Brussell, 16.9.2025

COM(2025) 514 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Ġermanja
u
li tippermetti lill-Ġermanja tiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir fin-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill skont ir-Regolament (UE) 2024/1263
(Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali)


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Ġermanja
u

li tippermetti lill-Ġermanja tiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir fin-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill skont ir-Regolament (UE) 2024/1263

(Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263, u b’mod partikolari l-Artikoli 17 u 26 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,

Billi:

KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

(1)Fit-30 ta’ April 2024 daħal fis-seħħ qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE riformat. Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali 1 , flimkien mar-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv 2 , u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE emendata dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri 3  huma l-elementi ewlenin tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE riformat. Il-qafas għandu l-għan li jiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv permezz ta’ riformi u investimenti. Jippromwovi s-sjieda nazzjonali u għandu fokus fuq terminu medju, ikkombinat ma’ infurzar effettiv u koerenti tar-regoli.

(2)Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li l-Istati Membri jippreżentaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni huma fiċ-ċentru tal-qafas ta’ governanza ekonomika l-ġdid. Il-pjanijiet iridu jilħqu żewġ objettivi: i) jiżguraw li, sa tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq trajettorja ta’ tnaqqis plawżibbli, jew jibqa’ f’livelli prudenti, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fuq it-terminu medju, u ii) jiżguraw it-twettiq ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE. Għal dak l-għan, kull pjan irid jippreżenta impenn fuq terminu medju għar-rati massimi ta’ tkabbir fin-nefqa netta 4 , li effettivament jistabbilixxi restrizzjoni baġitarja għad-durata tal-pjan, li tkopri 4 jew 5 snin (skont it-terminu regolari tal-leġiżlatura fi Stat Membru). Barra minn hekk, il-pjan irid jispjega kif l-Istat Membru se jiżgura t-twettiq ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b’mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (inkluż dawk li jappartjenu għall-proċedura ta’ żbilanċi makroekonomiċi (MIP, macroeconomic imbalances procedure), jekk applikabbli), u kif l-Istat Membru se jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni. Il-perjodu għall-aġġustament fiskali jkopri perjodu ta’ 4 snin, li jista’ jiġi estiż b’massimu ta’ 3 snin jekk l-Istat Membru jimpenja ruħu li jwettaq sett ta’ riformi u investimenti rilevanti li jissodisfaw il-kriterji stipulati fir-Regolament (UE) 2024/1263.

(3)Wara l-preżentazzjoni tal-pjan, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk dan jikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(4)Fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill irid imbagħad jadotta rakkomandazzjoni li tistabbilixxi r-rati massimi ta’ tkabbir fin-nefqa netta tal-Istat Membru kkonċernat u, fejn applikabbli, japprova s-sett ta’ impenji ta’ riforma u ta’ investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament fiskali.

(5)Il-qafas jipprevedi flessibbiltà fl-applikazzjoni tar-regoli fil-każ ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali barra mill-kontroll tal-Istati Membri li għandhom impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi, f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/1263. Fil-każ tal-aħħar, wara talba minn Stat Membru u fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni bbażata fuq l-analiżi tagħha, il-Kunsill jista’ fi żmien 4 ġimgħat mir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni jadotta rakkomandazzjoni li tippermetti lil Stat Membru jiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir tiegħu fin-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill, fejn (i) ċirkostanzi eċċezzjonali barra mill-kontroll tal-Istat Membru, (ii) ikollhom impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru kkonċernat, u (iii) dment li tali devjazzjoni ma tkunx ta’ periklu għas-sostenibbiltà fiskali fuq it-terminu medju. Il-Kunsill irid jispeċifika limitu ta’ żmien għal tali devjazzjoni.

KUNSIDERAZZJONIJIET LI JIKKONĊERNAW IL-PJAN FISKALI-STRUTTURALI NAZZJONALI FUQ TERMINU MEDJU TAL-ĠERMANJA

(6)Fis-17 ta’ Lulju 2025, il-Ġermanja ppreżentat il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali tagħha fuq terminu medju lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Il-preżentazzjoni saret wara estensjoni tal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, kif maqbul mal-Kummissjoni fid-dawl tar-raġunijiet ipprovduti mill-Ġermanja. L-estensjoni ġiet maqbula hekk kif il-gvern nazzjonali preċedenti tilef il-maġġoranza parlamentari u ssejħu l-elezzjonijiet parlamentari għat-23 ta’ Frar 2025, li kienu segwiti minn diversi ġimgħat ta’ negozjati ta’ koalizzjoni, li wasslu għal ftehim ta’ koalizzjoni fid-9 ta’ April u l-formazzjoni ta’ gvern ġdid fis-6 ta’ Mejju 2025.

Proċess qabel il-preżentazzjoni tal-pjan

(7)Fis-17 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni bagħtet, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-gwida minn qabel tagħha li kien fiha t-trajettorja referenzjarja 5 lill-Ġermanja. Il-Kummissjoni ppubblikat it-trajettorja referenzjarja fl-24 ta’ Lulju 6 . It-trajettorja referenzjarja hija bbażata fuq ir-riskju u tiżgura li, sa tmiem il-perjodu ta’ aġġustament fiskali u fin-nuqqas ta’ aktar miżuri baġitarji lil hinn mill-perjodu ta’ aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq trajettorja plawżibbli ’l isfel jew jibqa’ f’livelli prudenti fuq it-terminu medju, u d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb taħt it-3 % tal-PDG matul il-perjodu ta’ aġġustament u jinżamm taħt dak il-valur referenzjarju fuq it-terminu medju. It-terminu medju huwa definit bħala l-perjodu ta’ 10 snin wara t-tmiem tal-perjodu ta’ aġġustament. F’konformità mal-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263, it-trajettorja referenzjarja hija konsistenti wkoll mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn u mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit.

Abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni u jekk wieħed jassumi perjodu ta’ aġġustament ta’ 7 snin, it-trajettorja referenzjarja pprovduta lill-Ġermanja tistabbilixxi li n-nefqa netta ma għandhiex tikber b’aktar mill-valuri pprovduti fit-Tabella 1. Dan jikkorrispondi għal tkabbir annwali medju fin-nefqa netta ta’ 1,8 % fuq il-perjodu ta’ aġġustament ta’ 7 snin (2025-2031) u ta’ 1,7 % fuq il-perjodu ta’ 5 snin kopert mill-pjan (2025-2029). L-orizzont tal-pjan huwa ta’ 5 snin (2025–2029) minflok l-4 snin tas-soltu minħabba li fid-dawl tal-elezzjonijiet federali li saru b’mod eċċezzjonali fi Frar 2025, il-gvern federali attwali se jkun responsabbli għat-tħejjija ta’ ħames liġijiet baġitarji minflok erbgħa.

Tabella 1: Trajettorja referenzjarja pprovduta mill-Kummissjoni lill-Ġermanja fis-17 ta’ Ġunju 2025

2025

2026

2027

2028

2029

2030

2031

Medja 2025-2029

Medja 2025-2031

Tkabbir massimu fin-nefqa netta

(annwali, %)

1,8

1,6

1,7

1,8

1,9

1,9

1,9

1,7

1,8

Sors: il-kalkoli tal-Kummissjoni.

(8)F’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Ġermanja u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom fi djalogu tekniku f’Ġunju u f’Lulju 2025. Id-djalogu ffoka fuq ir-rati massimi ta’ tkabbir fin-nefqa netta previsti mill-Ġermanja u s-suppożizzjonijiet sottostanti tagħha kif ukoll is-sett previst ta’ impenji ta’ riforma u ta’ investiment biex jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament, inkluż riformi li jippermettu l-investiment u miżuri mmirati lejn is-simplifikazzjoni, l-effiċjenza u t-titjib tal-provvista ta’ ħaddiema. Fid-djalogu, il-Ġermanja u l-Kummissjoni ddiskutew ukoll it-twettiq previst ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni, jiġifieri tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, is-sigurtà tal-enerġija u l-bini tal-mezzi tad-difiża.

(9)F’Lulju 2025, f’konformità mal-Artikolu 11(3) u l-Artikolu 36(1), il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2024/1263, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Ġermanja fil-pjan tagħha, il-Ġermanja kienet involuta fi proċess ta’ konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili, mas-sħab soċjali u mal-awtoritajiet reġjonali.

(10)Il-Kunsill ta’ Stabbiltà, korp konġunt tal-Federazzjoni Ġermaniża u l-Länder, ta opinjoni 7 dwar it-tbassir makroekonomiku u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi li jirfdu r-rati massimi ta’ tkabbir pluriennali fin-nefqa netta. B’mod ġenerali, il-perkors tan-nefqa fil-pjan fuq terminu medju tqies bħala konformi mar-regoli tal-UE u jappoġġja t-tkabbir ekonomiku. Il-Kunsill ta’ Stabbiltà nnota li valutazzjoni affidabbli tista’ ssir biss wara li l-projezzjoni għall-pajjiż kollu tiġi rieżaminata f’Ottubru 2025 u ssottolinja l-importanza tal-implimentazzjoni ta’ miżuri li jsaħħu t-tkabbir, id-dixxiplina fl-infiq, u r-riformi strutturali biex jintlaħqu l-miri.

(11)Il-pjan ġie ppreżentat lill-Parlament fl-20 u l-21 ta’ Lulju permezz tal-kumitati parlamentari rilevanti.

Proċessi relatati oħra

(12)Fil-15 ta’ Ottubru 2024, il-Ġermanja ppreżentat l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju tagħha għas-sena 2025. Il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar dan l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju fis-26 ta’ Novembru 2024 8 . Minħabba l-iżviluppi politiċi fil-Ġermanja, l-abbozz tal-baġit tal-2025, li abbażi tiegħu l-Kummissjoni adottat l-opinjoni, ma ġiex ivvutat jew approvat mill-parlament nazzjonali u ma daħalx fis-seħħ. Wara l-elezzjonijiet federali, tħejja abbozz ta’ baġit rivedut għall-2025 mill-gvern federali u huwa mistenni li jiġi adottat mill-parlament nazzjonali lejn l-aħħar ta’ Settembru 2025. Barra minn hekk, il-gvern federali adotta l-abbozz tal-liġi tal-baġit 2026 fit-30 ta’ Lulju, wara l-preżentazzjoni tal-pjan. Huwa mistenni li jiġi adottat mill-parlament nazzjonali fil-bidu ta’ Diċembru 2025. Il-Ġermanja hija mistennija tippreżenta l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju tagħha għall-2026 sal-15 ta’ Ottubru 2025.

(13)Fl-24 ta’ April 2025, il-Ġermanja talbet l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali biex takkomoda nfiq ogħla għad-difiża, f’konformità mal-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2024/1263 u wara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (C(2025) 2000 final) tad-19 ta’ Marzu 2025. Għalhekk, din it-talba ġiet ippreżentata qabel il-preżentazzjoni tal-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju. It-talba għall-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali ġiet ivvalutata mill-Kummissjoni fl-istess waqt tal-valutazzjoni tal-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju. Għalhekk, il-valutazzjoni tal-pjan tqis l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-impatt tas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn u s-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit.

(14)Is-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn u s-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit ġew stabbiliti (l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263) biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jimplimentaw aġġustament fiskali minimu, li jista’ jkun aktar strett minn dak li huwa meħtieġ mill-approċċ ibbażat fuq is-sostenibbiltà. Dawn is-salvagwardji ma jitqisux matul il-perjodu tal-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali. Dan l-approċċ jiżgura li l-kundizzjoni ta’ sostenibbiltà tal-klawżola liberatorja nazzjonali tiġi applikata b’mod ugwali għall-Istati Membri kollha.

(15)Fit-8 ta’ Lulju 2025, il-Kunsill indirizza lill-Ġermanja sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs, country-specific recommendations) fil-kuntest tas-Semestru Ewropew 9 .

SOMMARJU TAL-PJAN U L-VALUTAZZJONI TIEGĦU MILL-KUMMISSJONI

(16)F’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni vvalutat il-pjan kif ġej:

Kuntest: is-sitwazzjoni u l-prospetti makroekonomiċi u fiskali

(17)L-attività ekonomika fil-Ġermanja naqset b’0,5 % fl-2024, minħabba tnaqqis fl-esportazzjonijiet u l-investiment 10 . Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, ippubblikat f’Mejju 2025, l-ekonomija hija mistennija li tistaġna fl-2025, peress li l-irkupru fil-konsum privat u l-investiment huwa fil-biċċa l-kbira paċuti mill-impatt negattiv tal-esportazzjonijiet netti. Fl-2026, il-PDG reali huwa mistenni li jiżdied b’1,1 %, appoġġjat mill-irkupru tal-esportazzjonijiet u t-tkabbir kontinwu fil-konsum privat u l-investiment. Matul il-perjodu ta’ tbassir (jiġifieri l-2025–2026), it-tkabbir potenzjali tal-PDG fil-Ġermanja huwa mistenni li jonqos ftit minn 0,5 % fl-2024 għal 0,3 % fl-2025 u l-2026, xprunat prinċipalment minn tnaqqis fil-popolazzjoni, tnaqqis kontinwu tas-sigħat maħduma għal kull impjegat, u tkabbir baxx fil-produttività totali tal-fatturi. Ir-rata tal-qgħad kienet ta’ 3,4 % fl-2024, u hija pprojettata mill-Kummissjoni li tammonta għal 3,6 % fl-2025 u għal 3,3 % fl-2026. L-inflazzjoni (id-deflatur tal-PDG) hija pprojettata li tonqos minn 3,1 % fl-2024 għal 2,4 % fl-2025, u 2,2 % fl-2026. L-intenzjonijiet ta’ politika tal-gvern li jagħti spinta lill-infrastruttura u l-infiq fid-difiża kienu għadhom ma humiex dettaljati biżżejjed biex jiġu inklużi fit-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni sad-data limitu tiegħu. Ir-rilaxxi tad-data u l-iżviluppi tal-politika sa mill-pubblikazzjoni tat-Tbassir tar-Rebbiegħa jissuġġerixxu li t-tkabbir ekonomiku fl-2025 u l-2026 kif ukoll id-deflatur tal-PDG għall-2025 jistgħu jkunu ogħla milli mistenni fir-rebbiegħa.

(18)Fir-rigward tal-iżviluppi fiskali, fl-2024 id-defiċit tal-gvern estiż tal-Ġermanja ammonta għal 2,8 % tal-PDG 11 . Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, huwa mistenni li jibqa’ ġeneralment stabbli għal 2,7 % tal-PDG fl-2025 u, fuq bażi ta’ ebda bidla fil-politika, li jiżdied għal 2,9 % fl-2026. Id-dejn tal-gvern estiż kien ta’ 62,5 % tal-PDG fi tmiem l-2024. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, huwa pprojettat li jiżdied għal 63,8 % tal-PDG fi tmiem l-2025 u għal 64,7 % tal-PDG fi tmiem l-2026. Dawn it-tbassir ma jikkunsidrawx avviżi ta’ politika aktar reċenti msemmija fil-pjan fuq terminu medju, peress li ġew ippreżentati wara d-data limitu tat-Tbassir tar-Rebbiegħa. Fl-24 ta’ Ġunju u fit-30 ta’ Lulju 2025, il-gvern federali Ġermaniż adotta l-baġits federali għall-2025 u l-2026. Il-baġits jindikaw żieda fin-nefqa u d-defiċit fl-2025 u l-2026 meta mqabbla mat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni.

Ir-rati massimi ta’ tkabbir fin-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan

(19)Il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Ġermanja jkopri l-perjodu 2025–2029 u jippreżenta aġġustament fiskali fuq 7 snin (2025–2031).

(20)Il-pjan fih l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2024/1263 12 .

(21)Il-pjan jimpenja ruħu għar-rati massimi ta’ tkabbir fin-nefqa netta indikati fit-Tabella 2, filwaqt li jqis l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali, jiġifieri mingħajr ir-rekwiżiti li jirriżultaw mis-salvagwardji (ara t-Tabella 2 il-parti t’isfel), li jikkorrispondu għat-tkabbir medju massimu fin-nefqa netta ta’ 2,9 % matul is-snin 2025–2029. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq ir-rati massimi ta’ tkabbir fin-nefqa netta mingħajr ir-rekwiżiti li jirriżultaw mis-salvagwardji. Barra minn hekk, il-Ġermanja timpenja ruħha għal sett ta’ riformi u investimenti bl-għan li testendi l-perjodu ta’ aġġustament għal 7 snin (2025–2031), li matulhom it-tkabbir medju massimu fin-nefqa netta huwa ppjanat li jkun ta’ 2,8 %.

Tabella 2: It-tkabbir massimu fin-nefqa netta fil-pjan tal-Ġermanja

bis-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn u s-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit u mingħajrha

(rati ta’ tkabbir annwali u kumulattiv f’%, f’termini nominali)

Estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament

2024

2025

2026

2027

2028

2029

2030

2031

Medja matul il-perjodu ta’ validità tal-pjan

2025–2029

Medja matul il-perjodu ta’ aġġustament

2025–2031

Inkluż l-impatt tas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn u s-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit

Annwali

4,0

3,1

3,0

2,7

2,1

2,0

2,4

2,4

2,6

2,5

Kumulattiv (*) 

3,1

6,2

9,0

11,3

13,5

16,3

19,1

mhux applikabbli

mhux applikabbli

Nett mill-impatt tas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn u s-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit (**) 

Annwali

4,0

4,4

4,5

2,3

1,7

1,6

2,7

2,7

2,9

2,8

Kumulattiv (*) 

4,4

9,0

11,5

13,3

15,2

18,3

21,5

mhux applikabbli

mhux applikabbli

(*) Ir-rati ta’ tkabbir kumulattiv huma kkalkulati b’referenza għas-sena bażi tal-2024.  

(**) il-perjodu ta’ attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali huwa 2025–2028.

Sors: il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Ġermanja u l-kalkoli tal-Kummissjoni.

Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għad-dejn tal-gvern estiż

(22)Jekk ir-rati massimi ta’ tkabbir fin-nefqa netta skont l-impenn meħud fil-pjan (ara t-Tabella 2, il-parti t’isfel) u s-suppożizzjonijiet sottostanti jimmaterjalizzaw, id-dejn tal-gvern estiż, skont il-pjan, jiżdied gradwalment minn 62,5 % tal-PDG fi tmiem l-2024 għal 64,4 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2031), kif muri fit-Tabella 3. Wara l-perjodu ta’ aġġustament, jiġifieri fit-terminu medju, id-dejn tal-gvern estiż huwa pprojettat li jonqos, u jilħaq 56,5 % tal-PDG fl-2041.

Tabella 3: Id-dejn tal-gvern estiż u l-iżviluppi fil-bilanċ fil-pjan tal-Awstrija

2024

2025

2026

2027

2028

2029

2030

2031

2041

Id-dejn tal-gvern

(% tal-PDG)

62,5

63,9

65,5

66,5

66,9

66,5

65,5

64,4

56,5

Bilanċ tal-gvern

(% tal-PDG)

– 2,7

– 3,3

– 3,8

– 3,2

– 2,5

– 1,8

– 1,4

– 1,1

– 1,1

Sors: il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Ġermanja

Skont il-pjan, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG jaqbad trajettorja ta’ tnaqqis sa tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2031). Dan huwa plawżibbli peress li, abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-pjan, id-dejn huwa pprojettat li jonqos matul l-10 snin wara l-perjodu ta’ aġġustament skont it-testijiet tal-istress deterministiċi kollha tal-Analiżi tas-Sostenibbiltà tad-Dejn tal-Kummissjoni, u l-projezzjonijiet stokastiċi jindikaw bi probabbiltà għolja biżżejjed li d-dejn se jonqos.

Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, ir-rati massimi ta’ tkabbir fin-nefqa netta mressqa fil-pjan huma konsistenti mar-rekwiżit għad-dejn kif stabbilit fl-Artikolu 6, il-punt (a), u l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għall-bilanċ tal-gvern estiż

(23)Abbażi tar-rati massimi ta’ tkabbir fin-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet tal-pjan, id-defiċit tal-gvern estiż għandu jonqos progressivament minn 2,7 % tal-PDG fl-2024 għal 1,8 % tal-PDG fl-2029 u għal 1,1 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2031). Għalhekk, skont il-pjan, il-bilanċ tal-gvern estiż mhux se jaqbeż il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2031), għalkemm huwa pprojettat li jaqbeż dak il-valur fis-snin bikrin tal-pjan.

Barra minn hekk, fl-10 snin wara l-perjodu ta’ aġġustament (jiġifieri sal-2041), id-defiċit tal-gvern ma jkunx jaqbeż it-3 % tal-PDG. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, ir-rati massimi ta’ tkabbir fin-nefqa netta mressqa fil-pjan huma konsistenti mar-rekwiżit għad-defiċit kif stabbilit fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Il-profil taż-żmien tal-aġġustament fiskali

(24)Abbażi tal-profil taż-żmien tal-bidla annwali fil-bilanċ primarju strutturali, il-pjan isegwi aġġustament mhux lineari, b’politiki espansjonarji fl-2025–2026 xprunati minn żieda fl-infiq (ara l-premessa 27), u konsolidazzjoni sinifikanti matul l-2027–2029. Il-pożizzjoni fiskali espansjonarja inizjali fl-ewwel snin tal-pjan hija maħsuba biex tappoġġja l-attività u l-investiment wara sentejn ta’ tkabbir reali negattiv tal-PDG. B’mod ġenerali, ir-rati massimi ta’ tkabbir fin-nefqa netta matul il-perjodu ta’ 5 snin tal-pjan huma konsistenti mal-klawżola ta’ salvagwardja mingħajr posponiment stabbilita fl-Artikolu 6, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1263, peress li l-isforz ta’ aġġustament fiskali matul il-perjodu tal-pjan (2025–2029) huwa proporzjonali mal-isforz totali matul il-perjodu ta’ aġġustament kollu (2025–2031).

Tabella 4: Żviluppi fil-bilanċ primarju strutturali fil-pjan tal-Ġermanja

2024

2025

2026

2027

2028

2029

2030

2031

Bilanċ primarju strutturali

(% tal-PDG)

– 0,9

– 1,3

– 1,8

– 1,2

– 0,3

0,5

0,8

1,1

Bidla fil-bilanċ primarju strutturali

(punti perċentwali)

0,3

– 0,4

– 0,5

0,6

0,9

0,8

0,3

0,3

Sors: il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Ġermanja

Kunsiderazzjonijiet speċifiċi għall-applikazzjoni tas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit u s-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn fil-każ tal-Ġermanja matul l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali

(25)Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263, l-aġġustament fiskali irid ikompli, fejn meħtieġ, sakemm l-Istat Membru kkonċernat jilħaq livell ta’ defiċit li jipprovdi marġni ta’ reżiljenza komuni f’termini strutturali ta’ 1,5 % tal-PDG relattiv għall-valur referenzjarju tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG (is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit). Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-proporzjon tad-dejn ipprojettat huwa meħtieġ li jonqos b’ammont medju annwali minimu ta’ 0,5 punti perċentwali sakemm il-proporzjon tad-dejn għall-PDG jibqa’ bejn 60 % u 90 % (is-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn).

Jekk il-kundizzjonijiet ta’ attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali jiġu ssodisfati, u għad-durata ta’ din l-attivazzjoni, jenħtieġ li l-flessibbiltà permessa tiġi kkalkulata netta mill-impatt ta’ dawn iż-żewġ salvagwardji biex jiġi żgurat trattament ugwali fost l-Istati Membri. Għalhekk, f’din iċ-ċirkostanza speċifika, il-valutazzjoni tal-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju u l-valutazzjoni tat-talba għall-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali jenħtieġ li jsiru b’mod integrat. B’mod partikolari, minħabba l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali, ma hemmx bżonn li jiġi vverifikat jekk il-pjan fuq terminu medju tal-Ġermanja huwiex konsistenti mas-salvagwardji għall-perjodu 2025–2028 kopert mill-klawżola liberatorja nazzjonali. Għall-bqija tal-perjodu ta’ aġġustament (2029–2031), peress li l-klawżola liberatorja nazzjonali mhux se tibqa’ tapplika, hemm bżonn li jiġi vverifikat jekk il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Ġermanja jirrispettax is-salvagwardji.

Ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263 rigward is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit, li għandu l-għan li jipprovdi marġni komuni relatat mal-valur referenzjarju tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG, japplika għall-Ġermanja mill-2029. Fl-2029, l-2030 u l-2031, f’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263, għalhekk jenħtieġ li l-aġġustament annwali fil-bilanċ primarju strutturali mistenni fil-pjan fuq terminu medju, ma jkunx inqas minn 0,25 % tal-PDG jekk id-defiċit strutturali huwa mistenni jibqa’ ’l fuq minn 1,5 % tal-PDG fis-sena preċedenti, biex jinkiseb marġni komuni ta’ reżiljenza f’termini strutturali ta’ 1,5 % tal-PDG. L-aġġustament fiskali li jirriżulta mill-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet jaqbeż iż-0,25 % tal-PDG fl-2029, l-2030 u l-2031. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, ir-rati massimi ta’ tkabbir fin-nefqa netta mressqa fil-pjan huma konsistenti mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit għall-perjodu 2029–2031.

F’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2024/1263, peress li d-dejn tal-gvern estiż se jkun ogħla minn 60 % tal-PDG (iżda anqas minn 90 %) matul il-perjodu ta’ aġġustament skont il-pjan, il-proporzjon tad-dejn meħtieġ li jonqos b’mill-inqas 0,5 punti perċentwali bħala medja kull sena sakemm jaqa’ taħt is-60 %. It-tnaqqis medju huwa kkalkulat matul il-perjodu 2029–2031 u jammonta għal 0,8 punti perċentwali. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, ir-rati massimi ta’ tkabbir fin-nefqa netta mressqa fil-pjan huma konsistenti mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn għall-perjodu 2029–2031.

Suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan

(26)Il-pjan huwa bbażat fuq sett ta’ suppożizzjonijiet li sa ċertu punt huma differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni li jirfdu t-trajettorja referenzjarja trażmessa lill-Ġermanja fis-17 ta’ Ġunju 2025 (ara t-Tabella 5). B’mod partikolari, il-pjan juża suppożizzjonijiet differenti għall-pożizzjoni tal-bidu fl-2024, għat-tkabbir potenzjali u għad-deflatur tal-PDG, billi jqis data aktar reċenti. Hija meħtieġa valutazzjoni bir-reqqa ta’ dawn id-differenzi, speċjalment peress li t-tkabbir medju massimu fin-nefqa netta fil-pjan huwa ogħla mit-trajettorja referenzjarja. Id-differenzi fis-suppożizzjonijiet bl-aktar impatt sinifikanti fuq it-tkabbir medju fin-nefqa netta huma elenkati hawn taħt, flimkien ma’ valutazzjoni ta’ kull differenza kkunsidrata weħidha.

Il-pjan juża tkabbir tal-output potenzjali regolari matul il-perjodu 2024–2029, li jirriżulta f’output potenzjali medju ogħla matul il-perjodu ta’ aġġustament fil-pjan meta mqabbel mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni u għalhekk jikkontribwixxi għal tkabbir medju fin-nefqa netta aktar għoli. Il-possibbiltà li tintuża serje aktar stabbli għat-tkabbir potenzjali tingħata mill-Artikolu 36(1), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2024/1263, dment li t-tkabbir kumulattiv matul il-perjodu tal-projezzjoni (jiġifieri sal-2038) ikun ġeneralment konformi mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni u l-applikazzjoni tkun debitament ġustifikata minn argumenti ekonomiċi, li huwa l-każ fil-pjan. Fil-pjan, l-applikazzjoni tar-regolarizzazzjoni tat-tkabbir potenzjali hija ġġustifikata minn inċertezza ogħla fl-istima minħabba xokkijiet makroekonomiċi esterni reċenti. Konsegwentement, din is-suppożizzjoni titqies li hija ġġustifikata kif xieraq. Il-pjan jiddikjara li l-pakkett ta’ stimolu fiskali tal-Ġermanja (primarjament xprunat mill-Fond Speċjali għall-Infrastruttura u n-Newtralità Klimatika l-ġdid tagħha) x’aktarx li jkompli jagħti spinta lill-attività ekonomika fis-snin ta’ wara permezz tal-investiment pubbliku u privat addizzjonali mistenni.

Tabella 5: Suppożizzjonijiet ewlenin fil-pjan tal-Ġermanja

Estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament

2024

2025

2026

2027

2028

2029

2030

2031

Medja matul il-perjodu ta’ validità tal-pjan

2025–2029

Medja matul il-perjodu ta’ aġġustament

2025–2031

Tkabbir potenzjali tal-PDG (%)

0,5

0,9

0,9

0,9

0,9

0,9

0,9

0,9

0,9

0,9

Inflazzjoni (Tkabbir tad-deflatur tal-PDG) (%)

3,1

2,7

2,6

2,6

2,6

2,5

2,5

2,4

2,6

2,6

Sors: il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Ġermanja u l-kalkoli tal-Kummissjoni.

Il-pjan jassumi deflaturi tal-PDG kemxejn ogħla għall-2025 u l-2026 meta mqabbel mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Id-deflaturi ogħla jikkontribwixxu għal tkabbir medju fin-nefqa netta ogħla matul il-perjodu ta’ aġġustament fil-pjan. Id-differenza bejn id-deflatur tal-PDG fl-2025 fis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni u li fil-pjan hija ġġustifikata minn data aktar reċenti għall-ewwel trimestru tal-2025 li ma kinitx inkluża fis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni 13 . Id-differenza fid-deflaturi tal-PDG għall-2026 tista’ tiġi ġġustifikata mill-effetti fuq il-prezzijiet tat-tensjonijiet kummerċjali globali u ż-żieda sinifikanti mistennija fl-infiq pubbliku. Meqjusa flimkien, dawn l-argumenti jiġġustifikaw kif xieraq din id-devjazzjoni fid-deflaturi vis-à-vis iċ-ċifri tal-Kummissjoni.

Id-defiċit nominali aġġornat fl-2024 inkluż fil-pjan ma għandux impatt sinifikanti fuq it-tkabbir medju fin-nefqa netta meta mqabbel mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Dan jimplika li d-differenza bejn ir-rati massimi ta’ tkabbir fin-nefqa netta fil-pjan u t-trajettorja referenzjarja hija spjegata minn differenzi fis-suppożizzjonijiet li b’mod ġenerali jistgħu jiġu aċċettati, f’konformità mal-Artikolu 13, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1263. B’mod ġenerali, id-differenzi kollha fis-suppożizzjonijiet meħudin flimkien iwasslu għal tkabbir medju fin-nefqa netta fil-pjan li huwa ogħla mit-trajettorja referenzjarja.

Il-Kummissjoni se tqis il-valutazzjoni ta’ hawn fuq tas-suppożizzjonijiet tal-pjan fil-valutazzjonijiet futuri tal-konformità mar-rati massimi ta’ tkabbir fin-nefqa netta.

Strateġija fiskali tal-pjan

(27)Skont l-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan, l-impenji dwar in-nefqa netta se jitwettqu permezz ta’ strateġija orjentata lejn it-tkabbir ibbażata fuq l-investimenti pubbliċi, ir-riformi strutturali u l-konsolidazzjoni gradwali. Il-pjan fih perkors b’aġġustament differit, b’pożizzjoni ta’ politika espansjonarja fl-2025 u fl-2026. Il-kawża tal-espansjoni hija sa punt sinifikanti l-infiq ogħla orjentat lejn l-investiment (ara t-Tabella 6), li jindirizza tkabbir ekonomiku kajman u nuqqas ta’ investiment, u li huwa ffinanzjat sa punt sinifikanti minn Fond Speċjali għall-Infrastruttura u n-Newtralità Klimatika li għadu kif inħoloq. Il-Fond jissalvagwardja l-infiq orjentat lejn l-investiment bir-rekwiżit li jiġu ffinanzjati biss nefqiet li jaqbżu sehem definit minn qabel tal-infiq fuq l-investiment fil-baġit federali. L-espansjoni fiskali hija segwita minn sforzi sinifikanti ta’ konsolidazzjoni fl-2027, l-2028 u l-2029. L-istrateġija ta’ konsolidazzjoni tinkludi dħul ogħla permezz ta’ miżuri li jsaħħu t-tkabbir bħat-tnaqqis tal-kostijiet tal-burokrazija b’25 % permezz tad-diġitalizzazzjoni u s-simplifikazzjoni legali, it-tnaqqis tad-distakk fil-finanzjament fil-qasam tal-kapital ta’ espansjoni u ta’ innovazzjoni, u l-espansjoni tal-provvista ta’ ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati permezz ta’ inċentivi biex tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u proċessi ta’ immigrazzjoni mtejba. Fuq in-naħa tan-nefqa, il-pjan fuq terminu medju jirrapporta dwar l-intenzjoni tal-gvern li jwettaq rieżami u razzjonalizzazzjoni rikorrenti tas-sussidji u l-programmi ta’ finanzjament kollha, jikkonsolida l-benefiċċji soċjali, u jnaqqas il-persunal fil-ministeri u fl-amministrazzjoni tal-parlament nazzjonali b’mill-inqas 8 % sal-2029. L-ispeċifikazzjoni ta’ dawn l-intenzjonijiet u l-miżuri ta’ politika li jridu jiġu adottati trid tiġi kkonfermata jew aġġustata u kkwantifikata fil-baġits annwali.

Sett ta’ impenji ta’ riforma u investiment fil-pjan biex jirfed estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament fiskali

(28)Fil-pjan, il-Ġermanja timpenja ruħha għal sett ta’ riformi u investimenti, bl-għan li ttejjeb it-tkabbir potenzjali u s-sostenibbiltà fiskali, biex tirfed estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament fiskali minn 4 għal 7 snin.

Is-sett ta’ riformi u investimenti li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament huwa magħmul minn żewġ impenji mill-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRP, Recovery and Resilience Plan) tal-Ġermanja kif ukoll minn 15-il riforma u investiment ġdid. Dan jinkludi l-miżuri li ġejjin (ara wkoll l-Anness II):

–il-grupp ta’ ħidma Federal-Länder għal amministrazzjoni pubblika effiċjenti: Il-miżura hija impenn skont l-RRP (il-miżura 6.2.1) biex il-governanza ssir aktar effettiva u biex jiġu kkoordinati aħjar il-proċeduri tal-ippjanar u l-għoti tal-permessi fil-livell Federali u tal-Länder. L-ewwel żewġ stadji jikkonsistu fil-pubblikazzjoni tar-rapporti ta’ progress tal-grupp ta’ ħidma sal-2021 u l-2022, rispettivament. Bit-tielet pass, mill-inqas 80 % tal-miżuri mit-tieni rapport ta’ progress jenħtieġ li jiġu implimentati sal-ewwel trimestru tal-2025.    

–L-Att dwar l-Enerġija mir-Riħ fuq il-baħar: Il-miżura hija impenn skont l-RRP (il-miżura 7.1.5) biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal varar aċċellerat ta’ turbini eoliċi fuq il-baħar. Sal-ewwel trimestru tal-2023, kien daħal fis-seħħ l-Att dwar l-Enerġija mir-Riħ fuq il-baħar u b’hekk naqqas l-ostakli għall-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli u l-infrastruttura tal-grilja meħtieġa billi ssimplifika l-proċeduri tal-ippjanar u tal-għoti tal-permessi għall-proġetti rilevanti.

–L-operazzjonalizzazzjoni tal-Fond Speċjali għall-Infrastruttura u n-Newtralità Klimatika: Ir-riforma għandha l-għan li ssaħħaħ il-qafas finanzjarju biex tindirizza l-ħtiġijiet urġenti ta’ investiment pubbliku għall-infrastruttura nazzjonali. Wara l-ħolqien tal-Fond Speċjali għall-Infrastruttura u n-Newtralità Klimatika, jenħtieġ li l-leġiżlazzjoni li tistabbilixxi r-regoli dwar kif għandhom jintefqu l-fondi, b’mod partikolari l-kriterju tal-addizzjonalità għall-investiment, tidħol fis-seħħ sat-tielet trimestru tal-2025.

–Allowance għar-riċerka biex tappoġġja r-R&Ż: Din il-miżura għandha l-għan li ssaħħaħ l-attivitajiet kummerċjali tar-R&Ż permezz ta’ inċentivi fiskali. Ir-riforma tinvolvi l-adozzjoni ta’ liġi biex testendi l-bażi għat-taxxa u n-nefqa eliġibbli tal-allowance għar-riċerka sal-ewwel trimestru tal-2026.

–Tnaqqis tal-piż amministrattiv: L-għan ta’ din il-miżura huwa li jitnaqqsu l-piżijiet burokratiċi fuq in-negozji, iċ-ċittadini u l-amministrazzjoni. Il-miżuri ta’ rimedju se jiġu raggruppati f’liġijiet dwar it-tnaqqis tal-piż amministrattiv. Il-leġiżlazzjoni hija mistennija li tiġi adottata sar-raba’ trimestru tal-2027.

–Simplifikazzjoni tal-liġi dwar l-akkwist għall-Forzi Armati: Din il-miżura għandha l-għan li tnaqqas il-burokrazija żejda u tippermetti l-investiment billi tissimplifika l-liġi tal-akkwist għall-Forzi Armati Federali billi testendi l-kamp ta’ applikazzjoni għal proċeduri ta’ akkwist simplifikati, tħaffef, u tiddiġitalizza l-proċeduri. Sat-tieni trimestru tal-2026, il-leġiżlazzjoni hija mistennija li tidħol fis-seħħ.

–Simplifikazzjoni tal-liġi dwar l-akkwist: B’mod simili għall-miżura preċedenti, din ir-riforma għandha l-għan li tnaqqas il-burokrazija żejda u tippermetti l-investiment billi tissimplifika l-liġi tal-akkwist billi testendi l-kamp ta’ applikazzjoni għal proċeduri ta’ akkwist simplifikati, tħaffef, u tiddiġitalizza l-proċeduri. Sat-tieni trimestru tal-2026, il-leġiżlazzjoni hija mistennija li tidħol fis-seħħ.

–L-iffaċilitar tal-impjieg wara li tintlaħaq l-età tal-irtirar: Din il-miżura għandha l-għan li ttejjeb il-provvista ta’ ħaddiema billi tneħħi d-diżinċentivi biex wieħed jibqa’ jaħdem wara l-età regolari tal-irtirar. Ir-riforma tinvolvi t-tneħħija tal-projbizzjoni ta’ qabel l-impjieg (l-impjegaturi huma pprojbiti milli joffru kuntratt temporanju lill-ħaddiema li qabel kienu impjegati) biex jiġi ffaċilitat ir-ritorn temporanju fis-suq tax-xogħol wara l-ilħuq tal-età tal-irtirar sat-tieni trimestru tal-2026.

–Punt uniku ta’ servizz diġitali għal ċittadini kwalifikati ta’ pajjiżi terzi: Din il-miżura għandha l-għan li ttejjeb il-provvista ta’ ħaddiema billi tiffaċilita l-migrazzjoni ta’ dawk bi kwalifiki għoljin. Ir-riforma tinvolvi t-tnedija ta’ pjattaforma ċentrali tal-IT għall-professjonisti barranin sar-raba’ trimestru tal-2029.

–Espansjoni tal-opportunitajiet ta’ xogħol għar-residenti temporanji: Din il-miżura għandha l-għan li ttejjeb il-provvista ta’ ħaddiema billi żżid il-parteċipazzjoni tar-refuġjati fis-suq tax-xogħol. Ir-riforma tinvolvi t-tnaqqis tal-projbizzjonijiet fuq ix-xogħol għar-refuġjati għal massimu ta’ 3 xhur billi ssir bidla fil-leġiżlazzjoni rilevanti sar-raba’ trimestru tal-2028.

–Estensjoni tat-taxxa fuq it-tabakk: Din il-miżura għandha l-għan li tissalvagwardja d-dħul mit-taxxa u ssaħħaħ il-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Ir-riforma tinvolvi l-adozzjoni ta’ liġi għal estensjoni tal-mudell tat-taxxa fuq it-tabakk sar-raba’ trimestru tal-2026.

–L-iffaċilitar tal-investiment fl-akkomodazzjoni (Akkomodazzjoni Turbo): Din il-miżura għandha l-għan li żżid l-investiment fl-akkomodazzjoni billi tissimplifika r-regolamenti dwar il-kostruzzjoni tal-akkomodazzjoni. Ir-riforma tinvolvi s-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni għall-kostruzzjoni tal-akkomodazzjoni permezz ta’ eżenzjonijiet temporanji mir-regoli, ippjanar aktar flessibbli, regolamenti speċjali estiżi, u linji gwida aktar ċari dwar il-kunflitti tal-istorbju sal-ewwel trimestru tal-2026.

–It-twaqqif ta’ fond ta’ Kapital ta’ Riskju appoġġjat mill-gvern: Din il-miżura għandha l-għan li ttejjeb l-aċċess għall-finanzjament għall-kumpaniji start-ups billi timmobilizza l-kapital minn investituri istituzzjonali. Ir-riforma tinvolvi t-tnedija tal-ġbir ta’ fondi għall-“Fond għat-Tkabbir II” immirat lejn l-investituri istituzzjonali bil-gvern bħala investitur ankra sar-raba’ trimestru tal-2026.

–Rapport dwar is-sussidji tal-gvern: Din il-miżura għandha l-għan li tiffaċilita t-tfassil tal-politika fiskali billi turi l-effiċjenza u l-effettività tas-sussidji. Ir-riforma tinvolvi l-pubblikazzjoni ta’ żewġ rapporti federali dwar is-sussidji li janalizzaw l-impatt tal-programmi sussidjati skont il-linji gwida tal-politika dwar is-sussidji sar-raba’ trimestru tal-2025 u sat-tielet trimestru tal-2027.

–Rieżamijiet tal-infiq: Din il-miżura għandha l-għan li tinforma t-tfassil tal-politika fiskali billi tidentifika oqsma potenzjali għall-iffrankar tal-kostijiet u l-allinjament mill-ġdid tal-infiq eżistenti ma’ prijoritajiet ġodda ta’ nfiq. L-ewwel rieżami tal-infiq (li huwa t-12-il rieżami tal-infiq tal-Ministeru tal-Finanzi (MoF, Ministry of Finance)) se jiffoka fuq it-titjib tal-ibbaġitjar tal-prestazzjoni. Dan se jiġi ppubblikat sar-raba’ trimestru tal-2025. Ir-rieżamijiet tal-infiq li jmiss (mill-inqas tnejn) se jeżaminaw oqsma ta’ politika ewlenin, inkluż miżuri eżistenti, programmi ta’ appoġġ, u servizzi statutorji kif ukoll suġġetti trażversali li jkopru l-firxa sħiħa tal-baġit. Dawn se jiġu ppubblikati sa mhux aktar tard mir-raba’ trimestru tal-2028 u r-raba’ trimestru tal-2029. Billi jiffokaw fuq l-għanijiet u l-impatti tal-infiq federali, ir-rieżamijiet tal-infiq iwittu t-triq għal ġestjoni baġitarja mtejba orjentata lejn il-miri u lejn ir-riżultati. Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-rieżamijiet tal-infiq se jiġu applikati fil-proċess tal-ippjanar tal-baġit.

–It-titjib tal-kundizzjonijiet għall-investimenti fl-enerġija ġeotermali: Din il-miżura għandha l-għan li tneħħi l-ostakli għall-investiment billi tissimplifika r-regolament għall-investimenti fl-enerġija ġeotermali. Ir-riforma tinvolvi s-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni permezz ta’ Att dwar l-Aċċellerazzjoni tal-Enerġija Ġeotermali sat-tieni trimestru tal-2026.

–It-titjib tal-kundizzjonijiet għall-investimenti fl-idroġenu: Din il-miżura għandha l-għan li tneħħi l-ostakli għall-investiment billi tissimplifika r-regolament għall-investimenti fl-idroġenu. Ir-riforma tinvolvi s-simplifikazzjoni tal-ippjanar, tal-għoti ta’ permessi, u tal-proċeduri ta’ akkwist relatati permezz ta’ Att dwar l-Aċċellerazzjoni tal-Idroġenu sat-tielet trimestru tal-2026.

(29)F’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2024/1263, kull riforma u investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament huma dettaljati biżżejjed, antiċipati, marbuta biż-żmien u verifikabbli.

(30)L-impenji tal-RRP li jirfdu l-estensjoni fihom riformi u investimenti sinifikanti mmirati lejn it-titjib tas-sostenibbiltà fiskali u t-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomija. Barra minn hekk, il-Ġermanja timpenja ruħha li tkompli l-isforz ta’ riforma matul il-perjodu kopert mill-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju u li żżomm il-livelli ta’ investiment iffinanzjati fil-livell nazzjonali realizzati matul il-perjodu kopert mill-RRP (ara hawn taħt, it-Tabella 6). L-impenji se jiġu mmonitorjati matul l-implimentazzjoni tal-pjan. Għaldaqstant, l-impenji skont l-RRP jistgħu jitqiesu għall-estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament kif previst mill-Artikolu 36(1), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(31)Is-sett ta’ riformi u ta’ investimenti li jirfdu l-estensjoni mistenni jtejjeb il-potenzjal tat-tkabbir u tar-reżiljenza tal-ekonomija tal-Ġermanja b’mod sostenibbli kif meħtieġ mill-Artikolu 14(2), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2024/1263. Il-pjan jistma li fl-2029, il-pakkett se jkollu impatt ekonomiku pożittiv ta’ madwar 1,0 % tal-PDG tal-2029. Din l-istima saret bl-użu tal-mudelli dinamiċi ta’ ekwilibriju ġenerali stokastiku tal-Kummissjoni (QUEST III). Il-biċċa l-kbira tal-effetti tat-tkabbir jirriżultaw minn tliet miżuri:

–L-operazzjonalizzazzjoni tal-Fond Speċjali għall-Infrastruttura u n-Newtralità Klimatika hija mistennija li tikkontribwixxi għal sehem ogħla ta’ investiment, li huwa stmat li jżid il-PDG matul il-perjodu tal-pjan. L-istima hija konformi mal-analiżi pprovduta fit-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-Kummissjoni għall-2025 dwar l-effetti makroekonomiċi tal-Fond Speċjali għall-Infrastruttura u n-Newtralità Klimatika.

–Il-liġijiet għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv u s-simplifikazzjonijiet fil-liġi tal-akkwist huma mistennija li jtejbu l-effiċjenza u joħolqu żidiet fil-produttività. It-tnaqqis tal-kostijiet ġenerali jwassal għal profittabbiltà ogħla tad-ditti. Dan huwa konformi mal-istimi ppubblikati tal-effetti ta’ tnaqqis fil-piż amministrattiv 14 . Ir-riskju ta’ tnaqqis fl-impjiegi inġenerali jidher baxx peress li s-suq tax-xogħol Ġermaniż huwa ristrett.

–Il-miżuri li jiffaċilitaw il-migrazzjoni ta’ ħaddiema tas-sengħa u l-espansjoni tal-opportunitajiet tax-xogħol għar-refuġjati jtejbu l-provvista ta’ ħaddiema u b’hekk it-tkabbir. Dawn l-istimi huma bbażati fuq xenarji minn żewġ studji dwar il-movimenti migratorji, li wieħed minnhom tħejja mill-Istitut ta’ Kiel fuq talba mill-Ministeru tal-Ekonomija 15 .

B’mod ġenerali, il-pjan huwa mistenni li jtejjeb il-potenzjal tat-tkabbir u r-reżiljenza tal-ekonomija billi jindirizza dgħufijiet li ġew identifikati qabel bħan-nuqqas ta’ investiment u t-tnaqqis fil-provvista ta’ ħaddiema.

(32)Is-sett ta’ riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni mistenni jappoġġja s-sostenibbiltà fiskali kif meħtieġ mill-Artikolu 14(2), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1263. Fl-2029, il-gvern jistenna effett fiskali ġenerali tas-sett ta’ riformi u investimenti ta’ 1,0 % tal-PDG tal-2024. Dan huwa l-aktar permezz ta’ effetti indiretti (0,9 %), li jirriflettu l-enfasi fuq riformi li jsaħħu t-tkabbir. L-estensjoni tat-taxxa fuq it-tabakk se żżid id-dħul mit-taxxa. Barra minn hekk, ir-rieżamijiet tal-infiq u rieżami tas-sussidji se jgħinu biex tittejjeb il-kwalità tal-finanzi pubbliċi.

(33)Is-sett ta’ riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-UE kif meħtieġ mill-Artikolu 14(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1263. Il-biċċa l-kbira tal-miżuri mistennija jikkontribwixxu għar-reżiljenza soċjali u ekonomika, f’konformità mal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Barra minn hekk, il-liġijiet dwar l-aċċellerazzjoni għall-investiment fl-enerġija ġeotermali u fl-idroġenu jikkontribwixxu għal tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta kif ukoll għall-iżgurar tas-sigurtà tal-enerġija flimkien mal-Att dwar l-Enerġija mir-Riħ fuq il-baħar. Is-simplifikazzjoni tal-liġi dwar l-akkwist u l-użu tat-teknoloġiji diġitali fil-proċessi tal-akkwist għall-Forzi Armati tindirizza l-bini tal-mezzi tad-difiża.

(34)Is-sett ta’ riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni jindirizza r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż (CSRs) rilevanti 16 maħruġa bħala parti mis-Semestru Ewropew kif meħtieġ mill-Artikolu 14(2), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2024/1263. B’mod partikolari, is-sett ta’ riformi u investiment li jirfdu estensjoni jindirizzaw is-CSRs marbuta ma’:

–Rakkomandazzjonijiet fiskali-strutturali permezz ta’ riformi li jippermettu l-investiment pubbliku inkluż l-operazzjonalizzazzjoni tal-Fond Speċjali għall-Infrastruttura u n-Newtralità Klimatika u s-simplifikazzjoni tal-liġi dwar l-akkwist kif ukoll l-estensjoni tat-taxxa fuq it-tabakk, ir-rieżamijiet tal-infiq u r-rapport dwar is-sussidji tal-gvern.

–Rakkomandazzjonijiet fir-rigward tat-trasformazzjoni tal-ekonomija bl-estensjoni tal-allowance għar-riċerka biex tappoġġja r-R&Ż, it-tnaqqis tal-piż amministrattiv inkluż bl-użu ta’ teknoloġiji diġitali, l-iffaċilitar tal-investiment fl-akkomodazzjoni u l-istabbiliment ta’ fond ta’ Kapital ta’ Riskju appoġġjat mill-gvern.

–Rakkomandazzjoni fir-rigward tat-tranżizzjoni ekoloġika biex titnaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili importati u jiġi ffaċilitat ir-rwol tal-enerġija rinnovabbli fis-sistema tal-enerġija billi jittejbu l-kundizzjonijiet għall-enerġija mir-riħ fuq il-baħar, l-enerġija ġeotermali u l-investimenti fl-idroġenu, kif ukoll l-elettrifikazzjoni u l-flessibbiltà.

–Rakkomandazzjoni fir-rigward tas-suq tax-xogħol billi jiġi ffaċilitat l-impjieg wara li tintlaħaq l-età tal-irtirar, punt uniku ta’ servizz diġitali għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi kwalifikati u l-espansjoni tal-opportunitajiet ta’ xogħol għal residenti temporanji.

(35)Il-pjan jiżgura li jinżamm il-livell ġenerali ppjanat ta’ investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali mwettaq bħala medja matul il-perjodu kopert mill-RRP, kif meħtieġ mill-Artikolu 14(2), il-punt (e) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Tabella 6: Investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali skont il-pjan (% tal-PDG)

Livell medju matul il-perjodu kopert mill-RRP (mill-2021 sal-2026)( 17 ) 

2025

2026

2027

2028

2029

Medja matul id-durata tal-pjan

2,9

3,3

3,5

3,5

3,7

3,8

3,5

Sors: il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Ġermanja.

(36)Fl-aħħar nett, is-sett ta’ impenji ta’ riforma u investiment li jirfdu estensjoni jista’ jitqies bħala konsistenti mal-impenji fl-RRP u l-Ftehim ta’ Sħubija miftiehem skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali kif meħtieġ mill-Artikolu 14(4) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(37)Bħala konklużjoni, is-sett ta’ riformi u ta’ investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament huwa vvalutat bħala li jissodisfa, meħuda flimkien, il-kriterji fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2024/1263. B’riżultat ta’ dan, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż minn 4 għal 7 snin, kif propost fil-pjan.

Intenzjonijiet oħrajn ta’ riforma u ta’ investiment fil-pjan li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-Unjoni

(38)Barra mis-sett ta’ riformi u ta’ investimenti li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament, il-pjan jiddeskrivi l-intenzjonijiet ta’ politika dwar riformi u investimenti oħra biex jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, speċjalment ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż (CSRs) u biex jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-Unjoni. Il-pjan jinkludi 35 riforma u investiment, li 4 minnhom huma appoġġjati finanzjarjament mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Ir-riformi u l-investimenti tal-pjan huma parzjalment ibbażati fuq dokument ta’ strateġija eżistenti tal-gvern (“Responsabbiltà għall-Ġermanja, Ftehim ta’ Koalizzjoni bejn is-CDU, is-CSU u l-SPD, 21. Perjodu Leġiżlattiv”) 18 .

(39)Fir-rigward tal-prijorità komuni ta’ tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, inkluż l-objettivi klimatiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119, il-pjan jipprevedi miżuri ta’ taħriġ, pereżempju, fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni tat-taħriġ u biex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni diġitali tal-istudenti. Barra minn hekk, il-pjan jinkludi riformi u investimenti li għandhom l-għan li jespandu n-networks diġitali billi jiddeterminaw interess pubbliku prevalenti għall-espansjoni tan-network u jissimplifikaw l-ippjanar u l-approvazzjoni. Barra minn hekk, il-pjan għandu l-għan li jtejjeb l-aċċess għall-ġustizzja billi jintroduċi proċeduri online fil-ġustizzja ċivili kif ukoll is-simplifikazzjoni tal-proċeduri notarili bl-introduzzjoni ta’ proċedura ta’ awtentikazzjoni diġitali għan-nutara u atti oħra. Il-pjan jinkludi wkoll l-adozzjoni ta’ standards diġitali komuni għall-amministrazzjoni pubblika biex jiġi żgurat aċċess uniformi u mingħajr ostakli għas-servizzi amministrattivi (inkluż fl-RPP), u liġi li timmodernizza u tiddiġitalizza l-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat. Il-pjan jiddeskrivi wkoll miżuri li jinkoraġġixxu l-kostruzzjoni ta’ impjanti tal-enerġija konsenjabbli, l-iżvilupp, il-konverżjoni u l-kostruzzjoni ġdida ta’ networks tas-sħana newtrali għall-klima (inklużi fl-RRP) kif ukoll l-espansjoni mmirata tan-networks tal-elettriku. Barra minn hekk, il-pjan fih pakkett ta’ miżuri mmirati biex inaqqsu l-komponenti tat-taxxa tal-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi kummerċjali u jiżguraw involviment akbar tal-Istat fil-kostijiet tan-network biex jikkontribwixxu għall-kompetittività u l-elettrifikazzjoni, itejbu l-ambjent regolatorju għas-CCS/CCU, u l-kontinwazzjoni tal-finanzjament għat-tisħin u r-rinnovazzjoni għal bini effiċjenti (inkluż fl-RRP) kif ukoll żieda fil-finanzjament federali għal networks tat-tisħin effiċjenti u newtrali għall-klima. Il-pjan jipprevedi r-riabilitazzjoni tan-network ferrovjarju billi jtejjeb il-kurituri ta’ prestazzjoni għolja. Sabiex jissaħħu l-governanza u l-ippjanar tal-investiment fit-tul fis-settur ferrovjarju, il-pjan jintroduċi l-“Infraplan” bħala għodda ta’ finanzjament vinkolanti li tipprijoritizza proġetti futuri. L-elettromobbiltà se tiġi promossa permezz ta’ inċentivi tat-taxxa, eżenzjonijiet mit-taxxa fuq il-karozzi, appoġġ immirat għal unitajiet domestiċi b’introjtu baxx, u investiment fl-infrastruttura tal-iċċarġjar u l-mobbiltà tal-merkanzija b’emissjonijiet żero (inklużi fl-RRP). Fl-aħħar nett, il-pjan jappoġġja l-innovazzjoni u l-progress teknoloġiku billi jipprijoritizza l-finanzjament tar-riċerka skont l-aġenda ta’ teknoloġija avvanzata, b’enfasi fuq teknoloġiji ewlenin bħall-IA, il-bijoteknoloġija u s-soluzzjonijiet klimatiċi, u billi jrawwem rabtiet aktar b’saħħithom bejn ir-riċerka u l-industrija. Dawn il-miżuri u oħrajn fil-pjan għandhom l-għan li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tas-CSR tal-2025 dwar il-ħiliet, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-apprendiment għall-adulti, l-amministrazzjoni pubblika, l-infrastruttura diġitali, id-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u tas-servizzi pubbliċi, l-effiċjenza enerġetika, it-trasport, l-enerġija rinnovabbli, in-networks tal-infrastruttura tal-enerġija u r-riċerka u l-innovazzjoni.

(40)Fir-rigward tal-prijorità komuni tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jinkludi riformi u investimenti li għandhom l-għan li jtejbu l-inċentivi għall-impjiegi u jħaffu l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol billi jirristrutturaw l-appoġġ bażiku għall-introjtu (Grundsicherung) għal dawk li qed ifittxu impjieg. Il-Kummissjoni dwar ir-riforma tal-istat soċjali hija mistennija tippreżenta rakkomandazzjonijiet għall-immodernizzar u t-tnaqqis tal-burokrazija fis-sistema ta’ protezzjoni soċjali u fl-amministrazzjoni tagħha. Biex jiżdiedu l-inċentivi għall-espansjoni tal-impjieg bi qligħ, il-pjan jipprevedi l-introduzzjoni ta’ eżenzjonijiet mit-taxxa għas-supplimenti tas-sahra. Barra minn hekk, il-pjan jipprevedi wkoll miżuri għall-ekwità permezz tal-edukazzjoni bħall-għoti ta’ appoġġ immirat lill-iskejjel bi proporzjon għoli ta’ studenti soċjalment żvantaġġati, appoġġ addizzjonali għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal (ECEC, early childhood education and care) f’żoni żvantaġġati u għal dawk li jiffukaw fuq il-promozzjoni tal-iżvilupp lingwistiku tat-tfal kif ukoll għat-titjib tal-infrastruttura għall-ECEC kollha. Barra minn hekk, il-pjan jipprevedi pakkett ta’ miżuri ta’ taħriġ ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid, pereżempju, biex jissaħħu t-taħriġ vokazzjonali, l-apprendiment tul il-ħajja, fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni tat-taħriġ u l-appoġġ għat-taħriġ fuq il-post tax-xogħol. Biex jittejbu l-opportunitajiet edukattivi, il-pjan jestendi l-programm ta’ investiment għall-kura skolastika matul il-ġurnata kollha. Barra minn hekk, il-proċeduri tal-infrastruttura se jiġu aċċellerati permezz ta’ liġi proċedurali armonizzata. Bħala pass ieħor biex titnaqqas il-burokrazija, se jiġu introdotti rieżamijiet tat-titjib tal-proċess sabiex jiġu identifikati u indirizzati l-akbar ostakli fil-proċeduri amministrattivi. Il-benefiċċji soċjali iridu jiġu allinjati u diġitalizzati aħjar biex jiġi ssimplifikat l-aċċess u titnaqqas il-burokrazija. Il-pjan għandu l-għan li jnaqqas il-kostijiet tal-elettriku permezz ta’ ħelsien mit-taxxa u kofinanzjament federali tat-tariffi tal-grilja, filwaqt li jappoġġja l-elettrifikazzjoni. It-tfaddil privat fit-tul se jkun appoġġjat bl-introduzzjoni ta’ pensjoni tal-bidu bikri għat-tfal. Il-pjan jipprevedi l-inklużjoni ta’ persuni ġodda b’impjieg indipendenti fis-sistema statutorja tal-pensjonijiet li għandha l-għan li ssaħħaħ is-sigurtà tax-xjuħija. Għandha wkoll l-għan li żżid il-provvista ta’ ħaddiema billi tipprovdi inċentivi fiskali għax-xogħol lil hinn mill-età tal-irtirar. L-aċċess għall-kura se jittejjeb permezz ta’ sistema tal-kura primarja, riforma tas-servizz ta’ emerġenza u salvataġġ, u ristrutturar tal-isptarijiet, filwaqt li riforma tal-kura fit-tul għandha l-għan li tiżgura s-sostenibbiltà u tnaqqas il-piżijiet fuq il-kontributuri. In-network ferrovjarju irid jiġi mmodernizzat permezz ta’ riabilitazzjoni mmirata tal-kurituri. L-investiment kummerċjali se jiġi stimulat bl-introduzzjoni mill-ġdid tad-deprezzament aċċellerat u bit-tnaqqis tar-rati tat-taxxa korporattiva. L-aċċess għall-finanzjament se jiġi estiż billi jittejjeb il-finanzjament għall-SMEs u għall-kumpaniji start-ups. Fl-aħħar nett, il-pjan jappoġġja l-innovazzjoni billi jipprijoritizza r-riċerka f’teknoloġiji ewlenin bħall-IA, il-bijoteknoloġija u t-teknoloġija klimatika. Dawn il-miżuri u oħrajn fil-pjan għandhom l-għan li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tas-CSRs tal-2025 dwar il-politika tat-tassazzjoni, l-ambjent tan-negozju, is-sistemi tal-pensjonijiet u t-tixjiħ attiv, l-amministrazzjoni pubblika, il-funzjonament tas-suq tax-xogħol, il-ħiliet, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-apprendiment għall-adulti, l-edukazzjoni, l-infrastruttura u n-networks tal-enerġija, ir-riċerka u l-innovazzjoni u t-trasport. Il-miżuri fil-pjan huma maħsuba wkoll biex jgħinu fit-titjib tal-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni billi jimmiraw li jżidu l-provvista tal-akkomodazzjoni.

(41)Fir-rigward tal-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jinkludi riformi u investimenti li għandhom l-għan li jtejbu r-reżiljenza u l-flessibbiltà tas-sistema tal-enerġija. Il-pjan jiddeskrivi miżuri li jħeġġu l-kostruzzjoni ta’ impjanti tal-enerġija konsenjabbli kif ukoll l-iżvilupp, il-konverżjoni u l-kostruzzjoni ġdida ta’ networks tas-sħana newtrali għall-klima (inklużi fl-RRP). Il-pjan jinkludi wkoll miżuri għall-varar immirat u favur is-sistema ta’ networks u ħżin, maħsuba biex jallinjaw l-espansjoni tal-grilja mad-domanda elettrika u l-ġenerazzjoni rinnovabbli. Dawn il-miżuri u oħrajn fil-pjan għandhom l-għan li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tas-CSRs tal-2025 dwar l-enerġija rinnovabbli, l-infrastruttura u n-networks tal-enerġija, l-effiċjenza enerġetika u t-trasport.

(42)Fir-rigward tal-prijorità komuni tal-mezzi tad-difiża, il-pjan jinkludi riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament (ara l-premessa 32).

(43)Barra minn hekk, il-pjan jinkludi miżuri oħra ta’ politika li jmorru lil hinn mill-prijoritajiet komuni tal-UE, inkluż patt tal-istat federali biex jiġu aċċellerati l-proċeduri tal-ippjanar u tal-għoti tal-permessi, l-estensjoni tar-regoli biex jiġi limitat il-piż regolatorju ġenerali, u t-tisħiħ tal-Kunsill Nazzjonali għall-Kontroll Regolatorju bl-għan li tittejjeb is-sorveljanza tal-impatti regolatorji.

(44)Il-pjan jipprovdi informazzjoni dwar il-konsistenza u fejn xieraq, il-komplementarjetà, mal-RRP tal-Ġermanja. Il-pjan jinkludi miżuri mill-RRP bħall-iżvilupp, il-konverżjoni u l-kostruzzjoni ġdida ta’ networks tas-sħana newtrali għall-klima u l-kontinwazzjoni tal-finanzjament għat-tisħin u r-rinnovazzjoni għal bini effiċjenti. Barra minn hekk, dan jinkludi l-promozzjoni tal-elettromobbiltà permezz ta’ inċentivi tat-taxxa, eżenzjonijiet mit-taxxa fuq il-karozzi, appoġġ immirat għal unitajiet domestiċi b’introjtu baxx, u investiment fl-infrastruttura tal-iċċarġjar u mobbiltà tal-merkanzija b’emissjonijiet żero. Fl-aħħar nett, fih l-adozzjoni ta’ standards diġitali komuni għall-amministrazzjoni pubblika biex jiġi żgurat aċċess uniformi u mingħajr ostakli għas-servizzi amministrattivi.

(45)Il-pjan jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-ħtiġijiet ta’ investiment pubbliku tal-Ġermanja marbuta mal-prijoritajiet komuni tal-UE. Biex tiġi appoġġjata tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, il-pjan jiddikjara li huma meħtieġa investimenti sostanzjali fl-enerġija rinnovabbli, fil-grilji elettriċi, fl-effiċjenza enerġetika, fl-infrastruttura tal-idroġenu, fit-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, u fil-modernizzazzjoni diġitali tas-servizzi pubbliċi. Biex tissaħħaħ ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, huwa meħtieġ investiment biex jitnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi, tingħata spinta lir-riċerka u l-innovazzjoni, u tissaħħaħ il-kompetittività, b’mod partikolari permezz ta’ appoġġ għal teknoloġiji ewlenin bħall-mikroelettronika, l-IA, il-quantum, u l-bijoteknoloġija. Sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-enerġija, l-awtoritajiet Ġermaniżi jaraw il-ħtiġijiet ta’ investiment rigward l-infrastruttura tal-importazzjoni tal-LNG u l-impjanti tal-enerġija tal-gass flessibbli u b’emissjonijiet baxxi, maħsuba biex jappoġġjaw it-tranżizzjoni u jnaqqsu d-dipendenza fuq fornituri uniċi. Biex jinbnew il-mezzi tad-difiża, il-pjan jipprevedi investiment sinifikanti biex jitnaqqsu d-diskrepanzi fit-tagħmir, tissaħħaħ il-prontezza tal-Bundeswehr, u jiġu ssodisfati l-impenji tan-NATO, appoġġjati mill-fond speċjali tal-Bundeswehr u nfiq sostnut ogħla fid-difiża.

ATTIVAZZJONI TAL-KLAWŻOLA LIBERATORJA NAZZJONALI

(46)Il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern, li ltaqgħu f’Versailles fl-10 u l-11 ta’ Marzu 2022, impenjaw ruħhom li jsaħħu l-mezzi tad-difiża Ewropej fid-dawl tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna. Dawn l-għanijiet ġew imtennija fil-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża. Fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar id-difiża Ewropea tas-6 ta’ Marzu 2025, il-Kunsill Ewropew laqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrakkomanda l-attivazzjoni, b’mod koordinat u bħala miżura immedjata, il-klawżola liberatorja nazzjonali skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

(47)Fil-Komunikazzjoni tagħha tad-19 ta’ Marzu 2025 19 , il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri kollha biex jagħmlu użu mill-flessibbiltà pprovduta mill-klawżola liberatorja nazzjonali b’mod ikkoordinat bil-ħsieb li jiġi massimizzat l-impatt fuq il-mezzi tad-difiża tal-UE. Din il-flessibbiltà għandha l-għan li tiffaċilita t-tranżizzjoni lejn livelli ogħla ta’ nfiq fid-difiża fuq bażi permanenti. Dik il-Komunikazzjoni tiddeskrivi li l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali tippermetti lill-Istati Membri jiddevjaw mir-rati massimi ta’ tkabbir fin-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill meta japprovaw il-pjanijiet fiskali-strutturali fuq terminu medju jew meta jistabbilixxu l-perkorsi korrettivi skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, sal-punt li din id-devjazzjoni tkun iġġustifikata minn żieda fl-infiq fid-difiża meta mqabbla mas-sena ta’ referenza, u li l-eċċess annwali sal-2028 ma jaqbiżx il-1,5 % tal-PDG. Żidiet lil hinn minn dak l-ammont ikunu soġġetti għall-valutazzjonijiet normali tal-konformità. Massimu bħal dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li s-sostenibbiltà fiskali ma tiġix ipperikolata, filwaqt li l-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-flessibbiltà hekk kif jimxu lejn livell ogħla ta’ nefqa fid-difiża. L-ammonti eżatti se jiġu ddeterminati meta d-data tal-eżitu ssir disponibbli, biex jiġi żgurat li l-flessibbiltà addizzjonali tintuża biss għall-iskop maħsub tagħha.

(48)Fl-24 ta’ April 2025, il-Ġermanja ressqet talba lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, biex tattiva l-klawżola liberatorja nazzjonali skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(49)Fit-talba tagħha, il-Ġermanja tistabbilixxi li, f’kuntest ta’ tensjonijiet ġeopolitiċi akbar, il-gwerra ta’ aggressjoni kontinwa tar-Russja kontra l-Ukrajna u t-theddida tagħha għas-sigurtà Ewropea jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni, li tirrikjedi żieda sinifikanti fl-infiq fid-difiża. Din is-sitwazzjoni hija ċirkostanza eċċezzjonali barra mill-kontroll ta’ kull Stat Membru.

(50)In-nefqa totali tal-gvern estiż għad-difiża (id-diviżjoni COFOG 02) fil-Ġermanja ammontat għal 1,0 % tal-PDG fl-2021, 1,0 % fl-2022 u 1,1 % fl-2023 (Tabella 7). Abbażi tal-informazzjoni pprovduta fil-pjan fuq terminu medju, il-Ġermanja se tkun nefqet 1,2 % u 1,5 % tal-PDG fid-difiża fl-2024 u fl-2025 rispettivament. Barra minn hekk, il-Ġermanja tipprevedi li żżid b’mod sostanzjali n-nefqa fid-difiża tagħha lejn il-mira tan-NATO u li żżomm iż-żieda fin-nefqa fid-difiża matul il-leġiżlatura attwali. Għalhekk, iż-żieda fin-nefqa fid-difiża għandha impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi tal-Ġermanja.

Tabella 7: L-infiq totali fid-difiża fil-Ġermanja

2021 a

2022 a

2023 a

2024 b

2025 b

Nefqa totali fid-difiża tal-gvern estiż

(% tal-PDG)

1,0

1,0

1,1

1,2

1,5

Sors: a: il-Eurostat; b: l-informazzjoni mogħtija lill-Kunsill u lill-Kummissjoni mill-Ġermanja.

(51)Il-Ġermanja tistma li ż-żieda fin-nefqa totali fid-difiża bħala proporzjon għall-PDG mill-2021 sal-2025 se tkun ta’ madwar 0,5 punti perċentwali u għalhekk tikkontribwixxi għad-deterjorament tal-bilanċ tal-gvern u għaż-żieda tad-dejn tal-gvern.

(52)Jekk kollox jibqa’ kif inhu, żieda fin-nefqa matul il-perjodu kopert mill-klawżola liberatorja nazzjonali se twassal għal dejn ogħla tal-gvern u għal defiċit ogħla sa tmiem dak il-perjodu. Il-projezzjonijiet indikattivi tal-Kummissjoni u s-suppożizzjoni li sal-2028 jkun hemm adozzjoni lineari taż-żieda sħiħa fin-nefqa tal-gvern permessa mill-klawżola liberatorja nazzjonali jissuġġerixxu li l-proporzjon tad-defiċit għall-PDG u l-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2028 ikunu 2,5 punti perċentwali u 4,8 punti perċentwali ogħla, rispettivament, milli jekk in-nefqa netta tikber skont il-gwida preċedenti tal-Kummissjoni. Dan x’aktarx ikun jeħtieġ aġġustament fiskali addizzjonali wara l-perjodu ta’ attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-qafas fiskali 20 , inkluż biex jiġi żgurat li l-proporzjon tad-dejn jitqiegħed jew jibqa’ fuq perkors plawżibbli ’l isfel sa tmiem il-perjodu ta’ aġġustament jew jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-PDG, u jġib u jżomm id-defiċit tal-gvern taħt it-3 % tal-PDG fuq it-terminu medju. Il-Ġermanja tirrikonoxxi fil-pjan u fl-applikazzjoni tagħha għall-klawżola liberatorja nazzjonali li, fil-futur, nefqa strutturali ogħla fid-difiża tista’ tirrikjedi politiki li jippreservaw is-sostenibbiltà fiskali u l-konformità mar-regoli fiskali fuq terminu medju. Iż-żieda limitata projettata fil-livelli tad-defiċit u tad-dejn ikkawżata mill-klawżola liberatorja nazzjonali, flimkien mal-impenn tal-Ġermanja li timplimenta l-aġġustament meħtieġ biex tissodisfa r-rekwiżiti kollha tal-qafas fiskali fiċ-ċiklu ta’ pjanijiet li jmiss, tiżgura li s-sostenibbiltà fiskali tiġi ppreservata fuq terminu medju.

(53)Id-data dwar in-nefqa fid-difiża tal-gvern estiż tiġi kkompilata u rilaxxata mill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika u mill-Eurostat, skont il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Funzjonijiet tal-Gvern (COFOG, Classification of the Functions of Government) fil-qafas tas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet Nazzjonali (ESA2010, European System of National Accounts). Din id-data hija xierqa biex jiġi vvalutat l-impatt tal-infiq fid-difiża fuq id-defiċit, id-dejn u n-nefqa netta tal-gvern, u kunċetti relatati. Il-Eurostat, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika, se jistabbilixxi proċess ta’ ġbir ta’ data. Il-punt tat-tluq għandu jkun il-kategoriji ta’ Difiża COFOG, filwaqt li titqies ukoll id-definizzjoni tan-NATO u tinżamm il-possibbiltà li jiġu indirizzati anomaliji li jistgħu jkunu attribwibbli għal differenzi fis-sistemi ta’ rapportar annwali rispettivi. Il-proċess tal-ġbir tad-data jeħtieġ li jkun allinjat mal-iskadenzi għar-rapportar tal-PDE.

(54)Barra minn hekk, għal xi wħud mill-kuntratti għal tagħmir militari ffirmati matul il-perjodu ta’ attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali, il-kunsinna tista’ sseħħ fi stadju aktar tard, u għalhekk ikollha impatt fuq il-finanzi pubbliċi biss wara l-perjodu ta’ attivazzjoni tal-klawżola. Biex tiġi indirizzata din l-eventwalità, il-flessibbiltà mogħtija skont il-klawżola liberatorja nazzjonali jenħtieġ li tapplika wkoll għan-nefqa tad-difiża marbuta ma’ tali konsenja aktar tard, dment li l-kuntratti korrispondenti jkunu ġew iffirmati matul il-perjodu ta’ attivazzjoni tal-klawżola u li dan id-dewmien fl-infiq għad-difiża jibqa’ fil-massimu ġenerali msemmi hawn fuq.

(55)In-nefqa ffinanzjata mis-self ipprovdut mill-istrument il-ġdid ta’ Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE, Security Action for Europe) għat-tisħiħ tal-industrija Ewropea tad-difiża, se tibbenefika awtomatikament mill-flessibbiltà msemmija hawn fuq. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jirrapportaw lill-Eurostat in-nefqiet kollha relatati mad-difiża li jsiru skont l-Istrument SAFE skont il-kategoriji “prodotti tad-difiża” u “prodotti oħra għal skopijiet ta’ difiża” kif definit fil-proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-Istrument SAFE.

(56)Din ir-rakkomandazzjoni ma timmodifikax id-definizzjonijiet tad-defiċit, id-dejn u n-nefqa netta tal-gvern, u l-kunċetti relatati. Id-data bbażata fuq dawn il-kunċetti trid tiġi kkompilata u rrapportata mill-Ġermanja f’konformità mar-Regolamenti (UE) 2024/1263, Nru 479/2009 u Nru 549/2013.

Konklużjoni tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Ġermanja

(57)B’mod ġenerali, minħabba l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-pjan tal-Ġermanja jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.

KONKLUŻJONI ĠENERALI dwar il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Ġermanja

(58)F’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1263, jenħtieġ li r-rati massimi ta’ tkabbir fin-nefqa netta skont l-impenn meħud fil-pjan jiġu rrakkomandati mill-Kunsill lill-Ġermanja, u jenħtieġ li jiġi approvat is-sett ta’ riformi u ta’ investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament għal 7 snin.

B’DAN JIRRAKKOMANDA

1.Matul il-perjodu 2025–2029, il-Ġermanja tiżgura li t-tkabbir fin-nefqa netta ma jaqbiżx il-massimi stabbiliti fl-Anness I ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

2.Matul il-perjodu 2025–2028, il-Ġermanja titħalla tiddevja minn, u taqbeż, ir-rati massimi ta’ tkabbir fin-nefqa netta stabbiliti mill-punt 1 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni sa fejn in-nefqa netta li taqbeż ir-rati massimi ta’ tkabbir ma tkunx aktar minn:

(a)iż-żieda fin-nefqa fid-difiża f’perċentwal tal-PDG mill-2021;

(b)dment li d-devjazzjoni li taqbeż ir-rati massimi ta’ tkabbir fin-nefqa netta ma taqbiżx il-1,5 fil-mija tal-PDG.

3.Fis-snin wara l-2028, il-Ġermanja xorta tista’ tiddevja minn u taqbeż ir-rati massimi ta’ tkabbir fin-nefqa netta kif stabbiliti minn Rakkomandazzjoni tal-Kunsill f’konformità mal-Artikoli 17 jew 19 tar-Regolament (UE) 2024/1263, sal-punt li n-nefqa netta li taqbeż dawn ir-rati massimi ta’ tkabbir tkun relatata ma’ konsenji ta’ tagħmir militari kkuntrattat qabel tmiem l-2028 u tibqa’ fil-massimu ġenerali imsemmi hawn fuq.

4.F’konformità mal-Artikolu 22(7) tar-Regolament (UE) 2024/1263, id-devjazzjonijiet mir-rati massimi ta’ tkabbir fin-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill li huma permessi b’din ir-Rakkomandazzjoni mhux se jiġu rreġistrati bħala debiti fil-kont ta’ kontroll tal-Ġermanja.

5.Sabiex tiġi żgurata r-reġistrazzjoni korretta tan-nefqa addizzjonali, il-Ġermanja trid tinkludi data attwali u ppjanata dwar in-nefqa totali fid-difiża (id-diviżjoni 02 tal-COFOG) inkluż l-investiment fid-difiża (id-diviżjoni 02 P.51 tal-COFOG) u kwalunkwe nefqa li għandha tiġi ffinanzjata mis-self SAFE li mhix koperta fil-COFOG-02:

(a)għas-snin T-4, T-3, T-2 u T-1 (bis-sena T tkun is-sena kurrenti) fir-rapportar lill-Kummissjoni (Eurostat) f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009;

(b)għas-snin 2021 sas-sena T (is-sena kurrenti), fil-pjanijiet strutturali fiskali nazzjonali fuq terminu medju u fir-rapporti ta’ progress annwali f’konformità mal-Artikoli 11(1) u 15, u 21(1) tar-Regolament (UE) 2024/1263;

(c)għas-snin T (is-sena attwali) u T+1 fl-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 473/2013.

6. Il-Ġermanja timplimenta s-sett ta’ riformi u ta’ investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament fiskali għal 7 snin, kif stabbilit fl-Anness II ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, sal-iskadenzi indikati.

Barra minn hekk, il-Kunsill jistieden lill-Ġermanja biex tiżgura t-twettiq ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b’mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-Unjoni.



ANNESS I

Rati massimi ta’ tkabbir fin-nefqa netta 
(rati ta’ tkabbir annwali u kumulattiv, f’termini nominali)

Il-Ġermanja

Snin

2025

2026

2027

2028

2029

Rati ta’ tkabbir (%)

Annwali

4,4

4,5

2,3

1,7

1,6

Kumulattiv (*)

4,4

9,0

11,5

13,3

15,2

(*) Ir-rati ta’ tkabbir kumulattiv huma kkalkulati b’referenza għas-sena bażi tal-2024. Ir-rati ta’ tkabbir kumulattiv huma użati fil-monitoraġġ annwali tal-konformità ex post fil-kont ta’ kontroll.

ANNESS II

Sett ta’ riformi u investimenti li jirfed l-estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament għal 7 snin

Riforma / investiment

Objettiv ewlieni

Deskrizzjoni u twaqqit tal-passi ewlenin

Indikatur(i) ta’ monitoraġġ

L-operazzjonalizzazzjoni tal-Fond Speċjali għall-Infrastruttura u n-Newtralità Klimatika

(miżura ġdida)

Jiġi speċifikat il-qafas finanzjarju biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet urġenti ta’ investiment pubbliku għall-infrastruttura nazzjonali.

Wara l-ħolqien tal-Fond Speċjali għall-Infrastruttura u n-Newtralità Klimatika, se jkun hemm leġiżlazzjoni li tistabbilixxi r-regoli dwar kif għandhom jintefqu l-fondi, b’mod partikolari l-kriterju tal-addizzjonalità għall-investiment.

Pass 1: Sat-tielet trimestru tal-2025, jiġu adottati l-liġijiet għall-ħolqien tal-Fond Speċjali għall-Infrastruttura u n-Newtralità Klimatika.

Pass 1: Dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni

Allowance għar-riċerka biex tappoġġja r-R&Ż

(miżura ġdida)

Issaħħaħ l-attivitajiet kummerċjali tar-R&Ż permezz ta’ inċentivi fiskali.

Pass 1: Sal-ewwel trimestru tal-2026, tiġi adottata liġi dwar l-estensjoni tal-bażi għat-taxxa u n-nefqa eliġibbli tal-allowance għar-riċerka.

Pass 1: Dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni

Tnaqqis tal-piż amministrattiv

(miżura ġdida)

Tnaqqas il-piżijiet burokratiċi fuq in-negozji, iċ-ċittadini u l-amministrazzjoni.

Il-miżuri ta’ rimedju se jiġu raggruppati f’liġijiet dwar it-tnaqqis tal-piż amministrattiv.

Pass 1: Sar-raba’ trimestru tal-2027, tiġi adottata leġiżlazzjoni dwar it-tnaqqis tal-piż amministrattiv.

Pass 1: Adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni 

Simplifikazzjoni tal-liġi dwar l-akkwist għall-Forzi Armati

(miżura ġdida)

Tnaqqas il-burokrazija żejda u tippermetti l-investiment billi tissimplifika l-liġi tal-akkwist għall-Forzi Armati Federali.

Pass 1: Sat-tieni trimestru tal-2026, jiġu ssimplifikati l-liġijiet dwar l-akkwist għall-Forzi Armati billi jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni għal proċeduri ta’ akkwist simplifikati, jitħaffu u jiġu diġitalizzati l-proċeduri.

Pass 1: Dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni

Simplifikazzjoni tal-liġi dwar l-akkwist

(miżura ġdida)

Tnaqqas il-burokrazija żejda u tippermetti l-investiment billi tissimplifika l-liġi tal-akkwist.

Pass 1: Sat-tieni trimestru tal-2026, jiġu ssimplifikati l-liġijiet tal-akkwist billi jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni għal proċeduri ta’ akkwist simplifikati, jitħaffu u jiġu diġitalizzati l-proċeduri.

Pass 1: Dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni

L-iffaċilitar tal-impjieg wara li tintlaħaq l-età tal-irtirar

(miżura ġdida)

Ittejjeb il-provvista ta’ ħaddiema billi tneħħi d-diżinċentivi biex jitkompla x-xogħol wara l-età regolari tal-irtirar.

Pass 1: Sat-tieni trimestru tal-2026, titneħħa l-projbizzjoni ta’ qabel l-impjieg biex jiġi ffaċilitat ir-ritorn temporanju fis-suq tax-xogħol wara li tintlaħaq l-età tal-irtirar billi tinbidel il-leġiżlazzjoni rilevanti.

Pass 1: Dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni

Punt uniku ta’ servizz diġitali għal ċittadini kwalifikati ta’ pajjiżi terzi

(miżura ġdida)

Ittejjeb il-provvista ta’ ħaddiema billi tiffaċilita l-migrazzjoni ta’ dawk bi kwalifiki għoljin.

Pass 1: Sar-raba’ trimestru tal-2029, tniedi pjattaforma ċentrali tal-IT għall-professjonisti barranin.

Pass 1: Tnedija ta’ pjattaforma pubblika online tal-IT

L-espansjoni tal-opportunitajiet ta’ xogħol għar-residenti temporanji

(miżura ġdida)

Ittejjeb il-provvista ta’ ħaddiema billi żżid il-parteċipazzjoni tar-refuġjati fis-suq tax-xogħol.

Pass 1: Sar-raba’ trimestru tal-2028, jitnaqqsu l-projbizzjonijiet fuq ix-xogħol għar-refuġjati għal massimu ta’ 3 xhur billi tinbidel il-leġiżlazzjoni rilevanti.

Pass 1: Dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni

Estensjoni tat-taxxa fuq it-tabakk

(miżura ġdida)

Tissalvagwardja d-dħul mit-taxxa u ssaħħaħ il-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

Pass 1: Sar-raba’ trimestru tal-2026, tiġi adottata liġi għal estensjoni tal-mudell tat-taxxa fuq it-tabakk.

Pass 1: Dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni

L-iffaċilitar tal-investiment fl-akkomodazzjoni (Akkomodazzjoni Turbo)

(miżura ġdida)

Iżżid l-investiment fl-akkomodazzjoni billi tissimplifika r-regolamenti dwar il-kostruzzjoni tal-akkomodazzjoni.

Pass 1: Sal-ewwel trimestru tal-2026, tiġi ssimplifikata l-leġiżlazzjoni għall-kostruzzjoni tal-akkomodazzjoni permezz ta’ eżenzjonijiet temporanji mir-regoli, ippjanar aktar flessibbli, regolamenti speċjali estiżi, u linji gwida aktar ċari dwar il-kunflitti tal-istorbju.

Pass 1: Dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni

Twaqqif ta’ fond ta’ Kapital ta’ Riskju appoġġjat mill-gvern

(miżura ġdida)

Ittejjeb l-aċċess għall-finanzjament għall-kumpaniji start-ups billi timmobilizza l-kapital minn investituri istituzzjonali.

Pass 1: Sar-raba’ trimestru tal-2026, jibda l-ġbir ta’ fondi għall-“Fond għat-Tkabbir II” immirat lejn l-investituri istituzzjonali bil-gvern bħala investitur ankra.

Pass 1: Ittra ta’ speċifikazzjoni għal fond VC

Rapport dwar is-sussidji tal-gvern

(miżura ġdida)

Tiffaċilita t-tfassil tal-politika fiskali, billi turi l-effiċjenza u l-effettività tas-sussidji.

Pass 1: Sar-raba’ trimestru tal-2025, jiġi ppubblikat l-ewwel rapport federali dwar is-sussidji li janalizza l-impatt tal-programmi sussidjati skont il-linji gwida tal-politika dwar is-sussidji.

Pass 2: Sat-tielet trimestru tal-2027, jiġi ppubblikat it-tieni rapport federali dwar is-sussidji li janalizza l-impatt tal-programmi sussidjati skont il-linji gwida tal-politika dwar is-sussidji.

Pass 1: Pubblikazzjoni tal-ewwel rapport dwar is-sussidji

Pass 2: Pubblikazzjoni tat-tieni rapport dwar is-sussidji.

Rieżamijiet tal-infiq

(miżura ġdida)

Tinforma t-tfassil tal-politika fiskali, billi tidentifika oqsma potenzjali għall-iffrankar tal-kostijiet jew l-allinjament mill-ġdid tal-infiq eżistenti ma’ prijoritajiet ġodda ta’ nfiq.

L-ewwel rieżami tal-infiq (li huwa t-12-il rieżami tal-infiq tal-MoF) se jkun dwar it-titjib tal-ibbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni. Iż-żewġ rieżamijiet tal-infiq li jmiss mill-anqas, se jkunu fuq oqsma ta’ politika importanti li jkopru miżuri eżistenti, programmi ta’ appoġġ, servizzi statutorji kif ukoll suġġetti trażversali identifikati fi ħdan l-ambitu sħiħ tal-baġit. Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-rieżamijiet tal-infiq se jiġu applikati fil-proċess tal-ippjanar tal-baġit.

Pass 1: Sar-raba’ trimestru tal-2025, jiġi ppubblikat l-ewwel rieżami tal-infiq.

Pass 2: Sar-raba’ trimestru tal-2028, jiġi ppubblikat it-tieni rieżami tal-infiq. 
Pass 3: Sar-raba’ trimestru tal-2029, jiġi ppubblikat it-tielet rieżami tal-infiq. Il-valutazzjoni se ssir fil-ħin tal-pubblikazzjoni.

Pass 1: Pubblikazzjoni tal-ewwel rieżami tal-infiq.

Pass 2: Pubblikazzjoni tat-tieni rieżami tal-infiq. 
Pass 3: Pubblikazzjoni tat-tielet rieżami tal-infiq.

It-titjib tal-kundizzjonijiet għall-investimenti fl-enerġija ġeotermali

(miżura ġdida)

Tneħħi l-ostakli għall-investiment billi tissimplifika r-regolament għall-investimenti fl-enerġija ġeotermali.

Pass 1: Sat-tieni trimestru tal-2026, jiġu ssimplifikati l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni permezz ta’ Att dwar l-Aċċellerazzjoni tal-Enerġija Ġeotermali.

Pass 1: Dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni

It-titjib tal-kundizzjonijiet għall-investimenti fl-idroġenu 

(miżura ġdida)

Tneħħi l-ostakli għall-investiment billi tissimplifika r-regolament għall-investimenti fl-idroġenu.  

Pass 1: Sat-tielet trimestru tal-2026, jiġu ssimplifikati l-proċeduri tal-ippjanar, tal-għoti ta’ permessi u tal-akkwist relatati permezz ta’ Att dwar l-Aċċellerazzjoni tal-Idroġenu. 

Pass 1: Dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni 

Grupp ta’ ħidma Federal-Länder għal amministrazzjoni pubblika effiċjenti (riforma tal-RRP 6.2.1) 

Il-governanza ssir aktar effettiva, orjentata lejn il-futur u favur l-innovazzjoni; Il-koordinazzjoni tal-proċeduri tal-ippjanar u l-għoti tal-permessi fil-livell Federali u tal-Länder. 

Il-grupp ta’ ħidma huwa stabbilit biex jippubblika rapporti mill-grupp ta’ ħidma b’rakkomandazzjonijiet dwar l-għotjiet, l-ippjanar u l-għoti tal-permessi. 

Pass 1: Sat-tieni trimestru tal-2021, jintemm l-ewwel rapport ta’ progress b’rakkomandazzjoni

Pass 2: Sat-tieni trimestru tal-2022, jintemm it-tieni rapport ta’ progress

Pass 3: Sal-ewwel trimestru tal-2025, jiġu ffinalizzati mill-inqas 80 % tal-miżuri mit-2 rapport ta’ progress. 

Pass 1: Pubblikazzjoni tal-ewwel rapport ta’ progress 

Pass 2: Pubblikazzjoni tat-tieni rapport ta’ progress 

Pass 3: Jitlestew 80 % tal-azzjonijiet mit-tieni rapport ta’ progress 

(monitoraġġ permezz tal-RRF)  

L-Att dwar l-Enerġija mir-Riħ fuq il-baħar   
(riforma tal-RRP 7.1.5) 

Il-ħolqien tal-kundizzjonijiet għal varar aċċellerat ta’ turbini eoliċi fuq il-baħar. 

Pass 1: Sal-ewwel trimestru tal-2023, jitnaqqsu l-ostakli għall-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli u l-infrastruttura tal-grilja meħtieġa billi jiġu ssimplifikati l-proċeduri tal-ippjanar u l-għoti tal-permessi għall-proġetti rilevanti. 

Pass 1: Dħul fis-seħħ tal-Att dwar l-Enerġija mir-Riħ fuq il-baħar

(monitoraġġ permezz tal-RRF) 

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj ).
(2)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L, 209, 2.8.1997, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1467/2024-04-30 ).
(3)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 306, 23.11.2011, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/85/2024-04-30 ).
(4)    In-nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/1263, jiġifieri n-nefqa tal-gvern netta minn (i) in-nefqa fuq l-imgħax, (ii) il-miżuri tad-dħul diskrezzjonali, (iii) in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, (iv) in-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) l-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad u (vi) miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
(5)    Il-gwida minn qabel trażmessa lill-Istati Membri u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tinkludi trajettorji mingħajr estensjoni u b’estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament (li jkopri 4 u 7 snin, rispettivament). Din tinkludi wkoll il-kundizzjonijiet inizjali ewlenin u s-suppożizzjonijiet sottostanti użati fil-qafas tal-projezzjoni tal-Kummissjoni tad-dejn tal-gvern fuq terminu medju. It-trajettorja referenzjarja ġiet ikkalkulata abbażi tal-metodoloġija deskritta fil-Monitoraġġ tas-Sostenibbiltà tad-Dejn 2023 tal-Kummissjoni ( https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/debt-sustainability-monitor-2023_mt ). Din hija bbażata fuq it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni Ewropea u l-estensjoni tiegħu fuq terminu medju sal-2034, u t-tkabbir tal-PDG fit-tul u l-kostijiet tat-tixjiħ huma konformi mar-Rapport konġunt tal-Kummissjoni u l-Kunsill tal-2024 dwar it-Tixjiħ ( https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/2024-ageing-report-economic-and-budgetary-projections-eu-member-states-2022-2070_en ).
(6)     https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/national-medium-term-fiscal-structural-plans_en#Germany
(7)    Inkluż fil-pjan Ġermaniż, p. 106 ff., https://economy-finance.ec.europa.eu/document/download/07601136-78f2-41dc-a188-4a5127acdb9c_en?filename=2025-08-19_MTFSP_Final_MT_BF_a.pdf .
(8)    L-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju tal-Ġermanja, 26.11.2024, C(2024) 9058 final.
(9)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Ġermanja, 08.07.2025.
(10)    L-Uffiċċju Federali Ġermaniż tal-Istatistika (DESTATIS) irreveda d-data għall-indikaturi makroekonomiċi rilevanti, bħaċ-ċifri tal-PDG mill-2008 sal-2024. Ir-riżultati tar-reviżjoni huma disponibbli fuq https://www.destatis.de/DE/Presse/Pressemitteilungen/2025/07/PD25_278_811.html .
(11)    Sors: il-Eurostat.
(12)    Il-pjan ma jinkludix informazzjoni dettaljata dwar it-trajettorja referenzjarja tal-Kummissjoni meħtieġa mill-Artikolu 13(b) u informazzjoni dwar l-obbligazzjonijiet impliċiti u kontinġenti meħtieġa mill-Artikolu 13(g) tar-Regolament (UE) 2024/1263.
(13)    Id-data għat-tieni trimestru, ippubblikata wara li ġie ppreżentat il-pjan, tiġġustifika wkoll id-differenza fid-deflatur tal-PDG tal-2025.
(14)    Ara pereż. Roeger et al (2008): Structural Reforms in the EU: A simulation-based analysis using the QUEST model with endogenous growth, https://ec.europa.eu/economy_finance/publications/pages/publication13531_en.pdf
(15)    Institut für Weltwirtschaft Kiel (2021): Analyse und Prognose von Migrationsbewegungen, https://www.ifw-kiel.de/fileadmin/Dateiverwaltung/IfW-Publications/fis-import/712bf76b-fed4-4ad6-b827-4a5a04f42a3b-wipo_34.pdf ; Destatis: 15. Koordinierte Bevölkerungsvorausberechnung, https://www.destatis.de/DE/Themen/Gesellschaft-Umwelt/Bevoelkerung/Bevoelkerungsvorausberechnung/begleitheft.html
(16)    is-CSRs meqjusa bħala “rilevanti” huma rakkomandazzjonijiet: i) imsemmija fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-miżuri inklużi fl-RRP u ii) adottata mill-Kunsill fl-2025.
(17)    Huwa preżunt u aċċettat li ż-żewġ perjodi se jikkoinċidu. Ir-rekwiżit li jinżamm il-livell ta’ investiment huwa maħsub li japplika għas-snin wara t-tmiem tal-ħajja tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.
(18)    Verantworung für Deutschland, Koalitionsvertrag zwischen CDU, CSU und SPD, 21. Legislaturperiode, https://www.koalitionsvertrag2025.de/sites/www.koalitionsvertrag2025.de/files/koav_2025.pdf
(19)

       Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (C(2025) 2000 finali) tad-19 ta’ Marzu 2025.

(20)    Ara l-addendum għad-Dokument Istituzzjonali 321 tal-ECFIN: “Assessment of the Fiscal Sustainability Condition for Member States Requesting the Activation of the National Escape Clause”, disponibbli hawnhekk: https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/assessment-fiscal-sustainability-condition-member-states-requesting-activation-national-escape_en