European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/529

29.2.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru 297/2021

tad-29 ta’ Ottubru 2021

li temenda l-Anness IV (Enerġija) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE [2024/529]

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (‘il-Ftehim dwar iż-ŻEE’), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 838/2010 tat-23 ta’ Settembru 2010 dwar l-iffissar ta’ linji gwida għall-kumpens lil operaturi tas-sistemi ta’ inter-trażmissjoni u għal approċċ regolatorju komuni għall-ħlasijiet tat-trażmissjoni (1) għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim dwar iż-ŻEE.

(2)

Il-kooperazzjoni mill-qrib bejn it-TSOs u r-regolaturi jenħtieġ li tiżgura li l-informazzjoni sensittiva, bħal informazzjoni dettaljata dwar is-substazzjonijiet elettriċi, il-post eżatt tat-trażmissjoni taħt l-art, l-informazzjoni dwar is-sistemi ta’ kontroll u l-analiżi dettaljata tal-vulnerabbiltà li tista’ tintuża għas-sabotaġġ, tkun protetta b’mod effettiv.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 774/2010 (2) skada fl-UE u konsegwentement jenħtieġ li jitħassar skont il-Ftehim dwar iż-ŻEE.

(4)

Jenħtieġ għalhekk, li l-Anness IV tal-Ftehim dwar iż-ŻEE jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-test tal-punt 40 (ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 774/2010) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“ 32010 R 0838: Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 838/2010 tat-23 ta’ Settembru 2010 dwar l-iffissar ta’ linji gwida għall-mekkaniżmu ta’ kumpens lil operaturi tas-sistemi ta’ intertrażmissjoni u għal approċċ regolatorju komuni għall-ħlasijiet tat-trażmissjoni (ĠU L 250, 24.9.2010, p. 5).

Għall finijiet ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

(a)

Dan li ġej għandu jiżdied mal-punti minn 4.1 sa 4.3 tal-Parti A tal-Anness:

‘Il-ftehimiet bejn it-TSOs jistgħu jiżguraw li l-informazzjoni sensittiva tkun protetta b’mod effettiv u jgħinu biex jiggarantixxu li l-informazzjoni kollha li hija meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ITC tiġi ppreżentata mingħajr dewmien.’

(b)

L-ewwel sentenza fil-punt 3 tal-Parti B tal-Anness għandha tinbidel b’dan li ġej:

‘Il-valur tal-ħlasijiet medji annwali ta’ trażmissjoni li jitħallsu mill-produtturi għandu jkun fil-medda ta’ minn 0 sa 0,5 EUR/MWh, għajr dawk applikabbli fid-Danimarka, l-Iżvezja, il-Finlandja, in-Norveġja, ir-Rumanija, l-Irlanda, il-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.’

(c)

It-tieni sentenza fil-punt 3 tal-Parti B tal-Anness għandha tinbidel b’dan li ġej:

‘Il-valur tal-ħlasijiet medji annwali ta’ trażmissjoni li jitħallsu mill-produtturi fid-Danimarka, l-Iżvezja, il-Finlandja u n-Norveġja għandu jkun fil-medda ta’ minn 0 sa 1,2 EUR/MWh.’ ”

Artikolu 2

It-test tar-Regolament (UE) Nru 838/2010 fil-lingwi tal-Iżlanda u f’dik Norveġiża, li għandu jiġi ppubblikat fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jkun awtentiku.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-30 ta’ Ottubru 2021, dment li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (*1).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE, u fis-Suppliment taż-ŻEE, ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Rolf Einar FIFE


(1)   ĠU L 250, 24.9.2010, p. 5.

(2)   ĠU L 233, 3.9.2010, p. 1.

(*1)  Ma huwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/529/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)