13.1.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 8/29


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-22 ta' Diċembru 2008

dwar il-konformità tal-istandard EN 1273:2005 fir-rigward ta’ oqfsa tal-mixi għat-trabi mar-rekwiżit tas-sigurtà tad-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-pubblikazzjoni tar-referenza tal-istandard fil-Ġurnal Uffiċjali

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 8616)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/18/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodott (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2), l-ewwel subparagrafu tiegħu,

Wara l-konsultazzjoni mal-Kumitat Permanenti imwaqqaf skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-provvediment ta’ tagħrif fil-qasam ta’ standards u regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-Servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (2),

Billi:

(1)

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/95/KE jobbliga lill-produtturi li jqiegħdu biss prodotti siguri fis-suq.

(2)

Skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/95/KE, prodott għandu jitqies li mhux perikoluż, safejn għandhom x’jaqsmu r-riskji u l-kategoriji ta’ riskji koperti bl-istandards nazzjonali rilevanti, meta jkun konformi mal-istandards nazzjonali volontarji li jittrasponu l-istandards Ewropej, li r-referenzi għalihom għandhom jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva.

(3)

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, l-istandards Ewropej għandhom jiġu stabbiliti minn korpi Ewropej ta’ standardizzazzjoni skont mandati stipulati mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-referenzi ta’ standards bħal dawn.

(4)

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva jistipula proċedura għall-pubblikazzjoni ta’ referenzi ta’ standards li ġew adottati minn korpi Ewropej ta’ standardizzazzjoni qabel ma daħlet fis-seħħ id-Direttiva. Jekk dawk l-istandards jassiguraw il-konformità mal-kriterju ġenerali ta’ sigurtà, il-Kummissjoni se tiddeċiedi li tippubblika r-referenzi tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. F’każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni, fuq inizjattiva tagħha jew fuq talba ta’ Stat Membru, tiddeċiedi, skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 15(2) tad-Direttiva, jekk l-istandard ikkonċernat jissodisfax il-kriterju ġenerali ta’ sigurtà. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tar-referenza tal-istandard wara li tikkonsulta lill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/34/KE. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri bid-deċiżjoni tagħha.

(5)

L-oqfsa tal-mixi għat-trabi huma mezzi li jgħinu lit-tfal qabel ma jkunu tgħallmu jimxu biex jispustaw rwieħhom waħedhom. Madankollu, id-dejta tal-emerġenza tal-isptarijiet, kemm fl-Ewropa kif ukoll fl-Istati Uniti tal-Amerika matul dawn l-aħħar għoxrin sena turi b’mod konsistenti li l-oqfsa tal-mixi għat-trabi huma ta’ riskju li wieħed jaqa’, minħabba li jżidu l-mobilità u l-veloċità tat-tfal li għadhom ma jafux joqogħdu bil-wieqfa jew jimxu waħedhom.

(6)

L-inċidenti li jinqalgħu bl-użu tal-oqfsa tal-mixi għat-trabi jseħħu l-aktar minħabba li t-tfal jaqgħu it-taraġ jew jegħlbu, speċjalment meta t-tfal jipprovaw jgħaddu fuq uċuħ tal-art li mhumiex lixxi, bħat-taraġ tal-bibien jew trufijiet ta’ twapet. Il-ħsara li sseħħ minħabba inċidenti bħal dawn hija serja ħafna, minħabba li, fil-maġġoranza tal-każijiet, dawn jaffettwaw ir-ras tat-tarbija.

(7)

F’Settembru 1997, il-Kummissjoni ħarġet mandat (3) lis-CEN (il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni) biex tindirizza r-riskji speċifiċi tas-sigurtà minħabba fiż-żieda fil-mobilità u l-veloċità possibbli bl-għajnuna ta’ dawn l-oqfsa tal-mixi għat-trabi għal tfal li jkunu għadhom ma tgħallmux jimxu, fl-istandard rilevanti li s-CEN kienet qed tiżviluppa dak iż-żmien.

(8)

Il-Kummissjoni qieset li l-ewwel verżjoni tal-istandard EN 1273 adottat mis-CEN fl-2001 ma kienx sodisfaċenti, billi l-istandard ma kienx jindirizza r-riskji speċifiċi deskritti fil-mandat.

(9)

Il-verżjoni rreveduta tal-EN standard 1273 ta’ Mejju 2005, madankollu, tistipula testijiet ta’ stabilità u rekwiżiti ta’ disinn bl-għan li tnaqqas il-ħsara kkawżata meta trabi jaqgħu it-taraġ jew jegħlbu, kif rekwiżit fil-mandat tal-Kummissjoni.

(10)

L-EN 1273:2005 jintuża b’mod wiesa’ mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq fl-Istati Membri, kif ikkonfermat minn bosta notifiki tar-RAPEX li jirreferu għal dan l-istandard. Barra minn hekk, xi Stati Membri jirreferu għal dan l-istandard fil-leġiżlazzjoni tagħhom dwar is-sigurtà tal-oġġetti għall-kura tat-tfal (4).

(11)

Is-sigurtà mtejba li tagħmel tajjeb għal meta wieħed jaqa’ t-taraġ jew jegħleb, ipprovduta permezz tal-istandard EN 1273:2005 iżżid il-ħarsien passiv mill-inċidenti li jistgħu jinqalgħu bl-użu tal-oqfsa tal-mixi għat-trabi.

(12)

Il-Kummissjoni tqis li l-EN 1273:2005 jikkonforma mar-rekwiżit ta’ sigurtà ġenerali. Billi l-istandard ġie adottat skont mandat maħruġ qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2001/95/KE, ir-referenza ta’ EN 1273:2005 għandha tiġi ppubblikata skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 4(2), l-ewwel subparagrafu.

(13)

Din id-Deċiżjoni dwar il-konformità, tal-EN istandard 1273:2005, mal-kriterju ġenerali ta’ sigurtà qed tittieħed fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni.

(14)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma fi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat tad-Direttiva 2001/95/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-EN standard 1273:2005 “Artikli li jintużaw mit-tfal u għall-kura tat-tfal – Oqfsa għall-mixi tat-trabi – Rekwiżiti ta’ sigurtà u metodi ta’ ttestjar” jilħaq ir-rekwiżit ta’ sigurtà ġenerali tad-Direttiva 2001/95/KE għar-riskji li jkopri.

Artikolu 2

Ir-referenzi tal-EN istandard 1273:2005 għandha tiġi ppubblikata fil-taqsima C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 22 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Meglena KUNEVA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.

(2)   ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.

(3)  Il-Mandat M/253 tal-14 ta’ Settembru 1997.

(4)  Franza: Avis relatif à l’application du décret no 91-1292 du 20 décembre 1991 relatif à la prévention des risques résultant de l’usage des articles de puériculture (JO du 8 avril 2008).

L-Awstrija: Kinderlaufhilfenverordnung 2007, il-Ġurnal Uffiċjali Awstrijak, is-7 ta’ Awwissu 2008.