31975R1031



Official Journal L 102 , 22/04/1975 P. 0007 - 0007
Greek special edition: Chapter 03 Volume 12 P. 0050


Ir-Regolament (KEE) Nru 1031/75 Tal-Kummissjoni

tas-17 ta’ April 1975

li jiddefinixxi l-każ li fih is-sussidju fir-rigward taż-żerriegħa tal-qoton isir dovut u jkollu jitħallas

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1516/71 [1] tat-12 ta’ Lulju 1971 li jintroduċi sistema ta’ sussidji għaż-żerriegħa tal-qoton, u b’mod partikolari Artikolu 1(5) tiegħu,

Billi Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1134/68 [2] tat-30 ta’ Lulju 1968 li jippreskrivi r-regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 653/68 [3] dwar il-kondizzjonijiet għall-bidliet fil-valur tal-unità tal-kont użat fil-politika komuni agrikola, jipprovdi li għal transazzjonijiet mwettqa skond id-dispożizzjonijiet dwar il-politika komuni agrikola s-somom li huma dovuti minn Stat Membru jew minn korp debitament awtorizzat, espressi fil-munita nazzjonali u li jirrappreżentaw ammonti ffissati fl-unitajiet tal-kont għandhom jitħallsu fuq il-bażi tar-relazzjoni bejn l-unità tal-kont u l-munita nazzjonali kif kienet fiż-żmien li twettqet it-transazzjoni jew parti mit-transazzjoni;

Billi Artikolu 6 tar-Regolament (KEE) Nru 1134/68 jipprovdi li l-waqt li fih titwettaq transazzjoni għandu jitqies bħala d-data li fiha ssir il-ġrajja, kif definit mir-regoli tal-Komunità, jew, fin-nuqqas ta’, u sakemm isir l-adozzjoni ta’ regoli bħal dawk, mir-regoli ta’ l-Istat Membru konċernat, li fihom l-ammont involut fit-transazzjoni jsir dovut u jkollu jitħallas;

Billi l-ġrajja li fiha s-sussidju għaż-żerriegħa tal-qoton isir dovut u u jkollu jitħallas isseħħ fiż-żmien li fih jiġi prodott il-qoton; billi, iżda, huwa diffiċli ħafna li tiġi stabbilita d-data eżatta tal-produzzjoni ta’ lott partikolari;

Billi l-esperjenza wriet li produzzjoni tal-qoton titlesta kważi kollha kemm hi l-aktar tard matul ix-xahar ta’ Ottubru ta’ kull sena; billi sabiex tiġi żgurata operazzjoni uniformi tas-sistema tas-sussidji, ir-rata ta’ konverżjoni li trid tintuża biex jiġu kalkolati l-ammonti tas-sussidju fil-munita relevanti nazzjonali għandha tkun ir-rata applikabbli fl-aħħar ta’ dak ix-xahar;

Billi l-miżuri li għalihom jipprovdi dan ir-Regolament huma skond l-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni taż-Żjut u x-Xaħmijiet,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-każ skond it-tifsira ta’ Artikolu 6 tar-Regolament (KEE) Nru 1134/68 li fih is-sussidju għaż-żerriegħa tal-qoton isir dovut u u jkollu jitħallas għandu jitqies bħala li seħħ fl-1 ta’ Novembru li jiġi wara l-bidu ta’ kull sena tal-marketing.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Awissu 1975.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-17 ta’ April 1975.

Għall-Kummissjoni

P. J. Lardinois

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 160, tas-17.7.1971, p. 1.

[2] ĠU L 188, tal-1.8.1968, p. 1.

[3] ĠU L 123, tal-31.5.1968, p. 4.

--------------------------------------------------