|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/3214 |
13.6.2025 |
Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika, f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)
(C/2025/3214)
KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD
(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)
“Graves”
PDO-FR-A1012 — AM04 19.03.2025
1. Isem il-prodott
“Graves”
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
|
☒ |
Denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) |
|
☐ |
Indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) |
|
☐ |
Indikazzjoni ġeografika (IĠ) |
3. Settur
|
☐ |
Prodotti agrikoli |
|
☒ |
Inbejjed |
|
☐ |
Xarbiet spiritużi |
4. Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika
Franza
5. Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard
Syndicat viticole des graves et graves supérieures (Assoċjazzjoni tal-vitikultura tal-Graves u l-Graves supérieures).
6. Kwalifika bħala emenda standard
L-awtoritajiet Franċiżi jiddikjaraw li l-applikazzjoni ppreżentata tikkonforma mar-rekwiżiti tar-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 u Nru 2024/1143.
L-emendi li saru fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott huma emendi standard, f’konformità mad-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143. Tabilħaqq, dawk l-emendi ma jitqisux bħala emendi tal-Unjoni, skont it-tifsira tal-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) 2024/1143. B’mod aktar speċifiku, huma:
|
a) |
la jemendaw l-isem u lanqas l-użu tal-isem, u lanqas il-prodotti jew il-kategoriji ta’ prodotti deżinjati mill-indikazzjoni ġeografika; |
|
b) |
ma jirriskjawx li jxejnu r-rabta maż-żona ġeografika msemmija fid-dokument uniku; |
|
c) |
ma jinvolvux aktar restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott |
7. Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i
1. Inklużjoni ta’ nbejjed bojod b’zokkor residwu
L-assoċjazzjoni tal-vitikultura tixtieq tħassar id-DOP Graves supérieures u tinkludi l-produzzjoni ta’ nbejjed b’zokkor residwu, li bħalissa jibbenefikaw minn din id-denominazzjoni, fid-denominazzjoni Graves. Dawn iż-żewġ denominazzjonijiet bħalissa huma definiti fi speċifikazzjoni waħda.
Din l-applikazzjoni tinvolvi l-irtirar tar-referenzi kollha għad-DOP Graves supérieures fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott. L-inbejjed ikkonċernati minn issa ’l quddiem se jissejħu “nbejjed bojod b’zokkor residwu”. Il-kundizzjonijiet kollha tal-produzzjoni stabbiliti għal dawn l-inbejjed jinżammu mingħajr ebda bidla. Talba għall-kanċellazzjoni tad-DOP Graves supérieures, imfassla mill-grupp ta’ produtturi tad-denominazzjoni, se tintbagħat lill-Kummissjoni Ewropea.
Il-grupp ta’ produtturi jixtieq jiġbor flimkien il-prodotti kollha fit-territorju tiegħu taħt denominazzjoni waħda sabiex l-offerta tiegħu tkun tinftiehem aħjar u titnaqqas il-konfużjoni fost il-konsumaturi. Il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni tal-inbejjed bojod xotti u ħomor bid-denominazzjoni Graves ma nbidlux.
Ta’ min ifakkar li l-inbid abjad b’zokkor residwu jappartjeni għall-kategorija “nbid” skont ir-Regolament 1308/2013.
F’konformità ma’ din l-emenda, id-dokument uniku ġie aġġornat f’diversi taqsimiet:
|
— |
Prattiki enoloġiċi speċifiċi, arrikkiment: Żieda ta’ deskrizzjoni tal-metodi ta’ arrikkiment għal dan it-tip ta’ nbid. |
|
— |
Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed; Iż-żieda tad-deskrizzjoni tal-inbid abjad b’zokkor residwu. |
|
— |
Rendimenti massimi: Żieda ta’ rendimenti massimi għall-inbejjed bojod b’zokkor residwu. |
|
— |
Rekwiżiti addizzjonali |
2. Proporzjon ta’ dwieli mejta jew nieqsa u prattiki oħra ta’ kultivazzjoni
Ġie miżjud mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott li d-dwieli mejta jridu jitneħħew mill-irqajja’, u huwa pprojbit li dawn id-dwieli jinżammu fuqhom.
Ġie miżjud ukoll:
|
— |
Il-projbizzjoni tal-kontroll tal-ħaxix ħażin bl-użu ta’ sustanzi kimiċi, |
|
— |
Ir-rekwiżit tal-kopertura tal-ħaxix, |
|
— |
L-obbligu għall-operaturi li jikkalkulaw l-indiċijiet tal-frekwenza tat-trattamenti tagħhom. |
L-għan ta’ dawn il-bidliet huwa li jintlaħqu l-aspettattivi tas-soċjetà u jiġi limitat l-impatt tal-inputs tal-produzzjoni fuq il-bijodiversità.
Dawn l-emendi ma jaffettwawx id-dokument uniku.
3. Miżuri tranżizzonali
Tħassir ta’ miżuri tranżizzonali mill-ispeċifikazzjoni tal-prodott, kif skadew fl-2020.
Din l-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.
4. Tikkettar
Il-grupp ta’ produtturi jipproponi li tiżdied id-dispożizzjoni li ġejja mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott:
Mill-ħsad tal-2026 ’il quddiem, it-tikkettar tal-inbejjed irid ikollu l-identifikatur kollettiv, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-karta fis-seħħ stabbilita mis-Syndicat Viticole des Graves u mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-operaturi kollha.
Il-grupp ta’ produtturi jqis li l-identifikazzjoni tad-denominazzjoni tirrappreżenta sfida ewlenija għall-viżibbiltà tal-prodotti, tissalvagwardja r-reputazzjoni tad-denominazzjoni u tiggwida lill-konsumaturi meta jkun qed jixtru.
Huwa jappella biex jiġu introdotti regoli uniformi dwar it-tikkettar għall-inbejjed bid-denominazzjoni Graves u għall-applikazzjoni ta’ karta li tiddefinixxi identifikatur kollettiv obbligatorju. Dan l-identifikatur se jagħmilha possibbli li jiġu ottimizzati l-azzjonijiet ta’ komunikazzjoni u ta’ promozzjoni kollettiva.
Barra minn hekk, ir-referenza għall-unità ġeografika akbar ġiet emendata għall-Vin de Bordeaux jew għall-Grand Vin de Bordeaux f’konformità mal-prattiki reġjonali.
Din l-emenda taffettwa d-dokument uniku taħt it-Taqsima “Rekwiżiti oħra applikabbli”.
5. Tħassir tad-data tal-moviment bejn il-magazziniera awtorizzati
Id-data tal-moviment bejn il-magazziniera awtorizzati titħassar sabiex l-inbid ikun jista’ jiċċirkola bejn l-operaturi kollha li jinsabu fiż-żona.
Id-dokument uniku mhuwiex affettwat
6. Korp ta’ spezzjoni
L-abbozzar tar-referenza għall-korp ta’ spezzjoni ġiet ifformulata mill-ġdid biex tiġi allinjata mal-formulazzjoni użata fi speċifikazzjonijiet oħra tal-prodott. Din l-emenda hija purament editorjali.
Id-dettalji ta’ kuntatt tal-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u l-Kwalità (INAO, Institut national de la qualité et de l’origine) ġew aġġornati.
Id-dokument uniku mhuwiex affettwat.
DOKUMENT UNIKU
1. Isem/Ismijiet
Graves
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika:
DOP - Denominazzjoni ta’ oriġini protetta
3. Kategoriji ta’ prodotti tad-dwieli
|
1. |
Inbid |
3.1. Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda
|
— |
22 — XARBIET, SPIRTI U ĦALL 2204 — Inbid tal-għeneb frisk, inkluż l-inbejjed imqawwija; most tal-għeneb għajr dak tal-intestatura 2009 |
4. Deskrizzjoni tal-inbid jew tal-inbejjed
1. Inbejjed ħomor bla gass
L-inbejjed ħomor ġejjin minn varjetajiet ta’ dwieli bilanċjati, fejn il-varjetà cabernet sauvignon N tipprovdi aromi u struttura u l-varjetà merlot N tipprovdi aroma u togħma delikata. Flimkien ma’ dawn hemm il-varjetajiet carbernet franc N, petit-verdot N, malbec N u carmenère N. Meta l-inbejjed ikunu għadhom żgħar, ta’ spiss jiżviluppaw aromi ta’ frott aħmar flimkien ma’ noti mħawra u mixwija. Dawn l-inbejjed huma eleganti u strutturati, fini u aromatiċi u jiżviluppaw b’armonija, u għalhekk fwieħet l-inbid tista’ tikseb noti affumikati delikati. Jilħqu l-aqwa tagħhom bejn 5 u 10 snin wara, skont il-vendemmji u l-oriġini tagħhom.Qawwa alkoħolika minima naturali skont il-volum ta’ 11 %. Qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum ta’ 13,5 % wara l-arrikkiment. Il-fermentazzjoni malolattika hija obbligatorja għall-inbejjed ħomor. Il-kontenut ta’ aċidu maliku huwa ta’ 0,30 grammi għal kull litru jew inqas. Il-kontenut ta’ zokkor fermentabbli huwa ta’ 3 grammi għal kull litru jew inqas.
Fir-rigward tal-karatteristiċi analitiċi l-oħrajn tal-inbejjed ħomor, dawn jikkorrispondu għal-limiti stabbiliti fir-regoli tal-Unjoni Ewropea.
Karatteristiċi analitiċi ġenerali:
|
— |
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum): — |
|
— |
Qawwa alkoħolika effettiva minima (f’% tal-volum) — |
|
— |
Aċidità totali minima: f’milliekwivalenti għal kull litru |
|
— |
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru): — |
|
— |
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru): — |
2. Inbid abjad xott bla gass
L-inbejjed bojod huma eleganti u rikki. Dawn l-inbejjed isiru mill-varjetà sémillon B u ġeneralment jiżviluppaw noti ta’ fjuri u jagħtu wkoll sensazzjoni żejtnija fil-palat, iżda xorta jibqa’ jkollhom togħma friska. Meta jitħalltu mal-varjetà sauvignon B, li tagħmilhom vivaċi u espressivi, u mal-varjetà muscadelle B li toffri noti ħfief tal-misk, dawn l-inbejjed ta’ spiss ikollhom aromi ta’ fjuri u tal-frott taċ-ċitru xi kultant b’noti eżotiċi jew tal-mentol. Il-maturazzjoni fil-btieti, li tintuża xi kultant, tippermetti li l-inbid isir aktar rikk u kumpless wara ftit snin ta’ tqaddim. Qawwa alkoħolika minima skont il-volum ta’ 10,5 %; qawwa alkoħolika totali skont il-volum ta’ 13 % wara l-arrikkiment; kontenut ta’ zokkor fermentabbli ta’ mhux aktar minn 4 grammi għal kull litru.
Fir-rigward tal-karatteristiċi analitiċi l-oħrajn tal-inbejjed bojod xotti, dawn jikkorrispondu għal-limiti stabbiliti fir-regoli tal-Unjoni Ewropea.
Karatteristiċi analitiċi ġenerali:
|
— |
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum): — |
|
— |
Qawwa alkoħolika effettiva minima (f’% tal-volum) — |
|
— |
Aċidità totali minima: f’milliekwivalenti għal kull litru |
|
— |
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru): 13,27 |
|
— |
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru): — |
3. Inbid abjad b’zokkor residwu
L-inbejjed bojod b’zokkor residwu magħmul minn għeneb maqtugħ meta jkun misjur ħafna permezz ta’ ħsad manwali suċċessiv, huma abbażi tal-varjetà sémillon B li jipproduċi nbid robust, mimli, lewn id-deheb, u b’aromi ta’ frott imqadded. It-taħlita finali mal-varjetà sauvignon B u l-varjetà muscadelle B tagħti nota friska lill-inbid. Waqt li kapaċi jibbenefikaw minn xi snin ta’ tqaddim, l-inbejjed jistgħu wkoll jiġu apprezzati bħala nbejjed mhux maturi. Qawwa alkoħolika minima naturali skont il-volum ta’ 13,5 %. Qawwa alkoħolika minima skont il-volum ta’ 12 %. Wara l-arrikkiment, il-kontenut ta’ zokkor fermentabbli huwa ta’ 34 gramma għal kull litru jew inqas.
Fir-rigward tal-karatteristiċi analitiċi l-oħrajn tal-inbejjed bojod b’zokkor residwu, dawn jikkorrispondu għal-limiti stabbiliti fir-regoli tal-Unjoni Ewropea.
Karatteristiċi analitiċi ġenerali:
|
— |
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum): — |
|
— |
Qawwa alkoħolika effettiva minima (f’% tal-volum) — |
|
— |
Aċidità totali minima: — |
|
— |
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru): 25 |
|
— |
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru): — |
5. Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid
5.1. Prattiki enoloġiċi speċifiċi
1. Densità u wisa’ bejn il-pjanti
Prattika tal-kultivazzjoni
Id-densità minima tat-tħawwil tad-dwieli hija ta’ 5 000 pjanta għal kull ettaru. Il-wisa’ bejn ir-ringieli ma tistax tkun akbar minn 2 metri, u l-wisa’ bejn il-pjanti fl-istess ringiela ma tistax tkun inqas minn 0,80 metri.
2. Regoli dwar iż-żbir tad-dwieli
Prattika tal-kultivazzjoni
Iż-żbir isir l-aktar tard fl-istadju meta l-weraq ikunu mifruxa (l-istadju 9 ta’ Lorenz). Id-dwieli jinżabru skont it-tekniki li ġejjin b’massimu ta’ 12-il għajn fuq kull pjanta:
|
— |
żabra qasira (bid-difer) jew żabra twila (biż-żargun); |
|
— |
żabra qasira fuq spalliera doppja jew forma ta’ mrewħa b’erba’ dirgħajn. |
3. Tisqija
Prattika tal-kultivazzjoni
Għall-produzzjoni tal-inbejjed ħomor u bojod xotti, it-tisqija matul il-perjodu ta’ veġetazzjoni tad-dielja tista’ tiġi awtorizzata biss fil-każ ta’ nixfa persistenti u meta din tfixkel l-iżvilupp fiżjoloġiku tajjeb tad-dwieli u l-maturazzjoni tajba tal-għeneb.
4. Arrikkiment
Prattika enoloġika speċifika
It-tekniki ta’ arrikkiment imnaqqas (TSE) huma awtorizzati għall-inbejjed ħomor fil-limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ 15 %.
L-inbejjed ħomor ma għandhomx jaqbżu l-qawwa alkoħolika totali skont il-volum ta’ 13,5 % wara l-arrikkiment.
L-inbejjed bojod ma għandhomx jaqbżu l-qawwa alkoħolika totali skont il-volum ta’ 13 % wara l-arrikkiment.
Għall-inbejjed bojod b’zokkor residwu, l-arrikkiment permezz taż-żieda taz-zokkor fix-xott jew minn most ikkonċentrat rettifikat ma jistax ikollu l-effett li jgħolli l-qawwa alkoħolika totali skont il-volum għal aktar minn 15 % wara l-arrikkiment. L-arrikkiment permezz ta’ konċentrazzjoni parzjali tal-most għall-produzzjoni tal-inbid huwa awtorizzat, sakemm ma jaqbiżx il-limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ 10 % tal-volumi arrikkiti b’dan il-mod. Dan jista’ jippermetti li l-qawwa alkoħolika totali skont il-volum tittella’ sa 19 % tal-volum.
5.2. Rendimenti massimi għal kull ettaru
|
1. |
Inbid aħmar 65 ettolitru għal kull ettaru |
|
2. |
Inbid abjad 68 ettolitru għal kull ettaru |
|
3. |
Inbid abjad b’zokkor residwu 48 ettolitru għal kull ettaru |
6. Żona ġeografika demarkata
Il-ħsad tal-għeneb, il-vinifikazzjoni, il-produzzjoni u l-maturazzjoni tal-inbejjed isiru fit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin tad-département ta’ Gironde abbażi tal-kodiċi ġeografiku uffiċjali tas-26 ta’ Frar 2020: Arbanats, Ayguemorte-les-Graves, Beautiran, Bègles, La Brède, Budos, Cabanac-et-Villagrains, Cadaujac, Canéjan, Castres-Gironde, Cérons, Cestas, Eysines, Gradignan, Guillos, Le Haillan, Illats, Isle-Saint-Georges, Landiras, Langon, Léogeats, Léognan, Martillac, Mazères, Mérignac, Pessac, Podensac, Portets, Pujols-sur-Ciron, Roaillan, Saint-Médard-d’Eyrans, Saint-Michel-de-Rieufret, Saint-Morillon, Saint-Pardon-de-Conques, Saint-Pierre-de-Mons, Saint-Selve, Saucats, Talence, Toulenne, Villenave-d’Ornon, Virelade, u f’parti tat-territorju tal-muniċipalità ta’ Coimières li tikkorrispondi għat-Taqsima A msejħa Herrères l-ewwel pjanta tal-irqajja’ tar-reġistru tal-artijiet (pjan rivedut ghall-1934) iċċertifikat konformi mal-iskeċċ ta’ pjanta ta’ konservazzjoni fil-5 ta’ Novembru 2010.
7. Varjetà/varjetajiet ta’ għeneb tal-inbid
Cabernet franc N
Cabernet-Sauvignon N
Carmenère N
Cot N - Malbec
Merlot N
Muscadelle B
Petit Verdot N
Sauvignon B - Sauvignon blanc
Sauvignon gris G - Fié gris
Semillon B
8. Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet
Iż-żona ġeografika tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta Graves tifforma strixxa wiesgħa madwar 10 kilometri fuq in-naħa tax-xellug tal-Garonne mit-Tramuntana ta’ Bordeaux għax-Xlokk ta’ Langon.
Kif jindika l-isem tad-denominazzjoni, it-territorju ta’ Graves huwa magħmul minn ċagħaq, ġebel, żrar ftit jew wisq oħxon, ramel imħallat max-xaħx u mat-tafal, li f’xi postijiet jinsab fuq ġebel tal-ġir iżda ġeneralment fuq ir-ramel pur jew l-alios (ramel miġbur li jkun fih partikoli tal-ħadid) jew fuq it-tafal. Huwa magħmul minn 43 muniċipalità tad-département ta’ Gironde.
L-artijiet għandhom storja ġeoloġika twila u kumplessa, marbuta mill-qrib mal-oriġini tal-Garonne, mat-tibdiliet fl-iżvilupp tiegħu u mal-episodji glaċjali suċċessivi tal-era Kwaternarja. Matul dawn il-perjodi, il-glaċieri tal-Pirenej ħaffru l-widien tagħhom u ħejjew il-blat li fuqu jiskulaw ix-xmajjar sar-reġjun ta’ Bordeaux. Minn dawn id-depożiti suċċessivi baqgħu biss relikwi fil-forma ta’ għoljiet ta’ graves ta’ kull dimensjoni u ta’ kull tip.
L-artijiet li ffurmaw minn dak iż-żmien ’l hawn għandhom ħamrija permeabbli ħafna minħabba li fiha ħafna żrar u ċagħaq. Dawn mhumiex l-uniċi artijiet kwalitattivi ħafna tal-inbejjed Graves, iżda jikkostitwixxu s-sinsla u l-immaġni tal-eċċellenza tiegħu. L-inklinazzjonijiet tagħhom jiffavorixxu l-fluss tal-ilma u għalhekk jiggarantixxu drenaġġ superfiċjali perfett tal-ilma. Dan id-drenaġġ huwa msaħħaħ permezz ta’ network idrografiku kbir ta’ xmajriet żgħar tal-ilma li huma t-tributarji tal-Garonne. Huma artijiet li għandhom alimentazzjoni idrika tad-dwieli regolata ħafna.
Huma protetti mit-temp fil-Punent permezz tal-foresta tal-arżnu li għandha rwol importanti fir-regolazzjoni tat-temperatura, mis-sħana u l-umdità eċċessivi permezz ta’ ventilazzjoni naturali minħabba li jinsabu ħdejn il-Garonne, u jibbenefikaw mill-influwenzi oċeaniċi li jimmoderaw il-ġlata tar-rebbiegħa. B’hekk il-vinja għandha l-vantaġġ ta’ klima partikolari u favorevoli. Il-pajsaġġi vitikoli ta’ dan is-settur, magħmula minn inklinazzjonijiet mhux weqfin ħafna fejn il-ġebel ċar u jleqq jirrifletti d-dawl fuq l-għeneb, jinsabu bejn ix-xmara u l-foresti tal-arżnu.
L-artijiet tar-reġjun ta’ Graves huma artijiet fejn oriġinaw l-aħjar inbejjed ħomor u bojod tar-reġjun ta’ Bordeaux, u f’dan ir-reġjun ġew żviluppati prattiki li għadhom jintużaw sal-lum. Mis-sekli sbatax u tmintax il-varjetajiet li kienu jitkabbru fi klima oċeanika kienu jeħtieġu arbli ta’ appoġġ u suċċessivament użu mifrux ta’ rbit u metodu rigoruż ta’ żbir biex jiġi żgurat tqassim tajjeb tal-għeneb li jrid jinħasad u wiċċ tal-werqa kbir biżżejjed għall-fotosinteżi biex tiġi żgurata maturazzjoni ottimali.
B’rispett tad-drawwiet diġà traskritti fid-Digriet tal-4 ta’ Marzu 1937 li jiddefinixxi d-denominazzjoni ta’ oriġini kontrollata Graves, iż-żona tal-irqajja’ definita għall-ħsad tal-għeneb tikklassifika l-irqajja’ li għandhom il-karatteristika ta’ drenaġġ naturali bil-kwalità ta’ drenaġġ tagħhom jew bil-pożizzjoni tagħhom fuq għolja jew inklinazzjoni. Huma esklużi s-sitwazzjonijiet ġeografiċi u topografiċi li huma soġġetti għall-ġlata fir-rebbiegħa minħabba li jinsabu ’l bogħod mill-Garonne jew magħluqin fil-foresta (għaliex iċ-ċirkolazzjoni tal-mases ta’ arja kiesħa tiġi ostakolata).
L-irqajja’ definiti b’mod preċiż jippermettu espressjonijiet ottimali tal-varjetajiet lokali, magħżula tul l-istorja għall-kapaċitajiet ta’ konservazzjoni u maturazzjoni tagħhom, marbuta mal-ħtieġa li dawn il-prodotti jiġu trasportati ’l bogħod.
L-artijiet b’ħafna ġebel, sħan u mhux fertili wisq tad-denominazzjoni jillimitaw b’mod naturali l-produzzjoni tal-inbejjed ħomor, iżda jippermettu maturità ottimali tal-varjetajiet cabernet-sauvignon N u merlot, appoġġati wkoll mir-regolazzjoni termika li hija żgurata permezz tal-viċinanza max-xmara tal-Garonne. L-inbejjed li jinkisbu hekk għandhom struttura tajba u għalhekk huma soġġetti għal żvilupp li huwa meħtieġ għall-maturazzjoni tagħhom u għall-aqwa espressjoni tagħhom qabel ma jitqiegħdu fis-suq għall-konsumaturi.
L-artijiet li fihom l-aktar ramel jew b’matriċi taflija huma aktar xierqa għall-produzzjoni tal-inbejjed bojod tad-denominazzjoni li toriġina l-aktar mill-varjetajiet tas-sauvignon B u s-sémillon B. Dawn l-artijiet jagħmlu nbid frisk u fin b’espressjonijiet tal-fjuri u tal-frott.
Sabiex jiġi żgurat ħsad suffiċjenti, mingħajr ma jittaqqlu żżejjed id-dwieli (garanzija ta’ maturità u ta’ konċentrazzjoni ottimali tal-frott), id-densità minima tat-tħawwil hija għolja.
Il-prossimità mal-port ta’ Bordeaux, fejn storikament kien hemm kummerċ qawwi tal-inbejjed mad-dinja kollha, u s-sitwazzjoni ġeopedoloġika speċifika, ippermettew lid-denominazzjoni ta’ oriġini kontrollata Graves tikseb fama internazzjonali.
9. Rekwiżiti oħra applikabbli (imballaġġ, tikkettar, rekwiżiti addizzjonali)
Żona fi prossimità immedjata
Qafas legali:
Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali
Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:
Deroga li tikkonċerna l-produzzjoni fiż-żona ġeografika definita
Deskrizzjoni tar-rekwiżit:
Iż-żona fi prossimità immedjata, definita bid-deroga għall-produzzjoni, l-ipproċessar u l-maturazzjoni, hi magħmula mit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin mid-département ta’ Gironde, abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tas-26 ta’ Frar 2020: Barsac, Béguey, Bieujac, Bommes, Cadillac, Fargues, Langoiran, Loupiac, Le Pian-sur-Garonne, Preignac, Rions, Saint-Loubert, Saint-Maixant, Saint-Pierre-d’Aurillac, Sainte-Croix-du-Mont, Sauternes u l-parti tal-muniċipalità ta’ Castets et Castillon li tikkorrispondi għat-territorju ta’ dik li qabel kienet il-muniċipalità ta’ Castets-en-Dorthe qabel ma ngħaqdet ma’ Castillon-de-Castets fl-1 ta’ Jannar 2017.
Unità ġeografika usa’
Qafas legali:
Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali
Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:
Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar
Deskrizzjoni tar-rekwiżit:
L-inbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini kontrollata jistgħu jispeċifikaw fuq it-tikketti tagħhom l-unità ġeografika usa’ “Vin de Bordeaux” jew “Grand Vin de Bordeaux”.
Id-daqs tal-ittri għal din l-unità ġeografika usa’ ma għandux ikun akbar, fl-għoli jew fil-wisa’, minn żewġ terzi tad-daqs tal-ittri li jifformaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini kontrollata.
Indikazzjoni tal-kontenut taz-zokkor
Qafas legali:
Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali
Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:
Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar
Deskrizzjoni tar-rekwiżit:
L-inbejjed bojod huma ppreżentati bl-indikazzjoni li tikkorrispondi għall-kontenut ta’ zokkor fermentabbli (glukożju + fruttożju) preżenti fl-inbid, kif definit mil-leġiżlazzjoni Komunitarja.
Identifikatur kollettiv
Qafas legali:
Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali
Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:
Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar
Deskrizzjoni tar-rekwiżit:
Mill-ħsad tal-2026 ’il quddiem, it-tikkettar tal-inbejjed jinkludi l-identifikatur kollettiv, skont id-dispożizzjonijiet tal-karta fis-seħħ stabbilita mis-Syndicat Viticole des Graves u mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-operaturi kollha.
Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott
https://info.agriculture.gouv.fr/boagri/document_administratif-9297c0a9-87a6-466b-ad0e-c7d12f75277d
(1) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3214/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)