10.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 260/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1171

tas-7 ta’ Awwissu 2020

li jimplimenta l-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) Nru 224/2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 224/2014 tal-10 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-10 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 224/2014.

(2)

Fit-28 ta’ Lulju 2020, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU), stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 2127 (2013) tal-KSNU, aġġorna l-informazzjoni relatata ma’ sitt persuni soġġetti għal miżuri restrittivi.

(3)

L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 224/2014 jenħtieġ għalhekk li jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 224/2014 huwa b’dan emendat kif stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Awwissu 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)   ĠU L 70, 11.3.2014, p. 1.


ANNESS

Fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 224/2014, l-entrati 1, 4, 5, 7, 12 u 13 huma sostitwiti bl-entrati li ġejjin:

“1.   François Yangouvonda BOZIZÉ (psewdonimi: a) Bozize Yangouvonda b) Samuel Peter Mudde (imwieled fis-16 ta' Diċembru 1948, f'Izo, is-Sudan t'Isfel)

Titlu: a) Eks Kap tal-Istat tar-Repubblika Ċentru-Afrikana b) Professur

Data tat-twelid: a) 14 ta' Ottubru 1946 b) 16 ta' Diċembru 1948

Post tat-twelid: a) Mouila, il-Gabon b) Izo, is-Sudan t'Isfel

Nazzjonalità: a) ir-Repubblika Ċentru-Afrikana b) is-Sudan t'Isfel

Nru tal-passaport: D00002264, maħruġ fil-11 ta' Ġunju 2013 (maħruġ mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin, f'Juba, is-Sudan t'Isfel. Jiskadi fil-11 ta' Ġunju 2017. Passaport diplomatiku maħruġ taħt l-isem ta' Samuel Peter Mudde)

Nru ta' identifikazzjoni nazzjonali: M4800002143743 (Numru personali fuq il-passaport)

Indirizz: a) l-Uganda b) Bangui, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana (minn wara r-ritorn tiegħu mill-Uganda f'Diċembru 2019)

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 9 ta' Mejju 2014

Informazzjoni oħra: Ommu jisimha Martine Kofio. Huwa disponibbli ritratt biex jiddaħħal fl-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/How-we-work/Notices/View-UN-Notices-Individuals

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Bozize ġie elenkat fid-9 ta' Mejju 2014 skont il-paragrafu 36 tar-Riżoluzzjoni 2134 (2014) bħala li "ħa sehem fi jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA".

Informazzjoni addizzjonali

B'kollaborazzjoni mas-sostenituri tiegħu, Bozize ħeġġeġ l-attakk tal-5 ta' Diċembru 2013 fuq Bangui. Minn dakinhar, kompla jipprova jmexxi operazzjonijiet ta' destabilizzazzjoni sabiex tinżamm it-tensjoni fil-kapitali tar-RĊA. Ġie rappurtat li Bozize ħoloq il-grupp tal-milizzja anti-Balaka qabel ma ħarab mir-RĊA fl-24 ta' Marzu 2013. F'komunikat, Bozize qabbad lill-milizzja tiegħu biex tkompli bl-atroċitajiet kontra r-reġim attwali u l-Iżlamisti. Ġie rappurtat li Bozize pprovda appoġġ finanzjarju u materjali lill-ġellieda tal-milizzja li qed jaħdmu biex jiddestabilizzaw it-tranżizzjoni attwali u biex Bozize jerġa' jkun fil-poter. Il-parti l-kbira tal-anti-Balaka huma mill-Forzi Armati Ċentru-Afrikani li tferrxu fil-kampanja wara l-kolp ta' stat u sussegwentement ġew organizzati mill-ġdid minn Bozize. Bozize u s-sostenituri tiegħu jikkontrollaw aktar minn nofs l-unitajiet anti-Balaka.

Il-forzi leali lejn Bozize ġew armati b'azzarini tal-assalt, kanuni tat-tip mortar u rocket-launchers u qed ikunu involuti dejjem aktar f'attakki ta' tpattija kontra l-popolazzjoni Musulmana tar-RĊA. Is-sitwazzjoni fir-RĊA ddeterjorat malajr wara l-attakk tal-5 ta' Diċembru 2013 f'Bangui mill-forzi anti-Balaka fejn inqatlu aktar minn 700 persuna.

4.   Alfred YEKATOM (psewdonimu: a) Alfred Yekatom Saragba b) Aifred Ekatom c) Alfred Saragba d) Colonel Rombhot e) Colonel Rambo f) Colonel Rambot g) Colonel Rombot h) Colonel Romboh)

Deżinjazzjoni: Kap Kapural tal-Forzi Armati Ċentru-Afrikani (FACA)

Data tat-twelid: 23 ta' Ġunju 1976

Post tat-twelid: Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana

Nazzjonalità: Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana

Indirizz: a) Mbaiki, Provinċja ta' Lobaye, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana (+236 72 15 47 07 / +236 75 09 43 41) b) Bimbo, Provinċja ta' Ombella-Mpoko, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana (indirizz preċedenti) c) The Hague (mit-trasferiment tiegħu għall-Qorti Kriminali Internazzjonali fis-17 ta' Novembru 2018)

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 20 ta' Awwissu 2015

Informazzjoni oħra: Ikkontrolla u kien il-kmandant ta' grupp kbir ta' membri tal-milizzja armata. Isem il-missier (adottiv) huwa Ekatom Saragba (spellut ukoll Yekatom Saragba). Ħu Yves Saragba, kmandant anti-Balaka f'Batalimo, il-provinċja ta' Lobaye, u eks-suldat tal-FACA. Deskrizzjoni fiżika: kulur tal-għajnejn: suwed; kulur tax-xagħar: skur; karnaġġjon: iswed; tul: 170cm; piż: 100kg.

Huwa disponibbli ritratt biex jiddaħħal fl-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/How-we-work/Notices/View-UN-Notices-Individuals

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Alfred Yekatom ġie elenkat fl-20 ta' Awwissu 2015 skont il-paragrafu 11 tar-Riżoluzzjoni 2196 (2015) bħala li "ħa sehem fi jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA, inkluż atti li jheddu jew jiksru l-ftehimiet tranżitorji, jew li jheddu jew jimpedixxu l-proċess ta' tranżizzjoni politika, inkluża t-tranżizzjoni għal elezzjonijiet demokratiċi liberi u ġusti, jew li jinstigaw il-vjolenza".

Informazzjoni addizzjonali:

Alfred Yekatom, magħruf ukoll bħala Colonel Rombhot, huwa mexxej tal-milizzja ta' fazzjon tal-moviment anti-Balaka, magħrufa bħala "l-anti-Balaka tan-Nofsinhar". Huwa kien jokkupa l-kariga ta' Kap Kapural fil-Forces Armées Centrafricaines (FACA - forzi armati tar-Repubblika Ċentru-Afrikana).

Yekatom kien involut fi jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, inkluż atti li jheddu l-ftehimiet tranżitorji, u li jheddu l-proċess ta' tranżizzjoni politika. Yekatom kien jikkontrolla u kien il-kmandant ta' grupp kbir ta' membri tal-milizzja armata bi preżenza fil-viċinat ta' PK9 f'Bangui, u fil-bliet ta' Bimbo (Provinċja ta' Ombella-Mpoko) Cekia, Pissa, u Mbaïki (il-belt kapitali tal-Provinċja ta' Lobaye), u kien stabbilixxa l-kwartieri ġenerali tiegħu f'konċessjoni forestali f'Batalimo.

Yekatom kellu kontroll dirett ta' tużżana punti ta' kontroll immexxija minn medja ta' għaxar membri tal-milizzja armata lebsin l-uniformi tal-armata u jġorru l-armi, inkluż azzarini tal-assalt militari, mill-pont prinċipali bejn Bimbo u Bangui sa Mbaïki (Provinċja ta' Lobaye) u minn Pissa sa Batalimo (ħdejn il-fruntiera mar-Repubblika tal-Kongo), fejn kien jiġbor taxxi mhux awtorizzati minn vetturi u muturi privati, vannijiet tal-passiġġieri u trakkijiet li jesportaw riżorsi tal-foresti lejn il-Kamerun u ċ-Chad, iżda wkoll minn dgħajjes li jkunu qed ibaħħru fuq ix-xmara Oubangui. Yekatom ġie osservat jiġbor personalment parti minn dawn it-taxxi mhux awtorizzati. Yekatom u l-milizzja tiegħu wkoll ġew allegatament irrapurtati li qatlu persuni ċivili.

5.   Habib SOUSSOU (psewdonimu: Soussou Abib)

Deżinjazzjoni: a) Koordinatur ta' anti-Balaka għall-provinċja ta' Lobaye b) Kapural maġġuri tal-Forzi Armati Ċentru-Afrikani (FACA)

Data tat-twelid: 13 ta' Marzu 1980

Post tat-twelid: Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana

Nazzjonalità: Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana

Indirizz: Boda, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana (Tel. + 236 72198628)

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 20 ta' Awwissu 2015

Informazzjoni oħra: Maħtur bħala kmandant taż-żona anti-balaka (COMZONE) ta' Boda fil-11 ta' April 2014 u fit-28 ta' Ġunju 2014, għall-Provinċja ta' Lobaye kollha. Taħt il-kmand tiegħu, kompla jseħħu qtil immirat, ġlied u attakki kontra organizzazzjonijiet u ħaddiema umanitarji. Deskrizzjoni fiżika: kulur tal-għajnejn: kannella; kulur tax-xagħar: iswed; tul: 160cm; piż: 60kg. Huwa disponibbli ritratt biex jiddaħħal fl-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/How-we-work/Notices/View-UN-Notices-Individuals

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Alfred Yekatom ġie elenkat fl-20 ta' Awwissu 2015 skont il-paragrafi 11 u 12 (b) u (e) tar-Riżoluzzjoni 2196 (2015) bħala li "ħa sehem fi jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA, inkluż atti li jheddu jew jiksru l-ftehimiet tranżitorji, jew li jheddu jew jimpedixxu l-proċess ta' tranżizzjoni politika, inkluża t-tranżizzjoni għal elezzjonijiet demokratiċi liberi u ġusti, jew li jinstigaw il-vjolenza"; "involut fl-ippjanar, it-tmexxija, jew it-twettiq ta' atti fir-RĊA li jiksru l-liġi internazzjonali tad-drittijiet umani jew il-liġi umanitarja internazzjonali, kif applikabbli, jew li jikkostitwixxu abbużi jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi attakki li jinvolvu vjolenza sesswali, attakki fuq il-popolazzjoni ċivili, attakki fuq bażi etnika jew reliġjuża, attakki fuq skejjel u sptarijiet, u ħtif u spostament furzat" u; "li jostakolaw l-għoti ta' assistenza umanitarja lir-RĊA, jew l-aċċess għall-assistenza umanitarja jew id-distribuzzjoni tagħha fir-RĊA".

Informazzjoni addizzjonali:

Habib Soussou inħatar bħala kmandant taż-żona anti-Balaka (COMZONE) ta' Boda fil-11 ta' April 2014, u huwa sostna li huwa kien għalhekk responsabbli għas-sitwazzjoni ta' sigurtà fis-sous-préfecture. Fit-28 ta' Ġunju 2014, il-koordinatur ġenerali tal-anti-Balaka, Patrice Edouard Ngaïssona ħatar lil Habib Soussou bħala l-koordinatur provinċjali għall-belt ta' Boda mill-11 ta' April 2014 u mit-28 ta' Ġunju 2014 għall-provinċja kollha ta' Lobaye. Qtil immirat, ġlied u attakki mill-anti-Balaka f'Boda kontra l-organizzazzjonijiet u l-ħaddiema umanitarji seħħew kull ġimgħa f'żoni li Soussou huwa l-kmandant jew il-koordinatur anti-Balaka. Soussous u l-forzi anti-Balaka f'dawn iż-żoni kellhom ukoll taħt il-mira tagħhom, u heddew li jżommu taħt il-mira tagħhom, persuni ċivili.

7.   Haroun GAYE (psewdonimi: a) Geye b) Aroun Gaye c) Aroun Geye)

Deżinjazzjoni: Relatur tal-koordinazzjoni politika tal-Front Populaire pour la Renaissance de Centrafrique (FPRC)

Data tat-twelid: a) 30 ta' Jannar 1968 b) 30 ta' Jannar 1969

Nru tal-passaport: Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana numru O00065772 (Ittra O segwita bi 3 żerijiet), jiskadi fit-30 ta' Diċembru 2019)

Indirizz: a) Bangui, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana b) Ndélé, Bamingui-Bangoran

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 17 ta' Diċembru 2015

Informazzjoni oħra: Gaye huwa mexxej tal-Front Populaire pour la Renaissance de Centrafrique (FPRC) (mhux elenkat), grupp armat marġinalizzat tal-eks-Seleka f'Bangui. Huwa wkoll mexxej tal-hekk imsejjaħ "Kumitat tad-Difiża" tal-PK5ta' Bangui (magħruf bħala "PK5 Resistance" jew "Texas") (mhux elenkat), li jestorsja l-flus mir-residenti u jhedded u juża l-vjolenza fiżika. Fit-2 ta' Novembru 2014 Gaye inħatar minn Nourredine Adam (CFi.002) bħala relatur tal-koordinazzjoni politika tal-FPRC. Fid-9 ta' Mejju 2014, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà stabbilit bir-Riżoluzzjoni 2127 (2013) dwar ir-RĊA inkluda lil Adam fuq il-lista tas-sanzjonijiet tiegħu. Huwa disponibbli ritratt biex jiddaħħal fl-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/How-we-work/Notices/View-UN-Notices-Individuals

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Haroun Gaye ġie elenkat fis-17 ta' Diċembru 2015 skont il-paragrafi 11 u 12 (b) u (f) tar-Riżoluzzjoni 2196 (2015) bħala li "ħa sehem fi jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA"; "involut fl-ippjanar, it-tmexxija, jew it-twettiq ta' atti fir-RĊA li jiksru l-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem jew il-liġi umanitarja internazzjonali, kif applikabbli, jew li jikkostitwixxu abbużi jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi atti li jinvolvu l-vjolenza sesswali, attakki mmirati lejn il-popolazzjoni ċivili, attakki fuq bażi etnika jew reliġjuża, attakki fuq skejjel u sptarijiet, u l-ħtif u l-ispostament furzat"; u "involut fl-ippjanar, it-tmexxija, l-isponsorjar, jew it-twettiq ta' attakki kontra missjonijiet tan-NU jew preżenzi tas-sigurtà internazzjonali, inklużi Minusca, il-missjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-operazzjonijiet Franċiżi li jappoġġawhom".

Informazzjoni addizzjonali:

Haroun Gaye ilu, mill-bidu tal-2014, wieħed mill-mexxejja ta' grupp armat li jopera fil-viċinat tal-PK5 f'Bangui. Ir-rappreżentanti tas-Soċjetà Ċivili fil-viċinat tal-PK5 jiddikjaraw li Gaye u l-grupp armat tiegħu qed jalimentaw il-konflitt f'Bangui u għalhekk imorru kontra r-rikonċiljazzjoni u jipprevjeni ċ-ċaqliq tal-popolazzjoni lejn it-tielet distrett ta' Bangui u l-ħruġ minnu. Fil-11 ta' Mejju 2015, Gaye u 300 dimostrant imblukkaw l-aċċess għall-Kunsill Tranżizzjonali Nazzjonali biex ifixklu l-aħħar jum tal-Forum ta' Bangui. Gaye ġie rrappurtat li kkollabora ma' uffiċjali anti-Balaka biex jikkoordina t-tfixkil.

Fis-26 ta' Ġunju 2015, Gaye u kontinġent żgħir qrib tiegħu xekklu l-ftuħ tal-eżerċizzju ta' inkoraġġiment tar-reġistrazzjoni tal-votanti fil-viċinat tal-PK5 f'Bangui, u dan wassal biex jingħalaq l-eżerċizzju ta' inkoraġġiment tar-reġistrazzjoni.

Minusca ppruvat tarresta lil Gaye fit-2 ta' Awwissu 2015, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 32(f)(i) tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 2217 (2015). Gaye, li allegatament kien ġie informat minn qabel bit-tentattiv ta' arrest, kien lest għalihom flimkien ma' partitarji armati b'armi tqal. Il-forzi ta' Gaye fetħu n-nar fuq it-Task Force Konġunta ta' Minusca. Fi ġlieda bl-armi tan-nar li damet għaddejja seba' sigħat, l-irġiel ta' Gaye għamlu użu minn armi tan-nar u minn dawk bi propulsjoni permezz ta' rokit u hand grenades kontra t-truppi ta' Minusca u qatlu membru wieħed tal-persunal għaż-żamma tal-paċi u darbu tmien persuni. Gaye kien involut fl-inkoraġġiment ta' protesti u taqbidiet vjolenti lejn l-aħħar ta' Settembru 2015 f'dak li jidher li kien attentat ta' kolp ta' stat biex jitwaqqa' l-Gvern Tranżizzjonali. L-attentat ta' kolp ta' stat x'aktarx kien immexxi mis-sostenituri tal-eks-President Bozize f'alleanza ta' konvenjenza ma' Gaye u mexxejja oħra tal-FPRC. Jidher li Gaye kellu l-għan li joħloq ċiklu ta' attakki ta' ritaljazzjoni li kienu ser ikunu ta' theddida għall-elezzjonijiet li jmiss. Gaye kien responsabbli għall-koordinazzjoni mal-elementi emarġinati anti-Balaka.

Fl-1 ta' Ottubru 2015, saret laqgħa fil-viċinat tal-PK5 bejn Eugène Barret Ngaïkosset, membru ta' grupp anti-Balaka marġinalizzat u Gaye, bil-għan li jippjanaw attakk konġunt fuq Bangui nhar is-Sibt 3 ta' Ottubru. Il-grupp ta' Gaye ma ħallewx lill-persuni li kienu jinsabu ġewwa d-distrett tal-PK5 jitilqu minnu, sabiex b'hekk tissaħħaħ l-identità komunali tal-popolazzjoni Musulmana bil-għan li jiżdiedu t-tensjonijiet interetniċi u tiġi evitata r-rikonċiljazzjoni. Fis-26 ta' Ottubru 2015, Gaye u l-grupp tiegħu interrompew laqgħa bejn l-Arċisqof ta' Bangui u l-Imam tal-Moskea Ċentrali ta' Bangui, u heddew lid-delegazzjoni li kellha tirtira mill-Moskea Ċentrali u taħrab mid-distrett tal-PK5.

12.   Abdoulaye HISSENE (psewdonimu: a) Issène b) Hissein c) Hissene d) Issène Ramadane e) Issene Ramadan f) Issene Abdoulaye)

Titolu: President tal-Conseil National de Défense et de Sécurité (CNDS) u mexxej militari tal-Front Populaire pour la Renaissance de la Centrafrique

Deżinjazzjoni: "ġeneral"

Data tat-twelid: a) 1967 b) 1 ta' Jannar 1967

Post tat-twelid: a) Ndele, Bamingui-Bangoran, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana b) Haraze Mangueigne, iċ-Chad

Nazzjonalità: a) ir-Repubblika Ċentru-Afrikana b) iċ-Chad

Nru tal-passaport: a) Nru tal-passaport diplomatiku tar-RĊA D00000897, maħruġ fil-5 ta' April 2013 (validu sal-4 ta' April 2018) b) Nru tal-passaport diplomatiku tar-RĊA D00004262, maħruġ fil-11 ta' Marzu 2014 (jiskadi fl-10 ta' Marzu 2019)

Nru ta' identifikazzjoni nazzjonali: Nru tal-karta ta' identità nazzjonali taċ-Chad 103-00653129-22, maħruġa fil-21 ta' April 2009 (tiskadi fil-21 ta' April 2019)

Indirizz: a) KM5, Bangui, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana b) Nana-Grebizi, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana c) Ndjari, Ndjamena, iċ-Chad d) Ndélé, Bamingui-Bangoran (l-indirizz prinċipali minn Awwissu 2016)

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 17 ta' Mejju 2017

Informazzjoni oħra: Hissène qabel kien il-Ministru għaż-Żgħażagħ u l-Isport bħala parti mill-Kabinett tal-eks-President tar-Repubblika Ċentru-Afrikana Michel Djotodia. Qabel dan, huwa kien il-kap tal-Konvenzjoni tal-Patrijotti għall-Ġustizzja u l-Paċi, partit politiku. Huwa stabbilixxa wkoll lilu nnifsu bħala l-mexxej ta' milizzji armati f'Bangui, b'mod partikolari fil-kwartier "PK5" (it-tielet distrett). F'Ottubru 2016, Abdoulaye Hissène nħatar President tal-Conseil National de Défense et de Sécurité, entità li dak iż-żmien inħolqot biex tiġbor mexxejja militari u ġellieda kmandanti mill-fazzjonijiet ex-Séléka kollha. Huwa baqa' f'din il-pożizzjoni minn dak iż-żmien 'l hawn, imma fil-verità għandu kontroll biss fuq il-ġellieda tal-FPRC. Missieru jismu Abdoulaye. Ommu jisimha Absita Moussa. Huwa disponibbli ritratt biex jiddaħħal fl-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU:

https://www.interpol.int/en/How-we-work/Notices/View-UN-Notices-Individuals

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Alfred Yekatom ġie elenkat fis-17 ta' Mejju 2017 skont il-paragrafi 16 u 17(g) tar-Riżoluzzjoni 2339 (2017) bħala li "ħa sehem fi jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA, inkluż atti li jheddu jew ifixxklu l-proċess ta' tranżizzjoni politika, jew il-proċess ta' stabbilizzazzjoni u rikonċiljazzjoni jew li jinstigaw il-vjolenza;" u "involut fl-ippjanar, it-tmexxija, l-isponsorjar, jew it-twettiq ta' attakki kontra missjonijiet tan-NU jew preżenzi tas-sigurtà internazzjonali, inklużi MINUSCA, il-missjonijiet tal-Unjoni Eworpea u l-forzi Franċiżi li jappoġġawhom."

Informazzjoni addizzjonali:

Abdoulaye Hissène u membri oħra tal-eks-Séléka kkollaboraw ma' instigaturi anti-balaka alleati mal-eks-President tar-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA) François Bozizé, inkluż Maxime Mokom, biex jinkoraġġixxu protesti u taqbidiet vjolenti f'Settembru tal-2015 bħala parti minn attentat ta' kolp ta' stat li falla biex jitwaqqa' l-Gvern waqt li l-President Tranżizzjonali ta' dakinhar Catherine Samba-Panza kienet qed tattendi l-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-2015. Mokom, Hissène, u oħrajn ġew akkużati mill-gvern tar-RĊA b'diversi reati kriminali, inkluż qtil, ħruq, tortura, u sakkeġġi, li rriżultaw mill-kolp ta' stat li falla.

Mill-2015, Hissène kien sar wieħed mill-mexxejja ewlenin ta' milizzji armati li jinsabu fil-kwartier "PK5" ta' Bangui u li kienu jinkludu aktar minn 100 raġel. Huwa xekkel il-libertà ta' moviment u t-treġġigħ lura tal-awtorità tal-istat fiż-żona, inkluż permezz ta' tassazzjoni illegali fuq it-trasport u fuq attivitajiet kummerċjali. Fit-tieni nofs tal-2015, Hissène aġixxa bħala r-rappreżentant tan-"Nairobisti" tal-eks-Séléka f'Bangui li operaw fil-qafas ta' ravviċinament mal-ġellieda anti-balaka taħt Mokom. Irġiel armati taħt il-kontroll ta' Haroun Gaye u Hissène ħadu sehem fil-ġrajjiet vjolenti li seħħew f'Bangui bejn is-26 ta' Settembru u t-3 ta' Ottubru 2015.

Il-membri tal-grupp ta' Hissène huma ssuspettati li kienu involuti f'attakk fit-13 ta' Diċembru 2015 - il-jum tar-referendum kostituzzjonali - fuq il-vettura ta' Mohamed Moussa Dhaffane, mexxej tal-eks-Séléka. Hissène huwa akkużat li orkestra l-vjolenza fid-distrett KM5 ta' Bangui li biha nqatlu ħames persuni, indarbu għoxrin, u li minħabba fiha r-residenti ma vvutawx fir-referendum kostituzzjonali. Hissène qiegħed l-elezzjonijiet f'riskju billi ħoloq ċiklu ta' attakki ta' ritaljazzjoni bejn gruppi differenti.

Fil-15 ta' Marzu 2016, Hissène nqabad mill-pulizija fl-ajruport M'poko ta' Bangui u ġie ttrasferit lejn it-taqsima tar-riċerka u l-investigazzjoni tal-ġendarmerija nazzjonali. Il-milizzja tiegħu sussegwentement ħelsuh, bl-użu tal-forza, u serqet arma li preċedentement kienet mgħoddija minn MINUSCA bħala parti minn talba għal eżenzjoni approvata mill-Kumitat.

Fid-19 ta' Ġunju 2016, wara l-arrest ta' negozjanti Musulmani minn forzi tas-sigurtà interni f'"PK 12", il-milizzji ta' Gaye u Hissène ħatfu ħames pulizija nazzjonali f'Bangui. Fl-20 ta' Ġunju, MINUSCA għamlet tentattiv biex jinħelsu l-pulizija. Irġiel armati taħt il-kontroll ta' Hissène u Gaye kienu involuti fi skambju ta' sparar ma' forzi taż-żamma tal-paċi li ppruvaw jeħilsu l-ostaġġi. B'riżultat ta' dan, inqatlu mill-inqas sitt individwi u indarab membru tal-forzi għaż-żamma tal-paċi.

Fit-12 ta' Awwissu 2016, Hissène mexxa konvoj ta' sitt vetturi b'individwi armati sew. Il-konvoj, li kien qed jaħrab minn Bangui, ġie interċettat minn MINUSCA fin-Nofsinhar ta' Sibut. Fi triqtu lejn it-Tramuntana, il-konvoj kien involut fi skambju ta' sparar ma' forzi tas-sigurtà interna f'diversi punti ta' kontroll. Il-konvoj eventwalment twaqqaf minn MINUSCA 40 km min-Nofsinhar ta' Sibut. Wara bosta ġlidiet b'armi tan-nar, MINUSCA qabdet 11-il raġel, iżda Hissène u diversi oħra ħarbu. L-individwi arrestati indikaw lil MINUSCA li Hissène kien il-mexxej tal-konvoj li l-għan tiegħu kien li jasal Bria u jieħu sehem fl-Assemblea tal-gruppi eks-Séléka organizzata minn Nourredine Adam.

F'Awwissu u f'Settembru 2016, il-Bord ta' Esperti żar Sibut darbtejn sabiex jispezzjona l-oġġetti personali tal-konvoj ta' Hissène, Gaye u Hamit Tidjani, li nqabad minn MINUSCA fit-13 ta' Awwissu. Il-Bord spezzjona wkoll il-munizzjon maħtuf fid-dar ta' Hissène fis-16 ta' Awwissu. Tagħmir militari letali u mhux letali ġie rkuprat mis-sitt vetturi u mill-individwi maqbuda. Fis-16 ta' Awwissu 2016, il-Ġendarmerija Ċentrali għamlet rejd fid-dar ta' Hissène f'Bangui. Instabu aktar minn 700 arma.

Fl-4 ta' Settembru 2016, grupp ta' elementi eks-Séléka li kienu ġejjin minn Kaga-Bandoro fuq sitt muturi biex jiġbru lil Hissène u l-affiljati tiegħu fetħu n-nar kontra MINUSCA ħdejn Dékoa. Waqt dan l-inċident, inqatel ġellied eks-Séléka, u sfaw midruba żewġ membri tal-forzi taż-żamma tal-paċi u persuna ċivili.

13.   Martin KOUMTAMAADJI (psewdonimi: a) Abdoulaye Miskine b) Abdoullaye Miskine c) Martin Nadingar Koumtamadji d) Martin Nkoumtamadji e) Martin Koumta Madji f) Omar Mahamat)

Deżinjazzjoni: President u kap kmandant tal-Front Démocratique du Peuple Centrafricain (FDPC)

Data tat-twelid: a) 5 ta' Ottubru 1965 b) 3 ta' Marzu 1965

Post tat-twelid: a) Ndïnaba, iċ-Chad b) Kobo, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana c) Kabo, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana

Nazzjonalità: a) iċ-Chad b) ir-Repubblika Ċentru-Afrikana c) il-Kongo

Nru tal-passaport: a) Nru tal-passaport diplomatiku tar-RĊA 06FBO2262, maħruġ fit-22 ta' Frar 2007 (skada fil-21 ta' Frar 2012) b) numru tal-passaport tas-servizz tal-Kongo SA0020249, maħruġ fit-22 ta' Jannar 2019 (jiskadi fil-21 ta' Jannar 2022)

Indirizz: a) Am Dafock, prefettura ta' Vakaga, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana b) Ndjamena, iċ-Chad (mill-arrest tiegħu f'Novembru 2019)

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 20 ta' April 2020

Informazzjoni oħra: Martin Koumtamadji waqqaf il-FDPC fl-2005. Huwa ngħaqad mal-koalizzjoni ta' Séléka f'Diċembru 2012 qabel ma telaq minnha f'April 2013 wara li r-ribelli ħadu l-poter f'Bangui. Wara li ġie arrestat fil-Kamerun, imbagħad ġie ttrasferit lejn Brazzaville fir-Repubblika tal-Kongo. Huwa baqa' dejjem imexxi t-truppi tiegħu fuq il-post fir-RĊA anki meta kien fi Brazzaville qabel reġa' lura lejn ir-RĊA (bejn Novembru 2014 u l-2019). Il-FDPC iffirma l-Ftehim Politiku għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fir-RĊA fis-6 ta' Frar 2019 iżda Martin Koumtamadji jibqa' theddida għall-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tar-RĊA. Huwa disponibbli ritratt biex jiddaħħal fl-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/How-we-work/Notices/View-UN-Notices-Individuals

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

President u kap kmandant tal-Front Démocratique du Peuple Centrafricain (FDPC, grupp armat involut f'attivitajiet vjolenti), Martin Koumatmadji kien involut f'atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tar-RĊA u, b'mod partikolari, l-implimentazzjoni tal-Ftehim Politiku għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fir-RĊA ffirmat fis-6 ta' Frar 2019 f'Bangui.

Huwa rrifjuta d-diżarm tal-ġellieda tal-FDPC, f'konformità mal-impenji tiegħu bħala firmatarju tal-Ftehim Politiku għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fir-RĊA, u f'Lulju 2019 hedded li jwaqqa' lill-President Touadéra.

Huwa beda jikkoopera mal-individwu ssanzjonat Nourredine Adam (CFi.002) f'Ġunju 2019 u kien involut fit-traffikar ta' armi ma' kollaboratur mill-qrib ta' Nourredine Adam, sabiex jinbnew il-kapaċitajiet militari tal-FDPC.

Huwa għamel ukoll offerta lill-Front Populaire pour la Renaissance de la Centrafrique (FPRC) biex iwettqu operazzjoni militari mal-grupp armat tiegħu waqt il-ġlied fil-prefettura ta' Vakaga fl-2019.

Huwa kompla jfixkel l-istabbiliment mill-ġdid tal-awtorità tal-istat fl-oqsma tal-operat tal-FPDC billi żamm barrikati ta' kontroll illegali fuq it-toroq bl-għan ta' estorsjoni kontra rgħajja tal-bhejjem, atturi ekonomiċi (inkluż kumpaniji tal-minjieri tad-deheb li joperaw fil-prefettura ta' Nana-Mambéré), u vjaġġaturi.

Taħt it-tmexxija tiegħu, il-FDPC wettaq atti li jikkostitwixxu abbużi jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-prefettura ta' Nana-Mambéré, inkluż attakki diretti kontra persuni ċivili f'April 2019, ħtif ta' persuni ċivili f'Marzu 2019 (qrib Zoukombo) u atti ta' vjolenza sesswali u sessista f'Mejju 2019 (f'Bagary). Fl-2017, il-FDPC wettaq ukoll 14-il att ta' vjolenza sesswali f'konflitt.

Bejn l-2016 u l-2019, il-FDPC irrekluta tfal biex iservu bħala suldati f'konflitt armat u ħdax-il tifla ġew imġiegħla jiżżewġu membri tal-FDPC.

F'Marzu 2019, huwa kien involut fit-tfixkil tal-kunsinna ta' għajnuna umanitarja meta l-FDPC, taħt it-tmexxija ta' Miskine, wettaq sensiela ta' attakki fuq it-triq prinċipali lejn Bangui mill-Kamerun.

Fl-aħħar nett, elementi tal-FDPC kellhom episodji ta' ġlied ma' MINUSCA f'April 2019 qrib Zoukombo (prefettura ta' Nana-Mambéré) u fuq l-assi ta' Bouar-Beleko.”