16.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 299/38


DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA

Nru 35/17/COL

tad-9 ta' Frar 2017

li tagħti deroga lin-Norveġja rigward l-impjant tat-trattament tal-ilma urban mormi ta' Ladehammeren fl-agglomerazzjoni ta' Trondheim u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 725/07/COL [2017/2099]

L-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA,

Wara li kkunsidrat l-Att imsemmi fil-punt 13 tal-Anness XX tal-Ftehim ŻEE, Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta' Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi  (1), Kif adattata għall-Ftehim ŻEE permezz tal-Protokoll 1 tiegħu, b'mod partikolari l-Artikolu 8(5) tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni 725/07/COL tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA (“l-Awtorità”) biex tagħti deroga skont l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 91/271/KEE lit-trattament tal-ilma urban mormi ta' Høvringen (id-Dokument Nru 452420),

Billi:

(1)

L-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 91/271/KEE jistipula li, f'ċirkustanzi eċċezzjonali, meta jista' jintwera li trattament aktar avvanzat ma jkunx se jipproduċi benefiċċji ambjentali, skariki ta' ilma mormi f'żoni inqas sensittivi minn agglomerazzjonijiet ta' aktar minn 150 000 ekwivalenti ta' popolazzjoni jistgħu jkunu soġġetti għat-trattament bi ħtiġijiet anqas stretti stabbiliti fl-Artikolu 6(2) ta' dan l-Att,

(2)

F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istati tal-EFTA jenħtieġ li jippreżentaw dokumentazzjoni lill-Awtorità biex juru li l-skariki jirċievu minn tal-anqas trattament primarju u li dawn mhux se jaffettwaw l-ambjent b'mod negattiv,

(3)

In-Norveġja identifikat iż-żona kostali minn Lindesnes sal-fruntiera Norveġja-Russja bħala “żona inqas sensittiva” skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/271/KEE,

(4)

Fid-19 ta' Diċembru 2007, fid-Deċiżjoni 725/07/COL, l-Awtorità aċċettat talba minn Norveġja skont l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 91/271/KEE biex tipprovdi għal trattament inqas strett tal-ilma mormi minn dak preskritt fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/271/KEE għall-impjant tat-trattament tal-ilma mormi ta' Høvringen, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Deċiżjoni,

(5)

Fl-20 ta' Frar 2010, ittieħdet deċiżjoni mill-Kunsill Lokali ta' Trondheim f'isem il-Muniċipalità ta' Trondheim biex tiġi applikata deroga skont l-Artikolu 8(5) tad- Direttiva 91/271/KEE għall-impjant tat-trattament tal-ilma mormi ta' Ladehammeren u għal talbiet għal trattament koordinat għall-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi ta' Ladehammeren u Høvringen, definit bħala trattament ta' tnaqqis tas-solidi sospiżi totali fl-ilma mormi li jkun dieħel, mill-inqas b' 70 % jew inkella, b'konċentrazzjoni massima ta' solidi sospiżi ta' 60 mg/l, flimkien ma' tnaqqis fid-domanda bijokimika ta' ossiġenu ta' mill-inqas 20 %.

(6)

Fid-9 ta' Frar 2012, l-Awtorità ltaqgħet mar-rappreżentanti mill-Ministeru għall-Ambjent u l-muniċipalità ta' Trondheim. F'din il-laqgħa, ġiet diskussa r-reviżjoni tal-kundizzjonijiet tad-deroga għall-impjant għat-trattament tal-ilma mormi ta' Høvringen flimkien ma' talba għal deroga skont l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 91/271/KEE dwar l-iskariki ta' ilma urban mormi mill-impjant tat-trattament tal-ilma mormi ta' Ladehammeren fl-agglomerazzjoni ta' Trondheim fil-fjord ta' Trondheim.

(7)

Permezz ta' ittra datata l-25 ta' Ġunju 2012 (id-Dokument Nru 638245), l-Awtorità talbet lin-Norveġja biex tipprovdi informazzjoni aktar dettaljata li tappoġġa żewġ talbiet ta' deroga biex jiġu kkunsidrati l-applikazzjonijiet.

(8)

Fid-9 ta' Novembru 2012 (id-Dokument Nru 653035), in-Norveġja wieġbet għal dik it-talba, u pprovdiet diversi dokumenti bħala appoġġ għall-applikazzjoni tagħha.

(9)

Fuq it-talba tal-Awtorità, bħala appoġġ għall-applikazzjoni n-Norveġja ppreżentat informazzjoni addizzjonali fid-dati li ġejjin: fit-28 ta' Jannar 2014 (id-Dokument Nru 697161), fid-29 ta' Jannar 2014 (id-Dokument Nru 697372), fid-29 ta' Ottubru 2014 (id-Dokument Nru 728105), fit-12 ta' Jannar 2015 (id-Dokument Nru 734689), fis-16 ta' Jannar 2015 (id-Dokument Nru 741891), fit-8 ta' April 2016 (id-Dokument Nru 799935) u fid-9 ta' Settembru 2016 (id-Dokument Nru 818158).

(10)

Ir-rekwiżiti għall-iskariki minn impjanti għat-trattament tal-ilma mormi stabbiliti fid-Direttiva 91/271/KEE jiffokaw fuq id-domanda ta' ossiġinu li tirriżulta mid-degradazzjoni ta' materja mdewba u ta' partikulat fornut mill-art jew minn produzzjoni bijoloġika.

(11)

Il-fjord ta' Trondheim għandu kapaċità kbira biex jiddekomponi materja organika, minħabba l-fond tal-ilma, il-volum tal-ilma u skambju effiċjenti tal-ilma maż-żona tal-oċean fonda barra l-bokka tal-fjord, li jiżgura provvista regolari ta' ilma tal-Atlantiku b'livell għoli ta' ossiġnu mill-Baħar Norveġiż.

(12)

Is-sistema ta' ġbir tad-dranaġġ fi Trondheim hija maqsuma f'żewġ distretti ta' skart, Høvringen u Lade, li bejniethom, jirċievu madwar 99 % tal-ilma mormi tal-belt. Permezz tal-vantaġġ minn dan ir-reġim idrodinamiku, il-ħruġ ta' ilma tal-iskart fiż-żewġ impjanti tat-trattament tal-ilma mormi huwa mibni fuq sistema ta' diffużjoni għar-rilaxx tal-ilma fond, li tipprovdi qbid sikur tal-ilma tal-iskart dilwit taħt is-saff tas-superfiċje, li jipprevjeni l-proċessi ta' ewtrofikazzjoni fis-saff tas-superfiċje u fil-mases u s-sedimenti tal-ilma fond.

(13)

L-effluwent finali trattat mill-impjant ta' trattament tal-ilma mormi ta' Høvringenhuwa joħroġ fuq in-naħa tal-Punent tal-bajja ta' Trondheim, filwaqt li l-effluwent tat-trattament finali mill-impjant ta' trattament tal-ilma mormi Ladehammeren joħroġ fuq in-naħa tal-Lvant tal-bajja ta' Trondheim.

(14)

Il-valutazzjoni mwettqa mill-Awtorità turi li, abbażi tal-forma tal-pajpijiet tat-tbattil u tal-monitoraġġ imwettaq, la t-tbattil mill-impjanti ta' trattament tal-ilma mormi ta' Høvringen u lanqas ta' Ladehammeren jidher li jilħaq jew iħalli impatt fuq is-saff tas-suferfiċje bijoloġikament produttiva tal-bajja ta' Trondheim.

(15)

Barra minn hekk, ir-riżultati tal-istudji tal-kwalità tal-ilma li twettqu wrew li l-iskariku tal-effluwent finali trattat mill-impjant għat-trattament tal-ilma mormi ta' Høvringen kif ukoll ta' Ladehammerenm ma jħallix impatt notevoli fuq il-kwalità tal-ilma fil-bajja ta' Trondheim. Ma hemm l-ebda evidenza li l-ilmijiet tal-Bajja ta' Trondheim qed isofru minn problemi ta' ewtrofikazzjoni u l-ebda evidenza li l-iskariku tal-effluwent finali trattat miż-żewġ impjanti tat-trattament tal-ilma mormi qed ikollu impatt fuq il-fawna tal-qiegħ sedimentarju.

(16)

Il-valutazzjoni teknika mwettqa mill-Awtorità turi wkoll li r-riżultati tal-istudji tas-sediment tal-qiegħ li identifikaw metall tqil u sustanzi niġġiesa ma jidhrux li huma marbuta mal-iskariku tal-effluwent finali trattat mill-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi ta' Høvringen jew Ladehammeren.

(17)

Minkejja dan, l-iskariki mill-impjanti ta' trattament ta' ilma mormi fihom metalli tqal u mikrosustanzi organiċi mdewba fl-ilma jew marbutin ma' partikuli fl-effluwenti u l-applikazzjoni ta' trattament kimiku u/jew bijoloġiku tnaqqas sa ċertu punt, l-iskariki ta' metalli tqal u mikrosustanzi organiċi.

(18)

L-Awtorità tqis li, b'konformità mad-deċiżjoni mill-Kunsill Lokali ta' Trondheim tal-20 ta' Frar 2010, trattament adattat tal-ilma urban mormi jenħtieġ li jiddefinixxi t-trattament bħala tnaqqis ta' solidi sospiżi totali tal-ilma mormi li jkun dieħel mill-inqas b' 70 % jew inkella, b'konċentrazzjoni massima ta' solidi sospiżi ta' 60 mg/l, flimkien ma' tnaqqis tad-domanda bijokimika ta' ossiġenu ta' mill-inqas 20 %.

(19)

Il-valutazzjoni teknika ġenerali ikkommissjonata mill-Awtorità tikkonkludi li l-effluwent trattat kemm mill-impjant għat-trattament tal-ilma mormi ta' Høvringen kif ukoll minn dak ta' Ladehammeren ma deher li kien qed iħalli l-ebda impatt ambjentali miżurabbli. Il-mudelli ambjentali u s-simulazzjonijiet tal-mudelli tal-impatti ta' trattament sekondarju fiż-żewġ impjanti tat-trattament tal-ilma mormi meta mqabbel ma' trattament primarju ma wrewx li trattament aktar avvanzat se jipproduċi xi benefiċċji ambjentali tanġibbli lil hinn minn dan.

(20)

Fid-deċiżjoni tagħha tad-19 ta' Diċembru 2007 li tagħti deroga mill-Artikolu 8(5) lill-impjant tat-trattament tal-ilma urban mormi ta' Høvringen, l-Awtorità stipulat li l-applikazzjoni ta' trattament kimiku u/jew bijoloġiku fl-impjant tat-trattament tal-ilma urban mormi ta' Høvringen għandha tnaqqas, sa ċertu punt, l-iskariki ta' metalli tqal u mikrosustanzi organiċi. Waħda mill-kundizzjonijiet ta' din id-deċiżjoni kienet li t-trattament tal-ilma urban mormi mill-impjant jenħtieġ li jiżgura tnaqqis ta' solidi sospiżi totali tal-ilma mormi li jkun dieħel b'mill-anqas 80 % qabel l-iskariku, u li jkun hemm perċentwal minimu tat-tnaqqis fid-domanda bijokimika ta' ossiġenu (2) ta' 20 %.

(21)

Wara li analizzat ir-riżultati mogħtija f'dak li għandu x'jaqsam mal-impjant tat-trattament tal-ilma urban mormi ta' Høvringen, l-Awtorità sabet li dawn mhumiex biżżejjed biex tiġi żgurata konformità mal-kundizzjonijiet marbuta mad-Deċiżjoni tad-deroga tal-2007. L-Awtorità kkonkludiet li l-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni oriġinali tad-19 ta' Diċembru 2007 biex tingħata deroga ma ġewx issodisfati. Għal din ir-raġuni, l-Awtorità tikkunsidra li d-Deċiżjoni ta' deroga rigward l-impjant tat-trattament tal-ilma mormi ta' Høvringen jenħtieġ li tiġi revokata.

(22)

F'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 91/271, u kif inhu stipulat fid-Deċiżjonijiet tal-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA Nru 3/2012/SC u 4/2012/SC tas-26 ta' Ottubru 2012, l-Awtorità ppreżentat l-abbozz tad-deċiżjoni preżenti lill-Kumitat għall-Ambjent tal-EFTA permezz tal-ittra tat-8 ta' Diċembru 2016. Skont ir-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat, l-abbozz ta' deċiżjoni kien ikkunsidrat bħala approvat fis-26 ta' Jannar 2017.

(23)

Il-Membru tal-Kulleġġ b'responsabbiltà speċjali għall-kwistjonijiet ambjentali ngħata s-setgħa (3), f'isem l-Awtorità u taħt ir-responsabbiltà tagħha, biex jadotta l-miżuri, jekk l-abbozz tal-miżuri li jridu jiġu adottati jkunu, bħal f'dan il-każ, skont l-opinjoni mogħtija mill-Kumitat għall-Ambjent tal-EFTA li jassisti lill-Awtorità.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

1.

It-talba minn Norveġja skont l-Artikolu 8(5) tal-Att imsemmi fil-punt 13 tal-Anness XX tal-Ftehim ŻEE (id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta' Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi) biex rigward l-impjant tat-trattament tal-ilma mormi ta' Ladehammeren fl-agglomerazzjoni ta' Trondheim tiġi permessa tipprovdi trattament tal-ilma mormi anqas strett minn dak preskritt fl-Artikolu 4 ta' dak l-Att jiġi aċċettat taħt il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 sa 7 ta' hawn taħt.

2.

Qabel ma joħroġ fl-ilmijiet riċeventi, l-ilma urban mormi mill-impjant tat-trattament tal-ilma mormi ta' Ladehammeren fl-agglomerazzjoni ta' Trondheim għandu jkun soġġett għat-trattament stabbilit fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni, mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2017.

3.

Sat-30 ta' Ġunju 2017, għandha tiġi żviluppata strateġija biex jitnaqqas il-piż ta' metalli tqal u mikrosustanzi għas-sistema tad-drenaġġ u tiġi evitata aktar kontaminazzjoni ta' ilma urban mormi kkawżata minn metalli tqal u mikrosustanzi. Il-pjan, li għandu jkun immonitorjat minn awtorità kompetenti Norveġiża għandu jinkludi l-obbligu biex:

—

Jitwettqu spezzjonijiet u monitoraġġ biex jiġu identifikati sorsi potenzjali ta' kontaminazzjoni u niġġiesa lokali;

—

Jitfasslu pjanijiet ta' azzjoni biex tintemm il-kontaminazzjoni minn sorsi ta' kontaminazzjoni u niġġiesa lokali;

—

Jiġu applikati kontromiżuri fil-konfront ta' niġġiesa identifikati u jitneħħew niġġiesa ambjentali fis-sors.

4.

Id-Deċiżjoni tal-Awtorità tad-19 ta' Diċembru 2007 (725/07/COL), biex tiġi aċċettata t-talba tan-Norveġja għal deroga skont l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 91/271/KEE, hija b'dan revokata.

5.

Filwaqt li taġixxi skont l-Artikolu 15(3) tal-Att, l-awtorità kompetenti tan-Norveġja għandha timmonitorja u twettaq l-istudji rilevanti l-oħrajn kollha biex tivverifika li l-iskariku ma jaffetwax l-ambjent b'mod negattiv.

6.

Kull sentejn, sa mill-31 ta' Jannar 2018, il-Gvern Norveġiż għandu jipprovdi lill-Awtorità b'rapport li jinkludi r-riżultati tal-monitoraġġ imwettaq matul il-perjodu preċedenti, skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 3 u 4 ta' hawn fuq, b'mod partikolari fir-rigward tal-miżuri meħuda biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni tas-sistema tal-ġbir tad-drenaġġ minn metalli tqal u mikrosustanzi. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll spjegazzjonijiet rigward kull nuqqas biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta' din id-Deċiżjoni.

7.

Wara kull perjodu ta' rappurtar imsemmi fil-paragrafu 6, jew kull meta jkun hemm xi żviluppi ġodda, l-Awtorità għandha tevalwa mill-ġdid is-sitwazzjoni u għandha, jekk ikun meħtieġ, tressaq proposta għal deċiżjoni ġdida lill-Kumitat tal-EFTA dwar l-Ambjent li jassisti lill-Awtorità.

8.

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment tiegħu.

9.

Id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ meta tiġi notifikata n-Norveġja.

10.

Din id-Deċiżjoni hija awtentika bl-Ingliż.

11.

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lin-Norveġja.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Frar 2017.

Għall-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA

Helga JÓNSDÓTTIR

Membru tal-Kulleġġ

Carsten ZATSCHLER

Direttur


(1)   ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40.

(2)  BOD 5 ta' 20 °C.

(3)  Id-Deċiżjoni Nru. 17/94/COL tat-23 ta' Settembru 1994 (id-Dokument Nru 624326).


ANNESS

Rekwiżiti għall-iskariku mill-impjant tat-trattament tal-ilma urban mormi ta' Ladehammeren fl-agglomerazzjoni ta' Trondheim

Parametru

Għażla 1

Għażla 2

Perċentwal Minimu ta' Tnaqqis (*1)

Perċentwal Minimu ta' Tnaqqis (*1)

Konċentrazzjoni Massima ta' Effluwenti (mg/l)

Domanda bijokimika ta' ossiġnu (BOD5 f'temperatura ta' 20 °C) mingħajr nitrifikazzjoni

Mhux applikabbli

20

Mhux applikabbli

Solidi sospiżi totali

70

Mhux applikabbli

60


(*1)  Tnaqqis fir-rigward tal-konċentrazzjoni ta' influwent mhux maħdum (mhux trattat)