|
26.6.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 160/31 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/1227
tal-20 ta’ Ġunju 2023
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni stabbilita mill-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent Marin tal-Atlantiku tal-Grigal fir-rigward tal-emendi tad-Deċiżjoni OSPAR 2021/01 dwar l-istabbiliment taż-Żona Marina Protetta tal-Kurrent tal-Atlantiku tat-Tramuntana u tal-Baċir tal-Baħar Evlanov u r-Rakkomandazzjoni OSPAR 2021/01 dwar il-Ġestjoni taż-Żona Marina Protetta tal-Kurrent tal-Atlantiku tat-Tramuntana u tal-Baċir tal-baħar Evlanov
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent Marin tal-Atlantiku tal-Grigal (1) (“il-Konvenzjoni”), li l-Unjoni hija Parti Kontraenti tagħha, daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Marzu 1998. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 10(3) tal-Konvenzjoni, il-Kummissjoni stabbilita bl-Artikolu 10(1) tal-Konvenzjoni (“il-Kummissjoni OSPAR”) tista’ tadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni. |
|
(3) |
Fl-1 ta’ Ottubru 2021, waqt is-segment ministerjali tal-24 laqgħa annwali tagħha, il-Kummissjoni OSPAR adottat id-Deċiżjoni OSPAR 2021/01 dwar l-istabbiliment taż-Żona Marina Protetta tal-Kurrent tal-Atlantiku tat-Tramuntana u tal-Baċir tal-baħar Evlanov (“Deċiżjoni OSPAR 2021/01”) u r-Rakkomandazzjoni OSPAR 2021/01 dwar il-Ġestjoni taż-Żona Marina Protetta tal-Kurrent tal-Atlantiku tat-Tramuntana u tal-Baċir tal-Baħar Evlanov (“Rakkomandazzjoni OSPAR 2021/01”). Fl-istess ħin, ġie deċiż ukoll li l-ambitu tal-konservazzjoni taż-Żona Marina Protetta tal-Kurrent tal-Atlantiku tat-Tramuntana u tal-Baċir tal-baħar Evlanov (“l-MPA tan-NACES”) jeħtieġ li jiġi rieżaminat, bil-ħsieb li jiġi estiż. |
|
(4) |
Rieżami tal-ambitu tal-konservazzjoni taż-Żona Marina Protetta tal-Kurrent tal-Atlantiku tat-Tramuntana u tal-Baċir tal-baħar Evlanov twettaq u r-riżultat ta’ dan huwa żewġ atti proposti tal-Kummissjoni OSPAR: deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni OSPAR 2021/01 u rakkomandazzjoni li temenda r-rakkomandazzjoni OSPAR 2021/01. Il-Kummissjoni OSPAR għandha tadotta d-deċiżjoni prevista u r-rakkomandazzjoni prevista matul is-26 laqgħa regolari tagħha fis-26 ta’ Ġunju 2023. |
|
(5) |
Id-deċiżjoni prevista tal-Kummissjoni OSPAR testendi l-ambitu tal-konservazzjoni tal-MPA tan-NACES eżistenti u tindika l-koordinati ġeografiċi (latitudni u lonġitudni) tal-konfini tagħha. |
|
(6) |
Ir-rakkomandazzjoni prevista tal-Kummissjoni OSPAR għandha l-għan li tiggwida lill-Partijiet Kontraenti fl-azzjonijiet tagħhom u fl-adozzjoni tal-miżuri biex jintlaħqu l-objettivi tal-konservazzjoni riveduti, f’konformità mal-ambitu tal-konservazzjoni estiż tad-deċiżjoni prevista. |
|
(7) |
Peress li hemm rabta mill-qrib bejn iż-żewġ atti previsti tal-Kummissjoni OSPAR, jixraq li dawn jiġu koperti bl-istess pożizzjoni tal-Unjoni. |
|
(8) |
L-atti previsti jikkonċernaw il-protezzjoni tal-ambjent, li hija kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha skont l-Artikolu 4(2), il-punt (e), tat-Trattat. L-atti previsti ma jaqgħux f’qasam li fil-parti l-kbira tiegħu huwa kopert mir-regoli tal-Unjoni li jikkonċeraw tali protezzjoni. L-Unjoni ma għandhiex l-intenzjoni li tagħmel użu mill-possibbiltà li teżerċita l-kompetenza esterna tagħha fir-rigward ta’ oqsma koperti minn dawk l-atti li fir-rigward tagħhom il-kompetenza tagħha għadha ma ġietx eżerċitata internament. |
|
(9) |
Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kummissjoni OSPAR fir-rigward tal-emendi proposti għad-Deċiżjoni OSPAR 2021/01 u r-Rakkomandazzjoni OSPAR 2021/01, peress li d-deċiżjoni li ser tittieħed mill-Kummissjoni OSPAR ser tkun vinkolanti għall-Unjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-26 laqgħa tal-Kummissjoni OSPAR għandha tkun li tappoġġa l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni OSPAR 2021/01 dwar l-istabbiliment taż-Żona Marina Protetta tal-Kurrent tal-Atlantiku tat-Tramuntana u tal-Baċir tal-baħar Evlanov fir-rigward tal-estensjoni tal-ambitu tal-konservazzjoni tagħha, u li tappoġġa l-adozzjoni ta’ rakkomandazzjoni li temenda r-Rakkomandazzjoni OSPAR 2021/01 dwar il-Ġestjoni taż-Żona Marina Protetta tal-Kurrent tal-Atlantiku u tal-Baċir tal-baħar Evlanov fir-rigward tal-estensjoni tal-objettivi tal-konservazzjoni tagħha.
Artikolu 2
Jista’ jintlaħaq qbil biex tiġi rfinata l-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1, fid-dawl tal-iżviluppi fis-26 laqgħa tal-Kummissjoni OSPAR, mir-rappreżentanti tal-Unjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri waqt laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, l-20 ta’ Ġunju 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
R. POURMOKHTARI