European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/832

10.4.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/832

tat-30 ta’ Marzu 2026

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar Kundizzjonijiet Ekwi għal Kompetizzjoni Miftuħa u Ġusta u Żvilupp Sostenibbli stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi lista ta’ individwi li jkunu lesti u kapaċi jservu bħala membri tal-bord ta’ esperti stabbilit taħt l-Artikolu 409 ta’ dak il-Ftehim

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”), ġie konkluż bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 (2) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021.

(2)

Skont l-Artikolu 409(3) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, il-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar Kundizzjonijiet Ekwi għal Kompetizzjoni Miftuħa u Ġusta u Żvilupp Sostenibbli (il-“Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ”) stabbilit bl-Artikolu 8(1), il-punt (j), tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni għandu jistabbilixxi lista ta’ mill-inqas 15-il individwu li huma lesti u kapaċi jservu bħala membri tal-bord dwar kwistjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 355(3) u l-Kapitoli 6, 7 u 8 tat-Titolu XI tal-Ewwel Intestatura tat-Tieni Parti tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

(3)

Jenħtieġ li kull Parti tinnomina mill-anqas ħames individwi biex iservu ta’ membri tal-bord. Jenħtieġ li l-Partijiet jinnominaw ukoll mill-anqas ħames individwi li ma huma ċittadini ta’ ebda Parti u li jkunu lesti u kapaċi jservu bħala l-president ta’ bord ta’ esperti.

(4)

Jenħtieġ li l-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ jiżgura li l-lista tinżamm aġġornata, u li n-numru ta’ esperti jinżamm għal tal-anqas 15-il individwu.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 409(4) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, l-esperti proposti bħala membri tal-bord jenħtieġ li jkollhom għarfien speċjalizzat jew għarfien espert fil-liġi tax-xogħol jew ambjentali, fi kwistjonijiet oħra indirizzati fil-Kapitolu jew fil-Kapitoli rilevanti, jew fir-riżoluzzjoni ta’ tilwim li jinqala’ skont ftehimiet internazzjonali.

(6)

Barra minn hekk, l-esperti proposti bħala membri tal-bord jenħtieġ li jservu fil-kapaċitajiet individwali tagħhom u ma jieħdu struzzjonijiet minn ebda organizzazzjoni jew gvern fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mat-tilwima. Jenħtieġ li ma jkunux affiljati ma’ xi Parti jew jieħdu struzzjonijiet mingħandha u jenħtieġ li ma jkunux persuni li huma membri, uffiċjali jew aġenti oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tal-Gvern ta’ Stat Membru, jew tal-Gvern tar-Renju Unit.

(7)

Abbażi tal-proposti tal-Unjoni u tar-Renju Unit, huwa xieraq li l-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ jaqbel dwar iż-żewġ sublisti, għall-pożizzjoni ta’ membru tal-bord, u dwar is-sublista għall-pożizzjoni ta’ president tal-bord ta’ esperti.

(8)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ għandha għalhekk tiġi stabbilita fl-abbozz ta’ Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar Kundizzjonijiet Ekwi għal Kompetizzjoni Miftuħa u Ġusta u Żvilupp Sostenibbli (il-“Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ”) stabbilit bil-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”), fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi lista ta’ individwi li jkunu lesti u kapaċi jservu bħala membri tal-bord ta’ esperti stabbilit taħt l-Artikolu 409 ta’ dak il-Ftehim, hija stabbilita fl-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Marzu 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

M. PANAYIOTOU


(1)   ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2021/689(1)/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta' April 2021 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq dwar il-proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata (ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/689/oj).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru …/2026 TAL-KUMITAT SPEĊJALIZZAT GĦALL-KUMMERĊ DWAR KUNDIZZJONIJIET EKWI GĦAL KOMPETIZZJONI MIFTUĦA U ĠUSTA U ŻVILUPP SOSTENIBBLI STABBILIT BIL-FTEHIM DWAR IL-KUMMERĊ U L-KOOPERAZZJONI BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA, MINN NAĦA WAĦDA, U R-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ, MIN-NAĦA L-OĦRA

ta’ …

li tistabbilixxi lista ta’ individwi li jkunu lesti u kapaċi jservu bħala membri ta’ bord ta’ esperti stabbilit taħt l-Artikolu 409 ta’ dak il-Ftehim

IL-KUMITAT SPEĊJALIZZAT GĦALL-KUMMERĊ DWAR KUNDIZZJONIJIET EKWI GĦAL KOMPETIZZJONI MIFTUĦA U ĠUSTA U ŻVILUPP SOSTENIBBLI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”), u b’mod partikolari l-Artikolu 409 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra, ġie konkluż bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 (2) u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2021.

(2)

Skont l-Artikolu 409(3) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, il-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar Kundizzjonijiet Ekwi għal Kompetizzjoni Miftuħa u Ġusta u Żvilupp Sostenibbli (il-“Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ”) stabbilit bl-Artikolu 8(1), il-punt (j), tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni għandu jistabbilixxi lista ta’ mill-inqas 15-il individwu li huma lesti u kapaċi jservu bħala membri tal-bord ta’ esperti dwar kwistjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 355(3) u mill-Kapitoli 6, 7 u 8 tat-Titolu XI tal-Ewwel Intestatura tat-Tieni Parti tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

(3)

Kull Parti jenħtieġ li tinnomina mill-inqas ħames individwi biex iservu bħala membri tal-bord ta’ esperti. Il-Partijiet jenħtieġ ukoll li jinnominaw mill-anqas ħames persuni li ma jkunu ċittadini tal-ebda Parti u li jkunu lesti u kapaċi jservu bħala president ta’ bord ta’ esperti.

(4)

Il-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ jenħtieġ li jiżgura li l-lista tinżamm aġġornata u li n-numru ta’ esperti jinżamm għal tal-inqas 15-il individwu.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 409(4) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, l-esperti li jkunu ġew proposti bħala membri tal-bord jenħtieġ li jkollhom għarfien speċjalizzat jew kompetenzi fil-qasam tal-liġi tax-xogħol jew ambjentali, fi kwistjonijiet oħra indirizzati fil-Kapitolu jew fil-Kapitoli rilevanti, jew fir-riżoluzzjoni ta’ tilwimiet li jinqalgħu taħt ftehimiet internazzjonali.

(6)

Barra minn hekk, l-esperti proposti bħala membri tal-bord jenħtieġ li jservu fil-kapaċitajiet individwali tagħhom u ma jieħdu struzzjonijiet minn ebda organizzazzjoni jew gvern fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mat-tilwima. Jenħtieġ li ma jkunux affiljati ma’ xi Parti jew jieħdu struzzjonijiet mingħandha u li ma jkunux persuni li jkunu membri, uffiċjali jew aġenti oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tal-Gvern ta’ Stat Membru, jew tal-Gvern tar-Renju Unit.

(7)

Abbażi tal-proposti tal-Unjoni u tar-Renju Unit, huwa xieraq li l-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ jaqbel dwar iż-żewġ sublisti, għall-pożizzjoni tal-membru tal-bord, u dwar is-sublista għall-pożizzjoni ta’ president tal-bord ta’ esperti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-lista ta’ individwi li jkunu lesti u kapaċi jservu bħala membri ta’ bord ta’ esperti msemmija fl-Artikolu 409 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, hija stabbilita fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi …, …

Għall-Kumitat Speċjalizzat għall- Kummerċ dwar Kundizzjonijiet Ekwi għal Kompetizzjoni Miftuħa u Ġusta u Żvilupp Sostenibbli

Il-Kopresidenti


(1)   ĠU UE L 149, 30.4.2021, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2021/689(1)/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta' April 2021 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq dwar il-proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata (ĠU UE L 149, 30.4.2021, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/689/oj).

ANNESS

(a)

sublista ta’ individwi stabbilita abbażi ta’ proposti mill-Unjoni;

 

Giovanna ADINOLFI

 

Irina BUGA

 

Maria GAVOUNELI

 

Ursula KRIEBAUM

 

Peter-Tobias STOLL

 

Geert VAN CALSTER

(b)

sublista ta’ individwi stabbilita abbażi ta’ proposti mir-Renju Unit;

 

Juliet BLANCH

 

Hugh CHEETHAM

 

Kathleen CLAUSSEN

 

Patrick PEARSALL

 

Janet WHITTAKER

(c)

sublista ta’ individwi li jenħtieġ li jservu bħala president tal-bord ta’ esperti

 

Ujal BHATIA

 

Zachary DOUGLAS

 

Eduardo MOTTA

 

Penelope RIDINGS

 

Thomas COTTIER

 

Christine KADDOUS

 

Anne TREBILCOCK


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/832/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)