23.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 85/48


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru 226/2022

tat-8 ta’ Lulju 2022

li temenda l-Protokoll 31 (kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet) u l-Protokoll 32 (modalitajiet finanzjarji għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 82) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE [2023/643]

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim dwar iż-ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti tkun testendi għall-Ftehim dwar iż-ŻEE biex tinkludi r-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 (1).

(2)

Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2021/523, il-kontribuzzjonijiet għall-garanzija tal-UE mill-Istati tal-EFTA huma permessi, għall-fini ta’ parteċipazzjoni f’ċerti prodotti finanzjarji taħt il-kompartiment tal-UE tal-Fond InvestEU. Il-kontribuzzjonijiet tal-Istati tal-EFTA għall-proviżjonament tal-garanzija tal-UE jistgħu jkunu akkumpanjati minn garanzija back-to-back li tkopri l-obbligazzjoni kontinġenti rispettiva fir-rigward tal-garanzija tal-UE. Alternattivament, jistgħu jipprovdu wkoll il-kontribuzzjoni sħiħa għall-Fond InvestEU fi flus kontanti.

(3)

Il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA u l-istituzzjonijiet, l-impriżi, l-organizzazzjonijiet u ċ-ċittadini tagħhom fil-programmi tal-Unjoni Ewropea huma stabbiliti fil-Ftehim dwar iż-ŻEE u b’mod partikolari fl-Artikolu 81 tiegħu.

(4)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (2) jalloka dħul assenjat estern addizzjonali għall-Programm InvestEU stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/523. Fil-Protokoll 32 dwar il-modalitajiet finanzjarji għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 82 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE huwa xieraq li jiġi ċċarat li, għall-fini ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istati tal-EFTA għall-Programm InvestEU, il-bażi għall-kalkolu jenħtieġ li tiżdied b’approprjazzjonijiet li jikkorrispondu għad-dħul assenjat estern skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħhom f’dan il-programm.

(5)

Jenħtieġ għalhekk, li l-Protokolli 31 u 32 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE jiġu emendati skont dan, biex jippermettu li din il-kooperazzjoni estiża tibda sseħħ mill-1 ta’ Jannar 2022,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu li ġej għandu jiżdied wara l-Artikolu 19 (Tnaqqis tad-disparitajiet ekonomiċi u soċjali) tal-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE:

“Artikolu 20

It-titjib tal-kompetittività u l-konverġenza soċjoekonomika u l-koeżjoni bil-Programm InvestEU

1.   Mill-1 ta’ Jannar 2022, l-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw fl-attivitajiet li jistgħu jirriżultaw mill-Att tal-Unjoni li ġej:

—

32021 R 0523: Ir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 (GU L 107, 26.3.2021, p. 30).

2.   L-Istati tal-EFTA ma għandhomx jipparteċipaw fiċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU.

3.   L-Istati tal-EFTA jistgħu jagħżlu li jipparteċipaw fi prodott finanzjarju wieħed jew aktar fil-kompartiment tal-UE tal-Fond InvestEU. Il-kontribuzzjoni tal-Istati tal-EFTA għandha tkun ibbażata fuq il-profil tar-riskju tal-prodotti finanzjarji li jagħżlu li jipparteċipaw fihom. Il-kontribuzzjoni mill-Istati tal-EFTA għandha żżid il-garanzija tal-UE.

4.   Għall-fini tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Istati tal-EFTA għall-Fond InvestEU, il-fattur ta’ proporzjonalità kif stipulat fl-Artikolu 82(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE għal-linji baġitarji ma għandux japplika. F’konformità mal-Artikolu 8 tal-Protokoll 32, l-Istati tal-EFTA għandhom jidħlu fi ftehimiet ta’ kontribuzzjoni mal-UE rrappreżentata mill-Kummissjoni. Il-ftehimiet ta’ kontribuzzjoni għandhom jistabbilixxu l-ammonti tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Istati tal-EFTA għall-garanzija tal-UE, jistabbilixxu t-termini u l-kundizzjonijiet għall-użu ta’ din il-kontribuzzjoni, jistabbilixxu l-frekwenza u l-ammonti tal-ħlas tal-kontribuzzjoni u jistabbilixxu regoli għar-rimborż ta’ fondi u dħul mhux użati lill-Istati tal-EFTA.

5.   Meta l-kontribuzzjoni tal-Istati tal-EFTA għall-garanzija tal-UE ma tkunx qed tipprovdi proviżjonament sħiħ fi flus kontanti, jiġifieri l-proviżjonament ikun stabbilit għal inqas minn 100 %, l-Istati tal-EFTA għandhom jimpenjaw ruħhom li jkopru l-obbligazzjoni kontinġenti rispettiva permezz ta’ garanzija back-to-back irrevokabbli, mhux kondizzjonata u b’talba. Il-garanzija back-to-back għandha tingħata fl-istess ħin mal-iffirmar ta’ ftehim ta’ kontribuzzjoni.

6.   Il-Liechtenstein għandu jkun eżentat mill-parteċipazzjoni f’dan il-programm u mill-kontribuzzjoni finanzjarja għalih.”

Artikolu 2

It-test tal-Artikolu 1(10) tal-Protokoll 32 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE jinbidel b’dan li ġej:

“10.   Għall-fini tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni operazzjonali skont l-Artikolu 82(a) u (b) tal-Ftehim, l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament imdaħħla fil-baġit tal-Unjoni Ewropea adottati b’mod definittiv għas-snin applikabbli għall-finanzjament tal-Programm Orizzont Ewropa (stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill), il-Programm InvestEU (stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) u l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (irregolat bid-Deċiżjoni 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill), għandhom jiżdiedu bl-approprjazzjonijiet li jikkorrispondu għad-dħul assenjat estern allokat għal dawk l-attivitajiet skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (3).”

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (*).

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE, u fis-Suppliment taż-ŻEE, ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Kristján Andri STEFÁNSSON


(1)   ĠU L 107, 26.3.2021, p. 30.

(2)   ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 23.

(3)   ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 23.

(*)  Ma huwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.