Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 dwar id-disinji Komunitarji u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2246/2002”
(COM(2022) 666 final — 2022/0391 (COD))
u dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni legali tad-disinji (riformulazzjoni)”
(COM(2022) 667 final — 2022/0392 (COD))
(2023/C 184/07)
|
Konsultazzjoni
|
|
(b)
|
Parlament Ewropew, 12.12.2022
Kunsill, 21.12.2022
|
|
|
Bażi legali
|
|
(a)
|
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
|
|
(b)
|
Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
|
|
|
Sezzjoni kompetenti
|
Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum
|
|
Adozzjoni fil-plenarja
|
22.3.2023
|
|
Sessjoni plenarja Nru
|
577
|
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
148/0/3
|
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1.
|
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iqis li sistema effettiva ta’ protezzjoni tad-disinji hija favorevoli għall-konsumaturi u l-pubbliku ġenerali, peress li tħeġġeġ il-kompetizzjoni u l-prattiki kummerċjali ġusti. Din tikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp ekonomiku billi tistimula l-kreattività fl-industrija, tal-prodotti, tal-attivitajiet kummerċjali u tal-esportazzjonijiet.
|
|
1.2.
|
Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, id-disinn għandu jkun irreġistrat ma’ uffiċċju nazzjonali tal-proprjetà industrijali sabiex jiġi protett bil-liġi. Skont il-liġi nazzjonali u t-tip ta’ disinn, id-disinn jista’ wkoll jiġi protett bid-drittijiet tal-awtur bħala disinn mhux irreġistrat jew bħala xogħol tal-arti. F’ċerti Stati Membri, il-protezzjoni tad-disinji industrijali u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur huma kumulattivi, f’oħrajn huma reċiprokament esklużivi. F’ċerti ċirkostanzi, disinn huwa eliġibbli wkoll għall-protezzjoni skont il-liġi tal-kompetizzjoni inġusta, iżda l-kundizzjonijiet għall-protezzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u r-rimedji eżistenti jistgħu jvarjaw b’mod sinifikanti.
|
|
1.3.
|
Il-KESE jqis li huwa essenzjali li l-qafas legali għad-disinji jiġi adattat għall-era diġitali sabiex jiġu promossi l-irkupru u r-reżiljenza tal-Unjoni Ewropea, u biex jiġu mħeġġa l-innovazzjoni u l-kompetittività. Huwa jaqbel mad-definizzjoni l-ġdida ta’ disinn prevista fil-Proposta għal direttiva. Dan huwa aktar rilevanti fid-dawl tal-progress teknoloġiku billi l-kunċett ta’ prodott jiġi estiż għad-disinji teknoloġiċi li ma humiex inkorporati f’oġġetti fiżiċi.
|
|
1.4.
|
Il-KESE jappoġġja wkoll il-limitazzjoni tal-protezzjoni għall-karatteristiċi tad-dehra li huma rappreżentati b’mod prominenti fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, peress li din iżżid iċ-ċertezza legali tal-protezzjoni.
|
|
1.5.
|
Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Proposta għal regolament tadotta s-soluzzjoni stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza tagħha “Acacia” tal-20 ta’ Diċembru 2017 (1), li fiha ċċarat l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “klawżola dwar it-tiswija”, speċjalment peress li din ttejjeb il-protezzjoni tal-konsumatur.
|
|
1.6.
|
Min-naħa l-oħra, il-KESE ma jemminx li l-amalgamazzjoni tad-dritt tal-pubblikazzjoni mad-dritt tar-reġistrazzjoni se tnaqqas l-ammont totali tad-drittijiet pagabbli, peress li l-ispiża tat-tiġdid, kif propost, tiżdied drastikament. Għalhekk, din il-miżura mhijiex favorevoli għall-SMEs u d-disinjaturi individwali kif iddikjarat. Il-KESE jappella favur ammonti aktar baxxi għall-SMEs u d-disinjaturi individwali, fejn applikabbli fi proporzjon mal-fatturat tagħhom.
|
|
1.7.
|
Fil-fehma tal-KESE, is-semplifikazzjoni li tirriżulta mit-tneħħija tar-rekwiżit ta’ “unità tal-klassi” hija meħtieġa iżda insuffiċjenti, peress li għad hemm bżonn li tittejjeb l-ergonomija tas-sistemi tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinji offruti fuq is-siti web tal-uffiċċji nazzjonali tal-proprjetà industrijali u tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO, minn hawn ’il quddiem “l-Uffiċċju”). Biex jindirizzaw din l-isfida, l-uffiċċji jistgħu jagħmlu użu mill-għarfien espert tal-aġenti tal-privattivi u b’hekk jagħmluha aktar faċli għall-SMEs u għad-disinjaturi individwali biex jipproteġu d-disinji tagħhom.
|
|
1.8.
|
Il-KESE jqis li ma huwiex xieraq li jintuża l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) biex jitfasslu regoli dwar it-tilwim u l-appelli kontra d-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju, peress li att delegat huwa maħsub biss biex jissupplimenta l-att bażiku u għandu jkun relatat biss ma’ elementi mhux essenzjali. Madankollu, id-dispożizzjonijiet li l-Proposta għal Regolament tipprevedi li jiġu adottati permezz ta’ att delegat jikkonċernaw id-drittijiet previsti fit-Titolu VI tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali dwar il-Ġustizzja, inkluż b’mod partikolari l-Artikolu 47 dwar id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali. Għaldaqstant, dawn ma jistgħux jitqiesu bħala elementi mhux essenzjali.
|
|
1.9.
|
Il-KESE jirrakkomanda li tali dispożizzjonijiet jiġu definiti mir-regolament bħala tali.
|
2. Kuntest
|
2.1.
|
Fid-dritt sostantiv, id-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva”), tarmonizza parzjalment il-liġijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni legali tad-disinji, u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 (3) (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament”) jistabbilixxi sistema awtonoma ta’ protezzjoni tad-drittijiet unitarji fl-Unjoni kollha għad-disinji Komunitarji rreġistrati u għad-disinji Komunitarji mhux irreġistrati, dment li dawn tal-aħħar jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni, jiġifieri li dawn għandhom ikunu ġodda u jkollhom karattru individwali. Fin-nuqqas ta’ reġistrazzjoni, id-detentur jista’ jsibha diffiċli biex jagħti prova tal-eżistenza ta’ dritt għad-disinn. Barra minn hekk, it-terminu tal-protezzjoni huwa limitat għal tliet snin u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet mogħtija huwa iżgħar.
|
|
2.2.
|
Ir-Regolament ġie emendat fl-2006 biex jagħti effett lill-adeżjoni tal-UE fis-Sistema ta’ The Hague għad-Depożitu Internazzjonali tad-Disinji Internazzjonali, li l-għan tagħha kien li tistabbilixxi proċedura unika, sempliċi, mhux għalja u ċentralizzata għar-reġistrazzjoni tad-disinji mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO).
|
|
2.3.
|
Ir-Regolament jeżenta l-ispare parts mill-protezzjoni tad-disinji Komunitarji minħabba li ma seta’ jintlaħaq l-ebda ftehim dwar dan is-suġġett matul l-abbozzar tad-Direttiva. Fin-nuqqas ta’ appoġġ mill-Kunsill, fl-2014 il-Kummissjoni rtirat il-proposta tagħha li tirrevedi d-Direttiva.
|
|
2.4.
|
Il-Proposta attwali ssegwi dan il-falliment u tirriżulta mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Novembru 2020 bit-titolu “Nagħmlu l-aħjar użu mill-potenzjal innovattiv tal-UE – Pjan ta’ azzjoni għall-proprjetà intellettwali b’appoġġ għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Unjoni Ewropea”, ippubblikata bħala segwitu għar-riforma tat-trademarks. L-ambizzjoni tagħha hija li tkun aktar adatta għall-era diġitali, aktar aċċessibbli u effiċjenti għad-disinjaturi indipendenti, l-SMEs, l-industriji, inqas għalja u kkumplikata, u li żżid iċ-ċertezza legali tas-sistema ta’ protezzjoni.
|
3. Kummenti ġenerali
|
3.1.
|
Disinn industrijali jikkonsisti fid-dehra ornamentali ta’ oġġett. Jista’ jkun tridimensjonali jew bidimensjonali. Disinn li jirnexxi jarmonizza l-funzjoni u l-forma. Kemm jekk huwa għall-imwejjed jew għat-telefowns, id-disinn jagħmel l-oġġett attraenti jew ppreferut minn ieħor.
|
|
3.2.
|
Disinn industrijali japplika għal diversi prodotti industrijali u tas-snajja’, bħal strumenti tekniċi jew mediċi, arloġġi tal-idejn, ġojjellerija, oġġetti ta’ lussu, oġġetti tad-dar, apparat elettriku, vetturi, strutturi arkitettoniċi, prodotti tat-tessuti, oġġetti tad-divertiment, eċċ.
|
|
3.3.
|
Peress li jagħti lill-oġġett l-attraenza u l-faxxinu tiegħu, id-disinn industrijali jżid il-valur tas-suq tal-prodott. Il-protezzjoni tad-disinn għalhekk tikkontribwixxi biex jiġi żgurat redditu fuq l-investiment.
|
|
3.3.1.
|
Il-KESE jqis li sistema effettiva ta’ protezzjoni hija għalhekk ta’ benefiċċju għall-konsumaturi u l-pubbliku ġenerali, billi tinkoraġġixxi kompetizzjoni u prattiki kummerċjali ġusti.
|
|
3.3.2.
|
Tali sistema tippromovi wkoll l-iżvilupp ekonomiku billi tistimula l-kreattività fl-industrija u l-produzzjoni industrijali, kif ukoll l-iżvilupp ta’ attivitajiet kummerċjali u esportazzjonijiet.
|
|
3.4.
|
Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, id-disinn għandu jkun irreġistrat ma’ uffiċċju nazzjonali tal-proprjetà industrijali sabiex jiġi protett bil-liġi. Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata u t-tip ta’ disinn, dan tal-aħħar jista’ jiġi protett ukoll bid-drittijiet tal-awtur bħala disinn mhux irreġistrat jew bħala xogħol artistiku.
|
|
3.5.
|
F’xi Stati Membri, il-protezzjoni tad-disinn industrijali u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur jikkoinċidu, filwaqt li f’oħrajn huma reċiprokament esklużivi. Disinn huwa eliġibbli wkoll għall-protezzjoni skont il-liġi tal-kompetizzjoni inġusta, iżda l-kundizzjonijiet għall-protezzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u r-rimedji eżistenti jistgħu jvarjaw.
|
|
3.6.
|
Fid-dawl tal-objettivi tal-Unjoni Ewropea li jagħtu spinta lill-irkupru u r-reżiljenza, u li jrawmu l-innovazzjoni u l-kompetittività, il-KESE jqis li huwa essenzjali li l-qafas legali għad-disinji jiġi adattat għall-era diġitali. Huwa japprova d-definizzjoni l-ġdida proposta peress li hija rilevanti fid-dawl tal-progress teknoloġiku, filwaqt li testendi l-kunċett ta’ prodott għal disinji teknoloġiċi li ma humiex inkorporati f’oġġetti fiżiċi.
|
|
3.7.
|
Il-KESE japprova wkoll it-tisħiħ taċ-ċertezza legali marbuta mal-limitazzjoni tal-protezzjoni tal-karatteristiċi tad-dehra li huma rappreżentati b’mod prominenti fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.
|
|
3.8.
|
Huwa japprova wkoll l-adattament tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet mogħtija mir-reġistrazzjoni ta’ disinn sabiex jiġu koperti l-problemi assoċjati mat-tħaddim ta’ teknoloġiji tal-istampar 3D. Japprova wkoll iż-żieda, bħal fil-każ tal-liġi tat-trademarks, tad-dritt tad-detenturi tad-disinn biex jiġi evitat li oġġetti ffalsifikati jgħaddu mit-territorju tal-Unjoni jew li jitqiegħdu taħt proċedura doganali mingħajr ma jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera hemmhekk, sabiex tiġi miġġielda l-falsifikazzjoni.
|
4. Kummenti speċifiċi
4.1.
Klawżola dwar it-tiswija u protezzjoni tal-konsumatur
|
4.1.1.
|
Il-protezzjoni tal-ispare parts (“partijiet komponenti ta’ prodott kumpless”) mil-liġi tad-disinn qajmet ħafna diskussjoni. Akkwistata bħala riżultat tar-Regolament, hija akkumpanjata minn eċċezzjoni, magħrufa bħala “klawżola dwar it-tiswija”, sabiex jiġi limitat il-monopolju tal-manifatturi jew tal-fornituri (b’mod partikolari l-vetturi bil-mutur) fis-suq tal-ispare parts (l-Artikolu 110). Din “il-klawżola dwar it-tiswija” tipprevedi li d-detentur ta’ disinn relatat ma’ spare part ma jistax jeżerċita monopolju jew jimpedixxi lil parti terza milli tqiegħed spare parts għat-tiswija ta’ prodott fis-suq u għar-restawr tad-dehra oriġinali tiegħu.
|
|
4.1.2.
|
Il-produttur ta’ prodott lest kumpless (karozza, arloġġ, telefown ċellulari, eċċ.) spiss jikkontrolla l-katina kollha tal-produzzjoni. Għalhekk, x’aktarx li jagħmel profitt doppju, l-ewwel fis-suq tal-bejgħ tal-prodott lest u mbagħad fis-suq tal-bejgħ tal-ispare parts.
|
|
4.1.3.
|
Madankollu, l-ekonomija tal-imġiba stabbiliet li l-biċċa l-kbira tal-konsumaturi jagħmlu l-għażla tagħhom abbażi tal-prezz tal-bejgħ tal-prodott primarju, mingħajr ma jikkunsidraw il-prezz tal-bejgħ tas-servizzi sekondarji. Għalhekk jisfaw ikkontrollati mill-investiment inizjali tagħhom u mġiegħla jħallsu prezz li mhux bilfors kienu jaċċettaw f’ċirkostanzi oħra.
|
|
4.1.4.
|
Il-KESE jinnota li din is-sitwazzjoni għalhekk x’aktarx twassal għal problemi tal-liġi tal-kompetizzjoni minħabba li l-produttur/assemblatur oriġinali bi dritt tad-disinn għandu vantaġġ kompetittiv importanti li fl-aħħar mill-aħħar jista’ jagħmel ħsara lill-konsumatur:
|
—
|
fil-konfront tal-klijenti tiegħu, peress li jippermettilu jitlob prezzijiet għoljin jew bejgħ abbinat;
|
|
—
|
fir-rigward ta’ dawk li jsewwu, peress li jiddomina s-suq jew jiddetta t-termini u l-kundizzjonijiet tiegħu lil dawk li jsewwu li huwa jaċċetta li jissupplixxi;
|
|
—
|
fir-rigward tal-fornituri tiegħu, sal-punt li jista’ jżommhom milli jfornu lil persuni indipendenti li jsewwu, jew jipprojbixxi lil fornituri indipendenti milli jikkupjaw l-ispare parts tiegħu biex jissupplixxu lis-suq tat-tiswija.
|
|
|
4.1.5.
|
Sabiex tiġi evitata l-monopolizzazzjoni tas-swieq sekondarji, il-leġiżlatur tal-UE ddeċieda li jillimita d-drittijiet li jistgħu jinkisbu fuq l-ispare parts.
|
—
|
L-ewwel limitazzjoni xi kultant tissejjaħ l-eċċezzjoni tal-obbligu ta’ adattament (“must match”) (l-Artikolu 8(2)). Id-dehra esterna ta’ prodott li hija meħtieġa għall-konnessjoni ma’ prodott ieħor ma tistax tiġi protetta.
|
|
—
|
It-tieni limitazzjoni tikkonċerna l-protezzjoni tal-ispare parts li ma humiex viżibbli.
|
|
|
4.1.6.
|
Parti li ma tkunx viżibbli waqt l-użu normali tal-prodott ma tistax tiġi protetta b’applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn (l-Artikolu 4(2)).
Dawn jinkludu, pereżempju:
|
—
|
il-mekkaniżmu tal-arloġġi tal-idejn;
|
|
—
|
l-intern tal-biċċa l-kbira tal-mutur elettriku tal-apparati domestiċi;
|
|
—
|
il-magna ta’ karozza (meqjusa mhux viżibbli waqt l-użu normali tal-vettura, anki jekk il-magna tkun faċilment viżibbli meta jinfetaħ l-bonnet).
|
|
|
4.1.7.
|
L-ispare parts li jistgħu jiġu protetti huma għalhekk dawk li ma jinkludu l-ebda mekkaniżmu ta’ interkonnessjoni u huma viżibbli. Skont ir-regolament, huwa għalhekk possibbli li jiġi protett għadd kbir ta’ parts. Pereżempju, għal karozza, dan jinkludi:
|
—
|
il-bonnet u l-bibien (iżda mhux iċ-ċpiepet);
|
|
|
4.1.8.
|
Il-prodott li ma huwiex protett b’reġistrazzjoni għalhekk jista’ jiġi riprodott minn kwalunkwe produttur kompetitur tal-ispare parts u jforni s-suq tat-tiswija.
|
|
4.1.9.
|
Madankollu, l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet qajmet mistoqsijiet. Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Proposta għal Regolament tqis is-soluzzjoni proposta mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza “Acacia” tal-20 ta’ Diċembru 2017, li fiha ċċarat l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kunċett ta’ “klawżola dwar it-tiswija”.
|
|
4.1.10.
|
Il-KESE jirrimarka li l-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi applikat din is-soluzzjoni fil-prattika fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Settembru 2018 fil-Kawża Nru 2017/01589, fil-każ ta’ rimmijiet ikkummerċjalizzati fuq sit tal-bejgħ online. “Il-klawżola dwar it-tiswija” ma setgħetx tiġi invokata b’mod validu mill-bejjiegħ minħabba li dawn ir-rimmijiet kienu offruti għall-finijiet ta’ personalizzazzjoni estetika tal-vetturi u ta’ tuning. Għaldaqstant, tqies li r-rimmijiet inkwistjoni kienu jikkostitwixxu vjolazzjoni u l-bejjiegħ ġie ssanzjonat għall-falsifikazzjoni tad-disinji.
|
|
4.1.11.
|
Xi Stati Membri lliberalizzaw is-suq tal-ispare parts. Il-liġi Franċiża dwar “il-Klima u r-Reżiljenza” Nru 2021–1104 tat-22 ta’ Awwissu 2021 tiftaħ is-suq għall-bejgħ ta’ ċerti spare parts tal-vetturi sa mill-1 ta’ Jannar 2023.
|
|
4.1.12.
|
L-għan ta’ din il-miżura huwa li tbaxxi l-prezzijiet f’dan is-suq. Bejn l-2019 u l-2020, dawn żdiedu b’medja ta’ 8 %, parzjalment minħabba l-kumplessitajiet tekniċi tad-diversi spare parts, bħall-muturi tal-mirja elettriċi, is-sensuri installati fil-windscreens, eċċ. L-aktar Stati liberali għal dan is-settur ma għandhomx industrija żviluppata ħafna, għall-kuntrarju tal-Ġermanja li hi pajjiż ta’ manifatturi tal-karozzi b’saħħithom, iżda fejn is-suq diġà huwa aktar miftuħ.
Fi Franza, mill-1 ta’ Jannar 2023 ’il quddiem, il-fabbrikanti tat-tagħmir, kemm dawk involuti fl-immuntar oriġinali, jiġifieri li pparteċipaw fl-assemblaġġ tal-vettura l-ġdida, kif ukoll dawk indipendenti, se jkunu jistgħu jikkummerċjalizzaw il-partijiet tal-ħġieġ. Il-fabbrikanti tat-tagħmir li pparteċipaw fl-ewwel installazzjoni ta’ spare parts viżibbli oħra (partijiet ottiċi, mirja, eċċ.) għalhekk se jkunu jistgħu jikkummerċjalizzaw il-partijiet bħal fil-każ tal-manifatturi tal-vetturi.
|
4.2.
L-ispiża tal-protezzjoni tad-disinn
|
4.2.1.
|
L-EUIPO għandha sistema għall-preżentazzjoni ta’ disinji online li tindika spiża kurrenti li tibda minn EUR 350. Il-KESE jfakkar li disinn komunitarju rreġistrat huwa validu għal perjodu inizjali ta’ 5 snin mid-data tal-applikazzjoni u jista’ jiġġedded kull 5 snin għal perjodu massimu ta’ 25 sena.
|
|
4.2.2.
|
Minbarra l-ispiża tal-applikazzjoni, hemm tliet tipi ta’ drittijiet:
|
—
|
id-dritt ta’ reġistrazzjoni ta’ EUR 230, li miegħu jista’ jiżdied dritt ta’ reġistrazzjoni addizzjonali ta’ EUR 115 għat-tieni sal-għaxar reġistrazzjoni addizzjonali, u ta’ EUR 50 mill-għaxar reġistrazzjoni ’l quddiem;
|
|
—
|
id-dritt tal-pubblikazzjoni ta’ EUR 120, li jista’ jiżdied b’EUR 60 għat-tieni sal-għaxar pubblikazzjoni addizzjonali, u b’EUR 30 mill-għaxar pubblikazzjoni ’l quddiem;
|
|
—
|
id-dritt tad-differiment tal-pubblikazzjoni ta’ EUR 40, li jista’ jiżdied b’EUR 20 għat-tieni sal-għaxar disinn u b’EUR 10 mill-għaxar disinn ’il quddiem.
|
|
|
4.2.3.
|
Id-drittijiet li għandhom jitħallsu jiddependu minn żewġ fatturi:
|
—
|
jekk l-applikazzjoni tinkludix disinn wieħed jew aktar;
|
|
—
|
jekk il-pubblikazzjoni tad-disinn hijiex se tiġi ddifferita jew le.
|
|
|
4.2.4.
|
L-istruttura tagħhom tikkorrispondi għall-mudell li ġej:
|
—
|
dritt bażiku għal disinn wieħed jew l-ewwel disinn ta’ applikazzjoni multipla;
|
|
—
|
dritt imnaqqas għat-tieni sal-għaxar disinn;
|
|
—
|
tnaqqis ulterjuri tad-dritt għal kull disinn, mill-ħdax-il disinn ’il quddiem.
|
|
|
4.2.5.
|
Il-Proposta għal Regolament tipprevedi tnaqqis għal EUR 70 tal-ispiża tal-ewwel tiġdid (wara ħames snin) u żieda għal EUR 140 għat-tieni tiġdid (wara 10 snin), għal EUR 280 għat-tielet tiġdid (wara 15-il sena) u għal EUR 560 għar-raba’ tiġdid (wara 20 sena). Is-somma tad-drittijiet għall-ewwel żewġ tiġdidiet tibqa’ l-istess bħal dik dovuta attwalment, jiġifieri total ta’ EUR 210, iżda d-drittijiet ta’ tiġdid sussegwenti jiżdiedu drastikament.
|
|
4.2.6.
|
Din il-proposta ma tidhirx li hija favorevoli għall-SMEs u d-disinjaturi individwali kif hija ssostni. Għalhekk, il-KESE jappella għal ammonti aktar baxxi għall-SMEs u d-disinjaturi individwali, possibbilment fi proporzjon mal-fatturat tagħhom.
|
|
4.2.7.
|
Barra minn hekk, il-KESE ma jemminx li l-bidla fl-istruttura tad-drittijiet li tikkonsisti fl-amalgamazzjoni tad-drittijiet ta’ pubblikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni se tnaqqas l-ispiża totali tad-drittijiet.
|
4.3.
Tħassir tar-rekwiżit ta’ “unità tal-klassi”
|
4.3.1.
|
Anki jekk l-applikazzjoni tista’ tkun relatata ma’ diversi disinji, dawn għandhom neċessarjament ikunu intiżi sabiex jiġu inkorporati jew applikati għal prodotti li jappartjenu għall-istess “klassi”, bis-saħħa tar-rekwiżit ta’ “unità tal-klassi”. Dawn il-klassijiet huma organizzati fil-Klassifika Internazzjonali tad-Disinji Industrijali (tal-Ftehim ta’ Locarno).
|
|
4.3.2.
|
Tali Klassifika Internazzjonali, skont l-Artikolu 2(1) tal-Ftehim ta’ Locarno, minnha nnifisha hija ta’ natura amministrattiva u tinkludi:
|
—
|
lista ta’ klassijiet u subklassijiet;
|
|
—
|
lista alfabetika ta’ prodotti li jikkostitwixxu disinji industrijali, li tindika l-klassijiet u s-subklassijiet li fihom jitqiegħdu;
|
|
|
4.3.3.
|
It-tneħħija tar-rekwiżit ta’ “unità tal-klassi” prevista fil-Proposta għal Regolament, li tippermetti lill-kumpaniji jippreżentaw applikazzjonijiet ta’ disinn multipli billi jikkombinaw diversi disinji fl-istess applikazzjoni multipla u unika, mingħajr ma jkollha għalfejn tkun limitata għal prodotti li jappartjenu għall-istess Klassifika Internazzjonali, għandha l-għan li tħeġġeġ lill-SMEs u lid-disinjaturi individwali jippreżentaw id-disinji tagħhom biex jipproteġuhom.
|
|
4.3.4.
|
Fil-fehma tal-KESE, is-semplifikazzjoni li tirriżulta mit-tneħħija tar-rekwiżit ta’ “unità tal-klassi” hija meħtieġa iżda mhix biżżejjed, peress li għad hemm bżonn li tittejjeb l-ergonomija tas-sistemi tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinji offruti fuq is-siti web tal-uffiċċji nazzjonali tal-proprjetà industrijali u l-EUIPO.
|
|
4.3.5.
|
L-uffiċċji jistgħu jużaw l-għarfien espert tal-aġenti tal-privattivi biex jindirizzaw din l-isfida u b’hekk jagħmluha aktar faċli għall-SMEs u għad-disinjaturi individwali biex jipproteġu d-disinji tagħhom.
|
|
4.3.6.
|
Naturalment, dawn l-aġenti tal-privattivi se jkomplu jakkumpanjaw lid-detenturi tad-drittijiet biex jisfruttaw id-disinji tagħhom u jirrappreżentawhom f’tilwima.
|
4.4.
Id-delega tas-setgħa u l-adozzjoni ta’ atti delegati
|
4.4.1.
|
Il-Proposta għal Regolament tipprevedi li d-dispożizzjonijiet relatati ma’ tilwim dwar il-liġi tad-disinn jiġu adottati f’atti delegati.
Dawn jirrigwardaw:
|
—
|
l-irtirar u l-modifika tad-disinn (l-Artikoli 47a u 47b);
|
|
—
|
id-dikjarazzjonijiet ta’ invalidità (l-Artikolu 53a);
|
|
—
|
il-proċedimenti ta’ appell għad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju (Artikolu 55a);
|
|
—
|
il-proċedimenti orali quddiem il-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju (l-Artikolu 64a);
|
|
—
|
il-kumpilazzjoni ta’ evidenza (l-Artikolu 65a);
|
|
—
|
in-notifika ta’ deċiżjonijiet u ċitazzjonijiet (Artikolu 66a);
|
|
—
|
il-proċedura għall-komunikazzjonijiet lill-Uffiċċju (l-Artikolu 66d);
|
|
—
|
il-kalkolu u d-durata tal-limiti ta’ żmien tal-proċeduri (l-Artikolu 66f);
|
|
—
|
it-tkomplija tal-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju (l-Artikolu 67c);
|
|
—
|
ir-rappreżentanza professjonali quddiem l-Uffiċċju f’każ ta’ tilwima (l-Artikolu 78a);
|
|
—
|
il-ħlas ta’ drittijiet u imposti (l-Artikolu 106aa).
|
|
|
4.4.2.
|
Il-KESE jqis li mhuwiex adatt li jintuża l-Artikolu 290 tat-TFUE biex jitfasslu r-regoli dwar it-tilwim u l-appelli għad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju, peress li att delegat huwa maħsub biss biex jissupplimenta l-att bażiku u għandu jkun relatat biss ma’ elementi mhux essenzjali. Id-dispożizzjonijiet imsemmija jikkonċernaw id-drittijiet previsti fit-Titolu VI tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali dwar il-ġustizzja, b’mod partikolari l-Artikolu 47 dwar id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali. Għalhekk, ma jistgħux jitqiesu bħala elementi mhux essenzjali tal-att bażiku.
|
Brussell, it-22 ta’ Marzu 2023.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Il-kawżi magħquda C-397/16 u C-435/16
(2) Id-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 1998 dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji (ĠU L 289, 28.10.1998, p 28).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU L 3, 5.1.2002, p. 1).