|
18.6.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 217/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/964
tas-26 ta’ Mejju 2021
dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Honduras dwar l-infurzar tal-liġi u t-tmexxija fis-settur forestali u l-kummerċ ta’ prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) u l-Artikolu 218(7) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
|
(1) |
F’Mejju 2003 il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill intitolata “Forest Law Enforcement, Governance and Trade (FLEGT): Proposal for an EU Action Plan” (L-Infurzar tal-Liġi, it-Tmexxija u l-Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEGT): Proposta għal Pjan ta’ Azzjoni tal-UE). Il-Pjan ta’ Azzjoni stabbilit f’dik il-komunikazzjoni (“il-Pjan ta’ Azzjoni FLEGT”) talab li jittieħdu miżuri sabiex jiġi indirizzat il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam billi jiġu żviluppati Ftehimiet ta’ sħubija volontarji ma’ pajjiżi li jipproduċu l-injam. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pjan ta’ Azzjoni FLEGT ġew adottati f’Ottubru tal-2003 u ġiet adottata reżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-suġġett fil-11 ta’ Lulju 2005. |
|
(2) |
F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2185 (2), il-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Honduras dwar l-infurzar tal-liġi u t-tmexxija fis-settur forestali u l-kummerċ ta’ prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fit-23 ta’ Frar 2021, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data iktar tard. |
|
(3) |
Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Honduras dwar l-infurzar tal-liġi u t-tmexxija fis-settur forestali u l-kummerċ ta’ prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni (3).
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 31 tal-Ftehim (4).
Artikolu 3
L-Unjoni għandha tkun irrappreżentata mill-Kummissjoni fil-Kumitat Konġunt ta’ Implimentazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 19 tal-Ftehim.
L-Istati Membri jistgħu jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt ta’ Implimentazzjoni bħala membri tad-Delegazzjoni tal-Unjoni.
Artikolu 4
Għall-iskop tal-emendar tal-Annessi tal-Ftehim f’konformità mal-Artikolu 26 tal-Ftehim, il-Kummissjoni hija awtorizzata, b’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 (5), li tapprova kwalunkwe tali emenda f’isem l-Unjoni.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Mejju 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
M. do C. ANTUNES
(1) Approvazzjoni tas-26 ta’ April 2021 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2185 tat-18 ta’ Diċembru 2020 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Honduras dwar l-infurzar tal-liġi u t-tmexxija fis-settur forestali u l-kummerċ ta’ prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea (ĠU L 435, 23.12.2020, p. 63).
(3) Ara paġna 3 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.
(4) Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
(5) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fil-Komunità Ewropea (ĠU L 347, 30.12.2005, p. 1).