2.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 218/9


Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.10653 – ESTAVAYER LAIT / GIVAUDAN / BÜHLER / JV)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2022/C 218/06)

1.   

Fid-19 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

—

Estavayer Lait SA (“Estavayer Lait”, l-Iżvizzera), parti mill-Migros Group,

—

Givaudan SA (“Givaudan”, l-Iżvizzera),

—

Bühler AG (“Bühler”, l-Iżvizzera),

—

Cultured Food Innovation Hub (l-Iżvizzera).

Estavayer Lait, Givaudan u Bühler se jakkwistaw, fis-sens tal-Artikoli 3(1)(b) u 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll bi sħab ta’ Cultured Food Innovation Hub, kumpanija ġdida li tikkostitwixxi f’impriża bi sħab (joint venture, JV).

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz tax-xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

—

Estavayer Lait hija attiva fil-produzzjoni u l-ippakkjar ta’ prodotti tal-ħalib, il-produzzjoni u l-maturazzjoni tal-ġobon, il-produzzjoni ta’ zlazi kesħin u l-manifattura ta’ prodotti alternattivi tal-ħalib, tal-ġobon u tal-laħam ibbażati fuq il-pjanti,

—

Givaudan hija manifattur u fornitur globali ta’ fwieħa u prodotti tat-togħma lill-industriji tal-ikel, tax-xorb u tal-oġġetti għall-konsumatur. Tipproduċi wkoll sustanzi kimiċi tal-aroma li jistgħu jintużaw bħala ingredjenti fil-produzzjoni ta’ komposti aromatizzanti jew ta’ riħa tfuħ.

—

Bühler hija kumpanija tat-teknoloġija attiva globalment li tipprovdi soluzzjonijiet teknoloġiċi għal impjanti, tagħmir u servizzi relatati għall-ipproċessar tal-ikel u għall-manifattura ta’ materjali avvanzati. L-attivitajiet ewlenin tiegħu huma f’teknoloġiji għat-trasformazzjoni tal-qamħ fi dqiq u għalf tal-annimali, il-produzzjoni ta’ għaġin u ċikkulata, u l-manifattura ta’ komponenti tal-forom.

3.   

Cultured Food Innovation Hub se jipprovdi faċilitajiet u għarfien biex jaċċellera l-ħidma ta’ RuŻ ta’ kumpaniji terzi li huma interessati li jsiru attivi fil-qasam tal-laħam ikkoltivat, tal-ħut u tal-frott tal-baħar ikkoltivati, kif ukoll tal-fermentazzjoni ta’ preċiżjoni. Laħam ikkoltivat, ħut jew frott tal-baħar huwa laħam, ħut jew frott tal-baħar prodott minn kulturi ta’ ċelloli in vitro ta’ ċelloli tal-annimali.

4.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2), jenħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata f’dan l-Avviż.

5.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja tiġi speċifikata dejjem:

M.10653 – ESTAVAYER LAIT / GIVAUDAN / BÜHLER / JV

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks +32 22964301

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.