|
22.7.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 216/19 |
REGOLI DWAR L-AĊĊESS TAL-PUBBLIKU GĦAD-DOKUMENTI TAL-PARLAMENT EWROPEW
Deċiżjoni tal-Bureau tat-28 ta’ Novembru 2001 (1) (2) (3) (4)
2011/C 216/07
IL-BUREAU,
Wara li kkunsidra l-Artikolu 15(3) tat-TFUE,
Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, b'mod partikolari l-Artikoli 11, 12 u 18,
Wara li kkunsidra l-Artikoli 23(2), 23(12), 103(1) u l-Artikolu 104 tar-Regolament,
Billi l-prinċipji ġenerali li jirregolaw l-aċċess għad-dokumenti ġew stipulati skont l-Artikolu 15(3) tat-TFUE permezz tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tat-30 ta' Mejju 2001 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill,
Billi, bi qbil mal-Artikolu 255(3) antik tat-Trattat KE u l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, il-Parlament Ewropew, permezz tad-Deċiżjoni tat-13 ta' Novembru 2001, kien adotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
Billi l-Artikolu 104(2), (3) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura jinkariga lill-Bureau jfassal ir-regoli maħsuba biex joħolqu reġistru ta' referenzi tad-dokumenti, jistabbilixxu l-proċeduri għall-aċċess u jagħżlu l-organi responsabbli mill-ipproċessar tat-talbiet ta’ aċċess,
Billi l-miżuri li jirreferu għas-sistema ta' ħlas għall-ħruġ tad-dokumenti għandhom jiġu addattati għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 sabiex tiġi speċifikata l-ispiża addizzjonali li jrid iħallas l-applikant fil-każ li jintbagħtu dokumenti b'volum kbir,
Billi donnu li hu xieraq li l-miżuri dwar il-funzjonament tar-reġistru tad-dokumenti tal-Parlament Ewropew jinġabru f'deċiżjoni waħda, bil-għan li tiżdied it-trasparenza fir-rigward taċ-ċittadini,
Billi r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 ma jagħtix lok li jitqies ir-rwol ta' applikant u billi d-deċiżjonijiet adottati skont dan ir-regolament jipproduċu effett erga omnes. Dan ifisser li l-Membri u l-persunal tal-Istituzzjonijiet għandhom drittijiet ta’ aċċess privileġġati rikonoxxuti permezz tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, ir-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u r-Regolamenti tal-Persunal, li huma jistgħu jużaw, minflok jirrikorru għar-Regolament (KE) Nru 1049/2001,
Billi r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u din id-Deċiżjoni lanqas ma jirregolaw l-aċċess u t-trażmissjoni tad-dokumenti bejn l-istituzzjonijiet, li huma s-suġġett ta’ ftehimiet interistituzzjonali,
Billi r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jagħmel referenza għall-aċċess għad-dokumenti eżistenti u billi t-talbiet għal informazzjoni għandhom jiġu trattati skont dispożizzjonijiet oħra,
Billi l-Bureau, permezz tad-Deċiżjoni tiegħu tat-8 ta’ Marzu 2010, adotta lista ġdida ta’ kategoriji għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew direttament aċċessibbli,
Billi jaqbel li jsiru modifiki tekniċi fid-dawl tal-esperjenza miksuba tul dawn l-aħħar snin fi ħdan l-Istituzzjoni u tal-iżvilupp tas-sit elettroniku tal-Parlament.
IDDEĊIEDA
TITOLU I
IR-REĠISTRU ELETTRONIKU TA' REFERENZI (RER)
Artikolu 1
Ħolqien
1. Ir-Reġistru Elettroniku ta' Referenzi (RER) inħoloq għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew.
2. Ir-Reġistru ta' Referenzi maħluq għal dan il-għan għandu jinkludi r-referenzi għal dokumenti maħruġa jew riċevuti (bl-eċċezzjoni tal-paragrafu li ġej) mill-Istituzzjoni mid-data ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (5).
3. Fuq il-bażi tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, m’għandux ikun hemm bżonn li d-dokumenti tal-istituzzjonijiet l-oħra li jkun irċieva l-Parlament Ewropew u li diġà jkunu aċċessibbli faċilment fir-reġistru elettroniku tal-istituzzjoni kkonċernata jkunu magħmula disponibbli fir-RER. Ir-RER għandu jipprovdi ħolqa (link) għar-reġistru tal-istituzzjoni awtriċi.
4. Dawn ir-referenzi għandhom iservu bħala “l-karta tal-identità tad-dokument” li tinkludi mhux biss l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, iżda wkoll u sa fejn hu possibbli, l-informazzjoni li tagħmilha possibbli li tiġi identifikata l-awtorità li minnha joriġina d-dokument, il-lingwi disponibbli, l-istatus tad-dokument, il-kategorija tad-dokument u l-post fejn qiegħed maħżun.
Artikolu 2
Għanijiet
Ir-RER għandu jkun strutturat b'mod li jagħmilha possibbli li:
|
— |
jiġu identifikati d-dokumenti permezz ta’ sistema uniformi ta’ għoti ta' referenza, |
|
— |
ikun hemm aċċess dirett għad-dokumenti, b'mod partikolari dawk leġiżlattivi, |
|
— |
tingħata informazzjoni fil-każ li d-dokumenti ma jkunux direttament aċċessibbli elettronikament skont l-Artikoli 4 u 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001. |
Artikolu 3
Tħaddim
L-Unità “Trasparenza – Aċċess tal-Pubbliku għad-Dokumenti u Relazzjonijiet mar-Rappreżentanti tal-Interessi” (minn issa ‘l quddiem, is-servizz kompetenti), hu responsabbli:
|
— |
mis-sorveljanza tar-reġistrazzjoni fir-RER tad-dokumenti maħruġa jew riċevuti mill-Parlament Ewropew, |
|
— |
mill-wasla u l-ipproċessar tat-talbiet għal aċċess fil-forma miktuba jew elettronika, fi żmien ħmistax-il jum tax-xogħol, li jista’ jiġi prolongat, |
|
— |
li jibgħat jgħarraf li rċieva t-talba, |
|
— |
mill-għajnuna lill-applikant bil-għan li jkun iċċarat il-kontenut tat-talba tiegħu u li jaqbel mal-applikant dwar talbiet għal dokumenti twal jew kumplessi ħafna, |
|
— |
li jiffaċilita lill-applikant l-aċċess għad-dokumenti diġà ppubblikati, |
|
— |
mill-koordinament tar-risposta mas-servizz awtur jew fil-pussess tad-dokument jew mal-persuna awtorizzata meta t-talba tkun tikkonċerna dokument li mhux inkluż fir-reġistru, jew inkella meta t-talba tkun tikkonċerna dokument suġġett għal-limitazzjonijiet previsti fl-Artikoli 4 u 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, |
|
— |
mill-konsultazzjoni ma’ persuni terzi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001. |
Artikolu 4
Reġistrazzjoni tad-dokumenti fir-RER
1. Ir-referenzi għad-dokumenti huma reġistrati fir-RER skont l-istruzzjonijiet adottati mis-Segretarju Ġenerali, li jassiguraw massimu ta’ traċċabilità tad-dokumenti. Il-kopertura tar-RER se tikber gradwalment. Din għandha tkun disponibbli fil-paġna ta' akkoljenza tar-RER fis-sit elettroniku Europarl.
2. F'dan ir-rigward, id-dokumenti tal-Parlament Ewropew, hekk kif definiti fl-Artikolu 104(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, għandhom jiddaħħlu fir-RER taħt ir-responsabbiltà tal-organu jew servizz awtur tad-dokument.
3. Id-dokumenti li jinħarġu fil-qafas tal-proċedura leġiżlattiva jew tal-attività parlamentari għandhom jiddaħħlu fir-RER malli jiġu depożitati jew malli jsiru pubbliċi.
4. Id-dokumenti l-oħra li jaqgħu taħt il-kompetenza tas-servizzi amministrattivi tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew għandhom jitniżżlu fir-RER, sa fejn ikun possibbli, skont l-istruzzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali.
5. Ir-referenzi għad-dokumenti tal-persuni terzi skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandhom jiġu rreġistrati fir-RER mis-servizz destinatarju tad-dokumenti.
Artikolu 5
Dokumenti aċċessibbli direttament
1. Id-dokumenti kollha maħruġa jew riċevuti mill-Parlament Ewropew fil-qafas tal-proċedura leġiżlattiva għandhom ikunu aċċessibbli għaċ-ċittadini f'forma elettronika, bla ħsara għar-restrizzjonijiet previsti fl-Artikoli 4 u 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.
2. Il-Parlament Ewropew għandu jagħmel aċċessibbli elettronikament id-dokumenti leġiżlattivi kollha fit-tifsira tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 permezz tar-RER jew is-sit elettroniku Europarl.
3. Il-kategoriji tad-dokumenti li jkunu aċċessibbli direttament għandhom jitniżżlu f'lista addottata mill-Bureau, ippubblikata fis-sit elettroniku EUROPARL. Din il-lista m’għandhiex tillimita d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti li ma jkunux inkużi fil-kategoriji elenkati, li jistgħu jkunu magħmula aċċessibbli fuq talba miktuba.
Artikolu 6
Dokumenti aċċessibbli fuq talba
1. Sa fejn ikun possibbli, d-dokumenti maħruġa jew riċevuti mill-Parlament Ewropew barra mill-proċedura leġiżlattiva għandhom ikunu aċċessibbli direttament għaċ-ċittadini permezz tar-RER, bla ħsara għar-restrizzjonijiet previsti fl-Artikoli 4 u 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.
2. Meta r-reġistrazzjoni ta' dokument fir-RER ma tippermettix aċċess dirett għat-test sħiħ, jew għax id-dokument ma jkunx disponibbli elettronikament, jew inkella minħabba l-eċċezzjonijiet stipulati fl-Artikoli 4 u 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, l-applikant jista' jitlob l-aċċess għad-dokument bil-miktub jew permezz tal-formola elettronika li tinsab fuq is-sit tar-RER fis-sit Europarl.
3. Id-dokumenti maħruġa jew riċevuti mill-Parlament Ewropew qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, u li għalhekk m'humiex disponibbli fir-RER, għandhom ikunu aċċessibbli fuq talba miktuba jew elettronika bla ħsara għar-restrizzjonijiet previsti fl-Artikoli 4 u 9 tar-Regolament imsemmi hawn fuq.
4. Il-Parlament Ewropew għandu jiżgura għajnuna elettronika liċ-ċittadini dwar il-modalitajiet tas-sottomissjoni ta' talbiet għal aċċess għad-dokumenti.
TITOLU II
IT-TALBA INIZJALI
Artikolu 7
Talbiet koperti minn dawn ir-regoli
Dawn ir-regoli japplikaw għal kwalunkwe talba ta’ aċċess għal dokument tal-Parlament Ewropew sottomessa permezz tal-formola disponibbli fil-websajt tar-RER jew jirreferu espliċitament għad-dritt ta' aċċess għad-dokumenti, kif stabbilit permezz tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001. Madankollu, it-talbiet ibbażati fuq dritt għall-aċċess speċjali, kif stabbilit partikolarment mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, ir-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 dwar il-protezzjoni ta’ data personali u r-Regolamenti tal-Persunal, mhumiex koperti minn dawn ir-regoli.
Artikolu 8
Preżentazzjoni tat-talba għal aċċess
1. It-talba għal aċċess għal dokument tal-Parlament Ewropew għandha tiġi ppreżentata bil-miktub jew elettronikament f'waħda mil-lingwi elenkati fl-Artikolu 342 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
2. It-talbiet elettroniċi, kull fejn ikun possibbli, għandhom jiġu sottomessi permezz ta’ formola elettronika disponibbli fis-sit elettroniku tar-RER u s-sistema ta’ għajnuna elettronika prevista biex tiffaċilita s-sottomissjoni ta’ talbiet ta’ dan it-tip.
3. It-talba għandha ssir b'mod preċiż biżżejjed u għandha tinkludi b'mod partikolari l-elementi li jagħmluha possibbli li jiġu identifikati d-dokumenti mitluba, kif ukoll l-isem u l-indirizz tal-applikant
4. Jekk talba ma tkunx preċiża biżżejjed, l-Istituzzjoni, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, għandha tistieden lill-applikant jiċċaraha u għandha tgħinu għal dan il-għan.
Article 9
Ipproċessar tat-talba inizjali
1. Kwalunkwe talba għal aċċess għal dokument miżmum mill-Parlament Ewropew għandha tintbagħat fl-istess ġurnata li tkun irreġistrata mis-servizz kompetenti li, min-naħa tiegħu, għandu jiddikjara li rċevieha, iħejji tweġiba u jipprovdi d-dokument fl-iskadenza prevista.
2. Meta ssir talba għal dokument maħruġ mill-Parlament Ewropew, li għalih tapplika waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, jew inkella meta jkun jeħtieġ jiġi identifikat jew misjub id-dokument mitlub, is-servizz kompetenti għandu jikkuntattja lis-servizz jew organu awtur tad-dokument li għandu jissuġġerixxi x’azzjoni għandha tittieħed fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol.
Artikolu 10
Konsultazzjoni ma’ terzi
1. Fejn talba tkun tikkonċerna dokumenti mingħand terzi, is-servizz kompetenti, fejn ikun il-każ, b'koordinazzjoni mas-servizz li jkollu d-dokumenti mitluba, għandu jiċċekkja jekk tkunx tapplika waħda mill-eċċezzjonijiet stipulati fl-Artikoli 4 jew 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.
2. Jekk, ġaladarba l-iċċekkjar ikun sar, jiġi stabbilit li l-aċċess għad-dokumenti mitluba jrid jiġi miċħud fuq il-bażi ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet stipulati fl-Artikoli 4 jew 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, għandha tintbagħat risposta fin-negattiv lill-applikant mingħajr konsultazzjoni mal-parti terza awtriċi tad-dokument.
3. Is-servizz kompetenti għandu jaċċetta t-talba mingħajr ma jikkonsulta l-parti terza awtriċi tad-dokument meta:
|
— |
id-dokument mitlub diġà jkun inħareġ mill-awtur tiegħu skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jew dispożizzjonijiet analogi; |
|
— |
il-ħruġ, anke jekk parzjali, tal-kontenut tiegħu, ma jkunx ta’ ħsara għall-interessi li hemm referenza għalihom fl-Artikoli 4 u 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001. |
4. Fil-każijiet l-oħra kollha, il-parti terza għandha tiġi kkonsultata u mogħtija ħamest ijiem tax-xogħol biex tagħti l-pożizzjoni tagħha, bil-għan li jiġi ddeterminat jekk tapplikax xi waħda mill-eċċezzjonijiet stipulati fl-Artikoli 4 jew 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.
5. Jekk ma tingħata l-ebda risposta sa tmiem l-iskadenza stipulata, jew jekk il-parti terza ma tkunx tista’ tiġi identifikata jew ikkuntattjata, il-Parlament Ewropew għandu jieħu deċiżjoni skont id-dispożizzjonijiet dwar l-eċċezzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, filwaqt li jqis l-interessi leġittimi tal-parti terza skont l-informazzjoni li jkollu.
Artikolu 11
Skadenza għar-risposta
1. Fil-każ li jingħata aċċess, is-servizz kompetenti għandu jipprovdi d-dokumenti mitluba fi żmien ħmistax-il jum ta' ħidma mir-reġistrazzjoni tat-talba.
2. Jekk il-Parlament Ewropew ma jkunx f'pożizzjoni li jagħti aċċess għad-dokumenti mitluba, dan għandu javża bil-miktub lill-applikant bir-raġunijiet taċ-ċaħda, totali jew parzjali, u fl-istess ħin jinfurmah dwar id-dritt tiegħu li jippreżenta talba għal konferma.
3. F'dan il-każ, l-applikant ikollu żmien 15-il jum ta' ħidma minn meta jirċievi r-risposta sabiex jippreżenta t-talba għal konferma.
4. F'każijiet eċċezzjonali, meta ssir talba għal dokument twil ħafna jew għal numru kbir ta' dokumenti, iż-żmien stipulat fil-paragrafu 1 ta' dan l-artikolu jista' jiġi mtawwal bi 15-il jum ta' ħidma, bil-kundizzjoni li l-applikant jiġi mgħarraf bil-quddiem u jingħata spjegazzjoni dettaljata.
5. In-nuqqas ta' risposta min-naħa tal-Isituzzjoni fiż-żmien stipulat jawtorizza lill-applikant sabiex jippreżenta talba għal konferma.
Artikolu 12
Awtorità kompetenti
1. It-talbiet inizjali indirizzati lill-Parlament Ewropew għandhom jiġu pproċessati mis-Segretarju Ġenerali bl-awtorità tal-Viċi President responsabbli mis-sorveljanza tal-ipproċessar tat-talbiet għal aċċess għad-dokumenti, kif previst mill-Artikolu 104(4) u (6) tar-Regoli ta' Proċedura.
2. Ir-risposti pożittivi għat-talbiet inizjali għandhom jintbagħtu lill-applikant mis-Segretarju Ġenerali jew mis-servizz kompetenti bl-awtorità tas-Segretarju Ġenerali.
3. Iċ-ċaħda ta' talba inizjali, spjegata b'mod xieraq, tiġi deċiża mis-Segretarju Ġenerali fuq proposta tas-servizz kompetenti u wara konsultazzjoni mal-awtur tad-dokument. Kwalunkwe deċiżjoni ta’ ċaħda għandha tiġi mgħoddija, għall-informazzjoni, lill-Viċi President responsabbli.
4. Is-Segretarju Ġenerali jew is-servizz kompetenti jistgħu f'kull mument jirreferu talba lis-Servizz Legali u/jew lill-uffiċjal responsabbli mill-protezzjoni tad-data biex dawn jagħti l-opinjoni tagħhom dwar x’azzjoni għandha tittieħed.
TITOLU III
IT-TALBA GĦAL KONFERMA
Artikolu 13
Preżentazzjoni
1. It-talba għal konferma għandha tiġi indirizzata fi żmien 15-il jum ta' ħidma, jew mill-ilqigħ tar-risposta ta' ċaħda totali jew parzjali tal-aċċess għad-dokument mitlub, jew, fin-nuqqas ta' kwalunkwe risposta għat-talba inizjali, wara li tkun għaddiet l-iskadenza għar-risposta.
2. It-talba għal konferma għandha ssir skont ir-rekwiżiti formali previsti fl-Artikolu 8 ta' din id-Deċiżjoni għat-talba inizjali.
Artikolu 14
Ipproċessar u konsultazzjonijiet
1. It-talbiet għal konferma għandhom jiġu rreġistrati u l-konsultazzjonijiet eventwali żgurati, skont id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikoli 9 u 10 ta’ din id-Deċiżjoni.
2. Fi żmien 15-il jum ta' ħidma mir-reġistrazzjoni tat-talba, il-Parlament Ewropew għandu jew jagħti aċċess għad-dokument, jew javża bil-miktub jew elettronikament dwar ir-raġunijiet taċ-ċaħda totali jew parzjali.
3. F'każijiet eċċezzjonali, meta ssir talba għal dokument twil ħafna jew għal numru kbir ta' dokumenti, iż-żmien stipulat fil-paragrafu preċedenti jista' jiġi mtawwal bi 15-il jum ta' ħidma, bil-kundizzjoni li l-applikant jiġi mgħarraf bil-quddiem u jingħata spjegazzjoni dettaljata.
Artikolu 15
Awtorità kompetenti
1. Ir-risposta għat-talbiet ta' konferma għandha tkun kompitu tal-Bureau tal-Parlament Ewropew. Il-Viċi President responsabbli mill-ipproċessar tat-talbiet ta’ aċċess għad-dokumenti għandu jieħu deċiżjoni dwar talbiet għal konferma f'isem il-Bureau u bl-awtorità tiegħu.
2. Il-Viċi President għandu jinforma lill-Bureau dwar id-deċiżjoni tiegħu fl-ewwel laqgħa tal-Bureau li tiġi wara t-teħid ta' deċiżjoni u n-notifikazzjoni tagħha lill-applikant. Jekk hu jqis neċessarju, u fil-limitu taż-żmien stipulat, il-Viċi President jista' jirreferi l-abbozz ta' deċiżjoni tiegħu lill-Bureau, b'mod partikolari jekk it-tweġiba tista' tqajjem kwistjonijiet ta' prinċipju relatati mal-politika ta' trasparenza tal-Parlament Ewropew. Fit-tweġiba tiegħu lill-applikant, il-Viċi President għandu jkun marbut bid-deċiżjoni tal-Bureau.
3. Il-Viċi President u l-Bureau għandhom jieħdu deċiżjoni fuq il-bażi tal-proposta mfassla mis-servizz kompetenti b'delega mis-Segretarju Ġenerali. Dan is-servizz għandu jkun awtorizzat jitlob l-opinjoni tal-uffiċjal responsabbli mill-protezzjoni tad-data li għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fi żmien tlett ijiem ta' ħidma.
4. L-abbozz ta’ risposta jista' jkun suġġett għal eżami minn qabel mis-Servizz Legali li għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fi żmien tlett ijiem ta' ħidma.
Artikolu 16
Proċeduri legali
1. Jekk il-Parlament Ewropew jiċħad b'mod totali jew parzjali talba għal aċċess ta' dokument, huwa għandu javża lill-applikant dwar il-mezzi ta’ appell li jkollu fid-dispożizzjoni tiegħu, jiġifieri: jibda proċedura legali kontra l-Istituzzjoni jew iressaq ilment lill-Ombudsman, skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 263 u 228 tat-TFUE.
2. In-nuqqas ta' risposta fiż-żmien stipulat jitqies bħala risposta fin-negattiv u jippermetti lill-applikant jibda proċedura legali jew iressaq ilment skont il-paragrafu preċedenti.
TITOLU IV
IR-REĠISTRAZZJONI TA' DOKUMENTI SENSITTIVI FIR-RER U L-AĊĊESS GĦALIHOM
Artikolu 17
Reġistrazzjoni ta' dokumenti sensittivi fir-RER
1. Id-dokumenti sensittivi skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandhom jiġu reġistrati fir-RER jekk l-oriġinatur jagħti l-kunsens tiegħu. Ir-responsabilità tad-determinazzjoni ta’ liema referenzi jistgħu jiġu inklużi hi tal-persuni jew tal-organi tal-Parlament Ewropew li jirċievu dokumenti sensittivi minn parti terza. Dawn il-persuni jew organi għandhom jikkonsultaw lill-Viċi President responsabbli għall-ipproċessar tat-talbiet ta’ aċċess għal dokumenti, lis-Segretarju Ġenerali jew, jekk ikun il-każ, lill-president tal-kumitat parlamentari kkonċernat.
2. Kull dokument imħejji mill-Parlament Ewropew li jirreferi għal dokument sensittiv għandu jiddaħħal fir-RER biss permezz ta' awtorizzazzjoni mill-Viċi President responsabbli għall-ipproċessar tat-talbiet għal aċċess għad-dokumenti. Ir-referenzi attribwiti għal dak id-dokument għandhom jiġu stipulati bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk previsti fil-paragrafu preċedenti.
Artikolu 18
Ipproċessar tat-talba għal aċċess
Is-Segretarju Ġenerali għandu jittrażmetti t-talba għal aċċess għal dokumenti sensittivi lill-Viċi President responsabbli għall-ipproċessar ta' talbiet għal aċċess għal dokumenti, li għandu jkun responsabbli li jwieġeb it-talba inizjali. It-tweġiba għal talba għal konferma għandha tkun kompitu tal-Bureau, li jista' jiddelega dan il-kompitu lill-President. Il-Viċi President responsabbli u l-Bureau jew il-President għandhom jikkonsultaw lis-Segretarju Ġenerali jew, jekk ikun il-każ, lill-president tal-kumitat parlamentari kkonċernat. Il-kundizzjonijiet ta' reġistrazzjoni u l-iskadenzi għandhom ikun l-istess bħat-talbiet l-oħra għal aċċess.
Artikolu 19
Persuni awtorizzati
Il-persuni awtorizzati li jaqraw id-dokumenti waqt l-ipproċessar tat-talbiet għal aċċess għal dokumenti sensittivi huma: il-President tal-Parlament Ewropew, il-Viċi President responsabbli mill-ipproċessar tat-talbiet għal aċċess għad-dokumenti, il-president tal-kumitat parlamentari direttament konċernat, is-Segretarju Ġenerali u l-persunal tas-servizz kompetenti awtorizzat kif xieraq, sakemm ma jkunx hemm ftehimiet konklużi mal-istituzzjonijiet l-oħra li jipprevedu awtorizzazzjoni speċjali.
Article 20
Protezzjoni ta' dokumenti sensittivi
Id-dokumenti sensittivi huma suġġetti għal regoli tas-sigurtà stretti, biex jiżguraw l-ipproċessar b’kunfidenzjalità fi ħdan l-Istituzzjoni. F'dan ir-rigward, dawn ir-regoli jqisu l-Ftehimiet Interistituzzjonali.
TITOLU V
IL-ĦRUĠ TAD-DOKUMENTI
Artikolu 21
Spiża tar-risposta
1. Minbarra l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, jekk il-volum tad-dokumenti mitluba jkun ta’ aktar minn għoxrin faċċata, miżata ta' EUR 0.10 għal kull paġna, flimkien mal-ispejjeż tal-pustaġġ, jistgħu jintalbu mingħand l-applikant. Il-miżati għal mezzi oħra għandhom jiġu deċiżi fuq il-bażi ta’ każ b’każ, iżda fi kwalunkwe każ m’għandhomx jeċċedu ammont raġonevoli.
2. Id-dokumenti ppubblikati ma jaqgħux taħt din id-Deċiżjoni u għalihom tapplika sistema ta' prezzijiet partikolari.
TITOLU VI
L-APPLIKAZZJONI
Artikolu 22
Applikazzjoni
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika b'osservanza ta' u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, kif ukoll għar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew.
Artikolu 23
Reviżjoni
Din id-Deċiżjoni se tkun suġġetta għal eżami ġdid mill-inqas kull darba li r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jiġi rivedut.
Artikolu 24
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (6).
(1) ĠU C 374, 29.12.2001, p. 1.
(2) Ikkonsolidata mill-Bureau fit-3 ta’ Mejju 2004.
(3) Emendata mill-Bureau fis-26 ta' Settembru 2005 u ppubblikati f' ĠU C 289, 22.11.2005, p. 6.
(4) Emendata mill-Bureau fit-22 ta' Ġunju 2011 u ppubblikati f' ĠU C 216, 22.7.2011, p. 19.
(5) Jiġifieri t-3 ta' Diċembru 2001.
(6) Jiġifieri d-29 ta' Diċembru 2001, it-22 ta’ Novembru 2005, kif ukoll it-22 ta’ Lulju 2011.