SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It‑Tielet Awla Estiża)
8 ta’ Ottubru 2025 ( *1 )
“Enerġija – Suq intern tal-elettriku – Linja gwida dwar l-ibbilanċjar tal-elettriku – Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2017/2195 – Pjattaforma Ewropea għall-proċess ta’ tpaċija tal-iżbilanċi – Assenza ta’ parteċipazzjoni tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni Svizzeru – Deċiżjoni tal-ACER li temenda l-qafas ta’ implimentazzjoni tal-pjattaforma – Appell ippreżentat quddiem il-Bord tal-Appell tal-ACER – Kundizzjonijiet u modalitajiet partikolari tal-appell – Artikolu 28 tar‑Regolament (UE) 2019/942 – Inammissibbiltà minħabba assenza ta’ locus standi quddiem il-Bord tal-Appell – Inċidenza diretta u individwali”
Fil-Kawża T‑556/23,
Swissgrid AG, stabbilita f’Aarau (l-Isvizzera), irrappreżentata minn P. De Baere, P. L’Ecluse, K. T’Syen, V. Lefever u V. Ion, avukati,
rikorrenti,
vs
L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), irrappreżentata minn P. Martinet u E. Tremmel, bħala aġenti, assistiti minn B. Creve u T. Kölsch, avukati,
konvenuta,
sostnuta minn
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn O. Beynet, T. Scharf, B. De Meester u C. Hödlmayr, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-QORTI ĠENERALI (It‑Tielet Awla Estiża),
Komposta, matul id-deliberazzjonijiet, minn P. Škvařilová-Pelzl, Presidenta, I. Nõmm (Relatur), G. Steinfatt, D. Kukovec u R. Meyer, Imħallfin,
Reġistratur: I. Kurme, Amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tat‑12 ta’ Marzu 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Swissgrid AG, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni A‑009‑2022 tal-Bord tal-Appell tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) tad‑29 ta’ Ġunju 2023 li tiċħad bħala inammissibbli l-appell mid-Deċiżjoni tal-ACER Nru 16/2022 tat‑30 ta’ Settembru 2022 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”). |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
2 |
Ir-rikorrenti hija kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Svizzeru li tikkostitwixxi l-unika operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku (iktar ’il quddiem it-“TSO”) fl-Isvizzera. |
|
3 |
Mill‑2012, ir-rikorrenti pparteċipat fl-International Grid Control Cooperation (IGCC), struttura ta’ kooperazzjoni bejn TSO li għandha l-għan li tottimizza l-ġestjoni awtomatizzata tar-riżervi għar-restawr tal-frekwenza permezz ta’ proċess ta’ tpaċija tal-iżbilanċi. Fl‑2016 ħdax‑il TSO, fosthom ir-rikorrenti, ikkonkludew bejniethom il-ftehim multilaterali dwar l-IGCC, li kien jirregola l-modalitajiet tal-kooperazzjoni tagħhom. |
|
4 |
Abbażi tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (ĠU 2009, L 211, p. 15), il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Regolament (UE) 2017/2195 tat‑23 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi linja gwida dwar l-ibbilanċjar tal-elettriku (ĠU 2017, L 312, p. 6), li jipprevedi l-istabbiliment ta’ pjattaformi Ewropej komuni għall-implimentazzjoni tal-proċess ta’ tpaċija tal-iżbilanċi u għat-twettiq tal-kundizzjonijiet tal-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza u mir-riżervi ta’ sostituzzjoni, u b’mod partikolari, fl-Artikolu 22 tagħha, pjattaforma Ewropea għall-proċess ta’ tpaċija tal-iżbilanċi. |
|
5 |
Fix-xahar ta’ Diċembru 2019, it-TSOs li huma partijiet għall-ftehim multilaterali dwar l-IGCC, fosthom ir-rikorrenti, ikkonkludew ftehim ta’ kooperazzjoni dwar l-IGCC (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ kooperazzjoni dwar l-IGCC”), li jissostitwixxi dan il-ftehim multilaterali. Il-ftehim ta’ kooperazzjoni huwa suġġett għal ftehim prinċipali dwar il-pjattaformi tal-ibbilanċjar, komuni għall-pjattaformi kollha, li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2020 (iktar ’il quddiem il-“ftehim prinċipali”). |
|
6 |
Fl‑24 ta’ Ġunju 2020, l-ACER adottat id-Deċiżjoni Nru 13/2020 dwar il-ħolqien ta’ pjattaforma Ewropea għall-proċess ta’ tpaċija tal-iżbilanċi (imbalance netting process, iktar ’il quddiem il-“pjattaforma IN”), li tinkludi, fl-anness, il-qafas ta’ implimentazzjoni tal-imsemmija pjattaforma (iktar ’il quddiem il-“qafas ta’ implimentazzjoni”). |
|
7 |
L-Artikolu 2(1)(j) tal-qafas ta’ implimentazzjoni kien jiddefinixxi l-kunċett ta’ “TSO Membru” bħala “kull TSO li [kien ingħaqad] mal-pjattaforma IN, inklużi t-TSOs minn żoni [ta’ aġġustament tas-saħħa tal-frekwenza] operati minn diversi TSOs minn Stati Membri differenti jew minn pajjiżi terzi” u l-Artikolu 2(1)(l) tiegħu, il-kunċett ta’ “TSO parteċipant” bħala “kull TSO membru li juża l-pjattaforma IN għall-implimentazzjoni tal-proċess ta’ tpaċija tal-iżbilanċi għall-iskambji previsti tal-enerġija tal-ibbilanċjar”. |
|
8 |
L-Artikolu 2(1)(f) tal-qafas ta’ implimentazzjoni kien jindika li l-IGCC “[kien] il-proġett ta’ implimentazzjoni li [kien] evolva lejn il-pjattaforma IN” u l-Artikolu 5(2) tiegħu kien jipprevedi li “t-TSOs membri kollha [kellhom] jimplimentaw l-adattamenti kollha meħtieġa għall-funzjonalitajiet tal-IGCC konformement [mal-qafas ta’ implimentazzjoni] […]”. Skont l-Artikolu 5(3) tal-qafas ta’ implimentazzjoni, sabiex jissodisfaw l-obbligu li l-pjattaforma IN issir operattiva, it-TSOs membri tiegħu “[kienu] jistabbilixxu l-pjattaforma IN li [kienet] ibbażata fuq il-proġett ta’ implimentazzjoni tal-IGCC li [kien] ittrasformat fi pjattaforma IN wara l-approvazzjoni [tal-qafas ta’ implimentazzjoni]”. |
|
9 |
Fil‑31 ta’ Marzu 2022, skont l-Artikolu 10(2) tal-qafas ta’ implimentazzjoni, in-Network Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku (iktar ’il quddiem l-“ENTSO‑E”) issottometta lill-ACER proposta ta’ emenda ta’ dan il-qafas ta’ implimentazzjoni, fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-entitajiet li jeżerċitaw il-funzjonijiet li huma ddefiniti fih. |
|
10 |
Fit‑30 ta’ Settembru 2022, l-ACER adottat id-Deċiżjoni Nru 16/2022 li temenda l-qafas ta’ implimentazzjoni. L-Artikolu 1(b) tal-Anness I ta’ din id-deċiżjoni emenda d-definizzjoni ta’ “TSO Membru” li tinsab fl-Artikolu 2(1)(j) tal-qafas ta’ implimentazzjoni, sabiex issa tkopri “kull TSO li għalih [kien] japplika r-Regolament [2017/2195] u li [kien] ngħaqad mal-pjattaforma IN, inklużi t-TSOs minn żoni multi-TSOs [ta’ aġġustament tas-saħħa tal-frekwenza]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
11 |
Fit‑30 ta’ Novembru 2022, ir-rikorrenti appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Bord tal-Appell tal-ACER. |
|
12 |
Permezz tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li d-Deċiżjoni Nru 16/2022 ma kinitx tikkostitwixxi att li jista’ jaffettwa s-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, b’tali mod li ma kienx hemm lok li jiġi eżaminat iktar qabel jekk din kinitx direttament u individwalment ikkonċernata mill-imsemmija deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU 2019, L 158, p. 22) u, għaldaqstant, ċaħad l-appell tagħha bħala inammissibbli. B’mod iktar preċiż, il-Bord tal-Appell:
|
It-talbiet tal-partijiet
|
13 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
14 |
L-ACER titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
15 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
|
16 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq tliet motivi. |
|
17 |
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tar-Regolament 2017/2195 Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell żbalja meta ddeċieda li dan kien jeskludi l-parteċipazzjoni tagħha fil-pjattaforma IN. |
|
18 |
It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942 għaċ-ċirkustanzi tal-każ. Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell żbalja meta ddeċieda li l-appell mid-Deċiżjoni Nru 16/2022 kien inammissibbli. |
|
19 |
Permezz tat-tielet motiv tagħha, ippreżentat sussidjarjament, ir-rikorrenti tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità, skont l-Artikolu 277 TFUE, kontra r-Regolament 2017/2195, fil-każ li dan ikollu jiġi interpretat bħala li jipprojbixxi l-parteċipazzjoni tagħha fil-pjattaforma IN. |
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tar-Regolament 2017/2195
|
20 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-motiv tad-Deċiżjoni kkontestata bbażat fuq il-fatt li r-Regolament 2017/2195 jeskludi l-parteċipazzjoni tal-Isvizzera fil-pjattaforma IN huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi. Permezz tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, hija ssostni li din il-konklużjoni tirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tar-Regolament 2017/2195. Fil-kuntest tat-tieni parti, hija tikkontesta b’mod iktar partikolari l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(6) u (7) tar-Regolament 2017/2195. |
|
21 |
Il-Kummissjoni u l-ACER iqisu li dan il-motiv tad-Deċiżjoni kkontestata ma fihx żball ta’ liġi. |
|
22 |
Iż-żewġ partijiet ta’ dan il-motiv, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, jimplikaw li jiġi vverifikat jekk il-Bord tal-Appell kellux raġun meta ddeċieda li l-Artikolu 1 tar-Regolament 2017/2195, dwar is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, kienx jeskludi l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-pjattaforma IN imsemmija fl-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament. |
|
23 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li jiġi kkunsidrat mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2024, VR Bank Ravensburg-Weingarten, C‑536/22, EU:C:2024:234, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
24 |
Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 1(2) tar-Regolament 2017/2195 jippreċiża li “[d]an ir-Regolament għandu japplika għa[t-TSOs], operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni (‘DSOs’) inklużi sistemi tad-distribuzzjoni magħluqa, awtoritajiet regolatorji, l-[ACER], [l-ENTSO‑E], partijiet terzi li lilhom ġew delegati responsabbiltajiet jew assenjati u parteċipanti tas-suq oħra”. |
|
25 |
Fir-rigward tal-Artikolu 1(6) tar-Regolament 2017/2195, fih huwa ppreċiżat li l-“pjattaformi Ewropej għall-iskambju tal-prodotti standard għall-ibbilanċjar tal-enerġija jistgħu jinfetħu għat-TSOs li joperaw l-Iżvizzera diment li l-liġi nazzjonali tagħha tkun timplimenta d-dispożizzjonijiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-suq tal-elettriku u diment li jkun hemm ftehim intergovernattiv dwar il-kooperazzjoni fir-rigward tal-elettriku bejn l-Unjoni u l-Iżvizzera, jew jekk l-esklużjoni tal-Iżvizzera tista’ twassal għal flussi ta’ enerġija fiżika mhux skedati minn ġewwa l-Iżvizzera u b’hekk tipperikola s-sigurtà tas-sistema fir-Reġjun.” |
|
26 |
Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 1(7) tar-Regolament 2017/2195: “Soġġett għall-kundizzjonijiet tal-paragrafu 6, il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-pjattaformi Ewropej għall-iskambju ta’ prodotti standard għall-enerġija tal-ibbilanċjar għandha tiddeċidiha l-Kummissjoni abbażi ta’ opinjoni tal-[ACER] u t-TSOs kollha f’konformità mal-proċeduri stipulati fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 4. Id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tat-TSOs Żvizzeri għandhom ikunu konsistenti mad-drittijiet u mar-responsabbiltajiet tat-TSOs li joperaw fl-Unjoni, sabiex ikun hemm funzjonament mingħajr xkiel tas-suq tal-ibbilanċjar fil-livell tal-Unjoni u sabiex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi għall-partijiet konċernati kollha.” |
|
27 |
Fir-rigward tal-interpretazzjoni letterali u kuntestwali tar-Regolament 2017/2195, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament ma jirreferix espliċitament biss għat-TSOs tal-Unjoni, il-paragrafi 6 u 7 tal-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament jipprevedi l-ipoteżijiet u l-modalitajiet li fihom it-TSOs Svizzeri jistgħu jitħallew jipparteċipaw f’uħud mill-pjattaformi previsti fl-imsemmi regolament abbażi ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni. |
|
28 |
Issa, l-eżistenza ta’ tali possibbiltà rrikonoxxuta lill-Kummissjoni li taċċetta l-parteċipazzjoni tat-TSOs Svizzeri biss, f’ċerti pjattaformi u taħt ċerti kundizzjonijiet biss, tista’ tiġi interpretata biss bħala eċċezzjoni, li turi l-assenza ta’ regola ta’ prinċipju li tinkludi l-parteċipazzjoni tat-TSOs esterni għall-Unjoni fil-pjattaformi previsti mir-Regolament 2017/2195, fosthom il-pjattaforma IN imsemmija fl-Artikolu 22. |
|
29 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li din il-konklużjoni hija msaħħa mill-interpretazzjoni teleoloġika tar-Regolament 2017/2195, peress li mill-premessi 1 u 10 jirriżulta li dan ikompli joħloq suq intern tal-enerġija kompletament funzjonali u interkonness. |
|
30 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni riedet li japplikaw regoli ekwi għat-TSOs li jipparteċipaw fil-pjattaformi. Il-formulazzjoni ta’ tali għan tinsab fil-premessa 8 tar-Regolament 2017/2195, li tipprovdi li “[r]-regoli dwar it-termini u l-kundizzjonijiet relatati mal-ibbilanċjar […] jiżguraw kompetizzjoni adegwata bbażata fuq kundizzjonijiet ġusti bejn il-parteċipanti fis-suq”. Dan l-għan jidher ukoll fl-Artikolu 19(3)(d), fl-Artikolu 20(3)(d), fl-Artikolu 21(3)(d) u fl-Artikolu 22(3)(d) tar-Regolament 2017/2195, fejn skont dawn ir-regoli li jirregolaw il-pjattaformi differenti għandhom ikunu “abbażi tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u […] jiżguraw it-trattament ekwu tat-TSO membri kollha u li l-ebda TSO ma jibbenefika minn vantaġġi ekonomiċi mhux ġustifikati permezz tal-parteċipazzjoni f’funzjonijiet tal-pjattaforma Ewropea”. |
|
31 |
Issa, kif il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tenfasizza, il-Konfederazzjoni Svizzera, minħabba r-rifjut tagħha tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), ma qablitx mal-proġett ta’ totalità ekonomika integrata ma’ suq uniku, ibbażat fuq regoli komuni bejn il-membri tagħha, iżda ppreferiet it-triq ta’ arranġamenti bilaterali mal-Unjoni u mal-Istati Membri tagħha, f’oqsma speċifiċi. Għaldaqstant, il-Konfederazzjoni Svizzera ma aderixxietx mas-suq intern tal-Unjoni (sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 2009, Grimme, C‑351/08, EU:C:2009:697, punt 27, u tas‑7 ta’ Marzu 2013, L‑Isvizzera vs Il‑Kummissjoni, C‑547/10 P, EU:C:2013:139, punti 78 u 79). |
|
32 |
Peress li t-TSOs Svizzeri, konsegwentement, ma humiex suġġetti għall-istess regoli bħal dawk applikabbli għat-TSOs tal-Istati Membri tal-Unjoni, l-esklużjoni tagħhom mill-parteċipazzjoni fil-pjattaformi previsti fir-Regolament 2017/2195, bla ħsara għal arranġament bilaterali alternattiv li jibqa’ dejjem possibbli, hija kompletament iġġustifikata fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmi regolament. |
|
33 |
Minn dan jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma wettaqx l-iżball ta’ liġi allegat mir-rikorrenti meta indika, fil-premessi 52 sa 57 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-parteċipazzjoni tat-TSOs Svizzeri, lil hinn mill-ipoteżijiet previsti fl-Artikolu 1(6) u (7) tar-Regolament 2017/2195, kienet eskluża. |
|
34 |
Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argumenti tar-rikorrenti. |
|
35 |
Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-premessa 70 tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU 2019, L 158, p. 54), għandu jiġi kkonstatat li din sempliċement tenfasizza l-importanza ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri, il-partijiet kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija u pajjiżi terzi oħra li japplikaw l-imsemmi regolament jew li jagħmlu parti miż-żona sinkronika tal-Ewropa kontinentali. |
|
36 |
Issa, ma teżisti ebda kontradizzjoni bejn, minn naħa, id-dikjarazzjoni tal-intenzjoni tal-leġiżlatur li jippromwovi kooperazzjoni internazzjonali u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Artikolu 1 tar-Regolament 2017/2195 jillimita l-parteċipazzjoni fil-pjattaformi li huwa jirregola biss għat-TSOs tal-Unjoni. Fil-fatt, il-parteċipazzjoni fl-imsemmija pjattaformi tista’ tkun ibbażata fuq dispożizzjoni differenti mill-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, bħal ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz ikkonċernat, b’tali ftehim, skont l-Artikolu 216(2) TFUE, jorbot lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u, konsegwentement, jipprevali fuq l-atti tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Bl-istess mod, f’dan il-kuntest, il-fatt li l-Artikolu 23 tar-Regolament 2017/2195, dwar il-qsim tal-ispejjeż bejn it-TSOs fi Stati Membri differenti, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu, it-tqassim tal-ispejjeż komuni bejn it-TSOs fl-Istati Membri u fil-pajjiżi terzi li jipparteċipaw fil-pjattaformi Ewropej ma jistax jiġi interpretat bħala li jagħti, fih innifsu, dritt għall-parteċipazzjoni fil-pjattaformi tat-TSOs ta’ pajjiżi terzi. Għandu pjuttost jinftiehem bħala li jispjega l-modalitajiet ta’ tqassim tal-imsemmija spejjeż bejn it-TSOs tal-Unjoni li jipparteċipaw fil-pjattaformi skont l-Artikolu 1 tar-Regolament 2017/2195 u t-TSOs tal-pajjiżi terzi li jipparteċipaw f’dawn il-pjattaformi abbażi ta’ bażi legali oħra. |
|
38 |
Fir-rigward tal-premessa 15 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1485 tat‑2 ta’ Awwissu 2017 li jistabbilixxi linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku (ĠU 2017, L 220, p. 1), li għaliha tirreferi r-rikorrenti, din tenfasizza b’mod espliċitu l-għan li l-pajjiżi terzi jiġu sostnuti għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ regoli simili għal dawk li jinsabu fl-imsemmi regolament. Barra minn hekk, għalkemm dan ir-regolament jenfasizza l-għan li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn it-TSOs tal-Unjoni u dawk ta’ pajjiżi terzi fir-rigward tal-operat sigur tas-sistema, għandu jiġi rrilevat li din il-kooperazzjoni ma tiddependix neċessarjament minn aċċess għall-pjattaformi previsti mir-Regolament 2017/2195, iżda tista’ tieħu l-forma ta’ ftehimiet bejn it-TSOs tal-Unjoni u t-TSOs tal-pajjiżi terzi kkonċernati, kif jipprevedi b’mod espliċitu l-Artikolu 13 tar-Regolament 2017/1485, li jipprovdi li “[m]eta żona sinkronika tkun tkopri kemm TSOs tal-Unjoni kif ukoll TSOs ta’ pajjiżi terzi, fi żmien 18‑il xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, it-TSOs kollha tal-Unjoni f’dik iż-żona sinkronika għandhom ifittxu li jikkonkludu ftehim mat-TSOs tal-pajjiżi terzi li mhumiex marbutin b’dan ir-Regolament li jistabbilixxi l-bażi għall-kooperazzjoni tagħhom rigward it-tħaddim sigur tas-sistema u li jistabbilixxi l-arranġamenti sabiex dawk it-TSOs ta’ pajjiżi terzi jkunu konformi mal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament.” |
|
39 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fatt li l-pjattaforma IN ma taqax taħt il-kunċett ta’ “pjattaformi Ewropej għall-iskambju ta’ prodotti standard tal-ibbilanċjar” użat fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament 2017/2195, dan jimplika biss li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti ma tistax tiġi awtorizzata abbażi ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 1(7) ta’ dan l-istess regolament, iżda teħtieġ l-eżistenza ta’ bażi legali oħra, kif spjegat fil-punt 36 iktar ’il fuq. |
|
40 |
Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud. |
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942 għaċ-ċirkustanzi tal-każ
|
41 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942 billi qies li d-Deċiżjoni Nru 16/2022 ma kinitx tbiddel b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha. Fil-kuntest tal-ewwel parti, hija tikkritika lill-Bord tal-Appell li ma kkunsidrax li hija kellha dritt tipparteċipa fil-pjattaforma IN skont id-Deċiżjoni Nru 13/2020. Permezz tat-tieni parti tagħha, hija tqis li l-Bord tal-Appell kien żbaljat meta ma ħax inkunsiderazzjoni l-effetti tad-Deċiżjoni Nru 16/2022 fuq il-kuntratti li hija parti għalihom. |
|
42 |
L-ACER, sostnuta mill-Kummissjoni, twieġeb, b’mod partikolari, li l-ewwel parti hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li r-rikorrenti kellha dritt tipparteċipa fil-pjattaforma IN skont id-Deċiżjoni Nru 13/2020, peress li tali parteċipazzjoni setgħet tirriżulta biss minn deċiżjoni f’dan is-sens tal-Kummissjoni skont ir-Regolament 2017/2195. Hija żżid li, fil-kuntest leġiżlattiv li fih kienet taqa’ d-Deċiżjoni Nru 13/2020, ir-riferiment għall-“pajjiżi terzi” li jinsab fl-Artikolu 3(1)(j) tal-qafas ta’ implimentazzjoni seta’ jinftiehem biss bħala li jirreferi għall-pajjiżi terzi li japplikaw id-dritt tal-Unjoni. Fir-rigward tat-tieni parti tal-motiv, l-ACER tikkontesta l-ammissibbiltà tagħha u ssostni li, fi kwalunkwe każ, din għandha tiġi miċħuda bħala infondata. Għalhekk, il-Bord tal-Appell ġustament irrileva li arranġamenti kuntrattwali li jaqgħu taħt id-dritt privat ma jistgħux jiġu invokati sabiex tiġi kkontestata l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u r-rikorrenti ssostni, b’mod żbaljat, li d-Deċiżjoni Nru 16/2022 hija ekwivalenti għal kontestazzjoni tal-legalità tal-ftehim prinċipali u tal-ftehim ta’ kooperazzjoni dwar l-IGCC. |
|
43 |
Fil-punti 57 sa 63 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li d-Deċiżjoni Nru 16/2022 ma kinitx tipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha minħabba, l-ewwel nett, li l-imsemmija sitwazzjoni legali ma kinitx irregolata mid-Deċiżjonijiet Nru 13/2020 sussegwentement Nru 16/2022, iżda mir-Regolament 2017/2195, li minnu jirriżulta li r-rikorrenti ma kellhiex dritt tipparteċipa fil-pjattaforma IN, it-tieni nett, li fl-assenza ta’ tali dritt skont id-Deċiżjoni Nru 13/2020, ma setax jitqies li d-Deċiżjoni Nru 16/2022 kienet taffettwaha direttament u individwalment u, it-tielet nett, li l-parteċipazzjoni fil-passat tar-rikorrenti fi proġetti ta’ pjattaforma jew fil-kuntratti relatati kienet irrilevanti. |
|
44 |
Il-Qorti Ġenerali tqis li ż-żewġ partijiet tal-motiv għandhom jiġu ttrattati flimkien u, għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata preliminarjament l-ammissibbiltà tat-tieni parti, ikkontestata mill-ACER. |
Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni parti, ikkontestata mill-ACER
|
45 |
L-ACER tqis li din it-tieni parti tal-motiv hija inammissibbli sa fejn ir-rikorrenti ma pprovdietx il-kopji tal-ftehim ta’ kooperazzjoni dwar l-IGCC u tal-ftehim prinċipali fl-anness tar-rikors tagħha u tirreferi biss b’mod vag u ġenerali għall-kontenut tagħhom. |
|
46 |
Bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, kif ukoll tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża, it-talbiet u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni fil-qosor tal-imsemmija motivi. Din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan jibbaża ruħu jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors innifsu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il‑Kummissjoni, T‑85/92, EU:T:1993:39, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ir-rikors għandu, għalhekk, jispjega fiex jikkonsisti l-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’mod li s-sempliċi dikjarazzjoni astratta tiegħu ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura. Rekwiżiti simili huma meħtieġa meta jiġi invokat ilment insostenn ta’ motiv (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2015, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, T‑538/11, EU:T:2015:188, punt 131 u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tas‑27 ta’ Novembru 2020, PL vs Il‑Kummissjoni, T‑728/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:575, punt 64). |
|
47 |
Skont it-tieni parti tal-motiv, ir-rikorrenti, l-ewwel nett, issostni li għandha dritt kuntrattwali li tipparteċipa fil-pjattaforma IN bis-saħħa tal-ftehim prinċipali u tal-ftehim ta’ kooperazzjoni dwar l-IGCC. It-tieni nett, hija tqis li l-qafas ta’ implimentazzjoni, kif jinsab fl-anness tad-Deċiżjoni Nru 16/2022, iwassal sabiex iċaħħadha minn dan id-dritt kuntrattwali. It-tielet nett, minn applikazzjoni b’analoġija tal-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2007, Alrosa vs Il‑Kummissjoni (T‑170/06, EU:T:2007:220, punt 39), u tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Groupe Canal + vs Il‑Kummissjoni (T‑873/16, EU:T:2018:904, punti 22 sa 27), hija tiddeduċi li d-Deċiżjoni Nru 16/2022 biddlet b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha. |
|
48 |
Għandu jiġi kkonstatat li tali argument huwa kompletament konformi mal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura. |
|
49 |
Dak li l-ACER tikkontesta pjuttost jirrigwarda l-assenza ta’ prova mir-rikorrenti tal-premessa fattwali li fuqha huwa bbażat dan l-argument, jiġifieri l-eżistenza ta’ dritt kuntrattwali li tipparteċipa fil-pjattaforma IN bis-saħħa tal-ftehim prinċipali u tal-ftehim ta’ kooperazzjoni dwar l-IGCC, sa fejn hija ma pprovdietx f’anness mar-rikors tagħha kopja ta’ dawn id-dokumenti. |
|
50 |
Huwa minnu li r-rikorrenti ma pproduċietx kopja ta’ dawn il-ftehimiet fl-anness mar-rikors tagħha. Fir-replika tagħha, hija ġġustifikat din l-assenza bil-kumplessità u bit-tul ta’ dawn id-dokumenti u bin-natura allegatament inutli ta’ tali produzzjoni, iżda pproduċiet prova f’dan is-sens. Wara miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti kkomunikat lill-Qorti Ġenerali kopja tal-ftehim ta’ kooperazzjoni dwar l-IGCC u tal-ftehim prinċipali. |
|
51 |
Skont l-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-“provi għandhom jiġu prodotti jew proposti fil-kuntest tal-ewwel skambju ta’ noti” u, skont il-paragrafu 2 il-“partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda insostenn tal-argumenti tagħhom anki fir-replika u fil-kontroreplika, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard.” |
|
52 |
Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ġġustifikat, fis-sens tal-Artikolu 85(2) tar-Regoli tal-Proċedura, id-dewmien fl-offerta ta’ prova tagħha, billi enfasizzat, essenzjalment, li hija kienet tqis li ma kienx neċessarju li turi l-eżistenza fil-konfront tagħha ta’ dritt kuntrattwali li tipparteċipa fil-pjattaforma IN. |
|
53 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, sa mill-att ta’ appell tagħha quddiem il-Bord tal-Appell, ir-rikorrenti sostniet li d-Deċiżjoni Nru 16/2022 kienet taffettwa d-drittijiet kuntrattwali tagħha, kif ġabar fil-qosor il-Bord tal-Appell fil-punt 44 tad-Deċiżjoni kkontestata. Issa, l-imsemmi kumitat ma kkontestax il-materjalità ta’ dawn id-drittijiet kuntrattwali, iżda ċaħad dan l-argument bħala irrilevanti, billi enfasizza fil-punt 64 tad-Deċiżjoni kkontestata li l-parteċipazzjoni fil-passat fi proġetti ta’ pjattaformi jew f’arranġamenti kuntrattwali ma setgħetx tiġi invokata b’mod li jikkontesta d-dispożizzjonijiet partikolari li jinsabu fir-Regolament 2017/2195. Għaldaqstant, ir-rikorrenti setgħet leġittimament tqis li ma kellhiex turi l-eżistenza ta’ dawn id-drittijiet kuntrattwali li l-materjalità tagħhom ma kinitx ġiet ikkontestata mill-Bord tal-Appell. |
|
54 |
L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-ACER għandha għalhekk tiġi miċħuda. |
Fuq l-eżami tal-mertu tal-motiv
|
55 |
L-Artikolu 28 tar-Regolament 2019/942 intitolat “Deċiżjonijiet soġġetti għal appell”, jippreċiża, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[k]ull persuna fiżika jew ġuridika, inklużi l-awtoritajiet regolatorji, tista’ tappella kontra deċiżjoni msemmija [fl-Artikolu 2(d)] li tkun indirizzata lil dik il-persuna, jew kontra deċiżjoni li, għalkemm fil-forma ta’ deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra, tikkonċerna direttament lil dik il-persuna”. |
|
56 |
Peress li din id-dispożizzjoni hija ispirata minn dik dwar ir-rikors għal annullament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod iktar partikolari, fuq l-ewwel parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, hija għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-ġurisprudenza relatata ma’ din l-aħħar dispożizzjoni. |
|
57 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li meta r-rikors għal annullament jiġi ppreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika, dan ikun disponibbli biss jekk l-effetti legali vinkolanti tal-att ikkontestat ikunu ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu. Min-naħa l-oħra, fir-rigward b’mod iktar partikolari ta’ rikors għal annullament kontra att li tiegħu huwa ma huwiex id-destinatarju, dan ir-rekwiżit jikkoinċidi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, dwar il-fatt li r-rikorrent ikun affettwat direttament u individwalment mill-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punti 37 u 38). |
|
58 |
Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-interess dirett, skont ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta li l-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mill-att li jkun is-suġġett tar-rikors teħtieġ li dan l-att jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħha u ma jħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li għandhom jimplementawh, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2008, Il‑Kummissjoni vs Infront WM, C‑125/06 P, EU:C:2008:159, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
59 |
Fir-rigward tal-interess individwali, skont ġurisprudenza stabbilita, persuna fiżika jew ġuridika li ma hijiex id-destinatarju ta’ att tista’ tippretendi li hija kkonċernata individwalment, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, biss jekk tkun ippreġudikata mill-att inkwistjoni, minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzaha meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzaha b’mod analogu għal dak tad-destinatarju tal-att (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223, ara wkoll is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonlinie et vs Il‑Kummissjoni, C‑133/12 P, EU:C:2014:105, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
60 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-motiv tad-Deċiżjoni kkontestata, ibbażat fuq il-fatt li s-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti hija direttament irregolata mir-Regolament 2017/2195 u mhux mid-Deċiżjonijiet Nru 13/2020 u Nru 16/2022, ma jistax jiġġustifika l-konklużjoni tal-inammissibbiltà tal-appell ippreżentat quddiemu. |
|
61 |
Fil-fatt, peress li l-Artikolu 22(1) tar-Regolament 2017/2195 jipprevedi l-preżentazzjoni u l-adozzjoni ta’ proposta dwar il-qafas ta’ implimentazzjoni u li huwa fuq din il-bażi legali li d-Deċiżjoni Nru 16/2022 ġiet adottata, ir-rikorrenti kellha d-dritt tikkontesta l-legalità tagħha, sakemm il-kundizzjonijiet previsti mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 57 sa 59 iktar ’il fuq ikunu ssodisfatti, indipendentement mill-portata tar-Regolament 2017/2195. Fil-fatt, il-fatt li, għar-raġunijiet imsemmija bi tweġiba għall-ewwel motiv, ir-Regolament 2017/2195 ma jipprevedix il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-pjattaforma IN kien jikkostitwixxi kunsiderazzjoni rilevanti għall-eżami tal-mertu tar-rikors, iżda mhux għall-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tiegħu. |
|
62 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Bord tal-Appell kellux iqis li r-rikorrenti kienet direttament u individwalment affettwata mid-Deċiżjoni Nru 16/2022, għandu, l-ewwel nett, jiġi rrilevat li hija materjalment eżatta l-affermazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq il-fatt li hija parti fil-ftehim prinċipali kif ukoll fil-ftehim ta’ kooperazzjoni dwar l-IGCC u, fir-rigward ta’ dan it-tieni ftehim, li hija tikkostitwixxi “membru parteċipant”, jiġifieri li hija tuża l-IGCC għal finijiet ta’ tpaċija, u dan sa mix-xahar ta’ Marzu 2012. |
|
63 |
It-tieni nett, huwa stabbilit, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1)(f) tal-qafas ta’ implimentazzjoni fil-verżjonijiet tiegħu li jirriżultaw kemm mid-Deċiżjoni Nru 13/2020 kif ukoll mid-Deċiżjoni Nru 16/2022 li l-IGCC huwa l-proġett ta’ implimentazzjoni li jevolvi lejn il-pjattaforma IN. |
|
64 |
Barra minn hekk, l-adozzjoni ta’ qafas ta’ implimentazzjoni tal-pjattaforma IN skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament 2017/2195 ma neħħietx ir-rilevanza tal-kuntratti li għalihom ir-rikorrenti hija parti, peress li dawn ikomplu jirregolaw il-funzjonament tal-imsemmija pjattaforma fl-estensjoni tal-imsemmi qafas ta’ implimentazzjoni. Għalhekk, minn naħa, mill-qari tal-preambolu tal-ftehim prinċipali, komuni għall-pjattaformi kollha previsti mir-Regolament 2017/2195, jirriżulta li dan huwa intiż li jiddetermina l-qafas tal-obbligi reċiproċi tal-partijiet dwar l-iżvilupp, il-manutenzjoni u l-operat tal-imsemmija pjattaformi u konformement mal-oqfsa ta’ implimentazzjoni adottati skont dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-ftehim ta’ kooperazzjoni dwar l-IGCC, fil-paragrafu 6 tal-preambolu tiegħu huwa mfakkar li dan jikkostitwixxi l-proġett ta’ implimentazzjoni għall-istabbiliment tal-pjattaforma IN u, fil-paragrafu 8 ta’ dan il-preambolu, li dan għandu jkun konformi mar-Regolament 2017/2195 kif ukoll mal-qafas ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 22(1) tiegħu. |
|
65 |
It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li mill-qafas ta’ implimentazzjoni kif anness mad-Deċiżjoni Nru 13/2020 ma jirriżultax b’mod ċar li r-rikorrenti ma setgħetx iżżomm il-parteċipazzjoni tagħha fil-pjattaforma IN abbażi tad-drittijiet kuntrattwali tagħha u li għalhekk hija setgħet tikkunsidra li s-sitwazzjoni legali tagħha ma kinitx affettwata mid-Deċiżjoni Nru 13/2020. Fil-fatt, il-formulazzjoni tal-Artikolu 2(1)(j) tal-qafas ta’ implimentazzjoni (ara l-punt 7 iktar ’il fuq) kien jiddefinixxi, għalhekk, “TSO membru” permezz tal-fatt li huwa kien ingħaqad mal-pjattaforma IN u kien jinkludi fiha espressament it-“TSOs minn żoni [ta’ aġġustament tas-saħħa tal-frekwenza] operati minn diversi TSOs minn Stati Membri differenti jew minn pajjiżi terzi” u kien jillimita ruħu li jiddefinixxi TSO “parteċipant” bħala “kull TSO membru li juża l-pjattaforma IN għall-implimentazzjoni tal-proċess ta’ tpaċija tal-iżbilanċi għall-iskambji previsti tal-enerġija tal-ibbilanċjar”. |
|
66 |
Barra minn hekk, jekk, sa fejn il-qafas ta’ implimentazzjoni ġie adottat skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament 2017/2195, is-sens eżatt tad-dispożizzjonijiet tiegħu kellu jiġi ddeterminat fid-dawl ta’ dan ir-regolament, tali interpretazzjoni konformi ma tistax titqies li setgħet tneħħi kull dubju dwar il-possibbiltà għar-rikorrenti li tkompli l-parteċipazzjoni tagħha fil-pjattaforma IN abbażi tad-drittijiet kuntrattwali tagħha. Minn naħa, l-Artikolu 1 tar-Regolament 2017/2195 ma kienx, għalhekk, is-suġġett ta’ interpretazzjoni mill-qorti tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-mod kif dan ir-regolament huwa redatt seta’ jagħti lir-rikorrenti l-possibbiltà li żżomm il-parteċipazzjoni tagħha fil-pjattaforma IN. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-assenza ta’ riferiment biss għat-TSOs tal-Unjoni fl-Artikolu 1(2) tagħha, għall-fatt li l-pjattaforma IN ma taqax taħt il-kunċett ta’ “pjattaformi Ewropej għall-iskambju ta’ prodotti standard tal-ibbilanċjar” użat fl-Artikolu 1(6) tagħha, jew inkella taħt ir-riferiment għall-Artikolu 23(3) għall-“pajjiżi terzi li jipparteċipaw fil-pjattaformi Ewropej”. |
|
67 |
F’dan ir-rigward, dan id-dubju ma jistax jitqies li tneħħa fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 13/2020 permezz tat-teħid ta’ pożizzjoni informali tal-Kummissjoni u tal-ACER. Minn naħa, fir-rigward tal-ittra tal-Assistent Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni tal‑1 ta’ Lulju 2020 indirizzata lil ċerti TSOs, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li din kienet tirrigwarda kwistjoni differenti minn dik tal-possibbiltà għar-rikorrenti li tipparteċipa fil-pjattaformi li jaqgħu taħt ir-Regolament 2017/2195, jiġifieri dik tal-esklużjoni tat-TSOs ta’ pajjiżi terzi, inkluża l-Isvizzera, miċ-ċentri ta’ koordinazzjoni reġjonali previsti mill-Artikolu 35 tar-Regolament 2019/943, u li din ma kienet tinkludi ebda riferiment għar-Regolament 2017/2195 jew għall-pjattaforma IN. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ittra tal‑24 ta’ Novembru 2021 tal-ACER lill-ENTSO‑E, għalkemm din tirrigwarda espliċitament l-impossibbiltà għar-rikorrenti li tipparteċipa fil-pjattaformi previsti mir-Regolament 2017/2195, din inħarġet wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tal-appell mid-Deċiżjoni Nru 13/2020 quddiem il-Bord tal-Appell. |
|
68 |
Huwa biss bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 16/2022 li teħid ta’ pożizzjoni formali li teskludi espliċitament il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-pjattaforma IN ġie adottat mill-ACER. Fil-fatt, fl-Artikolu 2(1)(j) tal-qafas ta’ implimentazzjoni (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), issa jissemma espliċitament li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “TSO Membru” biss it-TSOs li għalihom japplika r-Regolament 2017/2195. |
|
69 |
Konsegwentement, wara d-Deċiżjoni Nru 16/2022, ir-rikorrenti ma tistax tkompli tipparteċipa fil-pjattaforma IN skont il-ftehim prinċipali u l-ftehim ta’ kooperazzjoni dwar l-IGCC. Għaldaqstant, din id-deċiżjoni għandha titqies li ċċaħħad lir-rikorrenti mill-eżerċizzju tad-drittijiet kuntrattwali tagħha u, għaldaqstant, bħala li tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħha fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 58 iktar ’il fuq. |
|
70 |
Bl-istess mod, ir-rikorrenti għandha titqies li hija affettwata mid-Deċiżjoni Nru 16/2022 minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzaha meta mqabbla ma’ kull persuna oħra fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 59 iktar ’il fuq. |
|
71 |
Fil-fatt, kif ġie enfasizzat fil-punt 63 iktar ’il fuq, peress li l-IGCC hija, skont il-qafas ta’ implimentazzjoni stess, il-proġett li jevolvi lejn il-pjattaforma IN, ir-rikorrenti, bħala parteċipant f’din il-pjattaforma sa mill‑2012, tinsab f’sitwazzjoni differenti meta mqabbla ma’ TSOs oħra ta’ pajjiżi terzi li ma bbenefikawx minn tali parteċipazzjoni. |
|
72 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti, bħala l-uniku TSO Svizzeru, tinsab f’sitwazzjoni differenti minn dawk tat-TSOs ta’ pajjiżi terzi oħra, peress li l-Isvizzera għandha l-ispeċifiċità ġeografika li tkun, de facto, imdawra minn pajjiżi membri tal-Unjoni. Mill-perspettiva tal-għan tar-Regolament 2017/2195, kif spjegat fl-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri li jiġu stabbiliti “linji gwida ddettaljati dwar l-ibbilanċjar tal-elettriku, inkluż l-istabbiliment ta’ prinċipji komuni għall-akkwist u l-issetiljar tar-riżervi għall-konteniment tal-frekwenzi, tar-riżervi għar-restawr tal-frekwenza u tar-riżervi ta’ rimpjazzament kif ukoll metodoloġija komuni għall-attivazzjoni tar-riżervi tar-restawr tal-frekwenza u tas-sostituzzjoni”, għandu jitqies li din hija sitwazzjoni fattwali li tikkaratterizza lir-rikorrenti meta mqabbla mat-TSOs li jinsabu f’pajjiżi terzi oħra. |
|
73 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti kienet ikkonċernata direttament u individwalment mid-Deċiżjoni Nru 16/2022, b’tali mod li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 57 iktar ’il fuq, din kienet tipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tagħha. |
|
74 |
Il-Bord tal-Appell għalhekk kiser l-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942 meta ddeċieda li l-appell quddiemu kien inammissibbli. |
|
75 |
Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jintlaqa’ u, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat it-tielet motiv, id-Deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata. |
Fuq l-ispejjeż
|
76 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. F’dan il-każ, peress li l-ACER tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk tar-rikorrenti, konformement mat-talbiet tagħha. |
|
77 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (It‑Tielet Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Škvařilová-Pelzl Nõmm Steinfatt Kukovec Meyer Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑8 ta’ Ottubru 2025. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.