20.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 141/15


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/791

tad-19 ta’ Mejju 2022

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1185 fir-rigward tan-notifika tal-livelli tal-ħażniet taċ-ċereali, taż-żerriegħa taż-żejt u tar-ross

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 223(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 (2) jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tal-obbligi tal-Istati Membri li jinnotifikaw l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti lill-Kummissjoni.

(2)

L-iżgurar tal-kwalità tad-data miġbura u mxerrda huwa essenzjali biex tiġi mmonitorjata u żgurata trasparenza adegwata tas-suq. L-Istati Membri huma għalhekk obbligati li jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-data meħtieġa biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

(3)

Filwaqt li tibqa’ r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-informazzjoni notifikata tkun rilevanti għas-suq ikkonċernat, preċiża u kompluta, il-Kummissjoni għandha tagħmel użu mill-għarfien espert settorjali tagħha biex tiddetermina liema data għandha tiġi ppubblikata fil-każijiet fejn l-Istati Membri ma jkunux innotifikaw l-informazzjoni meħtieġa.

(4)

L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fl-24 ta’ Frar 2022 u t-tfixkil li rriżulta fis-suq dinji xeħtu dawl fuq serje ta’ lakuni fl-informazzjoni. Informazzjoni aġġornata dwar il-livelli ta’ ħażniet ta’ ċereali, żrieragħ taż-żejt u ross, inklużi l-produzzjoni u l-livelli ta’ ħażniet ta’ żrieragħ iċċertifikati, miżmuma mill-produtturi, il-bejjiegħa bl-ingrossa u l-operaturi rilevanti żvelat li hija essenzjali biex tittieħed deċiżjoni dwar miżuri rilevanti għall-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tat-tfixkil fis-suq. L-obbligi ta’ rappurtar għandhom għalhekk jiġu estiżi għal din l-informazzjoni.

(5)

Għaldaqstant, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1185 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(6)

Fid-dawl tal-fatt li l-invażjoni Russa tal-Ukraina diġà għandha impatt fuq il-kummerċ u l-prezzijiet taċ-ċereali, iż-żrieragħ taż-żejt u r-ross, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-Istati Membri jeħtiġilhom madankollu jagħtu żmien biżżejjed biex jiżviluppaw il-metodoloġiji u s-sistemi operattivi biex jiġbru l-informazzjoni meħtieġa, u għaldaqstant id-dispożizzjonijiet il-ġodda li jikkonċernaw in-notifiki stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1185 jeħtieġ li japplikaw minn Lulju 2022.

(7)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1185

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1185 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 5 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 5

Notifika ta’ inadempjenza

Ħlief fejn huwa previst mod ieħor fl-atti msemmija fl-Artikolu 1, fejn l-Istati Membri, jew fejn rilevanti, il-pajjiżi terzi jew l-operaturi, ma jkunux innotifikaw lill-Kummissjoni bl-informazzjoni jew bid-dokumenti meħtieġa sal-iskadenza (“ritorn null”), għandu jitqies li jkunu innotifikaw dan li ġej:

(a)

fil-każ ta’ prezzijiet, nuqqas ta’ informazzjoni;

(b)

fil-każ ta’ data kwantitattiva oħra, valur żero;

(c)

fil-każ ta’ informazzjoni kwalitattiva, sitwazzjoni “xejn x’tirrapporta”.

Fil-każijiet kollha, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk il-valur prestabbilit għandux jiġi ppubblikat, u/jew sostitwit bi stima tal-Kummissjoni jew billi jissemma nuqqas ta’ notifika.”;

(2)

L-Anness III huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1, punt (2), għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Mejju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 tal-20 ta’ April 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti u li jemendaw u jħassru diversi Regolamenti tal-Kummissjoni (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 113).


ANNESS

Fl-Anness III għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1185, il-punt “1 Ir-ross” jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1a.   Ross

Kontenut tan-notifika: għal kull wieħed mit-tipi ta’ ross imsemmija fil-punti 2 u 3 tal-Parti I tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013:

(a)

żona mħawla, rendiment agronomiku, produzzjoni tar-ross fil-fosdqa fis-sena tal-ħsad u rendiment tat-tħin;

(b)

użu domestiku (inkluż mill-industrija tal-ipproċessar) ta’ ross espress f’ekwivalenti mitħun;

(c)

livelli ta’ kull xahar ta’ ħażniet tar-ross (espressi f’ekwivalent tat-tħin) miżmuma mill-produtturi u mill-imtieħen tar-ross, imqassma skont ir-ross prodott fl-Unjoni u r-ross importat.

Perjodu tan-notifika: sal-15 ta’ Jannar ta’ kull sena fir-rigward tas-sena ta’ qabel fir-rigward taż-żona mħawla u l-użu domestiku; sal-aħħar ta’ kull xahar fir-rigward tax-xahar preċedent fir-rigward tal-ħażniet ta’ kull xahar.

L-Istati Membri kkonċernati:

(a)

għall-produzzjoni tar-ross fil-fosdqa, l-Istati Membri kollha li jipproduċu r-ross;

(b)

għall-użu domestiku, l-Istati Membri kollha;

(c)

għall-ħażniet tar-ross, l-Istati Membri kollha li jipproduċu r-ross u l-Istati Membri b’imtieħen tar-ross.

1b.   Ċereali

Kontenut tan-notifika: il-livell ta’ kull xahar tal-ħażniet taċ-ċereali rilevanti għas-suq tal-Unjoni abbażi tal-ħażniet miżmuma mill-produtturi, il-bejjiegħa bl-ingrossa u l-operaturi rilevanti.

Perjodu tan-notifika: sal-aħħar ta’ kull xahar fir-rigward tax-xahar preċedenti.

L-Istati Membri kkonċernati: L-Istati Membri kollha.

1c.   Żrieragħ taż-żejt

Kontenut tan-notifika: il-livell ta’ kull xahar tal-ħażniet taż-żerriegħa tal-kolza, taż-żerriegħa tal-ġirasol, tal-fażola tas-sojja, tad-dqiq miż-żerriegħa tal-kolza, tad-dqiq taż-żerriegħa tal-ġirasol, tad-dqiq tas-sojja, taż-żejt tal-lift mhux raffinat, taż-żejt tal-ġirasol mhux raffinat u taż-żejt tal-fażola tas-sojja mhux raffinat abbażi tal-ħażniet miżmuma mill-produtturi, il-bejjiegħa bl-ingrossa u l-operaturi rilevanti.

Perjodu tan-notifika: sal-aħħar ta’ kull xahar fir-rigward tax-xahar preċedenti.

L-Istati Membri kkonċernati: L-Istati Membri kollha.

1d.   Żerriegħa ċċertifikata

Kontenut tan-notifika: għaċ-ċereali, ir-ross, iż-żrieragħ żejtnin u l-uċuħ tar-raba’ li fihom l-Istati Membri jinnotifikaw il-prezzijiet ibbażati fuq il-punti 1, 2 u 3 tal-Anness I jew il-punt 2 tal-Anness II:

(a)

żona aċċettata għaċ-ċertifikazzjoni;

(b)

il-kwantitajiet ta’ żerriegħa maħsuda għaċ-ċertifikazzjoni;

(c)

livell ta’ ħażniet ta’ żerriegħa ċċertifikata miżmuma mill-operaturi rilevanti.

Perjodu tan-notifika: sal-15 ta’ Novembru ta’ kull sena fir-rigward tal-erja maħsuda f’dik is-sena aċċettata għaċ-ċertifikazzjoni; sal-15 ta’ Jannar ta’ kull sena fir-rigward tas-sena preċedenti fir-rigward taż-żerriegħa maħsuda. sal-aħħar ta’ Frar u l-aħħar ta’ Lulju fir-rigward tax-xahar preċedenti fir-rigward tal-ħażniet.

L-Istati Membri kkonċernati: L-Istati Membri kkonċernati mill-punti 1, 2 u 3 tal-Anness I jew il-punt 2 tal-Anness II.”.