02013R0479 — MT — 23.05.2017 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 479/2013 tat-13 ta’ Mejju 2013 (ĠU L 139 25.5.2013, p. 1) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
L 114 |
1 |
3.5.2017 |
||
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 479/2013
tat-13 ta’ Mejju 2013
dwar eżenzjoni mill-obbligu li jiġu sottomessi dikjarazzjonijiet sommarja tad-dħul u l-ħruġ għal merkanzija tal-Unjoni li taqsam il-Kuridur Neum
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli li taħthom:
(a) ir-rekwiżit għal dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ tkun eżentata għal merkanzija tal-Unjoni li tkun ħierġa mit-territorju tal-Kroazja biex jaqsmu l-Kuridur Neum;
(b) ir-rekwiżit għal dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul hija eżentata għal merkanzija tal-Unjoni meta terġa’ tidħol fit-territorju tal-Kroazja wara li tkun qasmet il-Kuridur Neum.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:
(1) “merkanzija tal-Unjoni” tfisser merkanzija tal-Unjoni kif definita fil-punt (23) tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 );
(2) “iż-żona ta’ Dubrovnik” tfisser Dubrovnik u ż-żona ta’ madwarha fit-territorju tal-Kroazja li hija sseparata mill-Kuridur Neum mit-territorju kontinentali tal-Kroazja;
(3) “it-territorju kontinentali tal-Kroazja” tfisser it-territorju tal-Kroazja ħlief għaż-żona ta’ Dubrovnik;
(4) “Il-Kuridur Neum” tfisser iż-żona li hi parti mit-territorju tal-Bożnja u Ħerzegovina li tissepara ż-żona ta’ Dubrovnik mit-territorju kontinentali tal-Kroazja;
(5) “Awtoritajiet doganali” tfisser l-awtoritajiet doganali tal-Kroazja fil-punti tal-qsim tal-fruntieri tal-ħruġ u d-dħul tal-Kuridur Neum;
(6) “Ħruġ” tfisser il-ħruġ ta’ merkanzija, jew miż-żona ta’ Dubrovnik fit-territorju kontinentali tal-Kroazja permezz tal-Kuridur Neum, jew mit-territorju kontinentali tal-Kroazja fiż-żona ta’ Dubrovnik permezz tal-Kuridur Neum;
(7) “Dħul mill-ġdid” tfisser id-dħul ta’ merkanzija fiż-żona ta’ Dubrovnik mit-territorju kontinentali tal-Kroazja permezz tal-Kuridur Neum, jew fit-territorju kontinentali tal-Kroazja miż-żona ta’ Dubrovnik permezz tal-Kuridur Neum;
Artikolu 3
Eżenzjoni mir-rekwiżit ta’ sottomissjoni ta’ dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jew tal-ħruġ
1. L-ebda dikarazzjoni sommarja ta’ ħruġ ma għandha tkun meħtieġa għal merkanzija tal-Unjoni mal-ħruġ tagħha.
2. L-ebda dikarazzjoni sommarja ta’ dħul ma għandha tkun meħtieġa għal merkanzija tal-Unjoni mad-dħul mill-ġdid tagħha.
Artikolu 4
Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-rinunzja
L-Artikolu 3 għandu japplika fejn huma sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) Il-valur totali ta’ kull kunsinna ta’ merkanzija tal-Unjoni mċaqalqa min-naħa għall-oħra tal-Kuridur Neum ma jaqbiżx ►M1 EUR 15 000 ◄ jew l-ekwivalenti fil-munita lokali;
(b) Il-merkanzija msemmija fil-punt (a) ta’ dan l-Artikolu tiġi akkumpanjata minn fatturi jew dokumenti tat-trasport li:
(i) jinkludu għall-inqas id-dettalji msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 126(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 ( 2 );
(ii) tkun approvata b’marki uffiċjali mill-awtoritajiet doganali mal-ħruġ;
(iii) huma ppreżentati għall-verifika lill-awtoritajiet doganali mad-dħul mill-ġdid.
Artikolu 5
Kontrolli Doganali
1. L-analiżi tar-riskji assoċjati mal-kontrolli doganali applikati għal oġġetti tal-Unjoni mċaqlaqa min-naħa għall-oħra tal-Kuridur Neum jistgħu jitwettqu mill-awtoritajiet doganali permezz ta’ mezzi apparti tekniki awtomatizzati tal-ipproċessar tad-dejta.
2. Il-Kroazja għandha tiżgura li l-punti ta’ qsim tal-fruntiera għall-ħruġ u d-dħul mill-ġdid fit-territorju tagħha għall-merkanzija trasportata min-naħa għall-oħra tal-Kuridur Neum ikollhom ir-riżorsi neċessarji, tagħmir, faċilitajiet ta’ kontroll u l-kapaċitajiet meħtieġa biex jiżguraw l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
3. Mal-ħruġ, l-awtoritajiet doganali għandhom:
(a) jiddeterminaw limitu taż-żmien li fih irid jitlesta l-moviment ta’ oġġetti tal-Unjoni min-naħa għall-oħra tal-Kuridur Neum;
(b) jindikaw dak il-limitu ta’ żmien flimkien mad-data tal-approvazzjoni tal-fattura jew id-dokument tat-trasport kif imsemmija fl-Artikolu 4(b)(ii);
(c) fejn iqisu li dan ikun meħtieġ, jissiġillaw l-ispazju li jkun fih l-oġġetti jew kull pakkett individwali tal-oġġetti li għandhom jiġu trasportati min-naħa għall-oħra tal-Kuridur Neum.
4. Mad-dħul mill-ġdid, l-awtoritajiet doganali għandhom:
(a) iwettqu analiżi tar-riskju primarjament għal finijiet ta’ sigurtà u sikurezza;
(b) jivverifikaw il-fatturi jew id-dokumenti tat-trasport li jkkompanjaw l-oġġetti;
(c) jivverifikaw il-konformità mal-limitu taż-żmien imsemmi fil-paragrafu (3)(a) ta’ dan l-Artikolu;
(d) jivverifikaw l-integrità tas-siġilli, meta mwaħħla skont il-paragrafu (3)(c) ta’ dan l-Artikolu;
(e) fejn adatt, fiżikament jeżaminaw il-merkanzija;
(f) ineħħu s-siġilli kif xieraq.
5. Meta l-awtoritajiet doganali jistabbilixxu li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 ma jkunx ġie mħares, huma għandhom jippermettu d-dħul mill-ġdid ta’ konsenja bħal din jekk:
(a) tkun twettqet analiżi tar-riskju effettiva;
(b) fuq il-bażi tar-riżultati tal-analiżi tar-riskju msemmija fil-punt (a), l-awtoritajiet doganali jkunu adottaw miżuri effettivi mmirati speċifikament biex jevitaw riskji relatati mas-sikurezza u s-sigurtà.
Artikolu 6
Informazzjoni
Il-Kroazja għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe irregolaritajiet li jinstabu fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll miżuri konkreti li ttieħdu sabiex jiġu rimedjati dawk l-irregolaritajiet fi kwalunkwe ħin iżda mhux aktar tard mill-1 ta’ Marzu 2014.
Artikolu 7
Rapport
Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Kunsill li jipprovdi valutazzjoni tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament mhux aktar tard minn sentejn wara d-data tal-adeżjoni tal-Kroazja.
Artikolu 8
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ soġġett għal, u mid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat tal-Adeżjoni.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
( 1 ) Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
( 2 ) Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.(ĠU L 343. 29.12.2015, p. 1).