni li jieħdu konjizzjoni tal-kritika li l-persuna kkonċernata tkun qiegħda tressaq fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza Il-Kummissjoni vs Moschonaki, T‑476/11 P, EU:T:2013:557, punt 71). |
|
73 |
Għaldaqstant, it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma. |
Fuq it-talbiet għad-danni
|
74 |
Minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li ġarrbet dannu materjali marbut mal-fatt li, li kieku l-Kunsill kien inkludiha fil-lista tal-uffiċjali li setgħu jiġu promossi, fid-dawl tat-tul medju fil-grad imsemmi fir-Regolamenti tal-Persunal, fid-dawl tal-anzjanità fil-funzjonijiet ta’ traduttur fi ħdan il-Kunsill, tan-natura eloġjuża tar-rapporti ta’ evalwazzjoni tagħha, kif ukoll tal-fatt li wħud mill-uffiċjali li kienu jeżerċitaw l-istess funzjonijiet bħar-rikorrenti kienu ġew promossi, hija kien ikollha ċans ta’ 90 % li tiġi promossa. Sussegwentement, ir-rikorrenti tistma d-dannu tagħha fis-somma ta’ EUR 30 000, fid-dawl tal-limitazzjoni fil-progress tal-karriera tagħha li hija allegatament ġarrbet u tal-impatt ta’ din il-limitazzjoni fil-progress fuq is-salarju u fuq id-drittijiet għal pensjoni tagħha. |
|
75 |
Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li ġarrbet dannu morali, li ma jistax jiġi kkumpensat bis-sempliċi annullament tad-deċiżjoni kkontestata minħabba li, għalkemm huwa possibbli li jiġu adottati l-miżuri kollha li jippermettu li tiġi rrettifikata l-illegalità mwettqa, ma jistax jiġi eskluż li l-Kunsill sempliċement jinkludi isem ir-rikorrenti fil-lista tal-uffiċjali li setgħu jiġu promossi mingħajr ma jieħu xi pass ieħor fid-dawl tas-sentenza ta’ annullament. Ir-rikorrenti tistma dan id-dannu morali fis-somma ta’ EUR 10 000. |
|
76 |
It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta d-dannu invokat minn rikorrent ikun ikkawżat mill-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tkun is-suġġett ta’ talbiet għal annullament, iċ-ċaħda ta’ dawn it-talbiet għal annullament timplika, bħala prinċipju, iċ-ċaħda tat-talbiet għad-dannu, peress li dawn tal-aħħar ikunu marbutin mill-qrib mat-talbiet għal annullament (sentenza Arguelles Arias vs Il-Kunsill, F‑122/12, EU:F:2013:185, punt 127, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
77 |
Fil-kawża ineżami, għandu jiġi osservat li d-danni materjali u morali invokati mir-rikorrenti huma kkawżati mid-deċiżjoni tal-Kunsill li ma jinkludihiex fil-lista tal-uffiċjali li setgħu jiġu promossi. Issa, peress li t-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda mingħajr ma t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jikkonstata irregolarità fl-aġir deċiżjonali tal-Kunsill, it-talbiet għad-danni tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda. |
|
78 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq l-ispejjeż
|
79 |
Skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Kapitolu VIII tat-Titolu II tal-imsemmija Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż tagħha u għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 102(1) tal-istess Regoli, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż tagħha iżda li għandha tiġi kkundannata biss parzjalment għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward. Skont l-Artikolu 103(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
|
80 |
Mill-motivi msemmija f’din is-sentenza jirriżulta li r-rikorrenti tilfet ir-rikors tagħha. Barra minn hekk, fit-talbiet tiegħu, il-Kunsill talab espliċitament li r-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Peress li ċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha u għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill. |
|
81 |
Fl-aħħar nett, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 103(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
|
Għal dawn il-motivi, IT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU(It-Tieni Awla) jaqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Bradley Kreppel Rofes i Pujol Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ April 2015. Reġistratur W. Hakenberg Il-President K. Bradley |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.