European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2884

13.11.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/2884

tal-5 ta’ Novembru 2024

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1994 li tawtorizza lill-Kroazja biex iddaħħal miżura speċjali li tidderoga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1), l-ewwel subparagrafu tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE jirregolaw id-dritt li l-persuni taxxabbli jnaqqsu t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq il-provvista ta’ merkanzija u ta’ servizzi użati minnhom għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet intaxxati tagħhom. L-Artikolu 26(1), il-punt (a), ta’ dik id-Direttiva fih rekwiżit biex tiġi ddikjarata l-VAT meta xi assi kummerċjali jintuża għal finijiet privati ta’ persuni taxxabbli jew tal-persunal tagħhom jew, b’mod aktar ġenerali, għal finijiet oħra għajr dawk marbuta man-negozju tagħhom.

(2)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1994 (2) tawtorizza lill-Kroazja tillimita għal 50 % id-dritt li tnaqqas il-VAT imħallsa fuq ix-xiri u l-kiri tal-karozzi tal-passiġġieri speċifikati b’massimu ta’ tmien sitijiet minbarra s-sit tas-sewwieq, inkluż ix-xiri tal-merkanzija u s-servizzi kollha pprovduti b’rabta magħhom, meta dawk il-karozzi ma jintużawx biss għal finijiet kummerċjali. L-awtorizzazzjoni teħles ukoll lill-persuni taxxabbli milli jkollhom jittrattaw l-użu mhux kummerċjali tagħhom ta’ tali karozzi tal-passiġġieri bħala provvista ta’ servizzi għall-kunsiderazzjoni.

(3)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1994 ġiet estiża mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1997 (3) u ser tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2024.

(4)

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-3 ta’ April 2024, il-Kroazja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), u mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex tillimita d-dritt għal tnaqqis fir-rigward tan-nefqa marbuta ma’ ċerti karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx kompletament għal finijiet kummerċjali (il-“miżura speċjali”).

(5)

F’konformità mal-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba magħmula mill-Kroazja lill-Istati Membri l-oħrajn, permezz ta’ ittra bid-data tal-14 ta’ Mejju 2024. Permezz ta’ ittra bid-data tal-15 ta’ Mejju 2024, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Kroazja li kellha l-informazzjoni kollha neċessarja biex tqis dik it-talba.

(6)

F’konformità mal-Artikolu 6, it-tieni paragrafu, tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1994, il-Kroazja ppreżentat rapport li kien jinkludi rieżami tal-perċentwal stipulat għal-limitazzjoni tad-dritt għal tnaqqis. Abbażi ta’ dak ir-rapport, il-Kroazja baqgħet bil-fehma li l-limitu ta’ 50 % għadu ġustifikat u għadu xieraq.

(7)

Minħabba li l-miżura speċjali kellha impatt pożittiv fir-rigward tal-piż amministrattiv għall-kontribwenti u għall-awtoritajiet tat-taxxa billi tissimplifika l-ġbir tal-VAT u tipprevjeni l-evażjoni tat-taxxa minħabba ż-żamma skorretta ta’ rekords, jenħtieġ li l-Kroazja tkun awtorizzata tkompli tapplika l-miżura speċjali. Jenħtieġ li l-estensjoni tal-miżuri speċjali jkollha limitu ta’ żmien, sal-31 ta’ Diċembru 2027, biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-effettività tagħha u tal-perċentwal xieraq.

(8)

Fil-każ li l-Kroazja jidhrilha li tkun neċessarja estensjoni tal-miżura speċjali lil hinn mill-2027, hija jenħtieġ li ppreżentata talba għal estensjoni lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2027. Dik it-talba għandha tiġi akkumpanjata minn rapport dwar l-applikazzjoni tal-miżura, inkluż rieżami tal-perċentwal applikat.

(9)

Il-miżura speċjali ser ikollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa li l-Kroazja tiġbor fl-istadju tal-konsum finali u mhux ser ikollha effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mit-taxxa fuq il-VAT.

(10)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1994 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1994 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2027.

Kwalunkwe talba għal estensjoni tal-awtorizzazzjoni prevista f’din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2027 u għandha tkun akkumpanjata minn rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal stabbilit fl-Artikolu 1.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Kroazja.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Novembru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

VARGA M.


(1)   ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1994 tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tawtorizza lill-Kroazja biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 320, 17.12.2018, p. 35).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1997 tal-15 ta’ Novembru 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1994 li tawtorizza lill-Kroazja biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 408, 17.11.2021, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2884/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)