|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1398 |
22.5.2024 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1398
tal-14 ta’ Marzu 2024
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-estensjoni ulterjuri tat-tul tal-programm ta’ ħidma għall-eżami sistematiku tas-sustanzi attivi bijoċidali eżistenti kollha
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 89(1), it-tieni subparagrafu tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 dwar il-Prodotti Bijoċidali jipprovdi għall-kontinwazzjoni tal-programm ta’ ħidma għall-eżami sistematiku tas-sustanzi attivi kollha eżistenti użati fil-prodotti bijoċidali mibdi f’konformità mal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
|
(2) |
F’konformità mal-Artikolu 89(1), l-ewwel subparagrafu tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, il-programm ta’ ħidma għandu jitlesta sal-31 ta’ Diċembru 2024. |
|
(3) |
Hemm dewmien sostanzjali fit-tlestija tal-programm ta’ ħidma. Il-Kummissjoni ppreżentat valutazzjoni dettaljata ta’ din is-sitwazzjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew fir-rapport ta’ implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 f’Ġunju 2021 (3). Ir-raġunijiet ewlenin għalih huma n-nuqqas ta’ riżorsi allokati fl-Istati Membri, id-dewmien mill-applikanti biex jissottomettu data addizzjonali, mistoqsijiet tekniċi kumplessi dwar dossiers speċifiċi li jeħtieġ li jiġu solvuti, l-evoluzzjoni tal-gwida teknika u l-kriterji xjentifiċi l-ġodda għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali introdotti mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2100 (4), li wasslu għall-ħtieġa ta’ aktar data u valutazzjonijiet ulterjuri. |
|
(4) |
Mill-2015 ’l hawn, saru diskussjonijiet b’mod regolari ma’ esperti tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dwar il-prodotti bijoċidali, u ntlaħqu ftehimiet dwar għadd ta’ azzjonijiet. Ġew organizzati sessjonijiet ta’ ħidma mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), u ġie miftiehem ukoll Pjan ta’ Azzjoni tal-ECHA dwar is-Sustanzi Attivi. Minkejja l-azzjonijiet li ttieħdu sa issa u l-progress li għadu jista’ jinkiseb sal-31 ta’ Diċembru 2024, huwa ċar li l-programm ta’ ħidma mhux se jiġi ffinalizzat sa dik id-data. |
|
(5) |
Meta jitqies li l-programm ta’ ħidma mhux se jiġi ffinalizzat sal-31 ta’ Diċembru 2024, jeħtieġ li jiġi estiż it-tul ta’ żmien tiegħu. Wara diskussjoni mal-esperti tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dwar il-prodotti bijoċidali, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li t-tul tal-programm ta’ ħidma jiġi estiż. |
|
(6) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 528/2012 jiġi emendat skont dan, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 89(1), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, l-aħħar sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:
“Il-Kummissjoni għandha tibqa’ għaddejja bil-programm ta’ ħidma għall-eżami sistematiku tas-sustanzi attivi kollha eżistenti skont l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE bil-għan li jitlesta sal-31 ta’ Diċembru 2030.”.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Marzu 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/528/oj?locale=mt.
(2) Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1998/8/oj?locale=mt).
(3) Ir-Rapport huwa disponibbli f’din il-link: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52021DC0287 u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, li jippreżenta evidenza dettaljata għas-sejbiet deskritti fir-rapport, huwa disponibbli hawnhekk: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX%3A52021SC0128&qid=1623670527414
(4) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2100 tal-4 ta’ Settembru 2017 li jistabbilixxi l-kriterji xjentifiċi għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 301, 17.11.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/2100/oj?locale=mt).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1398/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)