|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2198 |
5.9.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2198
tal-4 ta’ Settembru 2024
li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva folpet f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/5/KE (2) inkludiet il-folpet bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3). |
|
(2) |
Is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jitqiesu li ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u huma elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (4). |
|
(3) |
Kif stabbilit fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, l-approvazzjoni tas-sustanza attiva folpet tiskadi fil-15 ta’ Frar 2025. |
|
(4) |
F’konformità mal-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (5) u fil-perjodu ta’ żmien previst f’dak l-Artikolu, ġiet sottomessa applikazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva folpet lill-Awstrija, l-Istat Membru relatur, u lill-Italja, l-Istat Membru korelatur. |
|
(5) |
L-applikant issottometta l-fajls supplimentari lill-Istat Membru relatur, lill-Istat Membru korelatur, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012. L-Istat Membru relatur sab li l-applikazzjoni kienet kompluta. |
|
(6) |
L-Istat Membru relatur ħejja abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid b’konsultazzjoni mal-Istat Membru korelatur u bagħtu lill-Awtorità u lill-Kummissjoni fl-14 ta’ Marzu 2018. Fl-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid tiegħu, l-Istat Membru relatur ippropona li l-approvazzjoni tal-folpet tiġġedded. |
|
(7) |
L-Awtorità bagħtet ukoll l-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid lill-applikant u lill-Istati Membri għall-kummenti tagħhom u għaddiet il-kummenti li rċeviet lill-Kummissjoni. L-Awtorità għamlet ukoll il-fajl tas-sommarju supplimentari disponibbli għall-pubbliku. |
|
(8) |
Fl-10 ta’ Ottubru 2019, l-Awtorità talbet informazzjoni addizzjonali mingħand l-applikant dwar il-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali tal-folpet skont l-Artikolu 13(3a), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012. L-applikant issottometta l-informazzjoni biex l-Awtorità tivvaluta jekk ġewx issodisfati l-kriterji xjentifiċi għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali stabbiliti fil-punti 3.6.5 u 3.8.2 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, kif introdotti bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/605 (6). |
|
(9) |
F’Mejju 2022, l-Istat Membru relatur qiegħed abbozz aġġornat tar-rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid għad-dispożizzjoni tal-Awtorità, tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni. Fl-abbozz aġġornat tar-rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid tiegħu, l-Istat Membru relatur ikkunsidra l-informazzjoni addizzjonali rigward il-kriterji biex jiġu identifikati l-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali u ppropona t-tiġdid tal-approvazzjoni tal-folpet. |
|
(10) |
Fit-12 ta’ Lulju 2023, l-Awtorità bagħtet lill-Kummissjoni l-konklużjoni (7) tagħha dwar jekk jistax ikun mistenni li l-folpet jissodisfa l-kriterji tal-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. |
|
(11) |
Il-Kummissjoni ppreżentat abbozz ta’ rapport tat-tiġdid fl-20 ta’ Marzu 2024 u abbozz ta’ dan ir-Regolament fit-22 ta’ Mejju 2024 lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf. |
|
(12) |
Il-Kummissjoni stiednet lill-applikant jissottometti l-kummenti tiegħu dwar il-konklużjoni tal-Awtorità u, f’konformità mal-Artikolu 14(1), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012, dwar ir-rapport tat-tiġdid. L-applikant issottometta l-kummenti tiegħu, li ġew eżaminati bir-reqqa u tqiesu kif dovut. |
|
(13) |
Fir-rigward ta’ użu rappreżentattiv wieħed jew iktar ta’ mill-inqas prodott wieħed għall-protezzjoni tal-pjanti li fih is-sustanza attiva folpet, ġie stabbilit li l-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati. |
|
(14) |
Għalkemm il-valutazzjoni tar-riskju għat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva folpet hija bbażata fuq għadd limitat ta’ użi rappreżentattivi, dan ma jirrestrinġix l-użi li għalihom jistgħu jiġu awtorizzati l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-folpet. Għaldaqstant jixraq li titneħħa r-restrizzjoni fuq l-użu tal-folpet bħala fungiċida biss. |
|
(15) |
Għalhekk, l-approvazzjoni tal-folpet jixraq li tiġġeded. |
|
(16) |
Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali u tal-eżitu tal-valutazzjoni tar-riskju, jeħtieġ li jiġu previsti ċerti kundizzjonijiet. Meta jitqies ir-riskju akut kbir għall-ħut u għall-invertebrati akkwatiċi identifikat fil-valutazzjoni tar-riskju, jixraq li jiġu rikjesti miżuri minimi ta’ mitigazzjoni tar-riskju biex dawk l-organiżmi akkwatiċi jiġu protetti mill-esponiment għall-folpet sakemm l-eżitu tal-valutazzjoni tar-riskju mwettqa għal użi speċifiċi tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti ma jindikax li tali miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju mhumiex meħtieġa jew jistgħu jitnaqqsu. Barra minn hekk, biex tiġi ffinalizzata l-valutazzjoni tal-esponiment tal-konsumaturi, huwa partikolarment xieraq li tintalab informazzjoni ta’ konferma biex jiġu ddeterminati l-livelli ta’ aċidu ftaliku li jirriżultaw mill-użu tal-folpet filwaqt li jitqiesu l-livelli tal-isfond tal-aċidu ftaliku preżenti fil-qamħ u fix-xgħir matul il-provi tar-residwi fl-għelieqi għall-użi elenkati fl-Appendiċi II tar-rapport tat-tiġdid biss. |
|
(17) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 jiġi emendat skont dan. |
|
(18) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/918 (8) estenda l-perjodu ta’ approvazzjoni tal-folpet sal-15 ta’ Frar 2025 sabiex il-proċess ta’ tiġdid ikun jista’ jitlesta qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ approvazzjoni ta’ dik is-sustanza attiva. Madankollu, minħabba li ttieħdet deċiżjoni dwar it-tiġdid qabel dik id-data tal-iskadenza estiża, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika qabel dik id-data. |
|
(19) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva
L-approvazzjoni tas-sustanza attiva folpet, kif speċifikat fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, hija mġedda, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Anness.
Artikolu 2
Emendi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011
L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Novembru 2024.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Settembru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1107/oj.
(2) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/5/KE tas-7 ta’ Frar 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE sabiex tinkludi captan, folpet, formetanate u methiocarb bħala sustanzi attivi (ĠU L 35, 8.2.2007, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/5/oj).
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1991/414/oj).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/540/oj).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 252, 19.9.2012, p. 26, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/844/oj).
(6) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/605 tad-19 ta’ April 2018 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 billi jistabbilixxi l-kriterji xjentifiċi biex jiġu ddeterminati l-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali (ĠU L 101, 20.4.2018, p. 33, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/605/oj).
(7) EFSA Journal 2023, 21(8), 1–32. Disponibbli online: www.efsa.europa.eu.
(8) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/918 tal-4 ta’ Mejju 2023 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi aclonifen, ametoktradin, beflubutamid, benthiavalicarb, boscalid, captan, kletodim, ċiklossidim, ċiflumetofen, dażomet, diklofop, dimethomorph, ethephon, fenażakwin, fluopicolide, fluoxastrobin, fluworokloridon, folpet, formetanate, Helicoverpa armigera nucleopolyhedrovirus, imessażol, aċidu indolilbutiriku, mandipropammid, metalaxyl, metaldeid, metam, metazachlor, metribuzin, milbemectin, paklobutrażol, penoxsulam, fenmedifam, pirimiphos-methyl, propamocarb, proquinazid, prothioconazole, S-metolachlor, Spodoptera littoralis nucleopolyhedrovirus, Trichoderma asperellum ir-razza T34 u Trichoderma atroviride r-razza I-1237 (ĠU L 119, 5.5.2023, p. 160, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/918/oj).
ANNESS I
|
Isem Komuni, Numri tal-Identifikazzjoni |
Isem tal-IUPAC |
Purità (1) |
Data tal-approvazzjoni |
Skadenza tal-approvazzjoni |
Dispożizzjonijiet speċifiċi |
||||||||||||||
|
Folpet Nru CAS: 133-07-3 Nru CIPAC: 75 |
N-[(triklorometil)tijo]ftalimid |
≥ 940 g/kg L-impuritajiet li ġejjin ma għandhomx jaqbżu l-livelli li ġejjin fil-materjal tekniku:
|
L-1 ta’ Novembru 2024 |
Il-31 ta’ Ottubru 2039 |
Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport tat-tiġdid dwar il-folpet, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu. F’din il-valutazzjoni kumplessiva l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil dan li ġej:
Meta jkun xieraq, il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju. L-applikant għandu jissottometti informazzjoni ta’ konferma biex jiġu ddeterminati l-livelli ta’ aċidu ftaliku li jirriżultaw mill-użu tal-folpet filwaqt li jitqiesu l-livelli tal-isfond tal-aċidu ftaliku fil-qamħ u fix-xgħir matul il-provi tar-residwi fl-għelieqi għall-użi elenkati fl-Appendiċi II tar-rapport tat-tiġdid biss. L-applikant għandu jissottometti lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Awtorità din l-informazzjoni sal-25 ta’ Marzu 2025. |
(1) Fir-rapport tat-tiġdid jinsabu iktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva.
ANNESS II
L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
fil-Parti A, titħassar l-entrata 146 dwar il-folpet; |
|
(2) |
fil-Parti B, tiżdied l-entrata li ġejja:
|
(1) Fir-rapport tat-tiġdid jinsabu iktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva.”
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2198/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)