KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
ĆAPETA
ippreżentati fis‑7 ta’ Novembru 2024 ( 1 )
Kawża C‑538/23
ÖBB-Infrastruktur AG,
WESTbahn Management GmbH
bil-parteċipazzjoni ta’:
Schienen-Control Kommission
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport ferrovjarju – Direttiva 2012/34/UE – Artikolu 31 – Prinċipji ta’ impożizzjoni ta’ tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja – Artikolu 32 – Eċċezzjonijiet għall-prinċipji ta’ impożizzjoni ta’ tariffi – Impożizzjoni ta’ marġnijiet tas-suq – Pubblikazzjoni ta’ marġnijiet tas-suq fid-dikjarazzjoni dwar in-network – Artikolu 56 – Proċedura ta’ approvazzjoni tal-marġnijiet tas-suq”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Bl-għan li ttejjeb l-effiċjenza tas-sistema ta’ trasport ferrovjarju, l-Unjoni Ewropea stabbilixxiet żona ferrovjarja unika Ewropea permezz tad-Direttiva 2012/34 ( 2 ). |
|
2. |
Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta sa fejn id-Direttiva 2012/34 tirregola l-proċedura ta’ approvazzjoni tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja, u b’mod speċifiku l-marġnijiet tas-suq. |
II. Il-fatti li taw lok għall-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
3. |
Il-regolamentazzjoni tal-linji tal-ferrovija skont id-Direttiva 2012/34 hija qasam tekniku ħafna tad-dritt tal-Unjoni. Sabiex il-qarrej jingħata għajnuna japprezza l-kumplessitajiet tagħha u jifhem il-fatti kif ġew ippreżentati mill-qorti tar-rinviju, ser jiġu diskussi tliet gruppi ta’ fatti kif ġej: l-ewwel, il-partijiet fil-kawża prinċipali; it-tieni, iż-żewġ dikjarazzjonijiet dwar in-network; u t-tielet, il-kronoloġija tat-tilwima fil-livell nazzjonali. |
A. Il-partijiet fil-kawża prinċipali
|
4. |
Nibdew billi nintroduċu t-tliet parteċipanti fil-kawża prinċipali. |
|
5. |
ÖBB-Infrastruktur AG (iktar ’il quddiem l-“ÖBB”) hija “ġestjonarja tal-infrastruttura”. Skont il-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/34, hija responsabbli sabiex tistabbilixxi, timmaniġġa u tagħmel il-manutenzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja, inkluż l-immaniġġar tat-traffiku, u l-kontroll tal-kmand u s-senjalar. |
|
6. |
Is-Schienen-Control Kommission (il-Kummissjoni ta’ Kontroll Ferrovjarju; iktar ’il quddiem is-“SCK”) huwa l-korp regolatorju nazzjonali stabbilit fl-Awstrija skont l-Artikoli 55 u 56 tad-Direttiva 2012/34 ( 3 ). |
|
7. |
Fl-Awstrija, abbażi tad-dritt nazzjonali applikabbli, dan il-korp regolatorju huwa b’mod partikolari inkarigat li japprova l-marġnijiet tas-suq stabbiliti mill-ġestjonarju tal-infrastruttura. |
|
8. |
Il-marġnijiet tas-suq huma tariffi addizzjonali meta mqabbla mat-tariffi bażiċi li jkopru l-ispejjeż diretti tal-użu tal-infrastruttura ferrovjarja. L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw tali marġnijiet tas-suq, skont l-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2012/34, “[s]abiex ikun hemm irkupru sħiħ tal-ispejjeż magħmula mill-maniġer tal-infrastruttura”. L-istess dispożizzjoni tippreċiża wkoll li l-marġnijiet tas-suq jistgħu jiġu awtorizzati, jekk is-suq jista’ “jiflaħ għalihom”, fuq il-bażi ta’ prinċipji effikaċi, trasparenti u mhux diskriminatorji. |
|
9. |
Westbahn Management GmbH hija “impriża ferrovjarja”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/34 ( 4 ). |
B. Id-dikjarazzjonijiet dwar in-network
|
10. |
Il-ġestjonarju tal-infrastruttura jippubblika l-kriterji ta’ allokazzjoni u t-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja (iktar ’il quddiem it-“tariffi tal-infrastruttura”) f’dikjarazzjoni dwar in-network ( 5 ). |
|
11. |
Din it-tilwima qamet mid-dikjarazzjonijiet dwar in-network tal-ÖBB għall‑2018 u l‑2019. |
|
12. |
Fiż-żewġ dikjarazzjonijiet dwar in-network, it-tariffi tal-infrastruttura ppubblikati kienu jinkludu marġnijiet tas-suq għall-ħames segmenti tas-suq iddeterminati b’mod preċiż. Dawn kienu t-trasport kummerċjali tal-passiġġieri, is-servizz pubbliku tat-trasport tal-passiġġieri fuq distanzi twal, it-trasport lokali abbundanti, it-trasport lokali limitat u t-trasport ta’ merkanzija mhux immaniġġat. |
|
13. |
Madankollu, id-dikjarazzjoni dwar in-network tal‑2018, kif ippubblikata, kienet tindika biss l-ammont totali li kellu jitħallas għal kull segment tas-suq, mingħajr ma speċifikat it-tqassim ta’ dan l-ammont totali bejn l-ispejjeż diretti u l-marġnijiet tas-suq. Fid-dikjarazzjoni dwar in-network tal‑2019, għall-kuntrarju, it-tariffi għall-ispejjeż diretti u l-marġnijiet tas-suq kienu indikati separatament għal kull kilometru ferrovjarju perkors għal kull segment tas-suq u t-tariffa globali li għandha titħallas ġiet ikkalkolata bl-għadd tat-tnejn flimkien. |
|
14. |
Id-dritt Awstrijak jeżiġi li l-ġestjonarju tal-infrastruttura japplika għall-approvazzjoni ta’ marġnijiet tas-suq mingħand is-SCK. |
|
15. |
Fir-rigward tal-marġnijiet tas-suq ippubblikati fid-dikjarazzjoni dwar in-network tal‑2018, l-ÖBB applikat quddiem is-SCK għall-awtorizzazzjoni tagħhom fit‑12 ta’ Awwissu 2016. |
|
16. |
Fir-rigward tal-marġnijiet tas-suq relatati mad-dikjarazzjoni dwar in-network tal‑2019, l-ÖBB applikat quddiem is-SCK għall-approvazzjoni tagħhom fit‑18 ta’ Awwissu 2017. |
|
17. |
Id-dikjarazzjonijiet dwar in-network tal‑2018 u tal‑2019 kien fihom sentenza li tispjega li l-proċedura ta’ approvazzjoni tal-marġnijiet tas-suq skont il-liġi nazzjonali applikabbli kienet għadha għaddejja. |
|
18. |
Id-dikjarazzjoni dwar in-network tal‑2019 ipprovdiet ukoll li jekk “deċiżjoni definittiva fil-kuntest ta’ din il-proċedura tkun ittieħdet biss wara l-bidu tal-perijodu tal-iskeda tax-xogħol”, seta’ jkun hemm “impożizzjoni ta’ tariffi sussegwenti u/jew b’lura ta’ kwalunkwe tariffi tal-infrastruttura li setgħu ġew imposti b’mod żejjed jew imposti bin-nieqes sa dak iż-żmien”. |
C. Il-kronoloġija tat-tilwima fil-livell nazzjonali
|
19. |
Din it-tilwima hija bbażata fuq nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet dwar il-kwistjoni ta’ jekk u b’liema proċedura jistgħu jiġu introdotti marġnijiet tas-suq. Dan seħħ kif ġej. |
|
20. |
Is-SCK approva l-applikazzjoni għal marġnijiet tas-suq tal-ÖBB għall‑2018 fit‑12 ta’ Diċembru 2016, deċiżjoni li WESTbahn Management appellat. Fil‑5 ta’ Lulju 2017, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija) ( 6 ) annullat din id-deċiżjoni minħabba li l-proċedura ta’ approvazzjoni kienet difettuża u bagħtet lura l-kawża għal smigħ ġdid u deċiżjoni lis-SCK, li kompliet il-proċedura ta’ approvazzjoni tagħha fir-rigward tal-perijodu tal-iskeda tax-xogħol tal‑2018. |
|
21. |
Wara li l-ÖBB applikat għall-approvazzjoni tal-marġnijiet tas-suq tal‑2019, is-SCK għaqqdet dawn iż-żewġ proċeduri. Barra minn hekk, hija għaqqdet dawn iż-żewġ proċeduri mal-proċedura għall-kalkolu mill-ġdid tal-ispejjeż diretti. |
|
22. |
Wara li s-SCK talbet lill-ÖBB tikkalkola mill-ġdid l-ispejjeż diretti, din tal-aħħar talbet ukoll tibdil tal-marġnijiet tas-suq għall‑2018 u l‑2019. L-ÖBB iġġustifikat din it-talba abbażi tal-obbligu tagħha li tilħaq l-għan tad-dħul stabbilit mill-ministeru rilevanti. |
|
23. |
Fis‑17 ta’ Diċembru 2020, is-SCK laqgħet l-applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-marġnijiet tas-suq bħala tariffa tal-infrastruttura għall‑2018 u l‑2019 ( 7 ). |
|
24. |
Fil-punt 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni tagħha, is-SCK iddeterminat it-tariffi tal-ispejjeż diretti u approvat il-marġnijiet tas-suq għal kull kilometru ferrovjarju perkors għal kull wieħed mill-ħames segmenti tas-suq għall-perijodu tal-iskeda tax-xogħol tal‑2018. B’hekk, ġiet ikkalkolata t-tariffa globali li kellha titħallas fuq il-bażi taż-żewġ ċifri. Fil-punt 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni tagħha, hija għamlet l-istess f’dak li jirrigwarda l-iskeda tax-xogħol tal‑2019, billi ddeterminat – għal kull wieħed mill-ħames segmenti tas-suq – it-tariffi għall-ispejjeż diretti u l-marġnijiet tas-suq għal kull kilometru ferrovjarju perkors u mbagħad billi kkalkolat it-tariffa totali li għandha titħallas billi għaddet it-tnejn flimkien. |
|
25. |
Nifhem din l-ispjegazzjoni tad-deċiżjoni tas-SCK mill-qorti tar-rinviju fis-sens li, l-ewwel, bħala riżultat tal-kalkolu mill-ġdid, l-ispejjeż diretti tnaqqsu u, it-tieni, sabiex jintlaħaq l-għan ta’ dħul minkejja dan it-tnaqqis, iż-żieda tal-marġnijiet tas-suq mitluba mill-ÖBB ġiet approvata. |
|
26. |
Kemm l-ÖBB kif ukoll WESTbahn Management appellaw minn din id-deċiżjoni, li fir-rigward tagħha l-qorti tar-rinviju għandha tiddeċiedi fil-kawża prinċipali. |
|
27. |
Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju żiedet kunsiderazzjoni finali għal din il-ġabra ta’ fatti: is-SCK ibbażat il-kalkoli fuq il-“mira tad-dħul” stabbilita mir-Repubblika tal-Awstrija, li hija kkalkolata fil-kuntest tas-sussidji li l-ÖBB tirċievi mill-Istat. |
|
28. |
Id-deċiżjoni tas-SCK ipprovdiet li “din il-mira tad-dħul (bl-esklużjoni tal-ferroviji tas-servizzi u bl-esklużjoni tat-tnaqqis u tas-sovrataxxi) għandha tkun koperta mit-tariffi, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni s-suddiviżjoni fi spejjeż diretti, minn naħa, u l-marġnijiet tas-suq, min-naħa l-oħra. Billi l-marġnijiet tas-suq huma maħsuba biex ikopru mill-inqas parti mill-ispejjeż ġenerali, jiġifieri l-ispejjeż fissi, it-tariffi huma bbażati fuq l-ispejjeż direttament sostnuti għall-operat tas-servizz ferrovjarju”. |
D. Id‑domandi preliminari
|
29. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
30. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-ÖBB-Infrastruktur AG, minn WESTbahn Management GmbH, mis-SCK, mill-Gvernijiet tal-Awstrija, tal-Pajjiżi l-Baxxi, tan-Norveġja, u tal-Polonja, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. |
|
31. |
Ma nżammet l-ebda seduta. |
III. Il‑kuntest ġuridiku
A. Direttiva 2012/34
|
32. |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2012/34 jipprevedi l-indipendenza tal-impriżi ferrovjarji u tal-ġestjonarji tal-infrastruttura: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fir-rigward tal-immaniġġjar, l-amministrazzjoni u l-kontroll intern fuq kwistjonijiet amministrattivi, ekonomiċi u ta’ kontabbiltà, l-impriżi ferrovjarji li huma direttament jew indirettament proprjetà tal-Istati Membri jew ikkontrollati minnhom ikollhom status indipendenti li b’konformità miegħu huma ser iżommu, b’mod partikolari, assi, baġits u kontijiet li huma separati minn dawk tal-Istat. 2. Waqt li jirrispetta l-qafas u r-regoli speċifiċi dwar it-tqegħid ta’ piżijiet u dwar l-allokazzjoni stabbiliti mill-Istati Membri, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jkun responsabbli għall-immaniġġjar, l-amministrazzjoni u l-kontroll intern tiegħu stess.” |
|
33. |
Id-dikjarazzjoni dwar in-network hija rregolata mill-Artikolu 27 tad-Direttiva 2012/34 ( 8 ) kif ġej: “1. Il-maniġer tal-infrastruttura għandu, wara li jikkonsulta mal-partijiet interessati, jiżviluppa u jippubblika dikjarazzjoni dwar in-netwerk li għandha tkun tista’ tiġi akkwistata għal ħlas ta’ tariffa li ma tistax taqbeż l-ispiża tal-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjoni. Id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk għandha tkun ippubblikata f’mill-anqas żewġ lingwi uffiċjali tal-Unjoni. Il-kontenut tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk għandu jkun disponibbli mingħajr ħlas f’format elettroniku fuq il-portal tal-internet tal-maniġer tal-infrastruttura u aċċessibbli permezz ta’ portal tal-internet komuni. Dak il-portal tal-internet għandu jiġi stabbilit mill-maniġers tal-infrastruttura fil-qafas tal-kooperazzjoni tagħhom skont l-Artikoli 37 u 40. 2. Id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk għandha tistabbilixxi n-natura tal-infrastruttura disponibbli għall-impriżi ferrovjarji, u tiġbor fiha informazzjoni li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja rilevanti. Id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk għandu jkun fiha wkoll informazzjoni li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-faċilitajiet tas-servizzi konnessi man-netwerk tal-maniġer tal-infrastruttura u għall-forniment tas-servizzi f’dawn il-faċilitajiet jew tindika sit tal-internet fejn tali informazzjoni tkun disponibbli mingħajr ħlas f’format elettroniku. Il-kontenut tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk huwa stipulat fl-Anness IV. 3. Id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk għandha tinżamm aġġornata u għandha tiġi emendata kif meħtieġ. 4. Id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk għandha tiġi ppubblikata mhux inqas minn erba’ xhur bil-quddiem qabel id-data ta’ skadenza għal talbiet għall-kapaċità tal-infrastruttura.” |
|
34. |
L-ewwel tliet sentenzi tal-Artikolu 29(1) ta’ din id-direttiva jqassmu l-kompiti f’dak li jirrigwarda l-kuntest tal-impożizzjoni ta’ tariffi kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas tal-imposti waqt li jirrispettaw l-indipendenza tal-immaniġġjar stipulata fl-Artikolu 4. Mingħajr preġudizzju għal dik il-kundizzjoni, l-Istati Membri għandhom ukoll jistabbilixxu regoli speċifiċi dwar l-imposti jew jiddelegaw dawn is-setgħat lill-maniġers tal-infrastruttura. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dikjarazzjoni tan-netwerk tkun tinkludi l-qafas tal-imposti u r-regoli għat-tqegħid tal-imposti jew tindika sit elettroniku fejn jiġu ppubblikati l-qafas tal-imposti u r-regoli għat-tqegħid tal-imposti.” |
|
35. |
Fir-rigward tal-prinċipji ta’ impożizzjoni ta’ tariffi, l-ewwel tliet paragrafi tal-Artikolu 31 tad-Direttiva 2012/34 ( 9 ) huma rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħna: “1. L-imposti għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja u għall-faċilitajiet tas-servizzi għandhom jitħallsu lill-maniġer tal-infrastruttura u lill-operatur tal-faċilità ta’ servizz rispettivament u jintużaw biex jipprovdu fondi għan-negozju tagħhom. 2. L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-maniġer tal-infrastruttura u l-operatur tal-faċilità ta’ servizz jipprovdu lill-korp regolatorju bl-informazzjoni kollha meħtieġa dwar l-imposti imposti sabiex il-korp regolatorju jkun jista’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 56. Il-maniġer tal-infrastruttura u l-operatur tal-faċilità ta’ servizz għandhom, f’dan ir-rigward, ikunu jistgħu juru lill-impriżi ferrovjarji li l-imposti tal-infrastruttura u tas-servizz fatturati fir-realtà lill-impriża ferrovjarja skont l-Artikoli 30 sa 37 jikkonformaw mal-metodoloġija, mar-regoli u meta applikabbli, mal-iskali stipulati fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk. 3. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 4 jew 5 ta’ dan l-Artikolu jew għall-Artikolu 32, l-imposti għall-pakkett minimu tal-aċċess u għal aċċess għal infrastrutturi li jgħaqqdu l-faċilitajiet ta’ servizz għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-ispiża direttament imġarrba minħabba t-tħaddim tas-servizz ferrovjarju. Qabel 16 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri li jistabbilixxu l-modalitajiet għall-kalkolu tal-ispejjeż imġarrba direttament bħala riżultat tal-operat tal-ferrovija. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 62(3). [ ( 10 )] Il-maniġer tal-infrastruttura jista’ jiddeċiedi li jadatta gradwalment għal dawk il-modalitajiet matul perjodu ta’ mhux aktar minn erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dawk l-atti ta’ implimentazzjoni.” |
|
36. |
Il-marġnijiet tas-suq huma rregolati mill-Artikolu 32 tad-Direttiva 2012/34, li l-ewwel paragrafu tiegħu huwa rilevanti: “1. Sabiex ikun hemm irkupru sħiħ tal-ispejjeż magħmula mill-maniġer tal-infrastruttura, Stat Membru jista’, jekk is-suq jiflaħ għalihom, jimponi mark-ups fuq bażi ta’ prinċipji effiċjenti, trasparenti u nondiskriminatorji, waqt li jiggarantixxi l-aħjar kompetittività ta’ taqsimiet tas-suq ferrovjarju. Is-sistema tat-tqegħid tal-imposti għandha tirrispetta ż-żidiet fil-produttività miksuba mill-impriżi ferrovjarji. Iżda l-livell tal-imposti ma għandux jeskludi l-użu tal-infrastruttura minn taqsimiet tas-suq li jistgħu jħallsu għall-inqas l-ispejjeż imġarrba direttament b’riżultat tat-tħaddim tas-servizz ferrovjarju, u rata ta’ redditu li jiflaħ għaliha s-suq. Qabel ma japprovaw l-impożizzjoni ta’ tali mark-ups, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-maniġers tal-infrastruttura jivvalutaw ir-rilevanza tagħhom għal taqsimiet speċifiċi tas-suq, filwaqt li jqisu mill-inqas il-pari elenkati fil-punt 1 tal-Anness VI u jżommu dawk rilevanti. Il-lista ta’ taqsimiet tas-suq definita mill-maniġers tal-infrastruttura għandu jkun fiha mill-inqas dawn it-tliet taqsimiet li ġejjin: is-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija, is-servizzi tal-passiġġieri fil-qafas ta’ kuntratt tas-servizz pubbliku u servizzi oħra għall-passiġġieri. Il-maniġers tal-infrastruttura jistgħu jiddistingwu wkoll it-taqsimiet tas-suq skont il-prodott bażiku jew il-passiġġieri li jkunu qed jiġu trasportati. It-taqsimiet tas-suq fejn attwalment ma jkunux qed jaħdmu impriżi ferrovjarji iżda li jistgħu jipprovdu servizzi matul il-perjodu ta’ validità tas-sistema tat-tqegħid tal-imposti għandhom ukoll jiġu definiti. Il-maniġer tal-infrastruttura ma għandux jinkludi mark-up fis-sistema tat-tqegħid tal-imposti għal dawk it-taqsimiet tas-suq. Il-lista ta’ taqsimiet tas-suq għandha tiġi ppubblikata fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk u għandha tiġi riveduta mill-inqas kull ħames snin. Il-korp regolatorju msemmi fl-Artikolu 55 għandu jikkontrolla dik il-lista f’konformità mal-Artikolu 56.” |
B. Id‑dritt Awstrijak
|
37. |
Skont l-Artikolu 67d(6) tal-Bundesgesetz über Eisenbahnen, Schienenfahrzeuge auf Eisenbahnen und den Verkehr auf Eisenbahnen (Eisenbahngesetz) (il-Liġi Federali dwar il-Linji tal-Ferrovija, il-Vetturi Ferrovjarji u t-Traffiku Ferrovjarju (il-Liġi dwar il-Linji tal-Ferrovija), iktar ’il quddiem l-“EisbG”), l-iffissar ta’ marġnijiet tas-suq għandu jiġi approvat mis-SCK, li hija obbligata tagħti l-kunsens tagħha jekk il-kundizzjonijiet bażiċi stabbiliti fit-Taqsima 67d(1) tal-EisbG ikunu ssodisfatti. |
|
38. |
L-Artikolu 42 tal-Bundesgesetz zur Neuordnung der Rechtsverhältnisse der Österreichischen Bundesbahnen (Bundesbahngesetz) (il-Liġi Federali li Torganizza mill-Ġdid ir-Relazzjonijiet Ġuridiċi tal-Ferroviji Federali Awstrijaċi (il-Liġi Federali dwar il-Ferroviji)) jawtorizza lir-Repubblika tal-Awstrija tissussidja lill-ÖBB u, b’mod relatat, tistabbilixxi mira ta’ dħul (jiġifieri t-tariffi globali li l-ÖBB għandha tiġġenera mit-tariffi tal-infrastruttura flimkien mal-marġnijiet tas-suq matul il-perijodu tal-iskeda tax-xogħol rilevanti). |
IV. Analiżi
|
39. |
Il-ħames domandi tal-qorti tar-rinviju kollha jistaqsu, b’xi mod jew ieħor, xi tgħid id-Direttiva 2012/34 dwar il-proċedura ta’ approvazzjoni tal-marġnijiet tas-suq ta’ spejjeż relatati mal-użu tal-infrastruttura ferrovjarja u dwar il-metodu tal-kalkolu tagħhom. |
|
40. |
Il-ġurisprudenza dwar din il-kwistjoni hija limitata. Il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-marġnijiet tas-suq biss fir-rigward tal-effett tagħhom fuq il-kompetittività tat-trasport ferrovjarju ( 11 ). Fir-rigward tal-proċeduri għad-determinazzjoni tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja, inklużi kwalunkwe marġnijiet tas-suq possibbli, id-Direttiva 2012/34 ftit toffri indikazzjonijiet ( 12 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità tittratta l-ispejjeż diretti (għall-kuntrarju tal-marġnijiet tas-suq) biss fil-kuntest tad-Direttiva 2001/14 ( 13 ), waħda mit-tliet predeċessuri tad-Direttiva 2012/34, li kienet tirregola l-impożizzjoni ta’ tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja. |
|
41. |
Il-parteċipanti f’din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari jipproponu interpretazzjonijiet diverġenti tad-Direttiva 2012/34 fir-rigward, l-ewwel, tal-eventwali limitazzjonijiet li hija timponi fuq il-libertà regolatorja tal-Istati Membri u, it-tieni, tar-rwoli li hija tattribwixxi lill-ġestjonarju tal-infrastruttura u lill-korp regolatorju. |
|
42. |
Fuq naħa tal-ispettru huwa l-Gvern Norveġiż li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, isostni li d-Direttiva 2012/34 ma tgħid xejn (jiġifieri la timponi u lanqas tipprojbixxi) dwar kwalunkwe proċedura possibbli ta’ approvazzjoni ex ante jew ex post tal-marġnijiet tas-suq. Dan l-argument iwassal għal tweġiba ċara għall-qorti tar-rinviju: bla ħsara għar-regoli dwar it-tariffi rregolati mid-Direttiva 2012/34, l-Istati Membri huma, mill-bqija, liberi li jirregolaw il-proċedura li l-ġestjonarji tal-infrastruttura għandhom isegwu sabiex jimponu marġnijiet tas-suq. |
|
43. |
B’mod ftit iktar kawt, jista’ jingħad, kif tagħmel il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li, fil-fatt, id-Direttiva 2012/34 ma ssemmi espressament ebda proċedura ta’ approvazzjoni tal-marġnijiet tas-suq. Minkejja dan, il-Kummissjoni hija wkoll tal-fehma li l-indipendenza tal-ġestjonarju tal-infrastruttura ferrovjarja tikkostitwixxi argument kontra l-libertà regolatorja totali tal-Istati Membri meta jkunu għażlu li jintroduċu proċedura ta’ approvazzjoni ( 14 ). |
|
44. |
Fuq in-naħa l-oħra tal-ispettru hemm WESTbahn Management, li ssostni li hija biss approvazzjoni ex ante ta’ tariffi infrastrutturali li tikkonforma mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2012/34, jiġifieri r-rekwiżit li l-impriżi ferrovjarji jirċievu “sinjali ekonomiċi ċari u konsistenti minn skemi tal-allokazzjoni tal-kapaċità u minn skemi għall-impożizzjoni tal-piżijiet li jwassluhom biex jieħdu deċiżjonijiet razzjonali” ( 15 ). Sabiex jiġi ssodisfatt dan ir-rekwiżit, WESTbahn Management targumenta li l-marġnijiet tas-suq ippubblikati fid-dikjarazzjoni dwar in-network iridu jkunu approvati ex ante, qabel ma tidħol fis-seħħ l-iskeda tax-xogħol. L-unika deċiżjoni ex post li tista’ tittieħed hija dik tal-korp regolatorju, li jista’ jiddeċiedi dwar tnaqqis tal-ispejjeż wara azzjoni mressqa minn impriża ferrovjarja skont l-Artikolu 56 tad-Direttiva 2012/34. |
|
45. |
F’dan li ġej, se nressaq, l-ewwel, il-fehma tiegħi tas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2012/34 fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ marġnijiet tas-suq (Taqsima A). Dan ser iwassalni għat-tieni parti, li fiha ser nirrispondi għall-ħames domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju (Taqsima B). |
A. Is-sistema stabbilita mid-Direttiva 2012/34 fil-qasam tal-marġnijiet tas-suq
|
46. |
Ser niddeskrivi s-sistema introdotta mid-Direttiva 2012/34, kif nifhimha jien, f’żewġ stadji. L-ewwel, ser nispjega l-prinċipji ta’ impożizzjoni ta’ tariffi li hija tistabbilixxi (Subtaqsima 1). It-tieni, ser nevalwa r-rwoli rispettivi tal-Istati Membri, tal-ġestjonarju tal-infrastruttura u tal-korp regolatorju fl-iffissar tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja u tar-relazzjoni reċiproka tagħhom (Subtaqsima 2). |
1. Prinċipji ta’ impożizzjoni ta’ tariffi
|
47. |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2012/34, il-qafas għall-impożizzjoni ta’ tariffi huwa stabbilit mill-Istati Membri, li għandhom madankollu josservaw l-indipendenza tal-ġestjonarju tal-infrastruttura. |
|
48. |
Fil-qafas tal-impożizzjoni ta’ tariffi hekk stabbilit, huwa l-ġestjonarju tal-infrastruttura li għandu jiddetermina u jiġbor it-tariffi ( 16 ). Il-ġestjonarju tal-infrastruttura jagħmel dan fid-dikjarazzjoni dwar in-network ( 17 ), li għandu jippubblika mill-inqas erba’ xhur qabel l-iskadenza għal talbiet għall-kapaċità tal-infrastruttura ( 18 ). |
|
49. |
Fid-determinazzjoni tat-tariffi, il-ġestjonarju tal-infrastruttura għandu josserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni tal-impriżi ferrovjarji ( 19 ), li jikkostitwixxi, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[il-]kriterju ċentrali ta’ determinazzjoni u ta’ rkupru tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura” ( 20 ). |
|
50. |
It-tariffi jinġabru fuq il-bażi ta’ skeda tax-xogħol miftiehma, li tiġi, skont il-punt 1 tal-Anness VII tad-Direttiva 2012/34, stabbilita darba f’sena kalendarja. |
|
51. |
Għal liema servizzi jistgħu l-ġestjonarji tal-infrastruttura jimponu tariffi? |
|
52. |
L-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2012/34 jipprovdi li t-tariffi għandhom jitħallsu għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja u jservu sabiex jiffinanzjaw in-negozju tal-ġestjonarju tal-infrastruttura. |
|
53. |
L-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2012/34 jistabbilixxi li t-tariffi għall-pakkett ta’ aċċess minimu ( 21 )“għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-ispiża direttament imġarrba minħabba t-tħaddim tas-servizz ferrovjarju” ( 22 ). Dak li jista’ jiġi kkalkolat bħala spejjeż diretti ġie speċifikat ulterjorment f’regolament ta’ implimentazzjoni ( 23 ) u huwa ta’ kamp ta’ applikazzjoni limitat ( 24 ). Għalhekk, l-ispejjeż diretti ma jkoprux l-ispejjeż kollha li jistgħu jiġu sostnuti mill-ġestjonarju tal-infrastruttura ferrovjarja. |
|
54. |
Sabiex jinkiseb l-irkupru sħiħ tal-ispejjeż sostnuti mill-ġestjonarju tal-infrastruttura, jistgħu jiġu imposti marġnijiet tas-suq. L-Artikolu 32 tad-Direttiva 2012/34 jikklassifika l-marġnijiet tas-suq bħala eċċezzjoni għall-prinċipji ta’ impożizzjoni ta’ tariffi. Huwa jeżiġi wkoll li l-marġnijiet tas-suq jiġu imposti minn Stat Membru biss meta jkunu bbażati fuq prinċipji effiċjenti, trasparenti u nondiskriminatorji u biss “jekk is-suq jiflaħ għalihom” ( 25 ). Barra minn hekk, il-marġnijiet tas-suq għandhom jiżguraw il-kompetittività ( 26 ) tas-segmenti tas-suq ferrovjarju. |
|
55. |
B’mod ġenerali, it-tariffi jistgħu għalhekk ikopru l-firxa ta’ bejn l-ispejjeż diretti (it-tariffi għall-pakkett ta’ aċċess minimu u għall-aċċess ferrovjarju għal faċilitajiet tas-servizzi, li għandhom ikunu ugwali għall-ispiża direttament sostnuta għall-operat tas-servizz ferrovjarju) u l-ispejjeż globali (l-ispejjeż kollha sostnuti mill-ġestjonarju tal-infrastruttura, li jistgħu jiġu rkuprati mill-impożizzjoni ta’ marġnijiet tas-suq) ( 27 ). |
|
56. |
Għalhekk, il-marġnijiet tas-suq iservu biss biex ikopru l-ispejjeż sostnuti mill-ġestjonarju tal-infrastruttura u mhux sabiex jagħmlu profitt. |
|
57. |
F’dan ir-rigward, il-premessa 71 tad-Direttiva 2012/34 tistabbilixxi li l-infrastruttura ferrovjarja hija “monopolju naturali u għalhekk huwa meħtieġ li l-maniġers tal-infrastruttura jingħataw inċentivi biex inaqqsu l-ispejjeż u jimmaniġġjaw l-infrastruttura tagħhom b’mod effiċjenti”. Fi kliem ieħor, biex jiġu evitati t-tentazzjonijiet li għandhom il-monopolji għall-ġestjonarji tal-infrastruttura, l-għan tar-regoli dwar l-impożizzjoni ta’ tariffi huwa l-irkupru sħiħ tal-ispejjeż sostnuti – iżda xejn iżjed. |
|
58. |
L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2012/34 jiżgura l-indipendenza tal-ġestjonarju tal-infrastruttura. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-ġestjonarju tal-infrastruttura għandu, “fil-kuntest tal-impożizzjoni ta’ tariffi kif iddefinit mill-Istati Membri, ikollu ċertu marġni ta’ flessibbiltà għad-determinazzjoni tal-ammont tat-tariffi b’mod li jippermettilu jużaha bħala strument ta’ amministrazzjoni” ( 28 ). L-indipendenza tiegħu għandha tiġi żgurata kemm mill-Istat Membru kif ukoll mill-korp regolatorju ( 29 ). |
|
59. |
Pereżempju, fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka ( 30 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-istabbiliment, mir-Repubblika Ċeka, tat-tariffa massima għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja interferixxa mal-indipendenza tal-ġestjonarju tal-infrastruttura. Bl-istess mod, f’Il‑Kummissjoni vs Spanja ( 31 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “s-sistemi għall-impożizzjoni ta’ tariffi għandhom jipprevedu inċentivi sabiex l-amministraturi tal-infrastruttura jwettqu investimenti xierqa meta dawn ikunu ekonomikament vantaġġużi” u li l-ġestjonarji tal-infrastruttura għandhom għalhekk jingħataw flessibbiltà fl-istabbiliment tal-ammont attwali tat-tariffi ( 32 ). |
|
60. |
F’Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja ( 33 ), il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għal xi eżempji fejn il-ġestjonarju tal-infrastruttura jista’ jkun jixtieq juża din il-flessibbiltà biex jottimizza l-infrastruttura ferrovjarja: il-ġestjonarju tal-infrastruttura jista’ jistabbilixxi jew ikompli jistabbilixxi tariffi ogħla fuq il-bażi tal-ispejjeż fit-tul ta’ ċerti proġetti ta’ investiment; huwa jista’ jintroduċi wkoll sistema ta’ skontijiet fuq it-tariffi imposti mill-operaturi. |
|
61. |
L-indipendenza tal-ġestjoni tal-infrastruttura għandha tiġi osservata wkoll fir-rigward tal-istabbiliment tal-marġnijiet tas-suq. |
2. Min jagħmel xiex fid-Direttiva 2012/34
|
62. |
Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2012/34, huwa l-Istat Membru li “jista’, jekk is-suq jiflaħ għalihom, jimponi mark-ups”. Kif issostni wkoll il-Kummissjoni, l-Istat Membru għandu għalhekk ir-rwol primarju fl-approvazzjoni tal-possibbiltà li jiġu imposti marġnijiet tas-suq ( 34 ). |
|
63. |
Fi kliem ieħor, jekk il-qafas ta’ impożizzjoni ta’ tariffi, kif deċiż mill-Istat Membru skont l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2012/34, ma jippreskrivix il-possibbiltà li jiġu imposti marġnijiet tas-suq, il-ġestjonarji tal-infrastruttura ma jkunux awtorizzati jinkluduhom fid-dikjarazzjoni dwar in-network tagħhom, jew li jiġbruhom skont l-iskeda tax-xogħol. |
|
64. |
Madankollu, jekk Stat Membru jkun inkluda l-possibbiltà ta’ marġnijiet tas-suq fil-kuntest tal-impożizzjoni ta’ tariffi, il-ġestjonarji tal-infrastruttura jkunu b’hekk jistgħu jimponu tariffi fuq tali marġnijiet tas-suq, li għandhom jiġu elenkati fid-dikjarazzjoni dwar in-network. |
|
65. |
Jekk Stat Membru, bħala prinċipju, jippermetti l-impożizzjoni ta’ marġnijiet tas-suq, skont ir-rekwiżit tal-indipendenza tal-ġestjonarju tal-infrastruttura, huwa dan l-attur li għandu jiddeċiedi dwar segmenti tas-suq speċifiċi u li għandu jikkalkola l-marġnijiet tas-suq. B’dan il-mod, il-ġestjonarju tal-infrastruttura għandu jevalwa r-rilevanza ta’ tali marġnijiet tas-suq għal segmenti tas-suq speċifiċi, billi jieħu inkunsiderazzjoni l-pari previsti fil-punt 1 tal-Anness VI tad-Direttiva 2012/34 ( 35 ). Is-segmenti elenkati fid-dikjarazzjoni dwar in-network għandhom jinkludu tal-inqas is-servizzi tal-merkanzija, is-servizzi tal-passiġġieri fil-qafas ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku u servizzi oħra tal-passiġġieri ( 36 ). |
|
66. |
Il-lista tas-segmenti tas-suq li jiġu imposti marġnijiet tas-suq fuqhom hija ssorveljata mill-korp regolatorju skont is-setgħat ta’ superviżjoni tiegħu skont l-Artikolu 56 tad-Direttiva 2012/34. Il-korp regolatorju jaġixxi wara li jkun tressaq appell minn applikant ( 37 ) jew ex officio ( 38 ). |
|
67. |
Minbarra din is-setgħa li tirriżulta mis-sitt subparagrafu tal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2012/34, l-Artikolu 56(1) tagħha jawtorizza b’mod iktar ġenerali lill-korp regolatorju jiddeċiedi fuq appelli, ippreżentati mill-impriżi ferrovjarji kontra d-deċiżjonijiet tal-ġestjonarju tal-infrastruttura li jikkonċernaw, fost affarijiet oħra ( 39 ), l-iskema ta’ impożizzjoni u l-livell jew l-istruttura tat-tariffi tal-infrastruttura li impriża ferrovjarja hija, jew tista’ tkun obbligata, tħallas ( 40 ). |
|
68. |
Meta l-korp regolatorju jeżerċita s-sorveljanza tiegħu tat-tariffi tal-infrastruttura kif stabbiliti mill-ġestjonarju tal-infrastruttura, id-deċiżjoni tiegħu “għandh[a] [tkun motivata] mill-ksur tad-Direttiva 2012/34 u għandh[a] sempliċement [tirrimedja] sitwazzjonijiet ta’ inkompatibbiltà” ( 41 ). |
|
69. |
L-Artikolu 56 tad-Direttiva 2012/34 ma jipprovdi xejn dwar jekk is-sorveljanza tal-korp regolatorju sseħħx qabel jew wara li l-ġestjonarju tal-infrastruttura jiddetermina l-marġnijiet tas-suq. |
|
70. |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat, anki jekk mhux fir-rigward tal-marġnijiet tas-suq, li l-korp regolatorju jista’ jeżerċita s-sorveljanza tiegħu anki wara li t-tariffi jkunu diġà ġew imposti ( 42 ). |
|
71. |
Finalment, fir-rigward tal-korp regolatorju, id-deċiżjonijiet tiegħu huma suġġetti, skont l-Artikolu 56(10) tad-Direttiva 2012/34, għal stħarriġ ġudizzjarju ( 43 ). |
B. Risposta għad-domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju
|
72. |
Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet tat-taqsima preċedenti dwar il-prinċipji ta’ impożizzjoni ta’ tariffi u r-relazzjoni bejn id-diversi atturi skont id-Direttiva 2012/34, ser nirrispondi għad-domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju bil-mod kif ġej. |
1. L-ewwel domanda
|
73. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Istat Membru għandux japprova l-impożizzjoni ta’ marġnijiet tas-suq ex ante jew jekk jistax jagħmel dan ukoll wara l-perijodu tal-iskeda tax-xogħol rilevanti. Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk tali approvazzjoni għandhiex titqies finali. |
|
74. |
Kif issuġġerixxiet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, minkejja li din id-domanda tistaqsi meta l-Istat Membru għandu japprova l-marġni tas-suq, din għandha tinqara bħala mistoqsija dwar meta l-korp regolatorju għandu japprova marġnijiet tas-suq speċifiċi proposti mill-ġestjonarju tal-infrastruttura qabel il-bidu tal-perijodu tal-iskeda rilevanti. |
|
75. |
Kif diġà ġie spjegat, il-possibbiltà ta’ impożizzjoni ta’ marġnijiet tas-suq għandha dejjem tkun approvata mill-Istati Membri. Mingħajr tali, bħala prinċipju, approvazzjoni ex ante, il-ġestjonarju tal-infrastruttura ma jista’ bl-ebda mod jimponi marġnijiet tas-suq. Madankollu, id-domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda pjuttost is-sitwazzjoni li fiha l-impożizzjoni ta’ tariffi fuq marġnijiet tas-suq tkun, bħala prinċipju, awtorizzata mill-Istat Membru u l-ġestjonarju tal-infrastruttura jiddeċiedi li juża din il-possibbiltà. F’każ bħal dan, id-domanda hija għalhekk jekk marġnijiet tas-suq konkreti li l-ġestjonarju tal-infrastruttura jixtieq jimponi tariffa fuqhom għandhomx jiġu approvati minn qabel. |
|
76. |
Dan il-qari tad-domanda preliminari huwa konformi mad-deskrizzjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju tad-dritt nazzjonali rilevanti, li skontha l-korp regolatorju japprova l-impożizzjoni ta’ tariffi fuq marġnijiet tas-suq, li, jekk jiġu kkontestati, jistgħu jseħħu wara l-perijodu tal-iskeda tax-xogħol rilevanti, kif kien il-każ f’din il-kawża. |
|
77. |
Sabiex nirrispondi għad-domanda hekk mifhuma, jiena tal-fehma, l-ewwel, li ma hemm xejn fid-Direttiva 2012/34 li jipprekludi proċedura ta’ approvazzjoni fdata lil korp regolatorju. Għalhekk, f’konformità mal-pożizzjoni tal-Gvern Norveġiż, proċedura ta’ approvazzjoni ta’ marġnijiet tas-suq konkreti ma hijiex meħtieġa skont id-Direttiva. Madankollu, tali possibbiltà lanqas ma hija eskluża. |
|
78. |
Ladarba d-Direttiva 2012/34 ma tiħux pożizzjoni dwar il-ħtieġa ta’ proċedura ta’ approvazzjoni, hija lanqas ma tiddetermina jekk il-proċedura għandhiex isseħħ ex ante jew wara li l-perijodu tal-iskeda tax-xogħol li għalih jiġu imposti marġnijiet tas-suq ikun diġà ntemm u t-tariffi jkunu nġabru. |
|
79. |
Għaldaqstant, id-Direttiva 2012/34 ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jintroduċu proċedura ta’ approvazzjoni ex ante jew ex post ta’ marġnijiet tas-suq konkreti minn korp regolatorju. |
|
80. |
Madankollu, tali għażla nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni diversi riżervi. |
|
81. |
L-ewwel, ladarba l-ġestjonarju tal-infrastruttura għandu jkun indipendenti mill-korp regolatorju, huwa importanti li s-sorveljanza minn dan tal-aħħar ma tmurx lil hinn minn dak li huwa permess skont l‑Artikolu 56(6) tad-Direttiva 2012/34: il-konformità tal-marġnijiet tas-suq mat-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV tad-Direttiva 2012/34 u mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. |
|
82. |
Dan ifisser ukoll li l-approvazzjoni tal-marġnijiet tas-suq ma tinterferixxix mal-libertà tal-ġestjonarju tal-infrastruttura li jiddetermina, fil-kuntest tal-impożizzjoni ta’ tariffi, it-tariffi neċessarji konformement mal-għanijiet tad-Direttiva 2012/34, bħall-ottimizzazzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja, kif ukoll għanijiet diskrezzjonali oħra stabbiliti fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV tat-tad-Direttiva 2012/34 ( 44 ). |
|
83. |
It-tieni, għalkemm l-approvazzjoni tal-marġnijiet tas-suq konkreti tista’ tiġi deċiża wara l-perijodu tal-iskeda tax-xogħol (bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali), naqbel mas-SCK li l-marġnijiet tas-suq għandhom madankollu jkunu elenkati fid-dikjarazzjoni dwar in-network, anki jekk ikunu għadhom ma ġewx approvati ( 45 ). Dan jiżgura li l-impriżi ferrovjarji jirċievu sinjali ekonomiċi ċari u koerenti, kif meħtieġ mill-premessa 44 tad-Direttiva 2012/34. Barra minn hekk, dan jiżgura li, ikun xi jkun it-tul tal-proċedura ta’ approvazzjoni, il-ġestjonarju tal-infrastruttura josserva l-obbligu tiegħu skont l-Artikolu 27(4) tad-Direttiva 2012/34, billi jippubblika d-dikjarazzjoni dwar in-network tal-inqas erba’ xhur qabel id-data ta’ skadenza għat-talbiet għall-kapaċità tal-infrastruttura mill-impriżi ferrovjarji. |
|
84. |
It-tielet, tali proċedura ta’ approvazzjoni ma għandhiex tostakola r-rwol ta’ superviżjoni tal-korp regolatorju skont l-Artikolu 56 tad-Direttiva 2012/34 u l-protezzjoni mogħtija b’dan il-mod lill-applikanti. |
|
85. |
Il-kwistjoni ta’ jekk tali approvazzjoni għandhiex titqies finali tista’ tiġi mwieġba b’riferiment għall-Artikolu 56(10) tad-Direttiva 2012/34: għandu jkun hemm possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju. Għaldaqstant, l-approvazzjoni ma hijiex finali sa fejn din tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju. |
|
86. |
Bħala konklużjoni, l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2012/34 ma jipprekludix proċedura ta’ approvazzjoni ta’ marġnijiet tas-suq li sseħħ jew qabel jew wara l-iskeda tax-xogħol rilevanti, bil-kundizzjoni li l-ġestjonarju tal-infrastruttura jibqa’ indipendenti fid-determinazzjoni tat-tariffi konformement mal-għanijiet ta’ din id-direttiva u li l-korp regolatorju jżomm ir-rwol ta’ kontroll tiegħu. Tali approvazzjoni hija suġġetta għar-regoli proċedurali nazzjonali li jiżguraw l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju skont l-Artikolu 56(10) tad-Direttiva 2012/34. |
2. lt-tieni domanda
|
87. |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-marġnijiet tas-suq għandhomx jiġu ppubblikati fid-dikjarazzjoni dwar in-network qabel ma tingħata l-approvazzjoni, u jekk kwalunkwe bidla fil-livell tal-marġnijiet tas-suq tikkostitwixxix modifika ta’ element essenzjali tas-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi fis-sens tal-Artikolu 32(6) tad-Direttiva 2012/34. |
|
88. |
Fir-rigward tal-ordni ta’ kronoloġija, b’riferiment għall-konklużjonijiet tiegħi fil-punt 83 iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li l-ammont tal-marġnijiet tas-suq għandu jiġi ppubblikat fid-dikjarazzjoni dwar in-network b’osservanza tat-terminu previst fl-Artikolu 27(4) tad-Direttiva 2012/34. Suġġett għal din il-kundizzjoni, huwa wkoll id-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina preċiżament il-kronoloġija meħtieġa għall-approvazzjoni tal-marġnijiet tas-suq. Jekk tali approvazzjoni tkun meħtieġa, iżda tkun pendenti fil-mument tal-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjoni dwar in-network, dan għandu jiġi ddikjarat ukoll. |
|
89. |
Il-bidla tal-ammont tal-marġnijiet tas-suq għandha tiġi kkunsidrata bħala bidla ta’ element essenzjali tas-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi fis-sens tal-Artikolu 32(6) tad-Direttiva 2012/34 ( 46 )? Kwalunkwe modifika ta’ “element essenzjali” għandha l-konsegwenza li l-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjoni dwar in-network ikollha ssir tliet xhur qabel għall-perijodu tal-iskeda rispettiv, b’paragun ma’ sitwazzjoni fejn ma jkun hemm l-ebda bidla tal-elementi essenzjali. |
|
90. |
Id-Direttiva 2012/34 lanqas ma toffri informazzjoni ulterjuri dwar dak li għandu jiġi kkunsidrat bħala “element essenzjali” tas-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi. Madankollu, ir-rekwiżit ta’ pubblikazzjoni iktar bikrija tad-dikjarazzjoni dwar in-network fil-każ li sseħħ tali bidla jissuġġerixxi li l-“elementi essenzjali” huma dawk li abbażi tagħhom l-impriżi ferrovjarji jippjanaw l-attivitajiet tagħhom għas-sena li tkun ġejja. Jekk il-bidla hija tali li l-impriżi ferrovjarji ma setgħux antiċipaw it-tariffi għall-perijodu tal-iskeda sussegwenti, tali bidla hija waħda essenzjali. |
|
91. |
F’dan ir-rigward, naqbel mal-fehma tal-Kummissjoni u tal-Gvern Pollakk, li jsostnu li, jekk huwa biss l-ammont tal-marġnijiet tas-suq li nbidel meta mqabbel mal-perijodu tal-iskeda tax-xogħol preċedenti, iżda r-raġunijiet, il-metodoloġija, is-segmenti tas-suq u r-riċerka tas-suq jibqgħu l-istess, tali bidla ma għandhiex titqies li tkun bidla ta’ element essenzjali tas-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi. |
|
92. |
Jekk id-dritt nazzjonali jistabbilixxi proċedura ta’ approvazzjoni għad-determinazzjoni tal-marġnijiet tas-suq mill-korp regolatorju, kif jagħmel id-dritt Awstrijak, tali korp għandu għalhekk jivverifika jekk il-bidla tkunx ta’ natura li teħtieġ pubblikazzjoni iktar bikrija skont l-Artikolu 32(6) tad-Direttiva 2012/34, u konformement mar-rekwiżit ta’ trasparenza msemmi fil-premessa 34 tagħha. |
|
93. |
Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda kif ġej. Id-Direttiva 2012/34 ma tirregolax il-kwistjoni dwar jekk il-marġnijiet tas-suq għandhomx jiġu ppubblikati fid-dikjarazzjoni dwar in-network qabel l-approvazzjoni tagħhom, jekk tkun meħtieġa approvazzjoni mid-dritt nazzjonali. Din id-direttiva teżiġi biss li l-ammont tal-marġnijiet tas-suq jiġi ppubblikat fid-dikjarazzjoni tan-network bl-osservanza tat-terminu previst fl-Artikolu 27(4) tad-Direttiva 2012/34, jiġifieri, tal-inqas erba’ xhur qabel l-iskadenza għall-applikazzjonijiet għall-kapaċitajiet tal-infrastruttura. Il-bidla fil-livell tal-marġnijiet tas-suq, li, skont l-Artikolu 32(6) tad-Direttiva 2012/34, teħtieġ pubblikazzjoni iktar bikrija tad-dikjarazzjoni tan-network, għandha titqies bħala bidla ta’ element essenzjali tas-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni biss jekk din tirriżulta minn bidla fir-raġunijiet, fil-metodoloġija jew fil-lista tas-segmenti tas-suq li fuq il-bażi tagħhom jiġi kkalkolat l-ammont tal-marġni tas-suq. Sempliċi bidla fl-ammont tal-marġnijiet tas-suq ibbażata fuq l-istess raġunijiet u l-istess metodoloġija ma hijiex bidla ta’ element essenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 32(6) tad-Direttiva 2012/34. |
3. Il-tielet domanda
|
94. |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex biżżejjed, għall-finijiet tal-Artikolu 27(2) u (4), kif ukoll tal-Artikolu 32(1) u (6) tad-Direttiva 2012/34, li l-ġestjonarju tal-infrastruttura jelenka fid-dikjarazzjoni dwar in-network it-tariffi totali għal kull kilometru ferrovjarju, mingħajr ma jispeċifika l-ammonti rispettivi relatati, minn naħa, mal-ispejjeż diretti u, mal-marġnijiet tas-suq min-naħa l-oħra. |
|
95. |
Dwar din id-domanda, jiena naqbel mal-fehma tas-SCK li l-impriżi ferrovjarji għandhom jingħataw informazzjoni dwar it-tariffi li hija kemm jista’ jkun preċiża fid-dikjarazzjoni dwar in-network. |
|
96. |
Tali rekwiżit ta’ informazzjoni preċiża jirriżulta mill-punt 2 tal-Anness IV, li għalih jirreferi l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2012/34, li jappoġġa l-interpretazzjoni li d-dikjarazzjoni dwar in-network għandha tinkludi informazzjoni speċifika dwar l-ispejjeż diretti u l-marġnijiet tas-suq, rispettivament. |
|
97. |
Barra minn hekk, l-impriżi ferrovjarji għandhom id-dritt li jikkontestaw, quddiem il-korp regolatorju, it-tariffi kif stabbiliti fid-dikjarazzjoni dwar in-network minħabba li huma kuntrarji għar-regoli u l-prinċipji li jinsabu fid-Direttiva 2012/34. Peress li r-regoli tad-Direttiva dwar dawn iż-żewġ tipi distinti ta’ tariffi huma differenti, id-dritt tal-impriżi ferrovjarji li jibdew stħarriġ jiġi kompromess jekk l-informazzjoni ma tingħatax separatament għall-ispejjeż diretti u l-marġnijiet tas-suq. |
|
98. |
Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda kif ġej. Ma huwiex biżżejjed, għall-finijiet tal-Artikolu 27(2) u (4), u tal-Artikolu 32(1) u (6) tad-Direttiva 2012/34, li l-ġestjonarju tal-infrastruttura jelenka t-tariffi totali għal kull kilometru ferrovjarju fid-dikjarazzjoni dwar in-network. Pjuttost, l-ammonti rispettivi relatati mal-ispejjeż diretti, minn naħa, u mal-marġnijiet tas-suq, min-naħa l-oħra, għandhom jiġu speċifikati. |
4. Ir-raba’ domanda
|
99. |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-marġnijiet tas-suq, kif stabbiliti fid-dikjarazzjoni tan-network, humiex vinkolanti għall-korp regolatorju li jiddeċiedi dwar l-approvazzjoni tagħhom. B’mod iktar speċifiku, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-korp regolatorju huwiex obbligat jordna modifika eventwali tal-marġnijiet tas-suq biss sal-livell tat-tariffi globali kif stabbiliti fid-dikjarazzjoni dwar in-network, u liema tip ta’ modifiki, jekk xejn, il-korp regolatorju jkun jista’ jordna. |
|
100. |
Kif ġie espost fil-punti 67 u 68 iktar ’il fuq, il-korp regolatorju għandu, skont l-Artikolu 56 tad-Direttiva 2012/34, is-setgħa li jissorvelja kwalunkwe ksur ta’ din id-direttiva u li “jindika lill-[…]amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja l-modifiki li għandhom isiru fis-sistema ta’ tariffi sabiex jiġu rrimedjati l-inkompatibbiltajiet ta’ din is-sistema mar-rekwiżiti previsti mid-Direttiva 2012/34” ( 47 ). |
|
101. |
Madankollu, sabiex tiġi osservata l-indipendenza tal-ġestjonarju tal-infrastruttura fl-istabbiliment tat-tariffi skont il-prinċipji ta’ impożizzjoni ta’ tariffi deskritti fit-Taqsima A.1 iktar ’il fuq, il-korp regolatorju diffiċilment jista’ jwettaq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi tiegħu stess u, pereżempju, jistabbilixxi marġnijiet tas-suq ogħla minn dawk stabbiliti mill-ġestjonarju tal-infrastruttura ( 48 ). |
|
102. |
Pjuttost, is-setgħat ta’ emenda tiegħu għandhom ikunu limitati għall-iżgurar tal-kisba tar-regoli u l-għanijiet tad-Direttiva 2012/34. |
|
103. |
Jekk Stat Membru jkun introduċa sistema ta’ approvazzjoni ta’ marġnijiet tas-suq konkreti permezz tal-korp regolatorju, dan il-korp ikun suġġett għall-istess regoli u għanijiet tad-Direttiva 2012/34 fil-kuntest tal-proċedura ta’ approvazzjoni. Il-korp regolatorju jista’, għalhekk, japprova jew jiċħad il-marġnijiet tas-suq jew jordna l-modifika tagħhom, iżda ma jistax jiddetermina l-ammont tal-marġnijiet tas-suq minflok il-ġestjonarju tal-infrastruttura. |
|
104. |
Għalhekk nipproponi li għar-raba’ domanda għandha tingħata risposta bil-mod kif ġej. Jekk Stat Membru jkun introduċa proċedura ta’ approvazzjoni tal-marġnijiet tas-suq mill-korp regolatorju, dan il-korp jista’ jagħti tali approvazzjoni skont l-Artikolu 56 tad-Direttiva 2012/34 u filwaqt li josserva l-indipendenza tal-ġestjonarju tal-infrastruttura. Bħala konklużjoni, l-ammont tat-tariffi stabbilit fid-dikjarazzjoni dwar in-network huwa vinkolanti fuq il-korp regolatorju, iżda dan jista’, fl-eżerċizzju tas-sorveljanza tiegħu, jordna bidliet skont l-Artikolu 56 tad-Direttiva 2012/34, filwaqt li josserva l-indipendenza tal-ġestjonarju tal-infrastruttura. |
5. Il-ħames domanda
|
105. |
Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-metodu ta’ kalkolu tal-ispejjeż totali sostnuti mill-ġestjonarju tal-infrastruttura fil-proċess tad-determinazzjoni tal-validità tal-marġnijiet tas-suq. B’mod iktar speċifiku, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hija għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-mira tad-dħul stabbilita mill-Istat. Hija tistaqsi wkoll jekk is-segwenti għandhomx jiġu inklużi jew imnaqqsa mill-ispejjeż totali: l-ewwel, kwalunkwe sussidji mill-Istat mogħtija lill-ġestjonarju tal-infrastruttura; it-tieni, il-profitti l-oħra kollha tal-ġestjonarju tal-infrastruttura minn attivitajiet ekonomiċi oħra; it-tielet, id-dħul kollu mhux rimborsabbli rċevut mill-ġestjonarju tal-infrastruttura minn sorsi privati; u r-raba’, it-tariffi l-oħra imposti minn u pożizzjonijiet imprenditorjali tal-ġestjonarju tal-infrastruttura. |
|
106. |
L-ewwel, il-mira tad-dħul. Kif spjegat il-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-Awstrija tistabbilixxi mira annwali ta’ dħul għall-ÖBB. Hija tissussidja wkoll l-attivitajiet kummerċjali tagħha. |
|
107. |
Bħall-fatti fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka ( 49 ), fejn l-Istat ikun stabbilixxa limitu massimu għall-ġestjonarju tal-infrastruttura u b’hekk kiser l-indipendenza tiegħu, jidhirli li l-istabbiliment ta’ mira tad-dħul jinterferixxi wkoll neċessarjament ma’ din l-indipendenza. |
|
108. |
Kif sostniet il-Kummissjoni, l-istabbiliment ta’ mira tad-dħul iċaħħad lill-ġestjonarju tal-infrastruttura mill-kapaċità li jiddetermina t-tariffi skont il-marġni ta’ diskrezzjoni msemmi fil-punt 60 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28 iktar ’il fuq ( 50 ). |
|
109. |
Naqbel mal-Kummissjoni u għalhekk nikkonkludi li l-mira tad-dħul ma għandhiex titqies bħala fattur rilevanti meta tittieħed deċiżjoni dwar il-validità tal-marġnijiet tas-suq iddeterminati mill-ġestjonarju tal-infrastruttura, peress li dan jinterferixxi mal-indipendenza tiegħu ggarantita mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2012/34. |
|
110. |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk hemmx lok li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul l-ieħor elenkat mill-qorti tar-rinviju, jiena tal-fehma li għandha ssir distinzjoni bejn is-sussidji u d-dħul l-ieħor li tirreferi għalih id-domanda preliminari. |
|
111. |
Kif spjegat hawn fuq fir-rigward tal-prinċipji ta’ impożizzjoni ta’ tariffi, it-tariffi jistgħu jkopru l-firxa bejn l-ispejjeż diretti ( 51 ) u l-ispejjeż totali ( 52 ). Madankollu, dawn kollha dejjem jirreferu għall-ispejjeż sostnuti mill-ġestjonarju tal-infrastruttura sabiex jiġi permess l-użu tal-infrastruttura ferrovjarja jew direttament (bl-operazzjoni tas-servizz ferrovjarju), jew indirettament (pereżempju, minħabba proġetti ta’ investiment fuq l-infrastruttura ferrovjarja skont l-Artikolu 32(3) tad-Direttiva 2012/34). |
|
112. |
Is-sistema ta’ tariffi, li sservi sabiex tkopri l-ispejjeż kollha sostnuti mill-ġestjonarju tal-infrastruttura, għandha tippermettilu jipprovdi tali servizz, anki jekk ma jkollux dħul ieħor. Il-kalkolu tal-marġnijiet tas-suq li jservi biex ikopri l-ispejjeż totali ta’ dawn is-servizzi għandu għalhekk ikun separat minn kwalunkwe dħul ieħor possibbli tal-ġestjonarju tal-infrastruttura. |
|
113. |
Ċertament, tali dħul addizzjonali jista’, fil-kundizzjonijiet normali tan-negozju, jikkontribwixxi għall-bilanċ globali bejn id-dħul u l-ispejjeż ta’ ġestjonarju tal-infrastruttura, kif jeħtieġ l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2012/34. Madankollu, dan ma jbiddilx il-ħtieġa għall-ġestjonarju tal-infrastruttura li jkopri l-ispejjeż kollha marbuta mat-tqegħid tal-infrastruttura ferrovjarja fi stat ta’ disponibbiltà, indipendentement minn kull negozju ieħor li jista’ jkollu l-ġestjonarju. |
|
114. |
Konsegwentement, dħul – bħall-profitti tal-ġestjonarju tal-infrastruttura minn attivitajiet ekonomiċi oħra, id-dħul mhux rimborsabbli li l-ġestjonarju tal-infrastruttura jirċievi minn sorsi privati u tariffi oħra imposti, kif ukoll il-pożizzjonijiet kummerċjali tiegħu – li ma huwiex marbut mat-tqegħid tal-infrastruttura ferrovjarja fi stat ta’ disponibbiltà, huwa irrilevanti għall-kalkolu tal-marġnijiet tas-suq. |
|
115. |
Għall-kuntrarju, is-sussidji li jingħataw lill-ġestjonarju tal-infrastruttura sabiex ikopri t-telf tiegħu marbut mat-tqegħid tal-infrastruttura ferrovjarja fi stat ta’ disponibbiltà jkopru l-istess spejjeż bħal dawk li għalihom jistgħu jiġu imposti marġnijiet tas-suq. |
|
116. |
Fil-fatt, jekk il-ġestjonarju tal-infrastruttura, billi jimponi marġnijiet tas-suq, ikun jista’ jkopri l-ispejjeż kollha sostnuti mill-provvista tal-infrastruttura ferrovjarja, il-ħtieġa ta’ sussidji intiżi sabiex ikopru t-telf marbut ma’ dan is-servizz jisparixxu. |
|
117. |
Madankollu, jekk il-ġestjonarju tal-infrastruttura jkun irċieva sussidji sabiex ikopri l-ispejjeż relatati mat-tqegħid tal-infrastruttura ferrovjarja fi stat ta’ disponibbiltà u dawn is-sussidji jaqbżu l-ispejjeż diretti, l-impożizzjoni ta’ marġnijiet tas-suq fuq l-istess spejjeż tirriżulta fi profitt, sakemm is-sussidji ma jitħallsux lura fl-ammont kopert mill-marġnijiet tas-suq. Kif spjegat iktar ’il fuq, il-marġnijiet tas-suq ma jistgħux jiġu imposti għal skopijiet oħra għajr dak li jiġu koperti l-ispejjeż marbuta mat-tqegħid tal-infrastruttura ferrovjarja fi stat ta’ disponibbiltà. |
|
118. |
Għal din ir-raġuni, jiena tal-fehma li l-modalità u l-ammont tas-sussidji li jkun irċieva l-ġestjonarju tal-infrastruttura għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-marġnijiet tas-suq. |
|
119. |
Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ħames domanda kif ġej. Sorsi oħra ta’ dħul u spejjeż mhux relatati mal-ispejjeż totali sostnuti mill-ġestjonarju tal-infrastruttura għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja, bħad-dħul minn attivitajiet ekonomiċi oħra, dħul mhux rimborsabbli rċevut minn sorsi privati u tariffi oħra imposti minn u pożizzjonijiet imprenditorjali tal-ġestjonarju tal-infrastruttura ma jistgħux ikunu parti mill-kalkolu tal-marġnijiet tas-suq. Madankollu, il-modalità u l-ammont ta’ sussidji mogħtija biex jiġi kopert it-telf marbut mat-tqegħid tal-infrastruttura ferrovjarja fi stat ta’ disponibbiltà għandhom jitqiesu f’dawn il-kalkoli. |
V. Konklużjoni
|
120. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU 2012, L 343, p. 32, rettifiki fil-ĠU 2015, L 67, p. 32 u fil-ĠU 2015, L 196, p. 67). Id-Direttiva 2012/34 hija riformulazzjoni ta’ diversi direttivi li ġew emendati b’mod sinjifikattiv matul iż-żmien. Ara d-Direttiva tal-Kunsill tad‑29 ta’ Lulju 1991 dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 341), id-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE tad‑19 ta’ Ġunju 1995 dwar il-liċenzjar ta’ impriżi ferrovjarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 258); u d-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404).
( 3 ) Ara wkoll il-premessa 76 tad-Direttiva 2012/34: “L-immaniġġjar effiċjenti u ġust u l-użu nondiskriminatorju tal-infrastruttura ferrovjarja jeħtieġu l-istabbiliment ta’ korp regolatorju li jissorvelja l-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva li jaġixxi bħala korp ta’ appell, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà ta’ analiżi ġudizzjarja. Tali korp regolatorju għandu jkun jista’ jinforza t-talbiet tiegħu għal informazzjoni u d-deċiżjonijiet tiegħu permezz ta’ penali amministrattivi adatti.”
( 4 ) Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi impriża ferrovjarja bħala: “impriża pubblika jew privata liċenzjata skont din id-Direttiva, li n-negozju ewlieni tagħha huwa li tipprovdi servizzi għat-trasport ta’ oġġetti u/jew ta’ passiġġieri bil-ferrovija b’kundizzjoni li l-impriża tiżgura trazzjoni; din tinkludi wkoll impriżi li jipprovdu trazzjoni biss”.
( 5 ) Ara l-punt 26 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/34, li jiddefinixxiha bħala “dikjarazzjoni li tistabbilixxi fid-dettall ir-regoli ġenerali, it-termini, il-proċeduri u l-kriterji għall-iskemi ta’ tqegħid ta’ piżijiet u tal-allokazzjoni tal-kapaċità inkluża l-informazzjoni l-oħra bħal din li hi meħtieġa biex tippermetti l-applikazzjonijiet għall-kapaċità tal-infrastruttura”. Il-kontenut tad-dikjarazzjoni dwar in-network huwa elenkat fl-Anness IV tad-Direttiva 2012/34.
( 6 ) Sentenza tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) Nru W110 2146830‑1 tal‑5 ta’ Lulju 2017, ECLI:AT:BVWG:2017:W110.2146830.1.00.
( 7 ) Id-deċiżjoni tas-SCK tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Nru SCK‑16‑012, SCK‑17‑009 u SCK‑18‑010.
( 8 ) Ara wkoll il-premessa 34 tad-Direttiva 2012/34.
( 9 ) Ara wkoll il-premessa 44 tad-Direttiva 2012/34: “L-impriżi ferrovjarji għandhom jirċievu sinjali ekonomiċi ċari u konsistenti minn skemi tal-allokazzjoni tal-kapaċità u minn skemi għall-impożizzjoni tal-piżijiet li jwassluhom biex jieħdu deċiżjonijiet razzjonali”.
( 10 ) Ara r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/909 tat‑12 ta’ Ġunju 2015 dwar il-modalitajiet għall-kalkolu tal-ispiża direttament imġarrba minħabba t-tħaddim tas-servizz ferrovjarju (ĠU 2015, L 148, p. 17).
( 11 ) Sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, LatRailNet u Latvijas dzelzceļš (C‑144/20, EU:C:2021:717).
( 12 ) Ara, fir-rigward tad-Direttiva 2001/14, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, ORLEN KolTrans (C‑563/20, EU:C:2022:113, punt 43): “F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li la l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14 u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tagħha ma jipprevedu proċedura ta’ approvazzjoni tat-tariffi tal-infrastruttura jew tal-varjabbli li jippermettu li jiġu ddeterminati dawn tal-aħħar”.
( 13 ) Sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, ORLEN KolTrans (C‑563/20, EU:C:2022:113).
( 14 ) Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u dak Pollakk jaqblu li d-Direttiva 2012/34 ma tistabbilixxix il-modalitajiet ta’ approvazzjoni. Barra minn hekk, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jqis ukoll li proċedura ta’ approvazzjoni ex ante tissodisfa bl-aħjar mod l-għanijiet ta’ din id-direttiva.
( 15 ) Premessa 44 tad-Direttiva 2012/34.
( 16 ) Ara r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2012/34. Dwar id-differenza bejn l-iffissar tal-qafas tal-impożizzjoni ta’ tariffi mill-Istat Membru u d-determinazzjoni tat-tariffi mill-ġestjonarju tal-infrastruttura, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen f’Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑483/10, EU:C:2012:524, punti 45 sa 53).
( 17 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2012/34 u l-Anness IV tagħha.
( 18 ) Ara l-Artikolu 27(4) tad-Direttiva 2012/34.
( 19 ) Ara l-Artikolu 29(3) tad-Direttiva 2012/34: “Il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni tal-iskema tat-tqegħid tal-imposti tirriżulta f’imposti ekwivalenti nondiskriminatorji għal impriżi ferrovjarji differenti li jwettqu servizzi ta’ natura ekwivalenti f’parti simili tas-suq u li l-imposti attwalment applikati jikkonformaw mar-regoli stipulati fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk”.
( 20 ) Sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2021, Koleje Mazowieckie (C‑120/20, EU:C:2021:553, punt 42).
( 21 ) Skont il-punt 1 tal-Anness II tad-Direttiva 2012/34, il-pakkett ta’ aċċess minimu jinkludi: “(a) fl-immaniġġjar ta’ talbiet għall-kapaċità tal-infrastruttura; (b) fid-dritt li tintuża l-kapaċità allokata; (c) fl-użu ta’ infrastruttura ferrovjarja, inklużi track points u ġonot; (d) fil-kontroll tal-ferrovija inkluż is-senjalar, ir-regolament, id-dispatching u l-komunikazzjoni u l-forniment ta’ informazzjoni dwar il-moviment tal-ferrovija; (e) l-użu ta’ tagħmir għall-provvista tal-elettriku għall-kurrent tat-trazzjoni, meta jkun disponibbli; (f) l-informazzjoni l-oħra kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni jew għat-tħaddim tas-servizz li għalih ingħatat il-kapaċità”.
( 22 ) Ara wkoll il-premessa 69 tad-Direttiva 2012/34.
( 23 ) Ara r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/909.
( 24 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑512/10, EU:C:2013:338, punt 90). F’din il-kawża, il-Polonja inkludiet, fost affarijiet oħra, spejjeż finanzjarji marbuta mal-ħlas lura tas-self meħud mill-ġestjonarju għall-iżvilupp u l-modernizzar tal-infrastruttura.
( 25 ) Il-qorti tar-rinviju eskludiet espressament mis-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari l-kwistjoni dwar jekk is-suq jiflaħx il-marġnijiet tas-suq.
( 26 ) Dwar l-interpretazzjoni tal-kompetittività fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2012/34, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona f’LatRailNet u Latvijas dzelzceļš (C‑144/20, EU:C:2021:251, punti 37 sa 45).
( 27 ) Sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑556/10, EU:C:2013:116, punti 79 sa 81). Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat ukoll fil-punt 86: “Bejn dawn iż-żewġ estremi, id-Direttiva 2001/14 tipprovdi li t-tariffa tista’ tvarja permezz tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-iskarsità tal-kapaċitajiet, kif jipprovdi l-Artikolu 7(4) ta’ din id-direttiva, jew tal-ispiża tal-effetti fuq l-ambjent imsemmija fl-Artikolu 7(5), jew ukoll proġetti ta’ investiment speċifiċi msemmija fl-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva, kif ukoll tnaqqis previst fl-Artikolu 9 ta’ din tal-aħħar”. Dawn id-dispożizzjonijiet essenzjalment jikkorrispondu għall-Artikolu 31(4) u (5), l-Artikolu 32(3), u l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2012/34.
( 28 ) Sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, LatRailNet u Latvijas dzelzceļš (C‑144/20, EU:C:2021:717, punt 41); u tad‑9 ta’ Novembru 2017, CTL Logistics (C‑489/15, EU:C:2017:834, punt 79). Ara wkoll is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, ORLEN KolTrans (C‑563/20, EU:C:2022:113, punt 51) (li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-ġestjonarji tal-infrastruttura għandu jkollhom marġni ta’ flessibbiltà fl-impożizzjoni ta’ tariffi, sabiex ikunu jistgħu jottimizzaw l-użu tal-infrastruttura tagħhom). Ara wkoll il-premessa 43 tad-Direttiva 2012/34.
( 29 ) Sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, LatRailNet u Latvijas dzelzceļš (C‑144/20, EU:C:2021:717, punt 42).
( 30 ) Sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (C‑545/10, EU:C:2013:509, punt 36).
( 31 ) Sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑483/10, EU:C:2013:114, punt 45).
( 32 ) Sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑483/10, EU:C:2013:114, punt 44).
( 33 ) Sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑556/10, EU:C:2013:116, punt 83).
( 34 ) Ikkonfermat ukoll mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, LatRailNet u Latvijas dzelzceļš (C‑144/20, EU:C:2021:717, punt 44).
( 35 ) Dawn il-pari huma, pereżempju, servizzi tal-passiġġieri kontra dawk tal-merkanzija; jew servizzi domestiċi kontra dawk internazzjonali, eċċ.
( 36 ) Skont is-sitt subparagrafu tal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2012/34, l-informazzjoni dwar is-segmenti tas-suq – li għall-użu tagħha jiġu imposti marġnijiet tas-suq – għandha tiġi ppubblikata fid-dikjarazzjoni dwar in-network u għandha tiġi aġġornata regolarment.
( 37 ) Skont il-punt 19 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/34, applikant huwa “impriża ferrovjarja jew grupp internazzjonali ta’ impriżi ferrovjarji jew persuni jew entitajiet legali oħrajn, bħal awtoritajiet kompetenti skont ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007 L 315, p. 1)] u shippers, forwarders tal-merkanzija u operaturi tat-trasport ikkumbinat, b’interess tas-servizz pubbliku jew b’interess kummerċjali fil-forniment tal-kapaċità tal-infrastuttura”.
( 38 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2022, CityRail (C‑453/20, EU:C:2022:341, punti 55 sa 57).
( 39 ) Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kontroll tal-korp regolatorju jista’ jirrigwarda “kull ksur eventwali tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/34”. Sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, LatRailNet u Latvijas dzelzceļš (C‑144/20, EU:C:2021:717, punt 35).
( 40 ) Ara wkoll il-premessa 76 tad-Direttiva 2012/34: “L-immaniġġjar effiċjenti u ġust u l-użu nondiskriminatorju tal-infrastruttura ferrovjarja jeħtieġu l-istabbiliment ta’ korp regolatorju li jissorvelja l-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva li jaġixxi bħala korp ta’ appell, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà ta’ analiżi ġudizzjarja. Tali korp regolatorju għandu jkun jista’ jinforza t-talbiet tiegħu għal informazzjoni u d-deċiżjonijiet tiegħu permezz ta’ penali amministrattivi adatti”.
( 41 ) Sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, LatRailNet u Latvijas dzelzceļš (C‑144/20, EU:C:2021:717, punt 47).
( 42 ) Sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2024, Die Länderbahn et (C‑582/22, EU:C:2024:213, punt 55). Il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet din id-deċiżjoni fil-kuntest ta’ domanda dwar jekk il-korp regolatorju jistax jiddeċiedi dwar il-legalità tat-tariffi diġà imposti, jiġifieri wara l-perijodu ta’ validità tagħhom, u ddeċidiet li dan kien possibbli (punti 55 sa 57).
( 43 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14, li l-korp regolatorju (u possibbilment qorti li tistħarreġ id-deċiżjoni ta’ dan il-korp) għandu s-setgħa esklużiva li jiddeċiedi dwar l-illegalità tat-tariffa fid-dawl tal-leġiżlazzjoni dwar l-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja, bl-esklużjoni tal-qrati ċivili li jiddeċiedu dwar l-azzjonijiet għad-danni. Ara, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, CTL Logistics (C‑489/15, EU:C:2017:834, punt 97). L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14 jikkorrispondi għall-Artikolu 56 tad-Direttiva 2012/34. Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2022, DB Station & Service (C‑721/20, EU:C:2022:832, punt 64).
( 44 ) Ara l-punti 58 sa 60 iktar ’il fuq.
( 45 ) Suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, mill-fatti ta’ dan il-każ jidher li d-dikjarazzjonijiet dwar in-network għall‑2018 u l‑2019 indikaw li l-proċedura ta’ approvazzjoni tal-marġnijiet tas-suq kienet għadha għaddejja, iżda d-dikjarazzjoni dwar in-network tal‑2018 ma elenkatx l-ammonti preċiżi tagħhom.
( 46 )
( 47 ) Sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, LatRailNet u Latvijas dzelzceļš (C‑144/20, EU:C:2021:717, punt 45).
( 48 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, pereżempju, li Spanja kienet kisret l-indipendenza tal-ġestjonarju tal-infrastruttura fl-istabbiliment tat-tariffi meta naqqset is-setgħat tagħha għall-“billi japplikaw formula ffissata minn qabel permezz ta’ digriet ministerjali”. Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑483/10, EU:C:2013:114, punt 44).
( 49 ) Sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (C‑545/10, EU:C:2013:509).
( 50 ) Il-Kummissjoni ssostni wkoll li, billi jipprova jilħaq il-mira tad-dħul, il-ġestjonarju tal-infrastruttura jista’ jiġi inċentivat jimmassimizza l-profitti, iktar milli jottimizza l-effiċjenza tal-infrastruttura ferrovjarja, li huwa wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva 2012/34. Ara l-premessi 3, 6 u 43.
( 51 ) Dawn jinkludu tariffi għall-pakkett ta’ aċċess minimu u għall-aċċess għall-binarji għal faċilitajiet tas-servizzi, li għandhom ikunu ugwali għall-ispiża direttament sostnuta għall-operat tas-servizz ferrovjarju.
( 52 ) Dawn huma l-ispejjeż kollha sostnuti mill-ġestjonarju tal-infrastruttura, li jistgħu jiġu rkuprati bl-impożizzjoni ta’ marġnijiet tas-suq.