23.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 100/13


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/487

tat-22 ta’ Marzu 2021

li temenda u testendi d-Deċiżjoni (PESK) 2018/653 dwar l-istabbiliment ta’ faċilità ta’ maħżen għal missjonijiet ta’ maniġġar ċivili ta’ kriżijiet

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1), 42(4) u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Għall-fini tal-operazzjonijiet ta’ maniġġar ċivili ta’ kriżijiet, il-ħtiġijiet tal-istazzjonament rapidu u r-rekwiżiti operazzjonali jenħtieġ li jiġu ssodisfati.

(2)

Fis-26 ta’ April 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/653 dwar l-istabbiliment ta’ faċilità ta’ maħżen għal missjonijiet ta’ maniġġar ċivili ta’ kriżijiet (1).

(3)

L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni (PESK) 2018/653 jipprevedi rieżami sabiex jiġi vvalutat l-ammont ta’ referenza finanzjarja msemmi fl-Artikolu 4(1) ta’ dik id-Deċiżjoni fir-rigward tal-ammont meqjus neċessarju biex jiġu ssodisfati t-talbiet mill-missjonijiet ċivili tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni, u biex jitqiesu l-ħtiġijiet li jkunu qed jevolvu ta’ tali missjonijiet, ta’ azzjoni operazzjonali oħra tal-Unjoni u tar-Rappreżentanti Speċjali tal-Unjoni Ewropea. Din il-valutazzjoni saret mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-" Rappreżentant Għoli”) u l-Kummissjoni Ewropea. Ir-riżultat ta’ dak ir-rieżami, kif diskuss u maqbul fi ħdan il-korpi preparatorji rilevanti tal-Kunsill f’Diċembru 2019 u f’Jannar 2020, kien li l-ammont ta’ referenza finanzjarja ma kienx jeħtieġ li jiġi rivedut.

(4)

Skont l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni PESK 2018/653, li jipprevedi l-possibbiltà li l-Kunsill jiddeċiedi li jestendi dik id-Deċiżjoni, ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni rrakkomandaw, fir-rapport tagħhom ta’ kull sitt xhur lill-Kunsill, li jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2018/653 tiġi estiża bi 18-il xahar, inkluż perijodu ta’ sitt xhur għall-għeluq amministrattiv u finanzjarju tal-faċilità ta’ maħżen stabbilita b’dik id-Deċiżjoni.

(5)

Ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni jridu jagħmlu t-tħejjijiet meħtieġa għal arranġamenti ta’ ħażna fil-ġejjieni u jippreżentaw ir-rakkomandazzjonijiet inizjali tagħhom lill-Kunsill mhux aktar tard minn Ġunju 2021,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2018/653 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 3, jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“5.   L-Aġenzija Żvediża għal Kontinġenzi Ċivili għandha tiżgura l-kapaċità operattiva sħiħa tal-maħżen sal-iskadenza ta’ din id-Deċiżjoni. Arranġamenti dettaljati għal dan għan għandhom jiġu miftiehma mill-Aġenzija Żvediża għal Kontinġenzi Ċivili, il-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili u s-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni.

6.   L-operatur tal-faċilità tal-maħżen għandu jiżgura tranżizzjoni u trasferiment bla xkiel għal arranġamenti ta’ ħażna fil-ġejjieni, kif immexxija mill-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili u s-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni.”;

(2)

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implementazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għall-perijodu ta’ 54 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 għandu jkun ta’ EUR 46 197 384,22.”;

(3)

l-Artikolu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 7

Dħul fis-seħħ u skadenza

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha. Għandha tiskadi 54 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 4(3).”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)   ĠU L 108, 27.4.2018. p. 22.