SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla għad-Deċiżjonjiet Preliminari)

25 ta’ Frar 2026 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) Kamp ta’ applikazzjoni – Issuġġettar għat-taxxa – Korp irregolat mid-dritt pubbliku – Artikoli 2, 9 u 13 tad-Direttiva 2006/112/KE – Kooperazzjoni interkomunali – Trasferiment ta’ ġestjoni – Assoċjazzjoni inkarigata b’missjoni – Provvista ta’ servizzi telematiċi għall-benefiċċju tal-membri tal-assoċjazzjoni”

Fil-Kawża T‑575/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Ottubru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Ottubru 2024, fil-proċedura

Belgische Staat/Federale Overheidsdienst Financiën

vs

Digipolis Antwerpen AG,

District09 AG,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla għad-Deċiżjonjiet Preliminari),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn S. Papasavvas, President, N. Półtorak, M. Sampol Pucurull, G. Steinfatt (Relatriċi) u W. Valasidis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Martín y Pérez de Nanclares,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat it-trażmissjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tat-talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Novembru 2024, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,

wara li rat is-suġġett imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-assenza ta’ domanda indipendenti ta’ interpretazzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 50b tal-imsemmi statut,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑5 ta’ Settembru 2025,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għall-Gvern Belġjan, minn D. Carmen u F. Lambotte, bħala aġenti,

–

għal Digipolis Antwerpen AG u District09 AG, minn F. Soetaert, advocaat,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Herold u W. Roels, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Ottubru 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2, 9 u 13 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”), kif ukoll tal-prinċipju ta’ newtralità tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, il-Belgische Staat/Federale Overheidsdienst Financiën (l-Istat Belġjan/is-Servizz Pubbliku Federali tal-Finanzi), u, min-naħa l-oħra, Digipolis Antwerpen AG u District09 AG, is-suċċessuri fid-dritt ta’ Digipolis, assoċjazzjoni rregolata mid-dritt pubbliku, dwar in-nuqqas ta’ ssuġġettar għall-VAT ta’ provvisti ta’ servizzi pprovduti minn din tal-aħħar lil uħud mill-membri tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:

“1.   It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

(a)

il-provvista ta’ merkanzija magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[…]

(ċ)

il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[…]”.

4

L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi:

“‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. […]”

5

L-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:

“Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv tal-VAT, kull Stat Membru jista’ jikkunsidra bħala persuna taxxabbli waħedha kwalunkwe persuni stabbiliti fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru li, filwaqt li huma indipendenti legalment, ikollhom x’jaqsmu mill-qrib ma’ xulxin b’rabtiet finanzjarji, ekonomiċi u organizzattivi.

[…]”

6

L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva dwar il-VAT huwa fformulat kif ġej:

“Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra rregolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew transazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawk l-attivitajiet jew transazzjonijiet.

Iżda, meta jidħlu biex jagħmlu dawn l-attivitajiet jew transazzjonijiet, huma għandhom jiġu kkunisdrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ dawk l-attivitajiet jew transazzjonijiet fejn it-trattament tagħhom bħala persuni mhux taxxabbli jikkawża distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni.

F’kwalunkwe każ, korpi rregolati mid-dritt pubbliku għandhom jiġu kkunisdrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet elenkati fl-Anness I, sakemm dawk l-attivitajiet ma jkunux twettqu fuq skala tant żgħira li jkunu insinifikanti.”

7

L-Anness I tad-Direttiva dwar il-VAT jistabbilixxi l-lista tal-attivitajiet imsemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(1). Dan l-anness isemmi, fil-punt 1 tiegħu, is-“[s]ervizzi tat-telekomunikazzjoni”.

Id-dritt Belġjan

Il-Kodiċi tal-VAT

8

It-talba għal deċiżjoni preliminari tinkludi riferimenti għall-Wetboek van de belasting over de toegevoegde waarde (il-Kodiċi tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-VAT”), mingħajr ma tidentifika l-verżjoni applikabbli għall-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali u mingħajr ma tirriproduċi d-dispożizzjonijiet imsemmija.

9

Madankollu, id-deċiżjoni tar-rinviju tippermetti li wieħed jifhem li l-Artikoli 4, 6 u 44 tal-Kodiċi tal-VAT huma intiżi li jittrasponu l-Artikoli 9, 13 u 132 tad-Direttiva dwar il-VAT, rispettivament. Għalhekk, l-Artikolu 4 ta’ dan il-kodiċi jiddefinixxi l-kunċett ta’ “persuna taxxabbli”, l-Artikolu 6 tal-imsemmi kodiċi jirregola n-nuqqas ta’ ssuġġettar għat-taxxa ta’ ċerti organi rregolati mid-dritt pubbliku u l-Artikolu 44 tal-istess kodiċi jinkludi eżenzjonijiet għal ċerti attivitajiet ta’ interess ġenerali.

Id-digriet li jirregola l-kooperazzjoni interkomunali

10

L-Artikolu 10 tad-decreet houdende de intergemeentelijke samenwerking (id-Digriet dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Kooperazzjoni Interkomunali) tas‑6 ta’ Lulju 2001 (Belgisch Staatsblad, 31 ta’ Ottubru 2001, p. 37836), jipprevedi:

“Żewġ komuni jew iktar jistgħu joħolqu struttura ta’ kooperazzjoni b’personalità ġuridika sabiex jintlaħqu għanijiet li jappartjenu għal oqsma relatati. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet amministrattivi kuntrarji, huma awtorizzati jipparteċipaw fihom, minbarra l-komuni u l-provinċji, il-korpi komunali awtonomi, iċ-ċentri pubbliċi ta’ [azzjoni] soċjali u l-assoċjazzjonijiet tagħhom biss, sa fejn dawn huma komposti esklużivament minn persuni ġuridiċi pubbliċi, u l-istrutturi l-oħra ta’ kooperazzjoni maħluqa skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet.

[…]”

11

L-Artikolu 12 tad-digriet dwar ir-regolamentazzjoni tal-kooperazzjoni interkomunali jistipula:

“1.   Il-komuni għandhom jiddeċiedu dwar it-trasferiment ta’ ġestjoni skont l-istatuti tal-istruttura ta’ kooperazzjoni.

‘Trasferiment ta’ ġestjoni’ ifisser it-trasferiment mill-komuni parteċipanti lil struttura ta’ kooperazzjoni tal-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet li huma jkunu ħadu fil-kuntest tal-għanijiet ta’ din l-istruttura, bil-kundizzjoni li l-komuni parteċipanti jipprojbixxu lilhom infushom mit-twettiq tal-istess kompitu waħedhom jew bl-għajnuna ta’ terzi.”

2.   Hemm tliet tipi ta’ strutturi ta’ kooperazzjoni b’personalità ġuridika:

[…]

3°

l-assoċjazzjoni inkarigata b’missjoni: struttura ta’ kooperazzjoni li tibbenefika minn trasferiment ta’ ġestjoni u li lilha hija fdata mill-komuni parteċipanti l-implimentazzjoni ta’ waħda jew iktar mill-kompetenzi tagħhom li jaqgħu taħt qasam wieħed jew iktar ta’ attività relatata.”

It-teorija tal-“emanazzjoni”

12

Kemm mit-talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll mit-tweġiba tal-Istat Belġjan/is-Servizz Pubbliku Federali tal-Finanzi għal mistoqsija magħmula waqt is-seduta jsegwi li t-teorija tal-“emanazzjoni” hija l-bażi ta’ “tolleranza amministrattiva”, jiġifieri prassi fiskali, li għandha l-oriġini tagħha fl-aanschrijving nr. 148/1971 (iċ-ċirkolari Nru 148/1971) tal‑5 ta’ Ottubru 1971, u l-aanschrijving nr. 6/1975 (iċ-ċirkolari Nru 6/1975) tas‑27 ta’ Frar 1975.

13

Fir-rigward tal-portata ta’ din il-prassi, il-qorti tar-rinviju rriproduċiet it-tweġiba tal-minister van Financiën (il-Ministru għall-Finanzi, il-Belġju) tal‑25 ta’ Mejju 2018, għall-mistoqsija Parlamentari Nru 2188 tad‑19 ta’ April 2018, li tipprovdi dan li ġej:

“Fuq il-livell tal-VAT, l-assoċjazzjonijiet inkarigati b’missjoni huma fil-fatt ittrattati bl-istess mod bħall-assoċjazzjonijiet interkomunali, peress li l-komuni affiljati rrinunzjaw għad-drittijiet regolatorji u ta’ ġestjoni tagħhom. […] Meta l-parteċipanti jirrinunzjaw għal [dawn id-drittijiet], tapplika t-teorija msejħa tal-‘emanazzjoni’.

It-teorija tal-[‘emanazzjoni’] tfisser li ma jittiħidx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-attività titwettaq mill-assoċjazzjoni inkarigata b’missjoni. Mill-perspettiva tal-VAT, l-attività titqies li hija mwettqa mill-parteċipanti tal-assoċjazzjoni inkarigata b’missjoni.

Dan ifisser li l-attivitajiet (bi trasferiment tal-ġestjoni) eżerċitati mill-assoċjazzjoni inkarigata b’missjoni lejn terzi ma humiex suġġetti għall-VAT meta dawn l-attivitajiet, li kieku kienu eżerċitati mill-parteċipanti stess, lanqas ma kienu jkunu suġġetti għall-VAT.

Meta l-assoċjazzjoni inkarigata mill-missjoni teżerċita attivitajiet għal terzi, li jaqgħu barra mill-kamp tal-VAT jew li jkunu eżentati mill-VAT jekk jiġu eżerċitati mill-parteċipanti stess, dawn l-attivitajiet lanqas ma jkunu suġġetti għall-VAT mill-assoċjazzjoni inkarigata mill-missjoni jew ikunu eżentati mill-VAT.

Għall-kuntrarju, l-attivitajiet tal-assoċjazzjoni inkarigata mill-missjoni eżerċitati għal terzi huma suġġetti għall-VAT [fil-każ li] huma jkunu wkoll suġġetti għall-VAT jekk jiġu eżerċitati mill-parteċipanti stess. L-istatus tal-parteċipant għall-finijiet tal-VAT huwa għalhekk rilevanti, peress li jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk il-parteċipant innifsu għandux joħroġ fattura bil-VAT jew le, skont l-Artikolu 4, l-Artikolu 6 u/jew l-Artikolu 44 tal-Kodiċi tal-VAT.

Il-fatt li t-teorija tal-[“emanazzjoni”] tinjora l-fatt li l-attività hija eżerċitata mill-assoċjazzjoni u li l-attività hija meqjusa, għall-finijiet tal-VAT, eżerċitata mill-parteċipanti nfushom, għandu wkoll konsegwenzi fuq is-servizzi li huma pprovduti lill-parteċipanti mill-assoċjazzjoni inkarigata b’missjoni. Is-servizzi mwettqa minn assoċjazzjoni inkarigata b’missjoni għall-parteċipanti tagħha huma meqjusa bħala servizzi għaliha nnifisha.

Fil-kuntest tat-trasferiment ta’ ġestjoni, l-assoċjazzjoni inkarigata b’missjoni għandha titqies li taġixxi ‘minflok’ u mhux ‘f’isem’ il-parteċipanti tagħha. Is-servizzi pprovduti lilha nnifisha ma jaqgħux, bħala prinċipju, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT, b’tali mod li fir-relazzjoni bejn l-assoċjazzjoni inkarigata b’missjoni u l-parteċipanti tagħha, dawn ma humiex, bħala prinċipju, servizzi suġġetti għall-VAT.

F’dan il-każ, l-istatus tal-VAT tal-parteċipanti ma huwiex rilevanti, peress li t-tranżazzjonijiet interni ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT, u dan irrispettivament minn jekk il-parteċipant huwiex ikklassifikat bħala organu pubbliku skont l-Artikolu 6 tal-[K]odiċi tal-VAT jew bħala persuna suġġetta għall-VAT ordinarja skont l-Artikolu 4 tal-[K]odiċi tal-VAT.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Fl‑2003, l-iStad Gent (il-belt ta’ Gent, il-Belġju), l-Openbaar centrum voor maatschappelijk welzijn (iċ-Ċentru Pubbliku ta’ Azzjoni Soċjali ta’ Gent, il-Belġju), l-iStad Antwerpen (il-belt ta’ Antwerpen, il-Belġju) u l-Openbaar centrum voor maatschappelijk welzijn Antwerpen (iċ-Ċentru Pubbliku ta’ Azzjoni Soċjali ta’ Antwerp, il-Belġju) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“membri fundaturi”) ikkostitwixxew Digipolis, persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku, fil-forma ta’ assoċjazzjoni inkarigata b’missjoni li għandha l-personalità ġuridika u li tibbenefika minn trasferiment ta’ ġestjoni.

15

L-Artikolu 2 tal-istatuti ta’ Digipolis kien jipprovdi li din kienet suġġetta għad-dispożizzjonijiet tad-digriet li jirregola l-kooperazzjoni interkomunali.

16

Skont l-Artikolu 4 tal-istatuti ta’ Digipolis, din l-assoċjazzjoni kellha bħala għan soċjali l-ġestjoni, l-operat, l-iżvilupp u l-promozzjoni tat-telematika u tal-applikazzjonijiet tagħha. Digipolis kellha taġixxi kontinwament bħala strument strateġiku għal kull wieħed mill-membri tagħha. Għal dan l-għan, hija kellha tallinja l-politika tagħha, l-istrateġija tagħha u l-funzjonament tagħha ma’ dawk tal-membri tagħha. Dawn kellhom, f’dan il-kuntest, jistabbilixxu l-għan li jidentifikaw l-opportunitajiet ta’ sinerġiji bejniethom, jimplimentaw proġetti komuni u jorganizzaw servizzi telematiċi komuni b’mod iktar ottimali fuq il-livell funzjonali u ekonomiku tal-impriża milli kieku kienu organizzaw dawn is-servizzi separatament.

17

L-Artikolu 7 tal-istatuti ta’ Digipolis, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, kien jipprevedi li l-parteċipanti fundaturi ta’ Digipolis kienu l-bliet ta’ Gand u ta’ Antwerpen kif ukoll iċ-ċentri pubbliċi għall-azzjoni soċjali tagħhom.

18

Wara emenda tal-Artikolu 7 fl‑2010, aġenziji awtonomi esterni tal-membri fundaturi setgħu jissieħbu fl-assoċjazzjoni, kif għamlu l-Autonoom Gemeentebedrijf Stedelijk Onderwijs Antwerpen (l-Awtorità Komunali Awtonoma tat-Tagħlim tal-Belt ta’ Antwerpen, il-Belġju), l-Autonoom Gemeentebedrijf Kinderopvang Antwerpen (l-Awtorità Komunali Awtonoma għaċ-Ċentri ta’ Tfal tal-Belt ta’ Antwerpen, il-Belġju), l-Autonoom Gemeentebedrijf voor Stadsontwikkeling Antwerpen (l-Awtorità Komunali Awtonoma tal-Iżvilupp Urban tal-Belt ta’ Antwerpen, il-Belġju), iż-Zorgbedrijf Antwerpen (l-Awtorità għall-Għajnuna Medika u Soċjali tal-Belt ta’ Antwerpen, il-Belġju) u l-Autonoom Gemeentebedrijf Stadsontwikkeling Gent (l-Awtorità Komunali Awtonoma għall-Iżvilupp Urban tal-Belt ta’ Gand, il-Belġju) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“membri aderenti”).

19

Digipolis kienet tipprovdi servizzi telematiċi u kunsinni konnessi ta’ materjal informatiku lill-membri tagħha u lil terzi.

20

Wara kontroll fiskali għas-snin 2014 sa 2016, l-Istat Belġjan/is-Servizz Pubbliku Federali tal-Finanzi qies li r-remunerazzjonijiet u l-kontribuzzjonijiet iffatturati lill-membri aderenti, jiġifieri lill-membri minbarra dawk li kellhom il-kwalità ta’ korpi pubbliċi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Kodiċi tal-VAT, kellhom ikunu suġġetti għall-VAT. Skont l-Istat Belġjan/is-Servizz Pubbliku Federali tal-Finanzi, il-membri aderenti, fil-kwalità tagħhom ta’ aġenziji awtonomi esterni, kellhom, fil-fatt, jitqiesu bħala persuni taxxabbli fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Kodiċi tal-VAT.

21

Proċess verbal u proċess verbal addizzjonali b’ammonti aġġustati ġew redatti fil‑15 ta’ Diċembru 2017 u fid‑9 ta’ Jannar 2018 rispettivament, li permezz tagħhom l-Istat Belġjan/is-Servizz Pubbliku Federali tal-Finanzi talab mingħand Digipolis il-VAT mhux imħallsa dovuta għas-snin 2014 sa 2016, flimkien ma’ multa u interessi.

22

Fid-dawl tal-pożizzjoni adottata mill-amministrazzjoni tal-VAT għas-snin 2014 sa 2016, Digipolis ħallset il-VAT għas-snin 2017 sa 2020 fuq ir-remunerazzjonijiet iffatturati lill-membri aderenti u eżerċitat id-dritt għal tnaqqis korrispondenti. Madankollu, fid-dikjarazzjonijiet tal-VAT tax-xhur ta’ Novembru u ta’ Diċembru 2020, Digipolis talbet ir-rimbors tal-VAT imħallsa. L-Istat Belġjan/is-Servizz Pubbliku Federali tal-Finanzi ċaħad din it-talba permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Frar 2021.

23

Digipolis ippreżentat rikorsi fis‑7 ta’ Ottubru 2020 (għas-snin 2014 sa 2016) u fid‑19 ta’ Marzu 2021 (għas-snin 2017 sa 2020) quddiem ir-rechtbank van eerste aanleg Antwerpen, afdeling Antwerpen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Antwerpen, diviżjoni ta’ Antwerpen, il-Belġju) intiż, essenzjalment, sabiex jinkiseb ir-rimbors tas-somom imħallsa għal dawn is-snin.

24

Fl‑2020, Digipolis ittrasferixxiet l-attivitajiet tagħha, minn naħa, lil Digipolis Antwerpen u, min-naħa l-oħra, lil District09. Fl‑1 ta’ Jannar 2021, Digipolis ġiet xolta u likwidata. Il-likwidazzjoni tlestiet fit‑30 ta’ Ġunju 2021.

25

Permezz ta’ sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2022, ir-rechtbank van eerste aanleg Antwerpen, afdeling Antwerpen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Antwerpen, diviżjoni ta’ Antwerpen) iddikjarat li l-kreditu tal-VAT għas-snin 2014 sa 2016 ma kienx fondat u kkundannat lill-Istat Belġjan/is-Servizz Pubbliku Federali tal-Finanzi għar-rimbors tal-ammonti kontenzjużi, flimkien mal-interessi moratorji. Fir-rigward tas-snin 2017 sa 2020, hija ddeċidiet li t-tranżazzjonijiet imwettqa minn Digipolis favur il-membri tagħha ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT.

26

Ir-rechtbank van eerste aanleg Antwerpen, afdeling Antwerpen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Antwerpen, Diviżjoni ta’ Antwerpen) irrilevat li ma kienx hemm tilwima bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali dwar il-fatt li Digipolis setgħet tiġi kklassifikata bħala assoċjazzjoni inkarigata b’missjoni u li t-teorija tal-“emanazzjoni” kienet tapplika għall-membri fundaturi, li kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Kodiċi tal-VAT, b’tali mod li din l-assoċjazzjoni kienet taġixxi minflok dawn l-istituzzjonijiet pubbliċi. Hija kkonstatat li l-Istat Belġjan/is-Servizz Pubbliku Federali tal-Finanzi kien jammetti għalhekk li l-membri fundaturi kienu rrinunzjaw għad-drittijiet tagħhom ta’ regolamentazzjoni u ta’ ġestjoni f’dak li jirrigwarda l-provvista ta’ servizzi telematiċi u l-applikazzjonijiet relatati. Barra minn hekk, ir-rechtbank van eerste aanleg Antwerpen, afdeling Antwerpen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Antwerpen, Diviżjoni ta’ Antwerpen) indikat li mill-Artikolu 10 tad-Digriet dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Kooperazzjoni Interkomunali kien jirriżulta li, minbarra l-komuni u l-provinċji, strutturi ta’ kooperazzjoni bħal awtoritajiet komunali awtonomi setgħu jaderixxu ma’ assoċjazzjoni inkarigata b’missjoni. Fuq din il-bażi, dik il-qorti qieset li, permezz tal-adeżjoni tagħhom f’Digipolis, il-membri kollha ta’ din l-assoċjazzjoni kienu xjentement irrinunzjaw għad-drittijiet tagħhom ta’ regolamentazzjoni u ta’ ġestjoni f’dak li jirrigwarda l-provvista ta’ servizzi telematiċi u l-applikazzjonijiet relatati. Għalhekk, skont dik il-qorti, Digipolis kienet taġixxi bħala estensjoni tal-membri tagħha u t-tranżazzjonijiet li hija kienet twettaq ma kinux taxxabbli, b’tali mod li ma kienx hemm lok li ssir distinzjoni bejn dawn il-membri skont l-issuġġettar tagħhom għall-VAT jew le.

27

l-Istat Belġjan/is-Servizz Pubbliku Federali tal-Finanzi appella mis-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2022 quddiem l-hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen, il-Belġju), li hija l-qorti tar-rinviju.

28

Skont il-hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen), huwa paċifiku bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li t-teorija tal-“emanazzjoni” tapplika għall-membri fundaturi. Għalhekk, fid-dawl tal-fatt li dawn irrinunzjaw għad-drittijiet tagħhom ta’ regolamentazzjoni u ta’ ġestjoni fil-qasam tal-provvista ta’ servizzi telematiċi, Digipolis taġixxi minflok il-membri fundaturi u għandha għalhekk tiġi kkunsidrata bħala l-estensjoni tagħhom. L-hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen) tirrileva wkoll li huwa paċifiku bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li l-ammonti mħallsa mill-membri fundaturi lil Digipolis ma jikkostitwixxux, minħabba f’hekk, il-prezz ta’ provvista ta’ servizzi, iżda kontribuzzjoni finanzjarja għall-ispejjeż ta’ ġestjoni, b’tali mod li ma humiex suġġetti għall-VAT.

29

Min-naħa l-oħra, it-tilwima bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-provvisti ta’ servizzi pprovduti minn Digipolis lill-membri aderenti għandhomx jitqiesu bħala provvisti ta’ servizzi lilha nnifisha, bil-konsegwenza li ebda VAT ma hija dovuta fuqhom, jew jekk hemmx lok, f’dan ir-rigward, li ssir distinzjoni bejn il-membri ta’ Digipolis li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Kodiċi tal-VAT u dawk li huma persuni taxxabbli fis-sens tal-Artikolu 4 ta’ dan il-kodiċi, b’tali mod li l-provvisti ta’ servizzi pprovduti lill-membri aderenti għandhom ikunu suġġetti għall-VAT.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

L-Artikoli 2, 9 u 13 tad-Direttiva [dwar il-VAT] u l-prinċipju ta’ newtralità jinkisru jekk dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati fis-sens li, permezz tal-adeżjoni tagħhom ma’ assoċjazzjoni inkarigata mill-missjoni, il-[membri ta’] din l-assoċjazzjoni, li jkunu wettqu trasferiment ta’ ġestjoni, ma jkunux responsabbli għall-ħlas tal-VAT meta jużaw servizzi tal-imsemmija assoċjazzjoni inkarigata mill-missjoni, peress li din tkun, fil-kuntest tat-trasferiment ta’ ġestjoni, meqjusa li taġixxi minflok il-membri tagħha b’mod li s-servizzi pprovduti mill-assoċjazzjoni inkarigata mill-missjoni lill-[membri] jkunu meqjusa bħala servizzi pprovduti lilha nnifisha u għalhekk ma jkunx hemm parteċipazzjoni fil-kummerċ [jew] fit-tranżazzjonijiet taxxabbli?

2.

Hemm lok, fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li tiġi stabbilita distinzjoni fil-qasam bejn il-[membri tal-]assoċjazzjoni inkarigata mill-missjoni fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Direttiva [dwar il-VAT], u l-[membri] fis-sens tal-Artikoli 9 u 132 tal-imsemmija direttiva?”

Fuq id-domandi preliminari

31

Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 2, 9 u 13 tad-Direttiva dwar il-VAT kif ukoll il-prinċipju ta’ newtralità għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku organizzata fil-forma ta’ assoċjazzjoni inkarigata b’missjoni, li l-attività tagħha tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi telematiċi u l-kunsinna relatata ta’ materjal informatiku lill-membri tagħha, fil-kuntest ta’ trasferiment ta’ ġestjoni, titqies, fid-dawl tal-prassi fiskali Belġjana, u li skontha dawn is-servizzi jitqiesu li huma pprovduti lilha nnifisha, bħala persuna mhux suġġetta għall-VAT fir-rigward tas-servizzi li hija tipprovdi lill-membri tagħha u jekk, f’dan ir-rigward, hemmx lok li ssir distinzjoni bejn il-membri ta’ din l-assoċjazzjoni skont l-istatus tagħhom fir-rigward tal-VAT.

32

Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu għalhekk jiġi analizzat jekk assoċjazzjoni, bħal Digipolis, għandhiex titqies bħala persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT u jekk l-applikazzjoni tal-prassi fiskali Belġjana inkwistjoni jistax ikollha konsegwenzi fuq din il-klassifikazzjoni.

33

Id-Direttiva dwar il-VAT tistabbilixxi sistema komuni ta’ VAT ibbażata, b’mod partikolari, fuq definizzjoni uniformi tat-tranżazzjonijiet taxxabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Gmina Wrocław (Konverżjoni tad-dritt ta’ użufrutt), C‑604/19, EU:C:2021:132, punt 49).

34

Minn naħa, sabiex jiġi vverifikat jekk l-attivitajiet imwettqa minn assoċjazzjoni inkarigata b’missjoni, bħal Digipolis, għall-membri tagħha jaqgħux taħt id-Direttiva dwar il-VAT, għandu jiġi eżaminat, l-ewwel, jekk dawn l-attivitajiet jikkostitwixxux kunsinna ta’ oġġetti jew provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) ta’ din id-direttiva, u, it-tieni, jekk dawn twettqux b’mod indipendenti fil-kuntest ta’ attività ekonomika, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva, b’tali mod li l-imsemmija assoċjazzjoni aġixxiet bħala persuna taxxabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Marzu 2023, Gmina O., C‑612/21, EU:C:2023:279, punt 24). Min-naħa l-oħra, jekk ikun il-każ, għandu jiġi vverifikat jekk, b’deroga mir-regola ġenerali ta’ ssuġġettar għat-taxxa prevista fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, l-Artikolu 13(1) tal-istess direttiva jeskludix assoċjazzjoni inkarigata b’missjoni, bħal Digipolis, mill-kwalità ta’ persuna taxxabbli għat-tranżazzjonijiet inkwistjoni, peress li l-applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni timplika l-konstatazzjoni minn qabel tan-natura ekonomika tal-attività kkunsidrata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Gmina Wrocław (Konverżjoni tad-dritt ta’ użufrutt), C‑604/19, EU:C:2021:132, punt 66).

Fuq l-eżistenza ta’ kunsinna ta’ oġġetti jew ta’ provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas

35

Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tali tranżazzjonijiet jitwettqu “bi ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT, għandha tkun teżisti rabta diretta bejn il-kunsinna ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi, minn naħa, u korrispettiv li l-persuna taxxabbli tkun tassew irċeviet, min-naħa l-oħra. Tali rabta diretta hija stabbilita meta jkun hemm, bejn l-awtur tal-kunsinna ta’ oġġetti jew tal-provvista ta’ servizzi, minn naħa, u l-benefiċjarju tagħhom, min-naħa l-oħra, relazzjoni ġuridika li fil-kuntest tagħha jiġu skambjati provvisti reċiproċi, fejn il-ħlas li jirċievi l-awtur ta’ dawn it-tranżazzjonijiet jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv tal-kunsinna jew tas-servizz ipprovdut lill-imsemmi benefiċjarju (sentenza tat‑30 ta’ Marzu 2023, Gmina O., C‑612/21, EU:C:2023:279, punt 25, u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Administration de l’enregistrement, des domaines et de la TVA (VAT–(Membri ta’ Bord tad-Diretturi) (C‑288/22, EU:C:2023:1024, punt 33). Barra minn hekk, il-kriterju dwar l-eżistenza ta’ relazzjoni ġuridika li fil-kuntest tagħha jseħħu t-tranżazzjonijiet inkwistjoni u l-korrispettiv tagħhom għandu jiġi interpretat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha ta’ kull każ inkwistjoni, b’tali mod li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma jinkisirx, b’tali mod li għandu jkollu tifsira wiesgħa (sentenza tas‑27 ta’ April 2023, Fluvius Antwerpen, C‑677/21, EU:C:2023:348, punt 31).

36

Sabiex ikun jista’ jitqies bħala l-korrispettiv effettiv tas-servizz ipprovdut, il-ħlas għandu jkun fi proporzjon raġonevoli meta mqabbel mas-servizz ipprovdut sa fejn ma għandux jikkostitwixxi biss remunerazzjoni parzjali għas-servizzi pprovduti jew li għandhom jiġu pprovduti sal-punt li tinkiser ir-rabta diretta bejn dawn is-servizzi u l-korrispettiv. Madankollu, il-fatt li tranżazzjoni ekonomika titwettaq bi prezz ogħla jew inqas mill-prezz tal-kost, u, għaldaqstant, bi prezz ogħla jew inqas mill-prezz normali tas-suq, huwa irrilevanti fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ din it-tranżazzjoni bħala “tranżazzjoni bi ħlas”. Fil-fatt, tali ċirkustanza ma hijiex ta’ natura li taffettwa r-rabta diretta bejn il-provvista ta’ servizzi mwettqa jew li għandha titwettaq u l-korrispettiv irċevut jew li għandu jiġi rċevut li l-ammont tiegħu huwa ddeterminat minn qabel u skont kriterji stabbiliti sew (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Administration de l’enregistrement, des domaines et de la TVA (VAT–(Membri ta’ Bord tad-Diretturi) (C‑288/22, EU:C:2023:1024, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Ir-rabta diretta bejn il-provvista u l-korrispettiv tinkiser meta l-ħlas jingħata b’mod purament volontarju u każwali b’tali mod li l-ammont tiegħu jkun prattikament impossibbli li jiġi ddeterminat jew meta l-ammont tiegħu jkun diffiċilment kwantifikabbli jew inċert fid-dawl taċ-ċirkustanzi relatati mad-determinazzjoni tiegħu (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Administration de l’enregistrement, des domaines et de la TVA (VAT–Membri ta’ Bord tad-Diretturi) (C‑288/22, EU:C:2023:1024, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza li kumpens ma huwiex stabbilit skont servizzi individwalizzati, iżda b’rata fissa u bil-quddiem fuq bażi annwali, ma taffettwax fiha nnifisha n-natura diretta tar-rabta eżistenti bejn il-provvista ta’ servizzi mwettqa u l-korrispettiv irċevut (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Administration de l’enregistrement, des domaines et de la TVA (VAT–(Membri ta’ Bord tad-Diretturi) (C‑288/22, EU:C:2023:1024, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali jsegwi li Digipolis kienet tirċievi mingħand il-membri tagħha pagamenti bħala korrispettiv għall-provvista ta’ servizzi telematiċi u għall-kunsinni konnessi ta’ materjal informatiku, li kienu jippermettulha tkopri l-ispejjeż tagħha. Ir-relazzjoni ġuridika li kienet torbot lil Digipolis mal-membri tagħha kienet tirriżulta mill-istatuti tagħhom, li min-naħa tagħhom kellhom josservaw id-Digriet dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Kooperazzjoni Interkomunali.

40

Bħalma jsegwi mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 36 sa 38 iktar ’il fuq, la l-fatt li l-pagamenti mħallsa lil assoċjazzjoni inkarigata b’missjoni bħal Digipolis iservu biss sabiex ikopru l-ispejjeż tal-funzjonament ta’ din l-assoċjazzjoni u ma jippermettulhiex tagħmel profitt, u lanqas iċ-ċirkustanza li l-kontribuzzjonijiet tal-membri huma stabbiliti minn qabel skont diversi kriterji ta’ tqassim u b’rata fissa, ma jipprekludu li t-tranżazzjonijiet imwettqa mill-imsemmija assoċjazzjoni għall-benefiċċju tal-membri tagħha jitqiesu li twettqu bi ħlas fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT.

Fuq l-issuġġettar għall-VAT ta’ assoċjazzjoni inkarigata b’missjoni bħal Digipolis

41

Id-Direttiva dwar il-VAT tagħti kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna lill-VAT. Fil-fatt, il-kliem użat fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, b’mod partikolari l-kelma “kull”, jagħti lill-kunċett ta’ “persuna taxxabbli” definizzjoni wiesgħa bbażata fuq l-indipendenza fl-eżerċizzju ta’ attività ekonomika, fis-sens li kull persuna, fiżika jew ġuridika, kemm irregolata bid-dritt pubbliku kif ukoll privat, kif ukoll entitajiet li ma għandhomx personalità ġuridika, li, b’mod oġġettiv, jissodisfaw ir-kriterji li jidhru f’din id-dispożizzjoni, għandhom jitqiesu li huma persuni suġġetti għall-VAT u fis-sens li l-kunċett ta’ ‘attività ekonomika’ innifsu huwa ddefinit b’mod wiesa’ bħala li jinkludi l-attivitajiet kollha ta’ produttur, ta’ negozjant jew ta’ fornitur ta’ servizzi u l-użu ta’ proprjetà tangibbli jew intanġibbli biex minnhom jiġi ġġenerat dħul ta’ natura kontinwa. Hija l-eżistenza ta’ tali attività eżerċitata b’mod indipendenti li tiġġustifika l-klassifikazzjoni bħala persuna taxxabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2025, Grzera, C‑213/24, EU:C:2025:238, punti 18 u 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq it-twettiq ta’ kunsinna ta’ oġġetti jew ta’ provvista ta’ servizzi fil-kuntest ta’ attività ekonomika

42

Il-kunċett ta’ “attività ekonomika”, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, għandu natura oġġettiva, fis-sens li l-attività hija kkunsidrata fiha nnifisha, indipendentement mill-għanijiet jew mir-riżultati tagħha (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2020, WEG Tevesstraße, C‑449/19, EU:C:2020:1038, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑4 ta’ Lulju 2024, Latvijas Informācijas un komunikācijas tehnoloģijas asociācija, C‑87/23, EU:C:2024:570, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Attività hija għalhekk, b’mod ġenerali, ikklassifikata bħala ekonomika meta din tkun ta’ natura permanenti u titwettaq għal remunerazzjoni rċevuta mill-awtur tat-tranżazzjoni, li jimplika li r-remunerazzjoni stess għandha tkun ta’ natura kontinwa (ara s-sentenzi tas‑27 ta’ April 2023, Fluvius Antwerpen, C‑677/21, EU:C:2023:348, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Administration de l’enregistrement, des domaines et de la TVA (VAT–Membri ta’ Bord tad-Diretturi) (C‑288/22, EU:C:2023:1024, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

– Fir-rigward tal-kriterju ta’ kontinwità

44

Il-kwistjoni dwar jekk attività hijiex intiża li tikseb dħul ta’ natura kontinwa hija kwistjoni ta’ fatt li għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-data kollha tal-każ (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Lajvér, C‑263/15, EU:C:2016:392, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Il-fatt li attività tiġi eżerċitata għal perijodu ta’ ftit snin, iddeterminat minn qabel, ma jipprekludix li din titqies li hija ta’ natura kontinwa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Lajvér, C‑263/15, EU:C:2016:392, punti 30, 33 u 37), u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Administration de l’enregistrement, des domaines et de la TVA (VAT–Membri ta’ Bord tad-Diretturi) (C‑288/22, EU:C:2023:1024, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

F’dan il-każ, il-fondazzjoni ta’ Digipolis għal perijodu ta’ 18‑il sena, konformement mal-istatuti tagħha u d-Digriet dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Kooperazzjoni Interkomunali, sabiex teżerċita attivitajiet fil-qasam tat-telematika li għalihom hija rċeviet, matul dan il-perijodu kollu, pagamenti min-naħa tal-membri tagħha, turi n-natura permanenti tal-eżerċizzju tal-attività tagħha fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq.

– Fir-rigward tal-kriterju dwar l-eżerċizzju tal-attività “bi ħlas”

47

Sabiex jiġi ddeterminat jekk provvista ta’ servizzi titwettaqx bi ħlas b’tali mod li din l-attività għandha tiġi kklassifikata bħala attività ekonomika, għandhom jiġu analizzati l-kundizzjonijiet kollha li fihom titwettaq il-provvista (sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2016, Gemeente Borsele u Staatssecretaris van Financiën, C‑520/14, EU:C:2016:334, punt 29, u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Administration de l’enregistrement, des domaines et de la TVA (TVA –Membri ta’ Bord tad-Diretturi) (C‑288/22, EU:C:2023:1024, punt 43).

48

Il-paragun bejn il-kundizzjonijiet li fihom il-persuna kkonċernata twettaq il-provvista ta’ servizzi inkwistjoni u dawk li fihom din it-tip ta’ provvista ta’ servizzi normalment titwettaq, jiġifieri, f’dan il-każ, minn fornitur privat fil-qasam tat-telematika, jista’ għalhekk jikkostitwixxi wieħed mill-metodi li jippermettu li jiġi vverifikat jekk l-attività kkonċernata tikkostitwixxix attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2016, Gemeente Borsele u Staatssecretaris van Financiën, C‑520/14, EU:C:2016:334, punt 30, u tat‑30 ta’ Marzu 2023, Gmina L., C‑616/21, EU:C:2023:280, punt 43).

49

F’dan il-kuntest, jista’ jkun rilevanti li jittieħed inkunsiderazzjoni jekk, fl-eżerċizzju tal-attività inkwistjoni, il-persuna li l-issuġġettar tagħha għall-VAT huwa eżaminat tipparteċipax fis-suq ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2016, Gemeente Borsele u Staatssecretaris van Financiën, C‑520/14, EU:C:2016:334, punt 35).

50

Elementi oħra, bħal, b’mod partikolari, l-importanza tal-klijentela u l-ammont tad-dħul, b’mod partikolari jekk dan jippermetti li jiġu koperti l-ispejjeż tal-funzjonament tal-operatur, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, flimkien ma’ oħrajn, waqt dan l-eżami (sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2016, Gemeente Borsele u Staatssecretaris van Financiën, C‑520/14, EU:C:2016:334, punt 31, u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Administration de l’enregistrement, des domaines et de la TVA (TVA –Membri ta’ Bord tad-Diretturi) (C‑288/22, EU:C:2023:1024, punt 44).

51

F’dan il-każ, l-ewwel, min-natura oġġettiva tal-kunċett ta’ “attività ekonomika” jsegwi li l-attività hija kkunsidrata “fiha nnifisha”, indipendentement mill-għanijiet jew mir-riżultati tagħha (ara l-punt 42 iktar ’il fuq). Minn dan isegwi li kemm il-fatt li s-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali twettqu fil-kuntest tat-trasferiment ta’ ġestjoni fil-qasam tat-telematika tal-membri ta’ Digipolis kif ukoll il-fatt li Digipolis kellha teżerċita din l-attività minflok il-membri tagħha, sabiex ikunu jistgħu jwettqu ekonomiji ta’ skala u sabiex l-attivitajiet telematiċi jiġu ottimizzati fuq il-livell personali u funzjonali, huma irrilevanti.

52

Fil-fatt, xejn ma jipprekludi li l-attivitajiet fil-qasam tat-telematika jiġu eżerċitati mill-operaturi privati fis-suq.

53

It-tieni, għalkemm l-attivitajiet ta’ Digipolis fil-qasam tat-telematika kienu prinċipalment indirizzati lill-membri tagħha u għalkemm il-kwalità tal-persuni li jistgħu jkunu membri ta’ assoċjazzjoni inkarigata mill-missjoni hija strettament limitata mid-Digriet dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Kooperazzjoni Interkomunali, jidher li Digipolis kienet tipprovdi, okkażjonalment, is-servizzi tagħha wkoll lil klijenti oħra. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li Digipolis kienet tipprovdi wkoll servizzi lil terzi.

54

It-tielet, għalkemm il-kontribuzzjonijiet finanzjarji ddeterminati annwalment minn qabel u mħallsa mill-membri ta’ Digipolis lil din tal-aħħar ma kinux intiżi li jippermettulha tagħmel profitti, madankollu dawn kienu intiżi li jkopru l-ispejjeż tagħha (ara l-punt 39 iktar ’il fuq).

55

Il-kontribuzzjonijiet imħallsa lil Digipolis ma jistgħux għalhekk jiġu assimilati ma’ tariffi li l-ammont tagħhom jikkorrispondi biss għal parti żgħira mill-ispejjeż sostnuti, li jipprekludi li l-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali titqies bħala attività eżerċitata “bi ħlas” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja, C‑246/08, EU:C:2009:671, punti 37, 38, 50 u 51, u tat‑30 ta’ Marzu 2023, Gmina L., C‑616/21, EU:C:2023:280, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Ir-raba’, f’dak li jirrigwarda l-fatt, invokat mill-konvenuti fil-kawża prinċipali, li Digipolis ma kinitx twettaq stħarriġ attiv tas-suq sabiex tipprovdi s-servizzi tagħha lil terzi u lanqas ma kienet tirreklama, ġie deċiż li mill-ġurisprudenza ma jistax jiġi dedott li l-fatt li jittieħdu passi attivi ta’ kummerċjalizzazzjoni jikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja sabiex attività relatata mal-ġestjoni ta’ patrimonju immobbli tkun tista’ titqies li hija eżerċitata bl-għan li jinkiseb dħul minnha fuq bażi kontinwa u b’hekk tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “ekonomika” (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Gmina Wrocław (Konverżjoni tad-dritt ta’ użufrutt) (C‑604/19, EU:C:2021:132, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata). Tali ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta, mutatis mutandis, għall-qasam tat-telematika.

57

Għaldaqstant, għalkemm il-kundizzjonijiet li fihom Digipolis kienet teżerċita l-attività tagħha li tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi telematiċi u l-kunsinna relatata ta’ materjal informatiku ma humiex totalment identiċi għal dawk li fihom tali attività tiġi eżerċitata minn operatur privat, dawn jidhru li huma simili biżżejjed sabiex din l-attività tiġi kklassifikata bħala attività eżerċitata bi ħlas.

Fuq l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika b’mod indipendenti

58

Bħalma fakkar l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kriterju ta’ indipendenza għandu, bħall-kunċett ta’ “persuna taxxabbli”, jingħata interpretazzjoni wiesgħa.

59

L-istess kriterji ta’ evalwazzjoni tal-kundizzjoni ta’ indipendenza fl-eżerċizzju tal-attivitajiet ekonomiċi, prevista fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jistgħu jkunu applikabbli għall-persuni pubbliċi u għall-persuni privati (sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2015, Gmina Wrocław, C‑276/14, EU:C:2015:635, punt 35).

60

Sabiex jiġi ddeterminat jekk assoċjazzjoni inkarigata b’missjoni, bħal Digipolis, teżerċitax attivitajiet ekonomiċi b’mod indipendenti, għandu jiġi vverifikat jekk, fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħha, hija tinsabx f’relazzjoni ta’ subordinazzjoni fil-konfront tal-membri tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2015, Gmina Wrocław, C‑276/14, EU:C:2015:635, punt 33).

61

F’dan ir-rigward, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ subordinazzjoni, għandu jiġi mistħarreġ jekk il-persuna kkonċernata twettaqx l-attivitajiet tagħha f’isimha, għaliha nnifisha u taħt ir-responsabbiltà tagħha kif ukoll jekk hija ssostnix ir-riskju ekonomiku marbut mat-twettiq tal-attivitajiet tagħha (sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 2015, Gmina Wrocław, C‑276/14, EU:C:2015:635, punt 34, u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Administration de l’enregistrement, des domaines et de la TVA (TVA –Membri ta’ Bord tad-Diretturi) (C‑288/22, EU:C:2023:1024, punt 52).

62

Sabiex tiġi kkonstatata l-indipendenza tal-attivitajiet eżerċitati minn operaturi li ma kinux inklużi fl-amministrazzjoni pubblika, il-ġurisprudenza ħadet inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ kwalunkwe relazzjoni ta’ subordinazzjoni ġerarkika ta’ dawn l-operaturi fil-konfront tal-awtorità pubblika, kif ukoll il-fatt li huma aġixxew f’isimhom stess u b’responsabbiltà tagħhom, li huma organizzaw liberament il-modalitajiet tat-twettiq tax-xogħol tagħhom u li huma kkalkolaw huma stess ir-remunerazzjoni li tikkostitwixxi d-dħul tagħhom (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2015,Gmina Wrocław, C‑276/14, EU:C:2015:635, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Mill-ġurisprudenza jsegwi wkoll li interessi ekonomiċi konverġenti bejn grupp u l-persuni li jiffurmawh ma humiex biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat li dan il-grupp ma jeżerċitax l-attivitajiet tiegħu “b’mod indipendenti” (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, WEG Tevesstraße, C‑449/19, EU:C:2020:1038, punt 32).

63

Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li ċ-ċirkustanza li l-persuna kkonċernata ma taġixxix f’isimha u għan-nom tagħha stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, DGRFP Cluj, C‑519/21, EU:C:2023:106, punti 74 sa 77), jew saħansitra li hija ma tassumix ir-responsabbiltà u r-riskju ekonomiku tat-tranżazzjoni inkwistjoni (sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 2007, van der Steen, C‑355/06, EU:C:2007:615, punti 23 sa 26, u tat‑13 ta’ Ġunju 2019, IO (VAT–Attività bħala membru ta’ bord ta’ sorveljanza) (C‑420/18, EU:C:2019:490, punti 42 u 43), tippermetti li jiġi eskluż li din it-tranżazzjoni twettqet b’mod indipendenti.

64

Hija ċertament ġurisprudenza stabbilita li, fid-dawl tal-għan tad-Direttiva dwar il-VAT, li hija intiża li tiddetermina l-bażi taxxabbli tal-VAT b’mod uniformi u skont ir-regoli tal-Unjoni Ewropea, il-kwalità ta’ persuna taxxabbli għandha tiġi interpretata b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha u għandha tiġi evalwata esklużivament abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva (ara s-sentenza tat‑3 ta’ April 2025, Grzera, C‑213/24, EU:C:2025:238, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

Madankollu, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jista’ jkun utli sabiex jiġi ddeterminat jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kriterji li jippermettu li jitqies li attività ekonomika tkun ġiet eżerċitata b’mod indipendenti humiex issodisfatti (sentenza tat‑3 ta’ April 2025, Grzera, C‑213/24, EU:C:2025:238, punt 32). Għalkemm fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti nazzjonali, li hija l-unika li għandha kompetenza sabiex tevalwa l-fatti u tinterpreta d-dritt nazzjonali, li għandha tiddetermina jekk l-attività inkwistjoni ġietx eżerċitata b’mod indipendenti, il-Qorti Ġenerali, mitluba tagħti risposti utli lill-qorti tar-rinviju, għandha kompetenza sabiex tagħti indikazzjonijiet, misluta mill-proċess tat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll mill-osservazzjonijiet li ġew ippreżentati quddiemha, ta’ natura li jippermettu lill-qorti nazzjonali tiddeċiedi t-tilwima konkreta li biha hija adita (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2016, Gemeente Borsele u Staatssecretaris van Financiën, C‑520/14, EU:C:2016:334, punt 32, u tat‑3 ta’ April 2025, Grzera, C‑213/24, EU:C:2025:238, punt 33).

66

F’dan il-każ, anki jekk Digipolis kienet teżerċita l-attivitajiet tagħha abbażi ta’ trasferiment ta’ kompetenzi bil-kunsens tal-membri tagħha, li kellhom il-kapital azzjonarju kollu tagħha, u anki jekk il-korpi ta’ tmexxija tagħha kienu komposti minn rappreżentanti tal-membri tagħha, aspett li kien jillimita de facto l-awtonomija tagħha, hija kienet persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku indipendenti mill-membri tagħha, bl-istatuti, bis-sede, bil-korpi, bil-kapital, bl-assi, bil-baġit u bl-impjegati tagħha stess. Għalhekk, minn dawn iċ-ċirkustanzi jidher li jirriżulta li hija ma kinitx struttura interna tal-membri tagħha u li hija ma kinitx integrata fihom, iżda li hija kellha libertà organizzattiva suffiċjenti fir-rigward tar-riżorsi umani u materjali fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħha.

67

Hija wkoll Digipolis, u mhux il-membri tagħha, li pparteċipat fil-proċedura quddiem l-amministrazzjoni fiskali u li ppreżentat rikors ġudizzjarju sabiex tiddefendi d-drittijiet tagħha (ara l-punti 20 sa 24 iktar ’il fuq).

68

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li Digipolis kienet qiegħda taġixxi f’isimha u għan-nom tagħha stess, bħalma jidher li jsegwi mill-elementi mfakkra fil-punti 66 u 67 iktar ’il fuq.

69

Barra minn hekk, fid-dawl tal-personalità ġuridika tagħha, tal-patrimonju tagħha u tal-kapital azzjonarju tagħha, jidher li Digipolis kienet twettaq l-attivitajiet tagħha taħt ir-responsabbiltà tagħha stess u li hija kienet iġġarrab ir-riskju ekonomiku marbut mal-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet, aspett li madankollu għandu jiġi vverifikat ukoll mill-qorti tar-rinviju.

70

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li Digipolis kienet teżerċita l-attivitajiet tagħha b’mod indipendenti, b’tali mod li hija kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tiġi kklassifikata bħala persuna taxxabbli.

Fuq l-assenza ta’ ssuġġettar għat-taxxa li tirriżulta mit-twettiq ta’ tranżazzjonijiet minn korp irregolat mid-dritt pubbliku bħala awtorità pubblika

71

Skont l-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, l-Istati, ir-reġjuni, id-dipartimenti, il-komuni u l-korpi l-oħra rregolati mid-dritt pubbliku ma għandhomx jitqiesu bħala persuni taxxabbli għall-attivitajiet jew tranżazzjonijiet li huma jwettqu bħala awtoritajiet pubbliċi, sakemm in-nuqqas ta’ ssuġġettar tagħhom ma jwassalx għal distorsjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni.

72

Bħala deroga mir-regola ġenerali tal-issuġġettar għall-VAT ta’ kull attività ta’ natura ekonomika, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Gmina Wrocław (Konverżjoni tad-dritt ta’ użufrutt), C‑604/19, EU:C:2021:132, punt 77).

73

Mill-kliem stess tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jirriżulta li, sabiex tapplika r-regola tan-nuqqas ta’ ssuġġettar għat-taxxa, żewġ kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti kumulattivament: l-attivitajiet inkwistjoni għandhom jiġu eżerċitati minn organu rregolat mid-dritt pubbliku u dan għandu jaġixxi fil-kwalità ta’ awtorità pubblika (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Gmina Wrocław (Konverżjoni tad-dritt ta’ użufrutt), C‑604/19, EU:C:2021:132, punt 78).

74

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 73 iktar ’il fuq, mill-Artikolu 10 tad-Digriet dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Kooperazzjoni Interkomunali jsegwi li żewġ komuni jew iktar jistgħu joħolqu struttura ta’ kooperazzjoni li għandha l-personalità ċivili sabiex tissodisfa għanijiet li jappartjenu għal oqsma konnessi. Barra minn hekk, mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mill-estratt tar-reġistrazzjoni ta’ Digipolis fil-Belgisch Staatsblad isegwi li Digipolis kienet persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku fil-forma ta’ assoċjazzjoni inkarigata b’missjoni. Għalhekk, korp bħal Digipolis jidher li jissodisfa d-definizzjoni ta’ korp irregolat mid-dritt pubbliku, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

75

Barra minn hekk, diġà ġie deċiż li assoċjazzjoni inkarigata b’missjoni rregolata mid-dritt Belġjan, bħal Digipolis, kienet tidher li tissodisfa d-definizzjoni tal-korp irregolat mid-dritt pubbliku fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva dwar il-VAT (sentenza tas‑27 ta’ April 2023, Fluvius Antwerpen, C‑677/21, EU:C:2023:348, punti 18 u 50).

76

Madankollu, għandu jiġi żgurat li t-tieni kundizzjoni stabbilita mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva dwar il-VAT hija ssodisfatta. Fil-fatt, huma biss l-attivitajiet imwettqa minn korp irregolat mid-dritt pubbliku li jaġixxi bħala awtorità pubblika li huma eżentati mill-VAT.

77

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt 76 iktar ’il fuq, huwa l-mod kif l-attivitajiet inkwistjoni jiġu eżerċitati li jippermetti li tiġi stabbilita l-portata tan-nuqqas ta’ ssuġġettar għat-taxxa ta’ korpi rregolati mid-dritt pubbliku. Għalhekk, l-attivitajiet imwettqa bħala awtoritajiet pubbliċi, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, huma dawk imwettqa mill-korpi rregolati mid-dritt pubbliku fil-kuntest tas-sistema legali li hija partikolari għalihom, bl-esklużjoni tal-attivitajiet li huma jeżerċitaw fl-istess kundizzjonijiet legali bħall-operaturi ekonomiċi privati (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Gmina Wrocław (Konverżjoni tad-dritt ta’ użufrutt) (C‑604/19, EU:C:2021:132, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78

Ġie deċiż ukoll li l-għan jew l-iskop tal-attività inkwistjoni huwa f’dan ir-rigward irrilevanti u li l-fatt li l-eżerċizzju tagħha jinvolvi l-użu ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika jippermetti li jiġi stabbilit li din l-attività hija suġġetta għal sistema rregolata mid-dritt pubbliku (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Gmina Wrocław (Konverżjoni tad-dritt ta’ użufrutt) (C‑604/19, EU:C:2021:132, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79

Issa, f’dan il-każ, ebda element tal-proċess ma jissuġġerixxi li, fil-kuntest tal-attività inkwistjoni fil-konfront tal-membri tagħha, Digipolis użat prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Għall-kuntrarju, Digipolis tidher li wettqet l-attivitajiet tagħha taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-operaturi ekonomiċi privati, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

80

Fit-tieni lok, peress li l-provvista ta’ servizzi telematiċi tista’ titwettaq minn operaturi privati, in-nuqqas ta’ ssuġġettar tal-assoċjazzjonijiet inkarigati b’missjoni, bħal dik fil-kawża prinċipali, li jwettqu tali servizzi jista’ jwassal għal distorsjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Dawn l-assoċjazzjonijiet għandhom għalhekk jitqiesu bħala persuni taxxabbli, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva dwar il-VAT.

81

Fit-tielet lok, bħalma jsostni ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, il-korpi rregolati mid-dritt pubbliku huma kklassifikati bħala persuni taxxabbli meta jeżerċitaw, sa ċertu punt sinjifikanti, attivitajiet li jinsabu fl-Anness I ta’ din id-direttiva. Dawn jinkludu s-servizzi ta’ telekomunikazzjoni. Issa, huwa ġeneralment aċċettat li t-telematika tgħaqqad il-mezzi tal-informatika ma’ dawk tat-telekomunikazzjonijiet. Fl-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati lill-Qorti Ġenerali, l-aventi kawża ta’ Digipolis jaffermaw, barra minn hekk, li l-kunċett ta’ “telematika” jirreferi għall-attivitajiet ta’ telekomunikazzjoni u ta’ informatika. F’dan il-każ, peress li dawn is-servizzi ġew ipprovduti għal perijodu estiż lill-membri ta’ Digipolis jew lil terzi, u peress li kienu jikkostitwixxu l-attività prinċipali ta’ Digipolis, dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala mhux sinjifikanti.

82

Għalhekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva dwar il-VAT ma jidhirx li jista’ japplika għall-attivitajiet eżerċitati minn Digipolis fil-konfront tal-membri tagħha.

83

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-domanda preliminari ssemmi l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-VAT fl-intier tiegħu li jinkludi wkoll il-paragrafu 2, li jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jqisu bħala attivitajiet tal-awtorità pubblika l-attivitajiet tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku meta dawn ikunu eżentati skont ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li huwa jelenka. Madankollu, mit-tieni u mit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-istess artikolu jirriżulta li assoċjazzjoni inkarigata mill-missjoni bħal Digipolis għandha tiġi kklassifikata bħala persuna taxxabbli, indipendentement miċ-ċirkustanza li l-attivitajiet tagħha jistgħu jiġu kklassifikati bħala attivitajiet tal-awtorità pubblika, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 13(1). (ara l-punti 80 u 81 iktar ’il fuq).

Fuq l-eventwali effett tal-istatus tal-membri tal-assoċjazzjoni inkarigata b’missjoni bħal Digipolis fir-rigward tal-VAT

84

L-ewwel, bħalma targumenta ġustament Digipolis, konformement mal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, huma biss il-kunsinna ta’ oġġetti u l-provvista ta’ servizzi mwettqa fit-territorju ta’ Stat Membru “minn” persuna taxxabbli li tkun qiegħda taġixxi bħala tali, li huma suġġetti għall-VAT. Huma l-kwalità u l-attività ta’ dak li jwettaq it-tranżazzjonijiet inkwistjoni, u mhux dawk tad-destinatarji tal-provvisti jew tas-servizzi tiegħu, li huma determinanti sabiex jiġi evalwat jekk dawn it-tranżazzjonijiet humiex suġġetti għall-VAT, bħalma kkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punti 75 u 76 tal-konklużjonijiet tiegħu.

85

It-tieni, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 77 iktar ’il fuq isegwi li huwa l-mod kif l-attivitajiet inkwistjoni jiġu eżerċitati li jippermetti li tiġi ddeterminata l-portata tan-nuqqas ta’ ssuġġettar għat-taxxa ta’ korpi rregolati mid-dritt pubbliku.

86

F’dan il-każ, huwa għalhekk fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi telematiċi u tal-kunsinni konnessi ta’ materjal informatiku li għandu jiġi evalwat jekk Digipolis tissodisfax it-tieni kundizzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva dwar il-VAT.

87

Issa, minn naħa, bħalma ġie indikat fil-punt 79 iktar ’il fuq u bla ħsara għall-evalwazzjoni li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, xejn ma jippermetti li jiġi ssuġġerit li attivitajiet li jikkonsistu, għal korp irregolat mid-dritt pubbliku, fil-provvista ta’ servizzi telematiċi u fil-provvista ta’ materjal informatiku jinkludu l-użu ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Min-naħa l-oħra, mhux biss in-nuqqas ta’ ssuġġettar ta’ Digipolis għall-VAT jista’ jwassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni ta’ ċertu daqs, iżda dawn l-attivitajiet fihom infushom jidhru li jeskludu n-nuqqas ta’ ssuġġettar tal-korp irregolat mid-dritt pubbliku li jeżerċitahom (ara l-punti 80 u 81 iktar ’il fuq).

Fuq l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT

88

Il-prinċipju ta’ newtralità fiskali huwa t-traduzzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-qasam tal-VAT, tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament. Dan jipprekludi b’mod partikolari li operaturi ekonomiċi li jwettqu l-istess tranżazzjonijiet jiġu ttrattati b’mod differenti fil-qasam tal-ġbir tal-VAT (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, DGRFP Cluj, C‑519/21, EU:C:2023:106, punt 88).

89

Fid-dawl tal-analiżi li għadha kif ġiet esposta, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għad-domanda tal-issuġġettar ta’ Digipolis għall-VAT mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT.

Fuq il-konsegwenzi possibbli tat-teorija tal-“emanazzjoni” fuq l-issuġġettar għat-taxxa ta’ assoċjazzjoni inkarigata b’missjoni bħal Digipolis

90

Bħalma rrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 57 sa 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-teorija tal-“emanazzjoni” fid-dritt Belġjan, sa fejn din tistabbilixxi finzjoni legali li tipprovdi li provvista ta’ servizzi ta’ assoċjazzjoni inkarigata b’missjoni favur il-membri tagħha hija meqjusa bħala provvista ta’ servizzi lilha nnifisha mwettqa minn dawn tal-aħħar u għalhekk ma taqax taħt il-VAT, ikollha l-konsegwenza li tistabbilixxi sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ ssuġġettar għat-taxxa mhux prevista mid-Direttiva dwar il-VAT, b’mod partikolari l-Artikoli 11 u 13 tagħha.

91

F’dan ir-rigward, peress li mill-atti tal-proċess isegwi li Digipolis tipprovdi servizzi bi ħlas u teżerċita attività ekonomika b’mod indipendenti, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, hija għandha bħala prinċipju titqies bħala persuna suġġetta għall-VAT fis-sens tad-Direttiva dwar il-VAT. L-applikazzjoni tat-teorija tal-“emanazzjoni” ma tistax tikkontesta din il-kwalità li tirriżulta mid-Direttiva dwar il-VAT u lanqas ma jista’ jkollha l-effett li teżenta l-imsemmija servizzi mit-tassazzjoni.

92

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi preliminari għandha tkun li l-Artikoli 2, 9 u 13 tad-Direttiva dwar il-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–

persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku organizzata fil-forma ta’ assoċjazzjoni inkarigata b’missjoni, li l-attività tagħha tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi telematiċi u fit-twettiq ta’ kunsinni konnessi ta’ materjal informatiku lill-membri tagħha, fil-kuntest ta’ trasferiment ta’ ġestjoni, għandha titqies li hija suġġetta għall-VAT mingħajr ma jkun hemm lok, f’dan ir-rigward, li ssir distinzjoni bejn il-membri tagħha skont l-istatus tagħhom fir-rigward tal-VAT, sakemm dawn il-provvisti ta’ servizzi jitwettqu bi ħlas u din l-assoċjazzjoni teżerċita, b’mod indipendenti, attività ekonomika;

–

prassi fiskali nazzjonali li twassal sabiex l-imsemmija provvisti ta’ servizzi jiġu analizzati bħala provvisti ta’ servizzi pprovduti lil wieħed innifsu mwettqa mill-membri tal-assoċjazzjoni inkarigata mill-missjoni ma hijiex ta’ natura li tqiegħed inkwistjoni l-issuġġettar ta’ din l-assoċjazzjoni għall-VAT.

Fuq l-ispejjeż

93

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla għad-Deċiżjonijiet Preliminari)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 2, 9 u 13 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud,

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

–

persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku organizzata fil-forma ta’ assoċjazzjoni inkarigata b’missjoni, li l-attività tagħha tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi telematiċi u fit-twettiq ta’ kunsinni konnessi ta’ materjal informatiku lill-membri tagħha, fil-kuntest ta’ trasferiment ta’ ġestjoni, għandha titqies li hija suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) mingħajr ma jkun hemm lok, f’dan ir-rigward, li ssir distinzjoni bejn il-membri tagħha skont l-istatus tagħhom fir-rigward tal-VAT, sakemm dawn il-provvisti ta’ servizzi jitwettqu bi ħlas u din l-assoċjazzjoni teżerċita, b’mod indipendenti, attività ekonomika;

 

–

prassi fiskali nazzjonali li twassal sabiex l-imsemmija provvisti ta’ servizzi jiġu analizzati bħala provvisti ta’ servizzi pprovduti lil wieħed innifsu mwettqa mill-membri tal-assoċjazzjoni inkarigata mill-missjoni ma hijiex ta’ natura li tqiegħed inkwistjoni l-issuġġettar ta’ din l-assoċjazzjoni għall-VAT.

 

Papasavvas

Półtorak

Sampol Pucurull

Steinfatt

Valasidis

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑25 ta’ Frar 2026.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.