6.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 204/43


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-5 ta’ Awwissu 2009

li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/233/KE fir-rigward tal-entrati għall-Ġermanja fil-lista tal-laboratorji awtorizzati biex jiċċekkjaw l-effikaċja tat-tilqim kontra l-idrofobja f’ċerti karnivori domestiċi

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 6105)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/601/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/258/KE tal-20 ta’ Marzu 2000 li taħtar istituzzjoni speċifika sabiex tkun responsabbli biex tistabbilixxi l-kriterji neċessarji għall-istandardizzazzjoni ta’ testijiet seroloġiċi biex issegwi l-effettività tat-tilqim kontra l-idrofobija (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni 2000/258/KE ħatret lil-laboratorju tal-Agence Française de Sécurité Sanitaire des Aliments de Nancy (il-laboratorju tal-AFSSA, Nancy), Franza, bħala l-istituzzjoni speċifika responsabbli sabiex tistabbilixxi l-kriterji meħtieġa għall-istandardizzazzjoni tat-testijiet seroloġiċi biex tissegwa l-effettività tal-vaċċini tal-idrofobija.

(2)

Dik id-Deċiżjoni tistipula wkoll li l-Laboratorju tal-AFSSA, Nancy, għandu jibgħat lill-Kummissjoni l-elenku ta' dawk il-laboratorji Komunitarji li għandhom jingħataw l-awtorizzazzjoni biex iwettqu dawn it-testijiet seroloġiċi. Għaldaqstant, il-Laboratorju tal-AFSSA, Nancy, iħaddem il-proċedura stabbilita tal-verifika tal-profiċjenza biex jevalwa l-laboratorji qabel toħroġ l-awtorizzazzjoni biex jitwettqu t-testijiet seroloġiċi.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/233/KE tal-4 ta' Marzu 2004 li tawtorizza l-laboratorji sabiex jiċċekkjaw l-effikaċja tal-vaċċinazzjoni kontra l-idrofobja fuq ċerti annimali domestiċi karnivori (2), tistabbilixxi lista ta’ laboratorji awtorizzati fl-Istati Membri li ġew approvati fuq il-bażi tar-riżultati tal-verifika tal-profiċjenza kkomunikati mil-Laboratorju tal-AFSSA, Nancy.

(4)

Il-Ġermanja talbet li laboratorju minnhom jitneħħa mil-lista ta’ laboratorji awtorizzati stipulati fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/233/KE, fir-rigward tal-entrati għal dak l-Istat Membru.

(5)

Għalhekk, id-Deċiżjoni 2004/233/KE għandha tiġi emendata skont dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/233/KE, l-entrata nru 3 għall-Ġermanja għandha titħassar.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, il-5 ta’ Awwissu 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 79, 30.3.2000, p. 40.

(2)   ĠU L 71, 10.3.2004, p. 30