52012DC0323

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Polonja għall-2012 u li twassal l-Opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' konverġenza tal-Polonja għall-perjodu bejn l-2012 u l-2015 /* COM/2012/0323 final */


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Polonja għall-2012 u li twassal l-Opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' konverġenza tal-Polonja għall-perjodu bejn l-2012 u l-2015

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika[1], u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[2],

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew[3],

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)       Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tiġi mnedija strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, bl-isem ta' Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi u li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tenħtieġ azzjoni li tagħti spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir u l-kompetittività sostenibbli.

(2)       Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010, huwa adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi [4], li flimkien jagħmlu l-"linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u okkupazzjonali nazzjonali tagħhom.

(3)       Fit-12 ta' Lulju 2011, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Polonja għall-2011 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta' konverġenza aġġornat tal-Polonja għall-perjodu bejn l-2011 u l-2014.

(4)       Fit-23 ta' Novembru 2011, il-Kummissjoni adottat it-tieni Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għat-tieni semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex ante tal-politika, imsejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020. Fl-14 ta’ Frar 2012, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija[5], li fih ma identifikatx lill-Polonja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond.

(5)       Fit-2 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet biex jiġu ggarantiti l-istabbiltà finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni biex li tħeġġeġ it-tkabbir ekonomiku. Huwa enfasizza l-ħtieġa li titkompla konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tiffavorixxi t-tkabbir, biex l-ekonomija jerġa' jkollha kundizzjonijiet normali għas-self, biex jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, biex jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika.

(6)       Fit-2 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Istati Membri parteċipi fil-patt Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom fil-ħin għall-inklużjoni fil-programmi ta’ stabbiltà jew ta’ konverġenza tagħhom u fil-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom.

(7)       Fil-25 ta’ April 2012, il-Polonja ppreżentat il-programm ta' konverġenza tagħha li jkopri l-perjodu bejn l-2012 u l-2015 u, fis-27 ta’ April 2012, ippreżenta l-programm nazzjonali ta' riforma tagħha għall-2012. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(8)       Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tal-programm ta’ konverġenza għall-2012, li twettqet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-fehma li x-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji fil-programm huwa plawsibbli u konformi mat-tbassir li l-Kummissjoni għamlet fir-rebbiegħa tal-2012. L-objettiv tal-istrateġija baġitarja ppreżentata fil-programm huwa li sal-2012 jissewwa d-defiċit eċċessiv u li sal-2015 jintlaħaq l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju (OTM). Il-programm jikkonferma l-OTM ta’ defiċit ta’ 1% tal-PDG, li jirrifletti b’mod adegwat ir-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-korrezzjoni ppjanata tad-defiċit tirrispetta d-data ta' skadenza ffissatat mill-Kunsill u l-isforz fiskali ppjanat jikkonforma mar-rakkomandazzjoni li saret bħala parti mill-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv. Fuq il-bażi tad-defiċit strutturali (ikkalkulat mill-ġdid)[6], il-progress annwali li hu ppjanat li jseħħ biex jintlaħaq l-OTM huwa ogħla minn 0.5% tal-PDG (f’termini strutturali). Skont it-tbassir li l-Kummissjoni għamlet fir-rebbiegħa tal-2012, ir-rata tat-tkabbir tan-nefqa tal-gvern, meta wieħed iqis il-miżuri diskrezzjonarji rigward id-dħul, hija konformi mal-valur referenzjarju tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir matul il-perjodu kollu kopert mill-programm, iżda fl-2013 jaqbeż kemm kemm il-valur referenzjarju tan-nefqa. Biex isir biżżejjed progress lejn l-ilħuq tal-OTM, jista’ jkun hemm bżonn li jsiru aktar sforzi minħabba li l-objettiv iserraħ bil-kbir fuq qtugħ imdaqqas min-nefqa pubblika fuq l-investiment u mhux sostnut biżżejjed permezz ta’ miżuri ddettaljati fis-snin aħħarin tal-programm. Huwa pprojettat li d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika fil-Polonja jibqa’ taħt is-60% tal-PDG matul il-perjodu kopert mill-programm. L-awtoritajiet nazzjonali jbassru li dan id-dejn għandu jonqos gradwalment minn 56.3% tal-PDG fl-2011 għal 49.7% tal-PDG fl-2015 waqt li l-Kummissjoni waqt li tikkunsidra r-riskji possibbli fir-rigward tal-pjanijiet ta’ konsolidazzjoni, qed tistma li t-titjib se jseħħ aktar bil-mod.

(9)       Il-gvern Pollakk għadu ma ħax azzjoni biex, sal-2013, jimplimenta regola permanenti dwar in-nefqa. Il-ħidma fuq ir-regola permanenti għadha fil-fażi tat-tħejjija u s’issa ma ġew rilaxxati l-ebda dettalji. Barra minn hekk, ma sar l-ebda progress fir-rigward tal-aġġustament tal-klassifikazzjoni tal-kontijiet nazzjonali għas-sistema Ewropea tal-kontijiet (l-istandards tas-ESA95) u tat-titjib tal-koordinazzjoni bejn il-livelli differenti tal-gvern fejn għandu x’jaqsam il-proċess baġitarju.

(10)     Il-qgħad fost iż-żgħażagħ qabeż il-medja tal-UE u, fil-biċċa l-kbira tiegħu, huwa kkaġunat minn nuqqas ta' tlaqqigħ ta' ħiliet tal-ħaddiema man-neċessitajiet tas-suq tax-xogħol u mil-livell baxx ta' aċċess għall-apprentistati u għat-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol. Hemm maħsubin miżuri biex jiġi ffaċilitat id-dħul taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol. Jidher li l-abbuż parzjali ta' kuntratti ta' impjieg individwali ta' dritt ċivili li mhumiex irregolati mil-Liġi tax-Xogħol huma kawża tas-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol u tal-faqar fost dawk li għandhom xogħol, li l-livell tagħha huwa fost l-ogħla fl-UE. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġu rriveduti l-ambitu u l-adegwatezza tal-benefiċċji ta’ sostenn għal min għandu xogħol b’paga baxxa.

(11)     Fit-tieni nofs tal-2011 il-Polonja bdiet timplimenta riforma ambizzjuża fl-edukazzjoni superjuri. Din ir-riforma hija maħsuba biex issaħħaħ ir-rabtiet bejn l-universitajiet u l-impriżi u biex taffronta l-problema tan-nuqqas ta’ ħiliet li qed ifittxu dawk li joffru x-xogħol. Ir-riforma hija maħsuba wkoll biex il-korsijiet isiru aktar flessibbli u jirrispondu aħjar għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu tas-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, tinkuraġġixxi lin-nies jaħdmu għal rashom. Minkejja dan, jibqa’ l-ħtieġa li jitjiebu r-rilevanza u l-kwalità tal-għoti tat-tagħlim, b’enfasi partikulari fuq l-istituzzjonijiet privati li joffru edukazzjoni terzjarja.

(12)     Jeħtieġ li l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol jikber billi titjieb is-sistema tal-indukrar tat-tfal. Bħalissa l-Polonja għandha l-iktar rata baxxa fl-Ewropa ta’ edukazzjoni qabel il-primarja. Dan huwa dovut għan-nuqqas ta’ postijiet, ta’ infrastruttura mhux adegwata u n-nuqqas ta’ membri kkwalifikati tal-persunal. Id-dikjarazzjoni tal-gvern li se jiġġenera aktar fondi biex joħloq istituzzjonijiet ta' indukrar tat-tfal ta’ qabel il-primarja (minn 3 snin sa 5) mhix riflessa fil-Liġi tal-Baġit għall-2012, li naqqset is-sussidji għall-edukazzjoni. Dan wassal biex xi muniċipalitajiet għalqu l-iskejjel u l-kindergartens.

(13)     Sabiex tindirizza l-parteċipazzjoni baxxa ta’ ħaddiema ta’ età ikbar fis-suq tax-xogħol, il-Polonja adottat riforma ġenerali tal-pensjonijiet. L-età statutarja tal-irtirar se togħla gradwalment mill-2013 ’il quddiem biex tilħaq is-67 għall-irġiel fl-2020 u għan-nisa fl-2040. Il-Polonja ssoktat bl-isforzi tagħha biex tillimita l-kundizzjonijiet favorevoli għall-irtirar fil-każ tas-servizzi bl-uniformi. Fl-2011, il-Polonja introduċiet xi tibdiliet fil-fond tas-sigurta soċjali tal-bdiewa (il-KRUS). Madanakollu, ir-riforma hija temporanja u mhix biżżejjed meta wieħed jaraha mil-lenti tas-suq tax-xogħol. Il-minaturi għadhom igawdu minn skema speċjali tal-pensjoni.

(14)     Riformi li saru dan l-aħħar biex jitjieb l-ambjent tar-riċerka għandhom l-għan li jikkonċentraw finanzjament imfassal skont il-ħtiġijiet fuq l-istituzzjonijiet li jiksbu l-aħjar riżultati. Il-Programm Nazzjonali ta’ Riċerka, li ġie adottat f’Awwissu 2011, huwa pass importanti f’din id-direzzjoni. Madanakollu, għadu mhux ċar kif il-prijoritajiet imniżżlin fil-programm huma marbutin mal-linja politika dwar l-innovazzjoni u l-industrija u kif din il-linja politika se tmexxihom ’il quddiem.

(15)     Ir-restrizzjonijiet mhux iġġustifikati fuq l-għoti ta’ servizzi professjonali huma xkiel ewlieni għal aktar tkabbir ekonomiku, b’mod partikulari fl-oqsma tal-bini, tat-trasport u tas-saħħa. Il-gvern ħabbar pjan biex inaqqas b'50% r-regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali, kemm rigward ir-rekwiżiti edukattivi u l-liċenzjar. Minkejja l-isforzi riċenti, il-piż amministrattiv fuq in-negozji għadu kbir, u l-amministrazzjoni pubblika għadha mhix tiffunzjona b’effiċjenza. L-oqsma ewlenin li jqanqlu tħassib jinkludu kostijiet għoljin ta' konformità, leġiżlazzjoni kumplessa u instabbli dwar it-taxxi, infurzar dgħajjef tal-kuntratti, proċeduri twal u ta' piż għal-liċenzjar u l-ħruġ tal-permessi, kif ukoll il-leġiżlazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni tal-proprjetà u dwar it-taqsim tal-artijiet f’żoni. Il-proċeduri ġudizzjarji u azzjonijiet legali oħrajn idumu ħafna għaddejjin u hemm għadd relattivament kbir ta’ kawżi pendenti.

(16)     It-tkabbir u l-kompetizzjoni fil-qasam tal-enerġija huma mxekklin mid-dewmien fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, b’mod partikulari fejn għandhom x’jaqsmu t-Tieni u t-Tielet Pakketti tal-Enerġija u d-Direttiva tal-UE dwar l-Enerġija Rinnovabbli, kif ukoll mill-proċeduri pendenti ta’ ksur. Filwaqt li n-netwerk tal-awtostradi u tas-superstradi qed jiġi żviluppat b’mod estensiv bis-sostenn ta’ fondi mill-UE, il-ħtieġa għal investiment fin-netwerk tal-ferrovija hija saħansitra aktar urġenti, meta wieħed iqis l-istat ħażin ħafna tal-infrastruttura. Il-Polonja mhix tagħmel użu sħiħ mir-riżorsi tal-fond ta’ koeżjoni li huma disponibbli għal dan l-iskop. Għad hemm fatturi li qed jostakolaw il-funzjonament effiċjenti tas-suq tal-ferrovija.

(17)     Il-Polonja daħlet għal għadd ta’ impenji bħala parti mill-Patt Euro Plus. L-impenji, u l-implimentazzjoni tal-impenji ppreżentati fl-2011, jikkonċernaw l-inkuraġġiment tal-ħolqien tax-xogħol, it-titjib fil-kompetittività, it-tisħiħ tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u r-rinfurzar tal-istabbiltà finanzjarja. Il-Kummissjoni vvalutat l-implimentazzjoni tal-impenji li saru bħala parti mill-Patt Euro Plus. Ir-riżultati ta' din il-valutazzjoni ġew ikkunsidrati fir-rakkomandazzjonijiet.

(18)     Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Polonja. Hija vvalutat il-programm ta' konverġenza u l-programm nazzjonali ta' riforma. Mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għal-politiki fiskali u soċjoekonomiċi sostenibbli, imma wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika ġenerali tal-Unjoni Ewropea billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (6) hawn taħt.

(19)     Fid-dawl tal-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta' konverġenza għall-2012, u l-opinjoni tiegħu[7] hija riflessa b'mod partikulari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Polonja tieħu azzjoni fil-perjodu bejn l-2012 u l-2013 sabiex:

1.           Tiżgura l-progress ippjanat lejn il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv. Għal dan il-għan, timplimenta bis-sħiħ il-baġit għas-sena 2012 u tikseb l-isforz tal-aġġustament strutturali speċifikat fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill skont il-Proċedura tad-Defiċit Eċċessiv. Minn hemm ‘il quddiem, tispeċifika l-miżuri meħtieġa biex tiżgura l-implimentazzjoni tal-istrateġija baġitarja għas-sena 2013 u lil hinn minnha kif previst, b’hekk tiżgura sforz adegwat għal aġġustament strutturali biex tagħmel biżżejjed progress biex tilħaq l-objettiv ta’ terminu medju, inkluż li jintlaħaq il-valur referenzjarju tan-nefqa. Timminimizza qtugħ fin-nefqa li tiffavorixxi t-tkabbir fil-ġejjieni u ttejjeb ir-rispett għall-obbligi tat-taxxa.

2.           Tħaffef ir-riforma tal-qafas fiskali billi tadotta leġiżlazzjoni bl-għan li tiġi introdotta regola għan-nefqa permanenti sal-2013. Din ir-regola għandha tkun konsistenti mas-sistema Ewropea tal-kontabilità. Tieħu miżuri biex issaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni fost il-livelli differenti tal-gvern fuq perjodu ta’ żmien medju u l-proċessi annwali baġitarji.

3.           Biex jitnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ, iżżid id-disponibilità ta’ apprentistati u tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol, ittejjeb il-kwalità tat-taħriġ vokazzjonali u tadotta l-istrateġija proposta tat-tagħlim tul il-ħajja. Tqabbel aħjar l-eżitu tal-edukazzjoni mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u ttejjeb il-kwalità tat-tagħlim. Biex tikkumbatti s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol u l-faqar fost dawk li jaħdmu, tillimita l-użu eċċessiv ta' kuntratti tad-dritt ċivili u ttawwal il-perjodu ta' prova għall-kuntratti permanenti.

4.           Issaħħaħ l-isforzi biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u tgħolli r-rati tar-reġistrazzjoni tat-tfal għas-servizz ta' indukrar bikri tat-tfal u l-edukazzjoni qabel il-primarja, billi tiżgura finanzjament stabbli u investiment fl-infrastruttura pubblika, il-provvediment ta' persunal ikkwalifikat u aċċess għall-bwiet ta’ kulħadd. Tindirizza l-prattiki stabbiliti ta’ rtirar bikri biex jiżdiedu l-etajiet tal-ħruġ mis-suq tax-xogħol. Gradwalment ittemm l-iskema speċjali tal-pensjonijiet għall-minaturi bil-għan li dawn jintegraw ruħhom bis-sħiħ fl-iskema ġenerali. Tagħmel passi aktar ambizzjużi u permanenti għar-riforma tal-fond tas-sigurtà soċjali tal-bdiewa (KRUS) biex jirriflettu aħjar l-introjtu individwali.

5.           Tieħu miżuri addizzjonali biex tiżgura ambjent tan-negozju favur l-innovazzjoni, billi tiżgura konnessjonijiet aħjar bejn ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-industrija, u billi tistabbilixxi l-oqsma u l-istrumenti prijoritarji komuni li jappoġġjaw iċ-ċiklu kollu tal-innovazzjoni; ittejjeb l-aċċess għal finanzi għal attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni permezz ta’ garanziji u bridge financing.

6.           Iżżid l-isforzi biex jittejbu l-inċentivi għall-investiment fil-kapaċità u l-effiċjenza fil-ġenerazzjoni tal-enerġija, tħaffef l-iżvilupp tal-interkonnessjonijiet transkonfinali tal-grilji tal-elettriku u ssaħħaħ il-kompetizzjoni fis-settur tal-gass bit-tneħħija gradwali ta' prezzijiet irregolati u bil-ħolqien ta' pjattaforma tan-negozjar tal-gass. Issaħħaħ ir-rwol u r-riżorsi tar-regolatur tas-suq ferrovjarju u tiżgura l-implimentazzjoni efikaċji u rapida tal-proġetti ta’ investiment ferrovjarju. Tnaqqas ir-restrizzjonijiet fuq is-servizzi professjonali u tissimplifika l-infurzar tal-kuntratti u r-rekwiżiti għall-permessi tal-kostruzzjoni.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 209, 02.08.1997, p. 1

[2]               COM (2012)323 finali.

[3]               P7_TA(2012)0048 u P7_TA(2012)0047

[4]               Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/238/EU tas-26 ta’ April 2012

[5]               COM (2012)68 finali.

[6]               Bilanċ aġġustat ċiklikament nett minn miżuri ta’ darba u temporanji, ikkalkulat mill-ġdid mis-servizzi tal-Kummissjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta fil-programm, bl-użu tal-metodoloġija li dwarha ntlaħaq qbil komuni.

[7]               Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.