12005S/AFI/ECL/N01

Att finali - III.Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumania dwar proċedura ta' informazzjoni u konsultazzjoni għall-adozzjoni ta' ċerti deċiżjonijiet u miżuri oħra li għandhom jittieħdu matul il-perjodu ta' qabel l-adeżjoni - ANNESS - Proċedura ta' informazzjoni u konsultazzjoni għall-adozzjoni ta' ċerti deċiżjonijiet u miżuri oħra li għandhom jittieħdu matul il-perjodu ta' qabel l-adeżjoni

Official Journal L 157 , 21/06/2005 P. 0394 - 0395


ANNESS

Proċedura ta' informazzjoni u konsultazzjoni għall-adozzjoni ta' ċerti deċiżjonijiet u miżuri oħra li għandhom jittieħdu matul il-perjodu ta' qabel l-adeżjoni

I.

1. Sabiex ikun żgurat li r-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija, minn hawn 'il quddiem imsejħa "l-Istati aderenti", jinżammu infurmati adegwatament, kull proposta, komunikazzjoni, rakkomandazzjoni jew inizjattiva li tista' twassal għal xi deċiżjoni mill-istituzzjonijiet jew korpi ta' l-Unjoni Ewropea għandha tiġi mgħarrfa lill-Istati aderenti wara li tiġi mibgħuta lill-Kunsill.

2. Il-konsultazzjonijiet għandhom isiru fuq talba motivata minn Stat aderenti, li fiha għandu jistipula espressament l-interessi tiegħu bħala membru futur ta' l-Unjoni flimkien ma' l-osservazzjonijiet tiegħu.

3. Bħala regola ġenerali, deċiżjonijiet amministrattivi ma għandhomx jagħtu lok għal konsultazzjonijiet.

4. Il-konsultazzjonijiet għandhom isiru fi ħdan ta' Kumitat Interim magħmul minn rappreżentanti ta' l-Unjoni u mill-Istati aderenti. Ħlief għal oġġezzjoni motivata minn Stat aderenti, il-konsultazzjonijiet jistgħu jsiru wkoll fil-forma ta' skambju ta' messaġġi b'mezzi elettroniċi, partikolarment fil-politika estera u ta' sigurtà komuni.

5. Min-naħa ta' l-Unjoni, il-membri tal-Kumitat Interim għandhom ikunu l-membri tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti jew persuni magħżula minnhom għal dan l-iskop. Fejn jaqbel, il-membri jistgħu jkunu l-Membri tal-Kumitat Politiku u tas-Sigurtà. Il-Kummissjoni għandha tiġi mistiedna biex tkun rappreżentata f'dan ix-xogħol.

6. Il-Kumitat Interim għandu jkun mgħejun minn Segretarjat, li għandu jkun dak tal-Konferenza, li għandu jitkompla għal dan l-iskop.

7. Il-konsultazzjonijiet għandhom normalment isiru hekk kif ix-xogħol preparatorju magħmul fil-livell ta' l-Unjoni bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet jew posizzjonijiet komuni mill-Kunsill ikun ipproduċa linji gwida komuni li jippermettu li dawn il-konsultazzjonijiet isiru b'mod utli.

8. Jekk wara konsultazzjonijiet jifdal xi diffikultajiet serji, il-kwistjoni tista' titqajjem f'livell ministerjali fuq talba ta' Stat aderenti.

9. Id-disposizzjonijiet ta' hawn fuq għandhom japplikaw mutatis mutandis għad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment.

10. Il-proċedura stipulata fil-paragrafi ta' hawn fuq għandha tapplika wkoll għal kull deċiżjoni li għandha tittieħed mill-Istati aderenti li tista' taffettwa l-impenji li jirriżultaw mill-posizzjoni tagħhom bħala membri futuri ta' l-Unjoni.

II.

11. L-Unjoni u r-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-adeżjoni tagħhom għall-ftehim jew konvenzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3(3), 6(2) and 6(6) tal-Protokoll dwar il-kondizzjonijiet u l-arranġamenti għad-dħul tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 3(3), 6(2) u 6(6) ta' l-Att dwar il-kondizzjonijiet ta' l-Adeżjoni tar-Republika tal-Bulgarija u r-Rumanija tikkoinċidi sa fejn ikun possibbli, u taħt il-kondizzjonijiet stipulati f'dak il-Protokoll u f'dak il-Att, mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Adeżjoni.

12. Sakemm il-ftehim jew il-konvenzjonijiet fost l-Istati Membri jeżistu biss bħala abbozz u x'aktarx ma jistgħux jiġu ffirmati fil-perjodu ta' qabel l-adeżjoni, l-Istati aderenti ser jiġu mistiedna, wara l-iffirmar tat-Trattat ta' Adeżjoni u skond il-proċeduri xierqa, biex jassoċjaw ruħhom mat-tħejjija ta' dawk l-abbozzi fi spirtu pożittiv u b'mod li jiffaċilita l-konklużjoni tagħhom.

13. Fir-rigward tan-negozjati mal-partijiet ko-kontraenti tal-protokolli msemmija fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 6(2) tal-Protokoll dwar il-kondizzjonijiet u l-arranġamenti għad-dħul tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea u fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 6(2) ta' l-Att dwar il-kondizzjonijiet ta' l-Adeżjoni tal-Republika tal-Bulgarija u tar-Rumanija, ir-rappreżentanti ta' l-Istati aderenti għandhom ikunu assoċjati max-xogħol bħala osservaturi, maġenb ir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri attwali.

14. Ċerti ftehim non-preferenzjali konklużi mill-Komunità, li jibqgħu fis-seħħ wara d-data ta' l-adeżjoni, jistgħu jkunu soġġetti għal adattazzjonijiet jew aġġustamenti sabiex jittieħed kont tat-tkabbir ta' l-Unjoni. Dawn l-adattamenti jew aġġustamenti ser ikunu nnegozjati mill-Komunità f'assoċjazzjoni mar-rappreżentanti ta' l-Istati aderenti skond il-proċedura msemmija fil-paragrafu preċedenti.

III.

15. L-istituzzjonijiet għandhom, eventwalment, ifasslu t-testi msemmija fl-Artikoli 58 u 60 tal-Protokoll u fl-Artikoli 58 u 60 ta' l-Att dwar il-kondizzjonijiet ta' l-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija. Għal dak il-għan, il-Gvernijiet tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija għandhom jipprovdu lill-istituzzjonijiet bit-traduzzjonijiet ta' dawk it-testi fi żmien adegwat.

--------------------------------------------------