European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2207

30.8.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2207

tad-29 ta’ Awwissu 2024

dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza relatati mal-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż fil-Greċja

(notifikata bid-dokument C(2024) 6222)

(It-test bil-Grieg biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(1), il-punt (c), tiegħu,

Billi:

(1)

Il-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż huwa marda virali infettiva li taffettwa lill-annimali kaprini u ovini u li jista’ jkollha impatt serju fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernati u fuq il-profittabbiltà tat-trobbija tal-annimali, u tikkawża tfixkil għall-movimenti tal-kunsinni ta’ dawk l-annimali u tal-prodotti tagħhom fl-Unjoni u għall-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.

(2)

F’każ ta’ tifqigħa tal-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż f’annimali kaprini u ovini, hemm riskju serju li dik il-marda tinxtered fi stabbilimenti oħra ta’ annimali kaprini jew ovini.

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (2) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2016/429, u definit bħala mard tal-kategoriji A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3). B’mod partikolari, l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona ristretta f’każ ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A, inkluż il-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż, kif ukoll ċerti miżuri li jridu jiġu applikati fiha. Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat jipprevedi li ż-żona ristretta għandha tinkludi żona ta’ protezzjoni, żona ta’ sorveljanza, u jekk ikun meħtieġ, żoni ristretti ulterjuri madwar iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza jew maġenbhom.

(4)

Il-Greċja nfurmat lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tal-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż fit-territorju tagħha, wara seba’ tifqigħat ta’ dik il-marda fl-annimali kaprini u ovini fl-unità reġjonali ta’ Evros, li kienu kkonfermati fl-20 u t-23 ta’ Awwissu 2024, u, f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, stabbiliet żona ristretta, li tinkludi żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, li fiha jiġu applikati l-miżuri ġenerali għall-kontroll tal-mard stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687.

(5)

Sabiex jiġi evitat kull xkiel bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni u sabiex jiġu evitati ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ minn pajjiżi terzi, jeħtieġ li fil-livell tal-Unjoni, tiġi identifikata malajr iż-żona ristretta għall-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż, li tinkludi ż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, kif ukoll żona ristretta ulterjuri, fil-Greċja b’kollaborazzjoni ma’ dak l-Istat Membru.

(6)

Id-daqs taż-żoni u d-durata tal-miżuri li jridu jiġu applikati fiż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza u fiż-żona ristretta ulterjuri jenħtieġ li jkunu bbażati fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 u r-regoli stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, inkluża s-sitwazzjoni epidemjoloġika fir-rigward tal-ġidri tan-nagħag u ġidri tal-mogħoż fiż-żoni affettwati minn dik il-marda u s-sitwazzjoni epidemjoloġika ġenerali tal-ġidri tan-nagħag u ġidri tal-mogħoż fl-Istat Membru kkonċernat kif ukoll il-livell tar-riskju għal aktar tixrid ta’ dik il-marda. Jenħtieġ li d-durata tal-miżuri tqis ukoll l-istandards internazzjonali, tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (WOAH). Fis-sitwazzjoni attwali, hemm riskju għoli ta’ tixrid ulterjuri tal-marda, b’mod partikolari minħabba l-fatt li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtorità kompetenti, erba’ tifqigħat tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż seħħew simultanjament, f’raġġ ta’ inqas minn 80 km, li jissuġġerixxi li l-marda kienet preżenti fiż-żona għal perjodu ta’ żmien qabel ma ġiet dijanjostikata.

(7)

Minħabba s-severità u l-urġenza tas-sitwazzjoni u sabiex jiġi limitat minnufih it-tixrid tal-marda wara din it-tifqigħa ġdida f’dak l-Istat Membru, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-movimenti tal-annimali miż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza u ż-żoni ristretti ulterjuri lejn destinazzjonijiet barra mill-perimetru estern taż-żona ristretta ulterjuri ma jseħħux, u jiġi eskluż l-għoti ta’ derogi mill-projbizzjoni li l-annimali jiġu mċaqalqa kif previst fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, għal ċertu perjodu ta’ żmien, sabiex jiġi evitat it-tixrid tal-marda fuq distanza twila.

(8)

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni fir-rigward tat-tixrid tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż u l-ħtieġa li l-marda ma tinxteridx mill-istabbiliment affettwat fil-Greċja lejn partijiet oħra ta’ dak l-Istat Membru jew lejn Stati Membri oħra, huwa xieraq li l-miżuri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni japplikaw malajr kemm jista’ jkun.

(9)

Għaldaqstant, iż-żoni identifikati bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza u żoni ristretti ulterjuri fil-Greċja jenħtieġ li jiġu stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u jenħtieġ li tiġi stabbilita d-durata ta’ dik ir-reġjonalizzazzjoni.

(10)

Barra minn hekk, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali fl-Unjoni fir-rigward tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(11)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi fil-livell tal-Unjoni:

(a)

iż-żoni ristretti li jinkludu żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza kif ukoll żona ristretta ulterjuri li għandha tiġi stabbilita mill-Greċja f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, wara tifqigħat tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż fit-territorju tagħha;

(b)

id-durata tal-miżuri ta’ kontroll tal-mard li għandhom jiġu applikati fiż-żoni ta’ protezzjoni, fiż-żoni ta’ sorveljanza u fiż-żona ristretta ulterjuri f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687.

Artikolu 2

Stabbiliment ta’ żona ristretta

Il-Greċja għandha tiżgura li:

(a)

l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru tistabbilixxi minnufih żona ristretta li tinkludi żoni ta’ protezzjoni, żoni ta’ sorveljanza kif ukoll żona ristretta ulterjuri, f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu;

(b)

iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza u ż-żona ristretta ulterjuri msemmija fil-punt (a) jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni;

(c)

il-miżuri li jeħtieġ li jiġu applikati fiż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza u fiż-żona ristretta ulterjuri, huma applikati mill-inqas sad-dati elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Miżuri fiż-żona ristretta

Il-movimenti tan-nagħaġ u tal-mogħoż miż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza u miż-żona ristretta ulterjuri lejn destinazzjoni li tinsab barra l-perimetru estern taż-żona ristretta ulterjuri kif previst fil-Punt B tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni huma pprojbiti sad-dati elenkati għal kull żona fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2024.

Artikolu 5

Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Awwissu 2024.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   OJ L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/687/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1882/oj).


ANNESS

A.   Żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti madwar it-tifqigħat ikkonfermati

Unità reġjonali u numru ta’ referenza tal-ADIS tat-tifqigħat

Żoni stabbiliti bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, parti miż-żoni ristretti fil-Greċja kif imsemmi fl-Artikolu 2

Data sa meta applikabbli

L-unità reġjonali ta’ Evros

GR-CAPRIPOX-2024-00005

GR-CAPRIPOX-2024-00006

GR-CAPRIPOX-2024-00007

GR-CAPRIPOX-2024-00008

GR-CAPRIPOX-2024-00009

GR-CAPRIPOX-2024-000010

GR-CAPRIPOX-2024-000011

Żona ta’ protezzjoni:

Dawk il-partijiet tal-unità reġjonali ta’ Evros, li jinsabu fi ħdan ċirku b’radjus ta’ 3 kilometri, iċċentrat fuq UTM 30, ETRS89 il-koordinati Lat. 41.49961111, Lonġ. 26.54605556 (2024/5), Lat. 40.96145278, Lonġ. 26.3345 (2024/6), Lat. 40.94543, Lonġ. 26.275696 (2024/7), Lat. 40.876278, Lonġ. 26.202551 (2024/8), Lat. 40.952487, Lonġ. 26.280721 (2024/9) Lat. 40.920725, Lonġ. 26.205981 (2024/10) Lat. 41.024363, Lonġ. 26.302547 (2024/11)

16.9.2024

Żona ta’ sorveljanza:

Dawk il-partijiet tal-unità reġjonali ta’ Evros, li jinsabu fi ħdan ċirku b’radjus ta’ 10 kilometri, iċċentrat fuq UTM 30, ETRS89 il-koordinati Lat. 41.49961111, Lonġ. 26.54605556 (2024/5), Lat. 40.96145278, Lonġ. 26.3345 (2024/6), Lat. 40.94543, Lonġ. 26.275696 (2024/7), Lat. 40.876278, Lonġ. 26.202551 (2024/8), Lat. 40.952487, Lonġ. 26.280721 (2024/9) Lat. 40.920725, Lonġ. 26.205981 (2024/10) Lat. 41.024363, Lonġ. 26.302547 (2024/11) esklużi ż-żoni li jinsabu fiż-żona ta’ protezzjoni

25.9.2024

Żona ta’ sorveljanza:

Dawk il-partijiet tal-unità reġjonali ta’ Evros, li jinsabu fi ħdan ċirku b’radjus ta’ 3 kilometri, iċċentrat fuq UTM 30, ETRS89 il-koordinati Lat. 41.49961111, Lonġ. 26.54605556 (2024/5), Lat. 40.96145278, Lonġ. 26.3345 (2024/6), Lat. 40.94543, Lonġ. 26.275696 (2024/7), Lat. 40.876278, Lonġ. 26.202551 (2024/8), Lat. 40.952487, Lonġ. 26.280721 (2024/9) Lat. 40.920725, Lonġ. 26.205981 (2024/10) Lat. 41.024363, Lonġ. 26.302547 (2024/11)

17.9.2024-25.9.2024

B.   Żona ristretta ulterjuri

Unità reġjonali

Żoni inklużi fiż-żona ristretta ulterjuri stabbilita fil-Greċja kif imsemmi fl-Artikolu 2

Data sa meta applikabbli

L-unità reġjonali ta’ Evros

L-unità reġjonali ta’ Evros minbarra ż-żoni inklużi fi kwalunkwe żona ta’ protezzjoni jew sorveljanza.

25.9.2024

L-unità reġjonali ta’ Evros:

26.9.2024-25.10.2024


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2207/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)