European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2434

12.9.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2434

tal-11 ta’ Settembru 2024

li jidderoga fir-rigward tas-sena 2024 mill-Artikolu 44(2), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-livell ta’ pagamenti bil-quddiem għall-interventi fil-forma ta’ pagamenti diretti u għall-interventi għall-iżvilupp rurali bbażati fuq iż-żoni u fuq l-annimali

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 44(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 44(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/2116, mis-16 ta’ Ottubru sat-30 ta’ Novembru, l-Istati Membri jistgħu jħallsu bil-quddiem sa 50 % għall-interventi fil-forma ta’ pagamenti diretti ugħall-miżuri msemmija fil-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u fil-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Skont l-Artikolu 44(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/2116, qabel l-1 ta’ Diċembru, l-Istati Membri jistgħu jħallsu bil-quddiem sa 75 % għall-interventi għall-iżvilupp rurali bbażati fuq iż-żona u bbażati fuq l-annimali skont ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(2)

Skont l-Artikolu 44(6) tar-Regolament (UE) 2021/2116, fuq talba ta’ Stat Membru, fil-każ ta’ emerġenza, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jidderogaw mill-Artikolu 44(2) ta’ dak ir-Regolament biss sal-punt u għall-perjodu li huma strettament meħtieġa.

(3)

Fil-laqgħa tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd tal-15 ta’ Lulju 2024, l-Istati Membri talbu lill-Kummissjoni biex tidderoga mill-Artikolu 44(2) tar-Regolament (UE) 2021/2116 biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jħallsu aktar pagamenti bil-quddiem biex jindirizzaw emerġenza li rriżultat minħabba kombinazzjoni eċċezzjonali ta’ avvenimenti avversi, inkluż l-invażjoni Russa li għaddejja fl-Ukrajna, il-konsegwenza tal-kunflitti fil-Lvant Nofsani kif ukoll avvenimenti estremi tat-temp fl-Ewropa Ċentrali, tan-Nofsinhar u tal-Lvant. Fil-laqgħa konġunta tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli, il-Kumitat tal-Politika Agrikola Komuni u l-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli tal-24 ta’ Lulju 2024, l-Istati Membri kkonfermaw li l-produtturi agrikoli tagħhom qegħdin jiffaċċjaw problemi ta’ likwidità minħabba taħlita ta’ avvenimenti avversi li kellhom impatt fuq il-prezzijiet tal-inputs u tal-komoditajiet agrikoli. Huma talbu lill-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jidderogaw mill-Artikolu 44(2) tar-Regolament (UE) 2021/2116 biex ikun jista’ jsir il-ħlas ta’ pagamenti bil-quddiem miżjuda għall-interventi u l-miżuri kollha fir-rigward tas-sena tat-talba 2024.

(4)

L-invażjoni Russa tal-Ukrajna li għaddejja bħalissa u l-kunflitti fil-Lvant Nofsani jirriskjaw li jipprolongaw id-diffikultajiet eżistenti, bħall-prezzijiet għoljin tal-input, u joħolqu tfixkil ġdid fil-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija, inkluż ridirezzjoni tal-kummerċ, li jwassal għal kostijiet ogħla tat-trasport marittimu u dewmien. Żviluppi u inċertezzi bħal dawn ipoġġu pressjoni li tgħolli l-prezzijiet tal-input. Dawn l-avvenimenti jfixklu wkoll ix-xejriet kummerċjali u jħallu impatt sinifikanti fuq il-prezzijiet tal-komoditajiet agrikoli u s-swieq agrikoli.

(5)

Il-prezzijiet tal-input, bħall-enerġija u l-fertilizzanti għadhom għoljin b’mod sinifikanti fis-setturi agrikoli kollha. Fl-Unjoni, il-prezzijiet ta’ inputs oħra għall-bdiewa u għall-operaturi tal-katina alimentari bħall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, it-trattamenti tas-saħħa tal-annimali, il-makkinarju u l-imballaġġ żdiedu f’konformità mal-inflazzjoni ġenerali. Madankollu, il-prezzijiet tal-komoditajiet agrikoli, pereżempju ċ-ċereali u l-għalf, għadhom relattivament baxxi, u dan inaqqas il-marġnijiet ta’ profitt għall-bdiewa. F’xi Stati Membri s-sitwazzjoni saret partikolarment diffiċli, peress li l-proporzjon tal-prezz tal-input mal-komodità kompla jiddeterjora meta mqabbel mal-2023, speċjalment għall-produtturi taċ-ċereali u tal-għalf.

(6)

Barra minn hekk, huwa mistenni li avvenimenti meteoroloġiċi avversi li qed jokkorru reċentement, bħal xita eċċessiva, ġlata tardiva u għargħar lokali f’ċerti reġjuni, u defiċit tal-ilma, kif ukoll mewġiet ta’ sħana, f’diversi partijiet tal-Ewropa ċentrali, tan-Nofsinhar u tal-Lvant, se jaffettwaw b’mod negattiv ir-rendimenti tal-għelejjel.

(7)

Dawn iċ-ċirkostanzi x’aktarx li jikkawżaw problemi ta’ likwidità għall-produtturi agrikoli madwar l-Unjoni, meta jitqies li l-avvenimenti avversi jħallu impatt fuq il-prezzijiet tal-inputs u tal-komoditajiet agrikoli. Dan huwa aggravat aktar mir-rati tal-imgħax għoljin fis-swieq finanzjarji Ewropej. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew iħallsu pagamenti bil-quddiem miżjuda fir-rigward tas-sena tat-talba 2024 biex jindirizzaw il-problemi ta’ likwidità li l-produtturi agrikoli x’aktarx jiffaċċjaw madwar l-Unjoni.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli, il-Kumitat dwar il-Politika Agrikola Komuni u l-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.

B’deroga mill-Artikolu 44(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/2116, fir-rigward tas-sena tat-talba 2024, l-Istati Membri jistgħu jħallsu bil-quddiem sa 70 % għall-interventi fil-forma ta’ pagamenti diretti skont it-Titolu III, il-Kapitolu II, tar-Regolament (UE) 2021/2115, u għall-miżuri msemmija fil-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) Nru 228/2013 u fil-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) Nru 229/2013.

2.

B’deroga mill-Artikolu 44(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/2116, fir-rigward tas-sena tat-talba 2024, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu pagamenti bil-quddiem sa 85 % għall-appoġġ mogħti fil-kuntest tal-interventi għall-iżvilupp rurali bbażati fuq iż-żoni u fuq l-annimali skont it-Titolu III, il-Kapitolu IV, tar-Regolament (UE) 2021/2115.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Settembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2116/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, p. 23, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/228/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/229/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2115/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2434/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)