SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
13 ta’ Novembru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58/KE – Artikoli 13(1) u (2) – Komunikazzjonijiet mhux mitluba – Kunċett ta’ komunikazzjoni mwettqa ‘għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta’ – Kisba ta’ dettalji ta’ kuntatt elettroniku ‘fil-kuntest ta’ bejgħ ta’ prodott jew servizz’ – Reġistrazzjoni fuq pjattaforma online li tagħti aċċess għal kontenut addizzjonali – Ittra ta’ informazzjoni ta’ kuljum mibgħuta permezz tal-posta elettronika – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 6 – Legalità tal-ipproċessar – Artikolu 95 – Relazzjoni mad-Direttiva 2002/58”
Fil-Kawża C‑654/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Marzu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Novembru 2023, fil-proċedura
Inteligo Media S.A.
vs
Autoritatea Naţională de Supraveghere a Prelucrării Datelor cu Caracter Personal (ANSPDCP)
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ewwel Awla, I. Ziemele (Relatriċi), A. Kumin u S. Gervasoni, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: R. Șereș, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Novembru 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Inteligo Media SA, minn S. A. Opriş u A.-M. Radu, avocate, |
|
– |
għal l-Autoritatea Naţională de Supraveghere a Prelucrării Datelor cu Caracter Personal (ANSPDCP), minn A. G. Opre, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Rumen, minn R. Antonie, E. Gane u L. Ghiţă, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar, P.-J. Loewenthal u L. Nicolae, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Marzu 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni kemm tal-Artikolu 13(1) u (2) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2009, L 337, p. 11) (iktar ’il quddiem “id-Direttiva 2002/58”), kif ukoll tal-Artikolu 6(1), tal-Artikoli 83(2) u tal-Artikolu 95 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”), moqri flimkien mal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2002/58. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Inteligo Media SA u l-Autoritatea Națională de Supraveghere a Prelucrării Datelor cu Caracter Personal (ANSPDCP) (l-Awtorità Superviżorja Nazzjonali għall-Ipproċessar ta’ Data Personali (ANSPDCP), ir-Rumanija) dwar is-sanzjoni amministrattiva imposta fuq din il-kumpannija minħabba li hija pproċessat data personali tal-klijenti tagħha mingħajr il-kunsens tagħhom. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2002/58
|
3 |
Il-premessi 2, 10, 40 u 41 tad-Direttiva 2002/58 jistipulaw:
[…]
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/58, bit-titolu “Kamp ta’ applikazzjoni u mira”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Din id-Direttiva tipprevedi l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri meħtieġa biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza [ħajja privata] u l-kunfidenzjalità, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ tali data u tat-tagħmir u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità. 2. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jippartikularizzaw [jippreċiżaw] u jikkomplementaw id-Direttiva 95/46/KE għall-iskopijiet imsemmija fil-paragrafu 1. Minbarra hekk, jipprovdu għall-ħarsien ta’ l-interessi leġittimi ta’ l-abbonati li huma persuni legali.” |
|
5 |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58, bit-titolu “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fit-tieni paragrafu tiegħu: “Għandhom jgħoddu wkoll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]
[…]” |
|
6 |
Skont il-kliem tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Komunikazzjoni mhux mitluba”: “1. L-użu ta’ sistemi ta’ sejħiet awtomatizzati u ta’ komunikazzjoni, mingħajr l-intervent uman (magni ta’ sejħiet awtomatiċi), magni tal-facsimile (fax) jew posta elettronika għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta jista’ jkun permess biss fir-rigward ta’ abbonati jew utenti li jkunu taw il-kunsens tagħhom minn qabel. 2. Minkejja l-paragrafu 1, fejn persuna naturali jew legali tikseb mill-klijenti tagħha d-dettalji ta’ kuntatt elettroniċi għall-posta elettronika, fil-kuntest ta’ bejgħ ta’ prodott jew servizz, skont id-Direttiva 95/46/KE, l-istess persuna naturali jew legali tista’ tuża dawn id-dettalji ta’ kuntatt elettroniċi għall-[finijiet ta’] kummerċjalizzazzjoni diretta tal-prodotti jew servizzi simili tagħha stess, dment li l-klijenti jingħataw b’mod ċar u distint [espliċitu] l-opportunità li joġġezzjonaw, mingħajr ħlas u b’mod faċli, għal tali użu ta’ dettalji ta’ kuntatt elettroniku fil-ħin tal-ġbir tagħhom u fl-okkażjoni ta’ kull messaġġ fil-każ fejn il-klijent ma jkunx irrifjuta inizjalment tali użu. […] 4. F’kull każ, il-prattika li tintbagħat posta elettronika għall-iskopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta li tiddissimula jew taħbi l-identità tal-mittent li f’ismu tkun saret il-komunikazzjoni, bi ksur tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/31/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399)], mingħajr [indikazzjoni ta’] indirizz validu li [fuqu] r-riċevent jista’ jibgħatlu talba biex ma jirċevix tali komunikazzjonijiet, jew li tinkoraġġixxi lir-riċeventi jżuru websajts li jmorru kontra dak l-Artikolu, għandha tiġi pprojbita. […]” |
Il-GDPR
|
7 |
Il-premessa 173 tal-GDPR tistipula: “Dan ir-Regolament għandu japplika għall-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali vis-à-vis l-ipproċessar tad-data personali, li mhijiex soġġetta għal obbligi speċifiċi bl-istess għan stabbilit[i] fid-[Direttiva 2002/58], inkluż l-obbligi fuq il-kontrollur u d-drittijiet tal-persuni fiżiċi. Sabiex tiġi ċċarata r-relazzjoni bejn dan ir-Regolament u d-[Direttiva 2002/58], dik id-Direttiva għandha tiġi emendata kif xieraq. Ladarba dan ir-Regolament jiġi adottat, id-[Direttiva 2002/58] għandha tiġi riveduta b’mod partikolari sabiex tiġi żgurata l-konsistenza ma’ dan ir-Regolament,” |
|
8 |
L-Artikolu 5 tal-istess regolament, bit-titolu “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Id-data personali għandha:
[…]” |
|
9 |
L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Legalità tal-ipproċessar”, jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu: “L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:
[…]
|
|
10 |
L-Artikolu 7 tal-istess regolament, bit-titolu “Kondizzjonijiet għal kunsens”, huwa fformulat kif ġej: “1. Fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-kunsens, il-kontrollur għandu jkun jista’ juri li s-suġġett tad-data ta kunsens għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu. 2. Jekk il-kunsens tas-suġġett tad-data jingħata fil-kuntest ta’ dikjarazzjoni bil-miktub li tirrigwarda wkoll kwistjonijiet oħra, it-talba għall-kunsens għandha tiġi ppreżentata b’mod li jingħaraf b’mod ċar mill-kwistjonijiet l-oħra, f’forma intelliġibbli u li tkun faċilment aċċessibbli, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi. Kwalunkwe parti minn tali dikjarazzjoni li tikkostitwixxi ksur ta’ dan ir-Regolament m’għandhiex tkun vinkolanti. […] 4. Meta jiġi vvalutat jekk il-kunsens ikunx ingħata b’mod liberu, għandu jittieħed kont sħiħ tal-fatt jekk, inter alia, l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt, inkluż il-provvista ta’ servizz, tkunx kondizzjonata fuq il-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali li ma jkunx meħtieġ għall-eżekuzzjoni ta’ dak il-kuntratt.” |
|
11 |
Skont il-kliem tal-Artikolu 83 tal-GDPR, bit-titolu “Kondizzjonijiet ġenerali biex jiġu imposti multi amministrattivi”: “1. Kull awtorità superviżorja għandha tiżgura li l-impożizzjoni ta’ multi amministrattivi skont dan l-Artikolu fir-rigward ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament imsemmi fil-paragrafi 4, 5 u 6 għandha tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva f’kull każ individwali. 2. Il-multi amministrattivi għandhom, skont iċ-ċirkostanzi ta’ kull każ individwali, jiġu imposti flimkien ma’, jew minflok, miżuri msemmija fil-punti (a) sa (h) u (j) tal-Artikolu 58(2). Meta jiġi deċiż jekk għandiex tiġi imposta multa amministrattiva u jiġi deċiż l-ammont tal-multa amministrattiva, f’kull każ individwali, għandha tingħata konsiderazzjoni dovuta lil dawn li ġejjin:
[…] 5. Il-ksur tad-dispożizzjonijiet li ġejjin għandu, f’konformità mal-paragrafu 2a, ikun soġġett għal multi amministrattivi sa EUR 20000000, jew fil-każ ta’ impriża, sa 4 % tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla:
[…]”. |
|
12 |
L-Artikolu 95 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Relazzjoni mad-[Direttiva 2002/58]”, jipprevedi: “Dan ir-Regolament m’għandux jimponi obbligi addizzjonali fuq persuni fiżiċi u ġuridiċi dwar l-ipproċessar b’rabta mal-provvediment ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku fin-netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni fl-Unjoni b’rabta ma’ kwistjonijiet li għalihom ikunu soġġetti għal obbligi speċifiċi bl-istess objettiv stabbilit fid-[Direttiva 2002/58].” |
Id-Direttiva 2000/31
|
13 |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/31, bit-titolu “Definizzjonijiet”, jipprevedi: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, dawn it-termini li ġejjin għandu jkollhom dawn it-tifsiriet: […]
[…].” |
|
14 |
L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Informazzjoni li għandha tkun provduta”, jipprovdi: “Minbarra l-ħtiġijiet oħra għall-informazzjoni stabbiliti b’liġi tal-Komunità, Stati Membri għandhom jassiguraw li komunikazzjonijiet kummerċjali li huma parti minn, jew jikkostitwixxu, servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni, li jkunu konformi mill-anqas ma’ dawn il-kundizzjonijiet:
|
Id-dritt Rumen
Il-Liġi Nru 506/2004
|
15 |
L-Artikolu 1 (2) u (3) tal-Legea nr. 506/2004 privind prelucrarea datelor cu caracter personal și protecția vieții private în sectorul comunicațiilor electronice (il-Liġi Nru 506/2004 dwar l-Ipproċessar tad-Data Personali u l-Protezzjoni tal-Ħajja Privata fis-Settur tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi), tas-17 ta’ Novembru 2004 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 1101 tal-25 ta’ Novembru 2004), jipprovdi: “2. Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi japplikaw għall-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku fin-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, inklużi n-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jsostnu l-ġbir tad-data u l-apparat ta’ identifikazzjoni. 3. Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi huma kkompletati bid-dispożizzjonijiet tal-legea nr. 677/2001 pentru protecția persoanelor cu privire la prelucrarea datelor cu caracter personal și libera circulație a acestor date [(il-Liġi Nru 677/2001 dwar il-Protezzjoni tal-Persuni fir-rigward tal-Ipproċessar ta’ Data Personali u dwar il-Moviment Liberu ta’ din id-Data) (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 790 tat-12 ta’ Diċembru 2001)]” |
|
16 |
L-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 506/2004 jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Għall-finijiet ta’ din il-liġi: […]
[…] 2. Id-definizzjonijiet previsti […] fil-punti 1 u 8 tal-Artikolu 1 tal-Legea nr. 365/2002 privind comerțul electronic [(il-Liġi Nru 365/2002 dwar il-Kummerċ Elettroniku), tas-7 ta’ Ġunju 2002 (ippubblikata mill-ġdid fil-Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 959 tad-29 ta’ Novembru 2006),] […] japplikaw ukoll għal din il-liġi.” |
|
17 |
Skont il-kliem tal-Artikolu 12(1) u (2) tal-Liġi Nru 506/2004: “1. Huma pprojbiti komunikazzjonijiet kummerċjali bl-użu ta’ sistemi ta’ telefonati u komunikazzjoni awtomatizzati li ma jeħtiġux l-involviment ta’ operatur uman, bil-fax jew bil-posta elettronika jew bi kwalunkwe metodu ieħor li juża servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku, sakemm l-abbonat jew l-utent ikkonċernat ma jkunx ta l-kunsens espliċitu tiegħu minn qabel biex jirċievi tali komunikazzjonijiet. 2. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, jekk persuna fiżika jew ġuridika tikseb direttament l-indirizz ta’ posta elettronika ta’ klijent waqt il-bejgħ ta’ prodott jew ta’ servizz lil dan il-klijent, konformement mal-Liġi Nru 677/2001, din il-persuna fiżika jew ġuridika tista’ tuża dan l-indirizz għal finijiet ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali li jirrigwardaw prodotti jew servizzi analogi li hija tikkummerċjalizza, bil-kundizzjoni li toffri b’mod ċar u espliċitu lill-klijenti l-possibbiltà li joġġezzjonaw permezz ta’ mezz sempliċi u mingħajr ħlas għal tali użu, kemm waqt il-kisba tal-indirizz tal-posta elettronika kif ukoll matul kull messaġġ, jekk il-klijent inizjalment ma oġġezzjonax għalih.” |
|
18 |
L-Artikolu 13(1), (2) u (5) tal-Liġi Nru 506/2004 huwa fformulat kif ġej: “1. Il-fatti li ġejjin jikkostitwixxu ksur amministrattiv: […] q) in-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 dwar il-komunikazzjonijiet mhux mitluba. 2. Il-ksur amministrattiv imsemmi fil-paragrafu 1(a) sa (l)(n), (o) u (q), huwa punibbli b’multa minn 5000 [lei Rumeni (RON) (madwar EUR 984)] sa 100000 [RON (madwar EUR 19697)] u, għall-kumpanniji kummerċjali li d-dħul mill-bejgħ tagħhom huwa ta’ iktar minn 5000000 [RON (madwar EUR 984892)], […] multa li tista’ tammonta għal 2 % tad-dħul mill-bejgħ. […] 5. Il-konstatazzjoni tal-ksur amministrattiv imsemmi fil-paragrafu 1(a) sa (j) u (l) sa (q), u l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet għandhom jitwettqu mill-persunal tal-ANSPDCP awtorizzat għal dan l-għan.” |
Il-Liġi Nru 365/2002
|
19 |
Il-punt 8 tal-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 365/2002 jipprevedi: “Għall-finijiet ta’ din il-liġi: […]
|
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
20 |
Inteligo Media hija l-pubblikatur tal-pubblikazzjoni tal-istampa online avocatnet.ro, intiża għall-informazzjoni lill-pubbliku ġenerali, mhux speċjalista fil-qasam legali, dwar l-emendi leġiżlattivi li jseħħu kuljum fir-Rumanija. |
|
21 |
Fis-27 ta’ Lulju 2018, din il-kumpannija introduċiet, taħt l-isem kummerċjali “Servizz Premium”, sistema ta’ abbonament bi ħlas għal parti mill-kontenut ipprovdut lill-qarrejja tagħha. Fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, l-imsemmija kumpannija kienet tippermetti l-viżwalizzazzjoni mingħajr ħlas, minn kull utent, ta’ numru massimu ta’ sitt artikli fix-xahar. Sabiex jaċċedi għal artikli addizzjonali, l-utent ikkonċernat kellu, l-ewwel, joħloq kont mingħajr ħlas fuq il-pjattaforma online inkwistjoni, li kien jimplika l-aċċettazzjoni, minn dan l-utent, tal-kundizzjonijiet kuntrattwali għall-provvista tas-“Servizz Premium”. Meta jsir abbonat ta’ dan is-servizz, l-imsemmi utent kien jikseb id-dritt li jaċċedi mingħajr ħlas għal żewġ artikoli addizzjonali fix-xahar, li jirċievi mingħajr ħlas, permezz ta’ posta elettronika, l-ittra ta’ informazzjoni ta’ kuljum, intitolata “Personal Update”, li tinkludi ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi leġiżlattivi tal-ġurnata ta’ qabel, b’hyperlinks lejn l-artikli rilevanti disponibbli fuq din il-pjattaforma, kif ukoll id-dritt li jaċċedi, b’mod fakultattiv u bi ħlas, għall-artikli kollha tal-pubblikazzjoni u li jirċievi, permezz ta’ posta elettronika, il-verżjoni sħiħa ta’ din l-ittra, intitolata “Informazzjoni fil-qosor”. |
|
22 |
Waqt il-ħolqien ta’ dan il-kont, l-utenti setgħu jagħżlu li ma jirċevux l-ittra ta’ informazzjoni “Personal Update”, billi jimmarkaw il-kaxxa “Ma rridx nirċievi l-‘Personal Update’” tal-formola online li kellha timtela għal dan l-għan. Bl-istess mod, kull darba li jirċievu din l-ittra, l-utenti li ma xtaqux iktar jirċevuha setgħu jagħfsu l-buttuna “WAQQAF L-ABBONAMENT” |
|
23 |
Fis-26 ta’ Settembru 2019, l-ANSPDCP fasslet rapport ta’ kontravenzjoni, li permezz tiegħu imponiet fuq Inteligo Media multa ta’ RON 42714 (madwar EUR 9000) għal ksur tal-Artikolu 5(1)(a) u (b), tal-Artikolu 6(1)(a) u tal-Artikolu 7 tal-GDPR. L-ANSPDCP qieset li din il-kumpannija ma setgħetx tipprova l-kisba tal-kunsens espliċitu ta’ 4357 utent għall-ipproċessar tad-data personali li tirrigwardahom (posta elettronika, password, isem tal-utent) u li hija kienet ipproċessat din id-data b’mod inkompatibbli mal-għan li għalih din kienet inġabret inizjalment. Fil-fatt, l-imsemmija data, inizjalment miġbura għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni, ġiet ipproċessata għall-finijiet tat-trażmissjoni tal-ittra ta’ informazzjoni “Personal Update”. |
|
24 |
Inteligo Media ressqet, quddiem it-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, ir-Rumanija) rikors intiż, prinċipalment, għall-annullament ta’ dan ir-rapport. |
|
25 |
Insostenn tar-rikors tagħha, Inteligo Media sostniet b’mod partikolari li, minħabba l-kontenut essenzjalment editorjali tagħha, l-ittra ta’ informazzjoni “Personal Update” ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mil-liġi sabiex tiġi kklassifikata bħala “komunikazzjoni kummerċjali”. Madankollu, bħala prekawzjoni, l-ipproċessar ta’ data personali minħabba t-trażmissjoni ta’ din l-ittra ta’ informazzjoni kien ibbażat fuq l-Artikolu 12(2) tal-Liġi Nru 506/2004, li jittrasponi l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2002/58 fid-dritt Rumen, u fuq l-Artikolu 6(1)(f) tal-GDPR. Din il-kumpannija kienet għalhekk tat lill-utenti kemm id-dritt li joġġezzjonaw li jirċievu l-imsemmija ittra ta’ informazzjoni kif ukoll id-dritt li jwaqqfu l-abbonament wara li jirċievu tali ittra. |
|
26 |
Permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2020, it-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest) qablet mal-argumenti mressqa mill-ANSPDCP u ċaħdet ir-rikors ta’ Inteligo Media. |
|
27 |
Permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ April 2021, il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest), li ddeċidiet dwar l-appell ippreżentat minn Inteligo Media kontra dik is-sentenza, annullatha u bagħtet lura l-kawża quddiem it-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest) sabiex tiddeċiedi mill-ġdid, minħabba li din l-aħħar qorti ma kinitx immotivat suffiċjentement l-imsemmija sentenza. |
|
28 |
Wara eżami mill-ġdid, permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2021, it-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest) laqgħet parzjalment it-talba ta’ Inteligo Media u naqqset l-ammont tal-multa li l-ANSPDCP kienet imponiet fuqha. Madankollu, dik il-qorti kkonfermat il-konstatazzjoni tal-ksur amministrattiv li tinsab fir-rapport ta’ kontravenzjoni tas-26 ta’ Settembru 2019. |
|
29 |
Adita bl-appelli ppreżentati kontra dik is-sentenza minn Inteligo Media u minn l-ANSPDCP, il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest), li hija l-qorti tar-rinviju, tqis li s-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali tiddependi mill-identifikazzjoni tal-bażi legali tal-ipproċessar tad-data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u mill-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex tali pproċessar ikun jista’ jitqies li huwa legali, fid-dawl tad-Direttiva 2002/58 u tal-GDPR. |
|
30 |
Skont dik il-qorti, huwa neċessarju li jiġu ċċarati, qabelxejn, l-ewwel nett, il-kundizzjonijiet li fihom l-indirizz elettroniku ta’ utent jista’ jitqies li nkiseb “fil-kuntest ta’ bejgħ ta’ prodott jew servizz”, fis-sens tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2002/58, it-tieni nett, il-portata tal-kunċett ta’ “kummerċjalizzazzjoni diretta”, li jinsab f’dan l-Artikolu 13, u, it-tielet nett, il-punt dwar jekk dan il-kunċett huwiex ekwivalenti għal dak ta’ “komunikazzjoni kummerċjali”, użat mil-leġiżlatur Rumen waqt it-traspożizzjoni tal-imsemmi Artikolu 13. |
|
31 |
Sussegwentement, fil-każ fejn, f’dan il-każ, l-indirizzi elettroniċi tal-utenti ma jkunux inkisbu “fil-kuntest ta’ bejgħ ta’ prodott jew servizz”, fis-sens tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2002/58, għandu jiġi ddeterminat jekk it-trażmissjoni permezz ta’ posta elettronika tal-ittra “Personal Update” taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni kemm tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva kif ukoll tad-dispożizzjonijiet li jissanzjonaw ksur eventwali tiegħu. |
|
32 |
Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju li jiġu ppreċiżati l-obbligi li awtorità superviżorja għandha meta tapplika l-Artikolu 83(2) tal-GDPR, sa fejn dawn ma jirriżultawx b’mod ċar mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
33 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda u l-punt (a) tar-raba’ domanda
|
34 |
Permezz tal-ewwel domanda u tal-punt (a) tar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(1) u (2) tad-Direttiva 2002/58 għandux jiġi interpretat fis-sens li editur ta’ pubblikazzjoni online jikseb l-indirizz tal-posta elettronika ta’ utent “fil-kuntest ta’ bejgħ ta’ prodott jew servizz”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 13(2), meta dan l-utent joħloq kont mingħajr ħlas fuq il-pjattaforma online tal-editur li jagħtih id-dritt li jaċċedi mingħajr ħlas ċertu numru ta’ artikli ta’ din il-pubblikazzjoni, li jirċievi mingħajr ħlas, permezz ta’ posta elettronika, ittra ta’ informazzjoni ta’ kuljum li tinkludi sommarju tal-leġiżlazzjonijiet l-ġodda koperti f’artikli fi ħdan il-pubblikazzjoni, inklużi hyperlinks lejn dawn l-artikli kif ukoll id-dritt li jaċċedi, bi ħlas, għal artikli u għal analiżi addizzjonali tal-imsemmija pubblikazzjoni u li t-trażmissjoni ta’ tali ittra ta’ informazzjoni tikkostitwixxi użu ta’ posta elettronika “għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta”, għal “prodotti jew servizzi simili”, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. |
|
35 |
Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2002/58, din tipprevedi, b’mod partikolari, l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali neċessarji sabiex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali, u b’mod partikolari tad-dritt għall-ħajja privata u għall-kunfidenzjalità, f’dak li jirrigwarda l-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. |
|
36 |
L-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2002/58 jipprevedi definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni” li tinkludi kull informazzjoni skambjata jew mibgħuta bejn numru finit ta’ partijiet permezz ta’ servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikament. |
|
37 |
L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/58, bit-titolu “Komunikazzjoni mhux mitluba”, jawtorizza, fil-paragrafu 1 tiegħu, l-użu ta’ diversi tipi ta’ komunikazzjonijiet, jiġifieri, b’mod partikolari, il-posta elettronika, għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta, bil-kundizzjoni li din tkun tirrigwarda abbonati jew utenti li jkunu taw il-kunsens tagħhom minn qabel. |
|
38 |
Bħala eċċezzjoni għar-rekwiżit ta’ tali kunsens, l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2002/58 jipprevedi li, meta, b’osservanza tad-Direttiva 95/46 jew tal-GDPR, persuna fiżika jew ġuridika tkun, fil-kuntest ta’ bejgħ ta’ prodott jew servizz, kisbet mingħand il-klijenti tagħha d-dettalji ta’ kuntatt elettroniku tagħhom għall-finijiet ta’ posta elettronika, din il-persuna fiżika jew ġuridika tista’ tuża dawn id-dettalji ta’ kuntatt elettroniku għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta sakemm hija tosserva l-kundizzjonijiet stipulati f’din id-dispożizzjoni. |
|
39 |
Mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 37 u 38 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dawn x’aktarx japplikaw biss għall-komunikazzjonijiet “għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta”. Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta għall-ewwel domandi u għall-punt (a) tar-Raba’ domanda, għandu jiġi ddeterminat, qabel kollox, jekk l-għan tal-komunikazzjoni ta’ ittra ta’ informazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex dak ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta u, fil-każ ta’ tweġiba fl-affermattiv, wara dan, jekk il-mittent ta’ din il-komunikazzjoni kisibx id-dettalji ta’ kuntatt elettroniku tal-utenti kkonċernati “fil-kuntest tal-bejgħ ta’ […] servizz”, fis-sens tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2002/58. |
|
40 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest li minnu din id-dispożizzjoni tifforma parti u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha din tifforma parti (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, u tal-1 ta’ Awwissu 2025, Alace u Canpelli, C‑758/24 u C‑759/24, EU:C:2025:591, punt 91). |
|
41 |
F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kliem tal-Artikolu 13 (1) u (2) tad-Direttiva 2002/58, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni ma tinkludi ebda indikazzjoni dwar it-tifsira tal-kunċett ta’ komunikazzjoni mwettqa “għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta”. Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan il-kunċett ikopri l-komunikazzjonijiet li għandhom għan kummerċjali u li huma indirizzati direttament u individwalment lil konsumatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2021, StWL Städtische Werke Lauf a.d.Pegnitz, C‑102/20, EU:C:2021:954, punt 47). |
|
42 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li messaġġi pubbliċitarji li jirrigwardaw il-promozzjoni ta’ servizzi, imxandra fil-forma ta’ posta elettronika, b’tali mod li jidhru direttament fl-inbox tal-posta elettronika privata tal-utent ikkonċernat, jikkostitwixxu tali komunikazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2021, StWL Städtische Werke Lauf a.d.Pegnitz, C‑102/20, EU:C:2021:954, punt 48). |
|
43 |
F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-komunikazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonsisti f’ittra ta’ informazzjoni ta’ kuljum, imxandra fil-forma ta’ posta elettronika, li tinkludi sommarju tal-leġiżlazzjonijiet l-ġodda koperti fl-artikli ta’ pubblikazzjoni tal-istampa online kif ukoll hyperlinks lejn dawn l-artikli. Huwa biss billi jsegwu dawn l-hyperlinks li l-utenti kkonċernati jistgħu jikkonsultaw il-kontenut sħiħ tagħha, mingħajr ħlas fil-limitu ta’ tmien artikli fix-xahar u, bi ħlas fir-rigward tal-artikli kollha disponibbli fuq il-pjattaforma online operata minn Inteligo Media. |
|
44 |
Il-fatt invokat mill-qorti tar-rinviju li, sa fejn din il-komunikazzjoni tinkludi sommarju tas-suġġetti ttrattati fl-artikli ta’ din il-pubblikazzjoni, din fiha wkoll kontenut informattiv ma jistax jimplika li din għandha tiġi eskluża mill-kunċett ta’ komunikazzjoni mwettqa “għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta”, fis-sens tal-Artikolu 13(1) u (2) tad-Direttiva 2002/58, u, għaldaqstant, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
45 |
Għall-kuntrarju, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 32 sa 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali komunikazzjoni hija intiża sabiex tħeġġeġ lill-utenti kkonċernati jaċċedu għall-kontenut bi ħlas ipprovdut minn editur tal-istampa, billi tiffavorixxi l-eżawriment tan-numru ta’ artikli li jistgħu jiġu kkonsultati mingħajr ħlas fuq il-pjattaforma online inkwistjoni u s-sottoskrizzjoni għal abbonament sħiħ. Għalhekk, din hija intiża sabiex tippromwovi l-bejgħ ta’ dan il-kontenut u għandha, konsegwentement, għan kummerċjali, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt41 ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, sa fejn din il-komunikazzjoni, imxandra fil-forma ta’ posta elettronika, tidher direttament fl-inbox tal-posta elettronika privata tad-destinatarji tagħha, għandu jitqies li din issir “għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta”, fis-sens tal-Artikolu 13(1) u (2) tad-Direttiva 2002/58, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dan l-għan jistax jiġi dedott biss mill-kontenut tal-imsemmija komunikazzjoni jew ukoll mill-istruttura tal-offerta tal-mittent tagħha. |
|
46 |
Din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ komunikazzjoni mwettqa “għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta” hija kkorroborata, fit-tieni lok, mill-kuntest li minnu tifforma parti u mill-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2002/58. |
|
47 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58 jistabbilixxi regola ta’ prinċipju, li tissuġġetta t-trażmissjoni tal-komunikazzjonijiet mhux mitluba li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għar-rekwiżit li jinkiseb il-kunsens minn qabel mingħand id-destinatarju tagħhom. |
|
48 |
Fl-assenza ta’ tali kunsens, tali komunikazzjoni hija awtorizzata biss jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2002/58. Din id-dispożizzjoni teħtieġ, qabel kollox, li l-mittent tal-komunikazzjoni inkwistjoni, filwaqt li josserva d-Direttiva 95/46 jew, skont il-każ, il-GDPR, jkun kiseb mingħand id-destinatarji tagħha d-dettalji ta’ kuntatt elettroniku tagħhom għall-finijiet ta’ posta elettronika, fil-kuntest tal-bejgħ ta’ prodott jew ta’ servizz. Sussegwentement, dawn id-dettalji ta’ kuntatt elettroniku jistgħu jintużaw għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta, bil-kundizzjoni li din il-kummerċjalizzazzjoni tkun tirrigwarda prodotti jew servizzi simili pprovduti mill-mittent innifsu. Fl-aħħar nett, dan l-użu huwa suġġett għall-kundizzjoni li dawn id-destinatarji jkunu, b’mod ċar u espliċitament, ingħataw l-opportunità li joġġezzjonaw, mingħajr ħlas u b’mod faċli, għal tali użu ta’ dettalji ta’ kuntatt elettroniku fil-ħin tal-ġbir tagħhom u fl-okkażjoni ta’ kull messaġġ fil-każ fejn il-klijent ma jkunx irrifjuta inizjalment tali użu. |
|
49 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2002/58 jipprojbixxi, f’kull każ, il-prattika li tintbagħat posta elettronika għall-iskopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta li tiddissimula jew taħbi l-identità tal-mittent li f’ismu tkun saret il-komunikazzjoni, bi ksur tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/31, mingħajr indikazzjoni ta’ indirizz validu li fuqu d-destinatarju jista’ jibgħatlu talba biex ma jirċevix tali komunikazzjonijiet, jew li tinkoraġġixxi lid-destinatarji jżuru siti tal-internet li jmorru kontra dak l-Artikolu6. |
|
50 |
Il-garanziji kollha mfakkra fil-punti 47 sa 49 ta’ din is-sentenza huma intiżi għall-ilħuq tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2002/58, kif stipulati fil-premessi 2 u 40 tagħha, intiżi b’mod partikolari sabiex jiggarantixxu r-rispett sħiħ tad-drittijiet esposti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u, għal dan l-għan, li jipproteġu lill-abbonati kontra kull ksur tal-ħajja privata tagħhom permezz ta’ komunikazzjonijiet mhux mitluba mwettqa għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta, b’mod partikolari permezz ta’ magni li jsejħu awtomatikament, telefaxes u posta elettronika, inklużi messaġġi bl-SMS. |
|
51 |
Kull interpretazzjoni li tgħid mod ieħor tirriskja li ddgħajjef l-effett utli tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/58 u li tqiegħed, għalhekk, inkwistjoni l-livell ta’ protezzjoni tal-ħajja privata previst minn din id-direttiva. Fil-fatt, jekk tiġi adottata interpretazzjoni kuntrarja, it-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tkunx koperta mill-garanziji previsti f’dan l-Artikolu 13, minkejja r-riskju ta’ preġudizzju għall-ħajja privata tal-utenti ta’ servizzi ta’ posta elettronika. |
|
52 |
Meta komunikazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha titqies bħala li twettqet “għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta”, fis-sens tal-Artikolu 13(1) u (2) tad-Direttiva 2002/58, għandu jiġi eżaminat, wara dan, jekk il-kundizzjoni prevista f’dan l-Artikolu 13(2) u msemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, li tipprevedi li l-mittent ta’ din il-komunikazzjoni għandu jkun kiseb id-dettalji ta’ kuntatt elettroniku tal-klijenti “fil-kuntest tal-bejgħ ta’ […] servizz”, hijiex issodisfatta. |
|
53 |
Fl-ewwel lok, minn naħa, hekk kif ġie indikat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, skont definizzjoni aċċettata b’mod komuni, il-kelma “bejgħ” tirreferi għal ftehim li neċessarjament jinvolvi ħlas inkambju għal prodott jew servizz. Għaldaqstant, dan it-terminu jista’ jkopri biss it-tranżazzjonijiet li jippreżupponu l-ħlas ta’ remunerazzjoni. |
|
54 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2002/58 jirrigwarda, b’mod ġenerali, is-“servizz [i]”, mingħajr ma jagħmel ebda distinzjoni skont it-tip ta’ servizz ikkonċernat. F’dak li jirrigwarda s-servizzi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/31, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-remunerazzjoni għal servizz ipprovdut minn fornitur fil-kuntest tal-attività ekonomika tiegħu ma titħallasx neċessarjament mill-persuni li jibbenefikaw minn dan is-servizz. Dan japplika b’mod partikolari meta servizz ipprovdut mingħajr ħlas jiġi pprovdut minn fornitur għal finijiet ta’ reklamar għal oġġetti mibjugħa jew għal servizzi pprovduti minn dan il-fornitur, fejn l-ispiża ta’ din l-attività tkun għalhekk integrata fil-prezz tal-bejgħ ta’ dawn l-oġġetti jew ta’ dawn is-servizzi (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Mc Fadden, C‑484/14, EU:C:2016:689, punti 41 u 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġu trasposti fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2002/58. |
|
55 |
Issa, dan huwa preċiżament il-każ f’din il-kawża. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kliem tal-ewwel domanda u mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju, id-dettalji ta’ kuntatt elettroniku tal-utenti kkonċernati nkisbu minn Inteligo Media waqt il-ħolqien, mill-utenti, ta’ kont mingħajr ħlas fuq il-pjattaforma online operata minn din il-kumpannija, li jippreżupponi l-aċċettazzjoni, minn dawn l-utenti, tal-kundizzjonijiet kuntrattwali ta’ provvista tas-“Servizz Premium”. Billi jissottoskrivu għal dan is-servizz, l-imsemmija utenti kienu jiksbu d-dritt ta’ aċċess mingħajr ħlas għal ċertu numru ta’ artikli li dehru fil-pubblikazzjoni kkonċernata u li jirċievu l-ittra ta’ informazzjoni “Personal Update”. Kif jirriżulta mill-punt 45 ta’ din is-sentenza, l-għan tal-provvista ta’ tali servizz huwa fuq kollox wieħed pubbliċitarju li jikkonsisti fil-promozzjoni tal-kontenut bi ħlas ipprovdut minn Inteligo Media, peress li l-ispiża ta’ dan is-servizz hija integrata fil-prezz ta’ dan il-kontenut. |
|
56 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, bi qbil ma dak li espona l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jitqies li remunerazzjoni indiretta, integrata fil-prezz tal-bejgħ tal-abbonament sħiħ offrut minn dan il-fornitur, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tissodisfa r-rekwiżit ta’ ħlas imfakkar fil-punt 53 ta’ din is-sentenza. |
|
57 |
Konsegwentement, tranżazzjoni bħal dik li fil-kuntest tagħha Inteligo Media kisbet id-dettalji elettroniċi tal-utenti tista’ tkun koperta mill-kunċett ta’ “bejgħ ta’ […] servizz”, fis-sens tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2002/58. |
|
58 |
Din l-interpretazzjoni hija, fit-tieni lok, konformi mal-kuntest li fih jintuża dan il-kunċett u mal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti. |
|
59 |
F’dan ir-rigward, huwa ċertament minnu li l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2002/58 jipprevedi eċċezzjoni, li tidderoga mir-regola ta’ prinċipju stabbilita f’dan l-Artikolu 13(1) u li għandha, għaldaqstant, tiġi interpretata b’mod strett. Madankollu, l-ewwel nett, il-formulazzjoni tal-imsemmi Artikolu 13(2) ma teskludix il-possibbiltà li r-remunerazzjoni meħtieġa għal tranżazzjoni ta’ “bejgħ”, fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija l-aħħar, tista’ titħallas minn persuna li ma hijiex il-benefiċjarju tal-prodott jew tas-servizz li huwa s-suġġett ta’ din it-tranżazzjoni. Bil-kontra ta’ dan, minn din il-formulazzjoni jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni llimita ruħu li jimponi li d-dettalji ta’ kuntatt elettroniku tal-utenti kkonċernati jinkisbu “fil-kuntest ta’ bejgħ ta’ prodott jew servizz”. |
|
60 |
It-tieni nett, l-interpretazzjoni tal-kliem tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2002/58 għandha, fi kwalunkwe każ, tkun konformi mal-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni. Minn dan jirriżulta li n-neċessità ta’ tali interpretazzjoni stretta ma tistax tinftiehem bħala li tippermetti interpretazzjoni ta’ dawn it-termini li ċċaħħadhom mill-effett utli tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2021, Frenetikexito, C‑581/19, EU:C:2021:167 punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
61 |
Issa, f’dak li jirrigwarda l-għan imfittex mill-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2002/58, mill-premessa 41 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jipprevedi deroga mill-prinċipju li jinsab f’dan l-Artikolu 13(1), meta d-dettalji ta’ kuntatt elettroniku tal-utenti kkonċernati jkunu nkisbu “[f]il-kuntest ta’ relazzjoni eżistenti mal-klijenti”, mingħajr ma jikkaratterizza iktar din ir-relazzjoni. |
|
62 |
Konsegwentement, u bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, jidher li, f’dan il-każ, hija ssodisfatta kemm il-kundizzjoni li d-dettalji ta’ kuntatt elettroniku tal-utenti kkonċernati jkunu nġabru “fil-kuntest ta’ bejgħ ta’ prodott jew servizz” kif ukoll dik, kif jirriżulta mill-punti 55 u 56 ta’ din is-sentenza, dwar in-natura analoga tas-servizz li huwa s-suġġett tal-kummerċjalizzazzjoni inkwistjoni. |
|
63 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda u għall-punt (a) tar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 13(1) u (2) tad-Direttiva 2002/58 għandu jiġi interpretat fis-sens li editur ta’ pubblikazzjoni online jikseb l-indirizz tal-posta elettronika ta’ utent “fil-kuntest ta’ bejgħ ta’ prodott jew servizz”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 13(2), meta dan l-utent joħloq kont mingħajr ħlas fuq il-pjattaforma online tal-editur li jagħtih id-dritt li jaċċedi mingħajr ħlas ċertu numru ta’ artikli ta’ din il-pubblikazzjoni, li jirċievi mingħajr ħlas, permezz ta’ posta elettronika, ittra ta’ informazzjoni ta’ kuljum li tinkludi sommarju tal-leġiżlazzjonijiet l-ġodda koperti f’artikli fi ħdan il-pubblikazzjoni, inklużi hyperlinks lejn dawn l-artikli kif ukoll id-dritt li jaċċedi, bi ħlas, għal artikli u għal analiżi addizzjonali tal-imsemmija pubblikazzjoni. It-trażmissjoni ta’ tali ittra ta’ informazzjoni tikkostitwixxi użu ta’ posta elettronika “għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta”, għal “prodotti jew servizzi simili”, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. |
Fuq it-tieni domanda
|
64 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2002/58, moqri flimkien mal-Artikolu 95 tal-GDPR, għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta l-kontrollur juża l-indirizz ta’ posta elettronika ta’ utent sabiex jibgħatlu komunikazzjoni mhux mitluba, konformement ma’ dan l-Artikolu 13(2), il-kundizzjonijiet ta’ legalità tal-ipproċessar previsti fl-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament huma applikabbli. |
|
65 |
Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR jipprevedi lista eżawrjenti u limitattiva tal-każijiet li fihom ipproċessar ta’ data personali jista’ jitqies bħala li huwa legali. Għalhekk, sabiex ikun jista’ jitqies li huwa leġittimu, ipproċessar għandu jaqa’ taħt wieħed mill-każijiet previsti f’din id-dispożizzjoni (sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 99, u tad-9 ta’ Jannar 2025, Mousse, C‑394/23, EU:C:2025:2, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
66 |
Dan espost, skont il-kliem espliċitu tal-Artikolu 95 tal-GDPR, dan ir-Regolament ma jimponix obbligi addizzjonali fuq persuni fiżiċi jew ġuridiċi fir-rigward tal-ipproċessar fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku f’networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet fl-Unjoni fir-rigward tal-aspetti li fir-rigward tagħhom dawn huma suġġetti għal obbligi speċifiċi li għandhom l-istess għan stabbilit fid-Direttiva 2002/58. |
|
67 |
Barra minn hekk il-premessa 173 tal-imsemmi regolament tispeċifika, b’mod analogu, li dan ir-Regolament għandu japplika għall-aspetti kollha li jirrigwardaw il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali vis-à-vis l-ipproċessar tad-data personali, li ma hijiex suġġetta għal obbligi speċifiċi li għandhom l-istess għan stabbiliti fid-Direttiva 2002/58, inkluż l-obbligi imposti fuq il-kontrollur u d-drittijiet tal-persuni fiżiċi. |
|
68 |
Issa, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2002/58 jirregola b’mod eżawrjenti kemm il-kundizzjonijiet u l-għanijiet tal-ipproċessar kif ukoll id-drittijiet tas-suġġett tad-data u jissuġġetta lill-kontrollur għal “obbligi speċifiċi”, fis-sens tal-Artikolu 95 tal-GDPR. Konsegwentement, il-legalità ta’ pproċessar ta’ data personali mwettaq fil-kuntest ta’ komunikazzjoni li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 13(2) tista’ tiġi stabbilita abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, mingħajr ma jkun neċessarju li din tiġi evalwata fid-dawl tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(1)(a) sa (f) tal-GDPR. |
|
69 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2002/58, moqri flimkien mal-Artikolu 95 tal-GDPR, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-kontrollur juża l-indirizz ta’ posta elettronika ta’ utent sabiex jibgħatlu komunikazzjoni mhux mitluba, konformement ma’ dan l-Artikolu 13(2), il-kundizzjonijiet ta’ legalità tal-ipproċessar previsti fl-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament ma humiex applikabbli. |
Fuq it-tielet domanda
|
70 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 13(1) u (2) tad-Direttiva 2002/58 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tuża l-kunċett ta’ “komunikazzjoni kummerċjali”, previst fl-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2000/31, minflok dak ta’ “kummerċjalizzazzjoni diretta”, u, fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, jekk ittra ta’ informazzjoni ta’ kuljum li tinkludi sommarju tal-leġiżlazzjonijiet l-ġodda koperti f’artikli ta’ pubblikazzjoni online, inklużi hyperlinks lejn dawn l-artikli, tikkostitwixxix “komunikazzjoni kummerċjali”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 2(f). |
|
71 |
F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ta’ regola tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-informazzjoni fattwali u legali neċessarja sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2021, Facebook Ireland et, C‑645/19, EU:C:2021:483, punt 115 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
72 |
Barra minn hekk, skont ġurisprudenza daqstant ieħor stabbilita, il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2021, Facebook Ireland et, C‑645/19, EU:C:2021:483, punt 116 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
73 |
F’dan il-każ, mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda u għall-punt (a) tar-raba’ domanda jirriżulta li l-komunikazzjoni ta’ ittra ta’ informazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi komunikazzjoni mwettqa “għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta”, fis-sens tal-Artikolu 13(1) u (2) tad-Direttiva 2002/58. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx, abbażi tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, li din tal-aħħar għandha bżonn, barra minn hekk, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni kummerċjali”, previst fl-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2000/31, sabiex tagħti deċiżjoni dwar it-tilwima lii għandha quddiemha. |
|
74 |
Minn dan isegwi li t-tielet domanda hija inammissibbli. |
Fuq il-punt (b) tar-raba’ domanda u fuq il-ħames domanda
|
75 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda u għall-punt (a) tar-raba’ domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-punt (b) tar-raba’ domanda u għall-ħames domanda. |
Fuq l-ispejjeż
|
76 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.