2004L0060 — MT — 01.09.2004 — 000.002


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

ID-DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2004/60/KE

tat-23 ta' April 2004

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE sabiex tinkludi l-kinossifen bħala sustanza attiva

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 120, 24.4.2004, p.39)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2004/97/KE Test b’rilevanza għaż-ŻEE tas-27 ta' Settembru 2004

  L 301

53

28.9.2004




▼B

ID-DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2004/60/KE

tat-23 ta' April 2004

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE sabiex tinkludi l-kinossifen bħala sustanza attiva

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 2003 li tirrigwarda t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ( 1 ), kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/82/EC ( 2 ) u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, ir-Renju Unit irċieva fl-1 ta' Awissu 1995 applikazzjoni mingħand id-Dow Elanco Europe (issa d-Dow Agro Sciences), sabiex tiġi inkluża s-sustanza attiva kinossifen fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/457/KEE( ( 3 )) ikkonformat illi d-dossier kien “komplet” u li jista' jiġi kkunsidrat li jissodisfa, fil-prinċipju, il-ħtiġiet ta' l-informazzjoni u tat-tagħrif ta' l-Annessi II u III mad-Direttva 91/414/KEE.

(2)

Rigward din is-sustanza attiva, ġew stmati l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent, skond id-Disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/414/KEE, għall-użi proposti mill-applikant. L-Istat Membru rapporteur innominat, issottometta lill-Kummissjoni abbozz tar-rapport ta' stima li jirrigwarda s-sustanza fil-11 ta' Ottubru 1996.

(3)

L-abbozz tar-rapport ta' stima kien rivist mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni ġewwa l-Kumitat Permanenti tal-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali. Ir-rivista kienet iffinalizzata fit-28 ta' Novembru 2003 fil-format tar-rapport ta' rivista tal-Kummissjoni għall-kinossifen.

(4)

Id-dokumenti u t-tagħrif ġew issottomessi wkoll lill-Kumitat Xjentifiku tal-Pjanti għal konsultazzjoni separata. Il-Kumitat kien mitlub li jikkummenta dwar l-akkumulazzjoni tas-sustanza fil-ħamrija u dwar l-impatt ambjentali potenzjali tagħha. Fl-opinjoni tiegħu ( 4 ), il-Kumitat innota illi l-istudji disponibbli u l-istudju fuq il-post rigward id-degredazzjoni tal-materjal organiku (l-istudju tal-borża taż-żibel) b'mod partikolari ma wrewx b'mod konvinċenti impatt aċċettabbli fuq l-ambjent, fil-biċċa l-kbira minħabba s-saħħa statistika mhux biżżejjed tad-disinn sperimentali. Il-Kumitat innota iktar mnn hekk illi frazzjon tal-kinossifen applikat jista' jisparixxi fl-arja wara li jiġi applikat fuq wiċċ tar-raba'. Għalkemm ir-riżultati disponibbli jindikaw dekomposizzjoni rapida tas-sustanza fl-arja, il-Kumitat issuġġerixxa illi l-kejl tan-nofs ħajja għandu jiġi mtenni wara li jkunu ġew żviluppati skemi approprjati sabiex jistmaw ir-riskji ambjentali tat-trasport atmosferiku tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Din ir-rakkommandazzjoni tal-kumitat tqieset fir-rapport ta' rivista tas-sustanza attiva.

L-istudju insuffiċjenti fuq il-post dwar il-qsim waħda waħda tal-materja organika ġie mtenni bi protokoll ta' test ta' livell ogħla. Ma ġie nnotat l-ebda effett tal-kinossifen fuq id-dekomposizzjoni tal-materjal organiku.

(5)

Skond l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 91/414/KEE u bil-ħsieb ta' deċiżjoni possibbilmemt sfavorevoli għall-kinossifen, il-Kummissjoni organizzat laqgħa tripartita ma' min kien issottometta l-informazzjoni ewliena u l-Istat Membru rapporteur fit-13 ta' Frar 2003. Dak li kien issottometta l-informazzjoni ewliena pprovda iktar informazzjoni sabiex jissodisfa t-tħassib ta' l-ewwel.

(6)

Mill-eżaminjiet varji magħmula, deher illi l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-kinossifen jistgħu jiġu mistennija li jissodisfaw, b'mod ġenerali, il-ħtiġiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) u l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 91/4143/KEE, b'mod partikolari rigward l-użi li kienu eżaminati u dettaljati fir-rapport ta' rivista tal-Kummissjoni. Huwa għalhekk approprjat li l-kinossifen jiġi inkluż fl-Anness II, sabiex jiġi żgurat illi fl-Istati Membri lkoll ikunu jistgħu jiġu konċessi l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom din is-sustanza attiva skond id-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

(7)

Ir-rapport ta' rivista tal-Kummissjoni huwa meħtieġ sabiex jiġu implimentati kif jixraq mill-Istati Membri numru ta' taqsimiet tal-prinċipji uniformi stabbiliti fid-Direttiva 91/414/KEE. Huwa għalhekk approprjat li jiġi pprovvdut li r-rapport iffinalizzat tar-rivista, għajr għat-tagħrif kunfidenzjali fit-tifsira ta' l-Artikolu 14 tad-Direttiva 91/414/KEE, għandu jinżamm disponibbli, jew jintgħamel disponibbli mill-Istati Membri għall-konsultazzjoni minn kull parti interessata.

(8)

Wara l-inklużjoni, l-Istati Membri għandhom jiġu permessi perjodu raġjonevoli taż-żmien sabiex jimplimentaw id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 91/414/LEE rigward il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom il-kinossifen u b'mod partikolari sabiex jagħmlu rivista ta' l-awtorizzazzjonijiet proviżorji eżistenti u, l-iktar tard sat-tmiem ta' dan il-perjodu taż-żmien, sabiex jittrasformaw dawn l-awtorizzazzjonjiet f'awtorizzazzjonijiet kompleti, sabiex jemendawhom jew sabiex jirtirawhom skond id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 91/414/KEE.

(9)

Huwa għalhekk approprjat li d-Direttiva 91/414/KEE tiġi emendata kif jixraq.

(10)

Il-miżuri pprovduti f'din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:



Artikolu 1

L-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE huwa emendat kif iddikjarat fl-Anness ma' din id-Direttiva.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw mhux iktar tard mit-28 ta' Frar 2005 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

Għandhom japplikaw dawn id-disposizzjonijiet mill-1 ta' Marzu 2005.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkazzjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif trid issir din ir-referenza.

Artikolu 3

1.  L-Istati Membri għandhom jagħmlu rivista ta' l-awtorizzazzjoni għal kull wieħed mill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fih il-kinossifen sabiex jiżguraw illi jkunu skond il-kondizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mas-sustanzi attivi ddikjarati fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE. Meta meħtieġ, għandhom jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni skond id-Direttiva 91/414/KEE qabel it-28 ta' Frar 2005.

▼M1

2.  Għal kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzat li fih il-quinoxyfen jew bħala l-unika sustanza attiva jew bħala waħda minn għadd ta’ sustanzi attivi li kollha kienu elenkati f’Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE sal-31 ta’ Awissu 2004 l-iktar tard, l-Istati Membri għandhom jevalwaw mill-ġdid il-prodott skond il-prinċipji uniformi msemmija f’Anness VI tad-Direttiva 91/414/KEE, fuq il-bażi ta’ inkartament li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ Anness III ta’ dik id-Direttiva. Fuq il-bażi ta’ dik l-evalwazzjoni, huma għandhom jiddeterminaw jekk il-prodott jissodisfax il-kondizzjonijiet imniżżla f’Artikolu 4(1)(b), (c), (d) u (e) tad-Direttiva 91/414/KEE

Wara li jiddeterminaw dan, l-iStati Membri għandhom:

(a) fil-każ ta’ prodott li jkun fih il-quinoxyfen bħala l-unika sustanza attiva, fejn meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sat-28 ta’ Frar 2006 l-iktar tard; jew

(b) fil-każ ta’ prodott li jkun fih il-quinoxyfen bħala waħda minn għadd ta’ sustanzi attivi, fejn meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sat-28 ta’ Frar 2006 jew sad-data ffissata għal dan it-tip ta’ emenda jew irtirar fid-Direttiva jew Direttivi rispettivi li żiedu s-sustanza jew sustanzi rilevanti f’Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE, skond liema data tkun l-iktar tard.

▼B

Artikolu 4

Din is-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2004.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS

Fl-Anness I il-filliera li ġejja għandha tiżdied fit-tarf tat-tabella:



“In-Nru

L-Isem komuni, In-Numri ta' l-identifikazzjoni

L-Isem tal-IUPAC

- Is-safa, (1)

Id-Dħul fis-seħħ

L-Iskadenza ta' l-inklużjoni

Specific provisionsDisposizzjonijiet speċifiċi

83

Il-Kinossifen

CAS Nru 124495-18-7

Nru tas-CIPAC 566

Il-5, 7 –dikloro-4(ż-fluworofenossi) kinolin

970 g/kg

L1 ta' Settembru 2004

Il-31ta' Awissu 2014

Jistgħu jiġu awtorizzati biss l-użi bħala funġiċida

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi ta' l-Anness VI, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' rivista dwar il-kinossifen, u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II ta' miegħu, kif iffinalizzati fil-Kumitat Permanenti tal-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali fit-28 ta' Novembru 2003

L-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni ta' l-organiżmi akkwatiċi. Iridu jiġu applikati miżuri tat-taffija tar-riskji u jridu jinbdew programmi tal-monitoraġġ fiż-żoni vulnerabbli meta approprjat.

(1)   Aktar dettalji fuq l-identità u l-ispeċifikazzjoni ta' sostanzi attivi huma provduti fir-rapport ta' l-eżami”



( 1 ) ĠU L 230, tad-19.8.1991, pġ. 1.

( 2 ) ĠU L 77, tat-13.3.2002, pġ. 50.

( 3 ) ĠU L 189, tat-30.7.1996, pġ. 112.

( 4 ) Opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku tal-Pjanti li tirrigwarda l-inklużjoni tal-kinossifen fl-Anness I mad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tirrigwarda t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. (SCP/QUINOX/002-finali, adottata fis-7 ta’ Marzu 2001.)