European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1539

3.7.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/1539

tat-22 ta’ Ġunju 2026

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ fir-rigward tal-metodu ta’ valutazzjoni organolettika għaż-żejt taż-żebbuġa verġni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (il-“Ftehim”) ġie konkluż fmill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 (1).

(2)

Skont l-Artikolu 7(1), il-punt (b), tal-Ftehim, il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC) (“il-Kunsill tal-Membri”) jista’ jieħu deċiżjonijiet u jadotta rakkomandazzjonijiet għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim.

(3)

Il-Kunsill tal-Membri, waqt il-123 sessjoni tiegħu f’Ġunju 2026, huwa skedat li jadotta żewġ deċiżjonijiet dwar il-metodu ta’ valutazzjoni organolettika għaż-żejt taż-żebbuġa verġni.

(4)

Id-deċiżjonijiet tal-IOC ser, jekk jiġu adottati, jipproduċu effetti legali għall-Unjoni fir-rigward tal-kummerċ internazzjonali mal-membri l-oħra tal-IOC u se jinfluwenzaw il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri regoli dwar il-kontrolli tal-konformità għaż-żejt taż-żebbuġa adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 90a tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(5)

Id-deċiżjonijiet li għandhom jiġu adottati ġew diskussi b’mod estensiv bejn l-esperti xjentifiċi u tekniċi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri dwar iż-żejt taż-żebbuġa. Dawk id-deċiżjonijiet se jikkontribwixxu għall-armonizzazzjoni internazzjonali tal-istandards taż-żejt taż-żebbuġa u se jistabbilixxu qafas li jenħtieġ li jiżgura kompetizzjoni ġusta fil-kummerċ tal-prodotti fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-adozzjoni ta’ dawk id-deċiżjonijiet.

(6)

Għalhekk huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed fi ħdan il-Kunsill tal-Membri fir-rigward tal-metodu tal-valutazzjoni organolettika għaż-żejt taż-żebbuġa verġni.

(7)

Jekk l-adozzjoni ta’ dawk id-deċiżjonijiet tiġi posposta sabiex isir skambju ta’ korrispondenza qabel il-124 sessjoni tal-Kunsill tal-Membri, minħabba li xi Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jagħtu l-approvazzjoni tagħhom, il-pożizzjoni stabbilita f’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tittieħed f’isem l-Unjoni permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza.

(8)

Madankollu, jenħtieġ li jkun possibbli għar-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri li jaqblu dwar adattamenti tekniċi għal metodi jew għal dokumenti oħra tal-IOC mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill jekk dawk l-adattamenti tekniċi jirriżultaw minn emendi relatati mad-deċiżjonijiet li għandhom jiġu adottati fir-rigward tal-metodu tal-valutazzjoni organolettika għaż-żejt taż-żebbuġa verġni.

(9)

Sabiex jitħarsu l-interessi tal-Unjoni, jenħtieġ madankollu li r-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri jkunu jistgħu jitolbu li l-addozzjoni ta’ dawk id-deċiżjonijiet jiġu posposti, jekk il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni x’aktarx li tiġi affettwata minn informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida ppreżentata qabel il-124 sessjoni tal-Kunsill tal-Membri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Unjoni għandha tappoġġa l-adozzjoni taż-żewġ deċiżjonijiet li ġejjin dwar il-metodu ta’ valutazzjoni organolettika għaż-żejt taż-żebbuġa verġni mill-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC) fil-123 sessjoni tiegħu f’Ġunju 2026 jew permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza li għandu jsir qabel il-124 sessjoni tiegħu:

—

Reviżjoni 3 tad-dokument COI/T.20/Doc. Nru 5 dwar it-“Tazza għad-dewqan taż-żejt”;

—

Reviżjoni 2 tad-dokument COI/T.20/Doc. Nru 6 dwar il-gwida għall-installazzjoni ta’ kamra għad-dewqan.

Artikolu 2

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri tal-IOC jistgħu jaqblu dwar adattamenti tekniċi għal metodi jew għal dokumenti oħra tal-IOC mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill jekk dawk l-adattamenti tekniċi jirriżultaw mir-reviżjonijiet taż-żewġ dokumenti msemmija fl-Artikolu 1.

Artikolu 3

Meta l-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 x’aktarx li tiġi affettwata minn informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida ppreżentata qabel il-123 sessjoni tal-Kunsill tal-Membri tal-IOC jew matulha, ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri tal-IOC għandhom jitolbu li l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tiġi posposta sakemm il-pożizzjoni tal-Unjoni tiġi stabbilita abbażi ta’ dik l-informazzjoni l-ġdida.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-addozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta’ Ġunju 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

M. PANAYIOTOU


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 139, 27.5.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/848/oj).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1539/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)