SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)

25 ta’ Frar 2026 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Interpretazzjoni – Kunċett ta’ ‘prodotti ppreżentati f’settijiet’ li jikkonsistu f’diversi elementi kostituttivi distinti – Nota 3 tat-Taqsima VI tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87”

Fil-Kawża T‑69/25,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Novembru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Jannar 2025, fil-proċedura

A GmbH

vs

Hauptzollamt C,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti),

komposta minn M. Sampol Pucurull, President, T. Pynnä, J. Laitenberger, M. Stancu u W. Valasidis (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Martín y Pérez de Nanclares,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat it-trażmissjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tat-talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Jannar 2025, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,

wara li rat is-suġġett imsemmi fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-assenza ta’ domanda indipendenti ta’ interpretazzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 50b tal-imsemmi statut,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal A GmbH, minn P. Kalski, direttur, u R. Schwerin, avukat,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Demeneix u B. Eggers, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”), li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 1), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1101/2014 tas‑16 ta’ Ottubru 2014 (ĠU 2014, L 312, p. 1), u b’mod partikolari tal-kunċett ta’ “prodotti ppreżentati f’settijiet” fis-sens tan-Nota 3 tat-Taqsima VI tal-imsemmi anness.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn A GmbH, kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż, u l-Hauptzollamt C (l-Uffiċċju Doganali Prinċipali C, il-Ġermanja), dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ sistema ta’ kapsuli li fihom trab tal-liga tal-fidda u merkurju likwidu, intiżi li jitħalltu sabiex jifformaw amalgama dentali tal-fidda użata għall-mili ta’ kavità dentali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”) ġiet imfassla mill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO), imwaqqaf permezz tal-Konvenzjoni dwar il-Ħolqien tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali, konkluża Brussell fil‑15 ta’ Diċembru 1950. Is-SA ġiet stabbilita bil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija, konkluża fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1503, p. 4, Nru 25910 (1988)), u approvata, flimkien mal-Protokoll li jemendaha tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas‑7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

4

Il-WCO tapprova, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, in-noti ta’ spjega u l-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni adottati mill-Kumitat tas-SA.

5

Il-kunsiderazzjonijiet ġenerali li jinsabu fin-noti ta’ spjega dwar in-Nota 3 tat-Taqsima VI tas-SA, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-kawża prinċipali, huma fformulati kif ġej:

“Din in-nota tirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-prodotti ppreżentati f’settijiet li jikkonsistu f’diversi elementi kostituttivi distinti li jaqgħu totalment jew parzjalment taħt it-Taqsima VI. Madankollu, in-nota tkopri biss is-settijiet li l-elementi kostituttivi tagħhom huma rikonoxxibbli bħala li huma intiżi, wara taħlita, li jikkostitwixxu prodott tat-Taqsimiet VI jew VII. Dawn is-settijiet għandhom jiġu kklassifikati fl-intestatura li tirrigwarda dak il-prodott tal-aħħar, bil-kundizzjoni li dawk l-elementi kostituttivi jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-subparagrafi (a) sa (c) tan-nota.

Bħala eżempji ta’ prodotti ppreżentati f’settijiet, wieħed jista’ jsemmi s-siment u prodotti oħra għal mili dentali tan-Nru 3006, ċertu verniċ u żebgħa tan-Nri 3208 sa 3210 u l-mastiċi, eċċ., tan-Nru 3214. […]

Għandu jiġi nnutat li l-prodotti ppreżentati f’settijiet li jikkonsistu f’diversi elementi kostituttivi distinti li jaqgħu kompletament jew parzjalment taħt it-Taqsima VI u li jistgħu jiġu kklassifikati bħala li huma intiżi li jintużaw suċċessivament mingħajr ma jitħalltu ma humiex koperti min-Nota 3 ta’ din it-taqsima. Dawn il-prodotti, meta jiġu ppakkjati għall-bejgħ bl-imnut, għandhom jiġu kklassifikati skont ir-regoli interpretattivi ġenerali (regola 3(b) ġeneralment); għal dawk li ma humiex ippakkjati għall-bejgħ bl-imnut, l-elementi kostituttivi tagħhom għandhom jiġu kklassifikati separatament.”

Id-dritt tal-Unjoni

NM

6

Il-klassifikazzjoni doganali tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea hija rregolata min-NM. Din hija bbażata fuq is-SA. In-NM tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt numri tas-SA, u huma biss is-seba’ u t-tmien numru li jikkostitwixxu subdiviżjonijiet li huma speċifiċi għaliha.

7

Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2658/87, il-Kummissjoni Ewropea għandha tadotta kull sena regolament li jirriproduċi l-verżjoni sħiħa tan-NM u tar-rati tad-dazji doganali, kif tirriżulta mill-miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew minnha stess. Dan ir-regolament huwa applikabbli sa mill‑1 ta’ Jannar tas-sena suċċessiva.

8

Mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-verżjoni tan-NM applikabbli fil-kawża prinċipali hija dik li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1101/2014, li emenda n-NM mill‑1 ta’ Jannar 2015.

9

Skont ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li jinsabu fis-Sezzjoni A tat-Taqsima I tal-Ewwel Parti tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1101/2014, huwa previst dan li ġej:

“1. It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

[…]

3. Meta permezz ta’ l-applikazzjoni tar-regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie f’titlu wieħed jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:

(a)

it-titlu li jagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal titli li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. Madanakollu, meta jkun hemm żewġ titli jew iżjed li kull wieħed minnhom jirreferi għal parti waħda mill-materjali jew mis-sustanzi li qegħdin f’oġġetti mħalltin jew komposti jew għal parti biss mill-oġġetti f’sett imtella’ għal bejgħ bl-imnut, dawk t-titli għandhom jitqiesu ugwalment speċifiċi fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti, ukoll jekk wieħed minnhom jagħti deskrizzjoni iżjed kompluta jew preċiża ta’ l-oġġetti;

(b)

taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a), għandhom ikunu klassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli;

[…]”

10

It-Tieni Parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ dazji tad-dwana”, tinkludi t-Taqsima VI, intitolata “Prodotti tal-industrija kimika jew dawk relatati magħha”.

11

In-Nota 1(b) tat-Taqsima VI tan-NM tipprevedi li, “[s]uġġetti għal paragrafu (A) hawn fuq, oġġetti li joqgħodu għal deskrizzjoni f’titlu 2843 , 2846 jew 2852 għandhom ikunu klassifikati f’dawk it-titli u f’ebda titlu ieħor ta’ din it-taqsima”.

12

In-Nota 2 tat-Taqsima VI tan-NM hija fformulata kif ġej:

“Suġġetti għal nota 1 hawn fuq, oġġetti klassifikabbli f’titlu 3004 , 3005 , 3006 , 3212 , 3303 , 3304 , 3305 , 3306 , 3307 , 3506 , 3707 jew 3808 minħabba li jkunu ppreżentati f’dożi meqjusin jew għall-bejgħ bl-imnut għandhom ikunu klassifikati f’dawk it-titli u f’ebda titlu ieħor tan-nomenklatura.”

13

In-Nota 3 tat-Taqsima VI tan-NM hija fformulata kif ġej:

“Oġġetti ppreżentati f’settijiet magħmulin minn żewġ kostitwenti jew aktar, li uħud minnhom jew kollha jaqgħu f’din it-taqsima u huma maħsubin biex jitħalltu flimkien biex jinkiseb il-prodott ta’ Taqsima VI jew VII, għandhom ikunu klassifikati fit-titlu xieraq għal dak il-prodott sakemm il-kostitwenti huma:

(a)

meta wieħed iqis il-manjiera li fiha qed ikunu ppreżentati, identifikabbli ċar li huma maħsubin għal użu flimkien mingħajr ma jkunu ppakkjati mill-ġdid qabel;

(b)

ippreżentati flimkien; u

(ċ)

identifikabbli, jew min-natura tagħhom jew mill-proporzjonijiet relattivi li fihom jinsabu, li huma kumplimentari għal xulxin.”

14

Din it-taqsima tinkludi l-Kapitoli 28 u 30 tan-NM, intitolati, rispettivament, “Kimiċi inorganiċi; komposti organiċi jew inorganiċi ta’ metalli prezzjużi, ta’ elementi kimiċi metalliċi rari (rare-earth metals), ta’ elementi radjoattivi jew ta’ isotopi u “Kimiċi organiċi”.

15

Il-Kapitolu 28 tan-NM jinkludi l-intestatura 2805, intitolata “Alkali jew elementi metalliċi alkalini (alkaline-earth metals); elementi kimiċi metalliċi rari (rare-earth metals), skandju u ittriju, imħalltin jew illigati flimkien jew le; merkurju”.

16

Il-Kapitolu 28 tan-NM jinkludi wkoll l-intestatura 2843, li t-titolu tagħha jikkorrispondi għat-tabella li ġejja:

2843

Metalli prezzjuzi kollojdali; komposti inorganiċi jew organiċi ta’ metalli prezzjuzi, kimikament definiti jew le; amalgami ta’ metalli prezzjużi

 

 

[…]

[…]

[…]

[…]

2843 90

– Komposti oħrajn; amalgami

 

 

2843 90 10

– – Amalgami

5,3

—

17

Skont in-Nota 4 tal-Kapitolu 30 tan-NM, huwa previst dan li ġej:

“Titlu 3006 japplika biss għall-dawn, li għandhom ikunu kklassifikati f’dak it-titlu u f’ebda titlu ieħor tan-nomenklatura:

[…]

(f)

simenti dentali u mili ieħor dentali; simenti għar-rikostruzzjoni ta’ għadam;

[…]”

18

Il-Kapitolu 30 tan-NM jinkludi l-intestatura 3006, intitolata “Oġġetti farmaċewtiċi speċifikati f’nota 4 għal dan il-kapitlu”. Is-subintestatura 30064000 hija intitolata “Simenti dentali u mili ieħor dentali; simenti għar-rikostruzzjoni ta’ għadam”.

Linji Gwida

19

Il-Linji Gwida dwar il-klassifikazzjoni fin-Nomenklatura Magħquda tal-oġġetti ppreżentati għall-bejgħ bl-imnut f’settijiet (ĠU 2013, C 105, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida”) jipprevedu b’mod partikolari dan li ġej:

“Għall-finijiet [tar-Regola Ġenerali 3(b) għall-interpretazzjoni tan-NM] it-terminu ‘Oġġetti ppreżentati għall-bejgħ bl-imnut f’settijiet’ għandha tittieħed li tfisser oġġetti li:

(a)

jikkonsistu f’mill-inqas żewġ oġġetti differenti li huma, prima facie, klassifikabbli taħt intestaturi differenti;

(b)

jikkonsistu fi prodotti jew oġġetti mqiegħda flimkien biex jissodisfaw ħtieġa partikolari jew biex titwettaq attività speċifika; kif ukoll

(c)

huma ppreżentati f’manjiera li tkun tajba biex jinbiegħu direttament lill-utenti mingħajr ma jerġgħu jiġu ppakkjati (pereżempju, f’kaxxi jew f’kontenituri jew fuq it-twavel).

[…]

Għandhom jintleħqu l-kundizzjonijiet kollha t’hawn fuq.

Ir-regoli t’hawn fuq ma japplikawx għal ‘settijiet’ li għandhom ikunu kklassifikati skont il-GIR 1 u 6 meta t-terminu ‘sett’ ikun jinstab fil-kliem tal-kodiċi NM, pereżempju:

[…]

jew minħabba dispożizzjonijiet speċifiċi, pereżempju:

– Nota 3 tat-Taqsima VI,

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

20

F’Settembru 2015, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, A, talbet lill-Uffiċċju Doganali Prinċipali C il-ħruġ ta’ informazzjoni tariffarja vinkolanti għal sistema ta’ kapsuli li fihom żewġ komponenti, jiġifieri trab tal-liga u merkurju likwidu, imqiegħda f’kompartimenti distinti. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn il-kompartimenti ma jistgħux jiġu sseparati mingħajr ma tinqered il-kapsula li fiha jinsabu dawn il-kompartimenti. Fil-fatt, is-separazzjoni tal-kompartimenti twassal direttament għat-taħlit tal-komponenti, peress li l-barriera li tisseparahom tkun danneġġata. Il-kapsuli huma ppakkjati, flimkien mal-istruzzjonijiet għall-użu tagħhom, f’numru ta’ unitajiet intiżi għall-bejgħ bl-imnut. Dawn huma intiżi sabiex jitħalltu fil-kliniċi dentali fi stadju sempliċi wieħed permezz ta’ magni żgħar, sabiex tinkiseb parti minn amalgama tal-fidda lesta għall-użu biex timtela kavità dentali.

21

Fl-informazzjoni tariffarja vinkolanti tiegħu tal‑5 ta’ Novembru 2015, l-Uffiċċju Doganali Prinċipali C ma kklassifikax, kuntrarjament għal dak li kienet talbet A, is-sistema ta’ kapsuli inkwistjoni fil-kawża prinċipali fis-subintestatura 30064000 tan-NM, suġġetta għal rata ta’ dazji doganali ta’ 0 %, iżda fis-subintestatura 28439010 tan-NM, suġġetta għal rata ta’ dazju doganali ta’ 5.3 %.

22

A ressqet ilment kontra dik id-deċiżjoni.

23

Wara ċ-ċaħda tal-ilment tagħha, A adixxiet lill-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi, il-Ġermanja), li ma laqgħetx ir-rikors tagħha. Din tal-aħħar ikkonkludiet li l-prodott inkwistjoni kienu jaqgħu taħt l-intestatura 2843 tan-NM, u mhux taħt l-intestatura 3006 tan-NM, għar-raġuni li kien ippreżentat f’settijiet fis-sens tan-Nota 3 tat-Taqsima VI tan-NM.

24

A ppreżentat rikors għal reviżjoni minn dik is-sentenza quddiem il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju.

25

Il-qorti tar-rinviju tqis li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk il-prodott inkwistjoni jistax jikkostitwixxi “settijiet” fis-sens tan-Nota 3 tat-Taqsima VI tan-NM. Fil-każ li dan ikun il-każ, il-klassifikazzjoni tariffarja għandha ssir skont il-prodott li jirriżulta mit-taħlita ta’ dawn iż-żewġ komponenti. Dan il-prodott finali jaqa’ taħt l-intestatura 2843 tan-NM, li għandha prijorità fuq l-intestatura 3006. Mill-banda l-oħra, fl-assenza ta’ “settijiet” fis-sens tan-Nota 3 tat-Taqsima VI tan-NM, il-prodott finali miksub wara taħlita ma jkunx determinanti għall-klassifikazzjoni. Is-sistema ta’ kapsuli għalhekk taqa’ taħt is-subintestatura 30064000 tan-NM, u mhux taħt l-intestatura 28439010 tagħha, peress li t-trab tal-liga u l-merkurju jkunu għadhom ma fformawx amalgama.

26

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, qabelxejn, jekk il-kunċett ta’ “prodotti ppreżentati f’settijiet” imsemmi fin-Nota 3 tat-Taqsima VI tan-NM għandux ikun is-suġġett ta’ interpretazzjoni distinta minn dik ta’ “oġġetti ppreżentati għall-bejgħ bl-imnut f’settijiet”, li jinsab fir-Regola Ġenerali 3(b) għall-interpretazzjoni tan-NM, kif ippreċiżata mil-Linji Gwida. Hija tistaqsi, b’mod partikolari, dwar jekk ir-rekwiżit stabbilit fil-Linji Gwida, li jipprovdi li sett għandu jkun kompost minn tal-inqas żewġ oġġetti distinti jew li jistgħu jiġu sseparati, japplikax ukoll għall-kunċett ta’ “settijiet” fis-sens tan-Nota 3 tat-Taqsima VI tan-NM. Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-kwistjoni ta’ liġi mqajma fil-kawża prinċipali għandha tiġi distinta minn dik deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, VAD u van Aert (C‑499/14, EU:C:2016:155), li kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “sett ta’ oġġetti” fis-sens tar-Regola Ġenerali 3(b) għall-interpretazzjoni tan-NM.

27

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sussegwentement, dwar il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjoni relatata mal-“preżentazzjoni flimkien” tal-elementi kostituttivi, stabbilita fin-Nota 3(b) tat-Taqsima VI tan-NM, timplikax il-possibbiltà ta’ preżentazzjoni separata ta’ dawn l-elementi kostituttivi.

28

Fl-aħħar nett, skont il-qorti tar-rinviju, tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk il-fatt li l-kelma “einige” (uħud) tintuża fil-plural fil-verżjoni Ġermaniża tan-Nota 3 tat-Taqsima VI tan-NM jimplikax li, meta prodott ikun fih żewġ elementi distinti, it-tnejn għandhom obbligatorjament jaqgħu taħt it-Taqsima VI jew jekk wieħed biss huwiex biżżejjed.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-kunċett ta’ sett ta’ oġġetti fis-sens tan-Nota 3 tat-Taqsima VI tan-[NM] jkopri sistemi ta’ kapsuli li fihom żewġ komponenti, trab tal-liga u merkurju likwidu, għat-taħlit ta’ amalgami tal-fidda għal mili dentali, li jinsabu f’kompartimenti distinti li ma jistgħux jiġu sseparati mingħajr ma jinqerdu?”

Fuq id-domanda preliminari

30

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “sett”, fis-sens tan-Nota 3 tat-Taqsima VI tan-NM, għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri sistema ta’ kapsuli li tinkludi żewġ elementi kostituttivi, jiġifieri trab tal-liga tal-fidda u merkurju likwidu, intiżi li jitħalltu sabiex jifformaw amalgama dentali tal-fidda u li jinsabu f’kompartimenti distinti li ma jistgħux jiġu sseparati mingħajr ma tinqered il-kapsula li fiha jinsabu dawn il-kompartimenti.

31

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi ddeterminat, fl-ewwel lok, jekk il-kunċett ta’ “prodotti ppreżentati f’settijiet”, fis-sens tan-Nota 3 tat-Taqsima VI tan-NM, għandux jiġi interpretat b’mod differenti minn dak ta’ “oġġetti ppreżentati għall-bejgħ bl-imnut f’settijiet”, fis-sens tar-Regola Ġenerali 3(b) għall-interpretazzjoni tan-NM, kif ippreċiżata mil-Linji Gwida.

32

F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li la n-NM u lanqas in-noti ta’ spjega tan-NM ma jiddefinixxu l-kunċett ta’ “prodotti ppreżentati f’settijiet” li jinsab fin-Nota 3 tat-Taqsima VI tan-NM.

33

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tan-Nota 3 tat-Taqsima VI tan-NM, il-klassifikazzjoni tal-prodotti hija ddeterminata mhux skont l-element kostituttiv li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, iżda skont il-prodott miksub wara t-taħlita tal-komponenti li jaqgħu, kompletament jew parzjalment, taħt it-Taqsima VI tan-NM. In-Nota 3 tat-Taqsima VI tan-NM tikkostitwixxi għalhekk dispożizzjoni speċifika li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħha stess, distinti minn dawk previsti fir-Regola Ġenerali 3(b) għall-interpretazzjoni tan-NM. Din in-nota, bħala regola speċjali, tipprevali fuq ir-Regola Ġenerali 3(b) għall-interpretazzjoni tan-NM (ara l-punt 9 iktar ’il fuq).

34

Din il-konklużjoni fir-rigward tan-natura awtonoma tal-kunċett ta’ “prodotti ppreżentati f’settijiet”, fis-sens tan-Nota 3 tat-Taqsima VI tan-NM, hija kkonfermata mil-Linji Gwida, li jipprovdu espressament li r-Regola Ġenerali 3(b) għall-interpretazzjoni tan-NM ma tapplikax fil-preżenza ta’ dispożizzjoni speċjali dwar is-“settijiet”. In-Nota 3 tat-Taqsima VI tan-NM tinsab fost l-eżempji ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi elenkati b’mod espliċitu f’dawn il-linji gwida (ara l-punt 19 iktar ’il fuq).

35

Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “prodotti ppreżentati f’settijiet”, fis-sens tan-Nota 3 tat-Taqsima VI tan-NM, għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu, fid-dawl tal-kundizzjonijiet speċifiċi li huwa jistabbilixxi.

36

Għaldaqstant, għandhom jiġu ppreċiżati, fit-tieni lok, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tan-Nota 3 tat-Taqsima VI tan-NM.

37

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, sabiex ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “prodotti ppreżentati f’settijiet”, fis-sens tan-Nota 3 tat-Taqsima VI tan-NM, il-prodotti għandhom jikkonsistu f’diversi elementi kostituttivi distinti. Il-kunċett ta’ “elementi kostituttivi distinti” għandu jinftiehem bħala li jeżiġi li l-elementi kostituttivi, jiġifieri dawk li jistgħu jiġu identifikati bħala intiżi li jikkostitwixxu l-prodott lest, ikunu fiżikament distinti minn xulxin.

38

F’dan il-każ, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li ż-żewġ komponenti inkwistjoni, għalkemm fiżikament separati minħabba l-ippakkjar tagħhom f’żewġ kompartimenti distinti, huma marbuta b’mod indissoċjabbli, peress li huwa impossibbli li dawn il-kompartimenti jiġu sseparati mingħajr ma tinqered il-kapsula li fiha jinsabu dawn il-kompartimenti. Skont din il-qorti, dan il-fatt jista’ jkollu l-konsegwenza li jeskludi dawn il-komponenti mill-kunċett ta’ “prodotti ppreżentati f’settijiet”, fis-sens tan-Nota 3 tat-Taqsima VI tan-NM.

39

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li la mill-formulazzjoni tan-Nota 3 tat-Taqsima VI tan-NM u lanqas min-noti ta’ spjega tas-SA ma jirriżulta li l-kunċett ta’ “elementi kostituttivi distinti”, fis-sens tal-imsemmija nota, jimplika li dawn l-elementi kostituttivi għandhom ikunu jistgħu jiġu sseparati mingħajr ma jwasslu għall-qerda tal-mezz li jgħaqqadhom.

40

Għalhekk, l-indissoċjabbiltà tal-elementi kostituttivi ma tikkostitwixxix kriterju rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sistema ta’ kapsuli inkwistjoni tistax tiġi kklassifikata bħala “prodotti ppreżentati f’settijiet” fis-sens tan-Nota 3 tat-Taqsima VI tan-NM. L-ippakkjar ta’ dawn l-elementi f’kompartimenti distinti, li jikkostitwixxu partijiet minn sistema unika, jikkorrispondi għall-kunċett ta’ “elementi kostituttivi distinti” previst minn din in-Nota 3, anki jekk dawn il-kompartimenti ma jistgħux jiġu sseparati mingħajr ma jwasslu għall-qerda tas-sistema.

41

Din l-interpretazzjoni hija, barra minn hekk, konformi mal-iskop tan-Nota 3 tat-Taqsima VI tan-NM, li hija intiża li tiggarantixxi klassifikazzjoni tariffarja ibbażata fuq il-prodott li jirriżulta mit-taħlita, meta l-elementi kostituttivi distinti jkunu rikonoxxibbli bħala intiżi, ladarba jiġu rrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera, li jiġu inkorporati fi prodott lest.

42

It-tieni nett, in-Nota 3 tat-Taqsima VI tan-NM tissuġġetta l-klassifikazzjoni ta’ “prodotti ppreżentati f’settijiet” għall-kundizzjoni li diversi elementi kostituttivi distinti jkunu jaqgħu, totalment jew parzjalment, taħt it-Taqsima VI.

43

Fir-rigward tad-dubju espress mill-qorti tar-rinviju dwar in-neċessità li, fil-preżenza ta’ żewġ elementi kostituttivi, dawn it-tnejn ikunu jaqgħu taħt it-Taqsima VI, għandu jiġi rrilevat li dan id-dubju joriġina mill-formulazzjoni tal-verżjoni bil-Ġermaniż tan-Nota 3 tat-Taqsima VI tan-NM, li tuża l-kliem “einige oder alle” (xi wħud jew kollha). Fil-fatt, f’din il-verżjoni, it-terminu “einige” huwa aġġettiv numerali li jindika pluralità indeterminata, b’tali mod li interpretazzjoni purament letterali tista’ twassal sabiex jitqies li, meta jkunu inkwistjoni biss żewġ elementi kostituttivi, it-tnejn li huma għandhom jaqgħu taħt it-Taqsima VI.

44

F’dan ir-rigward, minn paragun tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti tan-Nota 3 tat-Taqsima VI tan-NM jirriżulta li l-verżjoni Ġermaniża u dik Finlandiża jużaw, rispettivament, it-termini “einige oder alle” u “jotkut tai kaikki”, li, minħabba l-użu tal-plural, jirreferu għal ċerti elementi kostituttivi jew kollha kemm huma. Mill-banda l-oħra, fil-verżjoni Griega, Spanjola, Franċiża, Taljana, Portugiża, Rumena, Svediża u Ingliża, jintużaw, rispettivament, il-kliem “olikos i merikos”, “en su totalidad o en parte”, “en totalité ou en partie”, “in tutto o in parte”, “no todo ou em parte”, “in totalitate sau partial”, “åtminstone någon” u “some or all of which”, li jirreferu jew għal parti, jew għall-elementi kostituttivi kollha.

45

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom, fil-fatt, jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni. Fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont il-kuntest u l-iskop tal-leġiżlazzjoni li minnha tkun tifforma parti (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2020, Bundesagentur für Arbeit, C‑29/19, EU:C:2020:36, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Huwa paċifiku li interpretazzjoni tan-Nota 3 tat-Taqsima VI tan-NM fis-sens li teżiġi li, fil-preżenza ta’ żewġ elementi kostituttivi, dawn it-tnejn ikunu jaqgħu taħt din it-taqsima ċċaħħad minn portata utli r-riferiment li jinsab fl-imsemmija nota għal settijiet li l-elementi tagħhom ikunu intiżi, wara taħlita, li jikkostitwixxu prodott tat-Taqsimiet VI jew VII. Fil-fatt, jekk, f’tali interpretazzjoni, l-elementi kostituttivi kollha kellhom jaqgħu taħt it-Taqsima VI, it-taħlita ta’ dawn l-elementi tista’ twassal biss għall-kisba ta’ prodott li jaqa’ taħt din l-istess taqsima, b’tali mod li r-riferiment espress għat-Taqsima VII jkun nieqes minn kull portata utli.

47

Minn dan isegwi li n-Nota 3 tat-Taqsima VI tan-NM tapplika jekk wieħed mill-elementi kostituttivi distinti jkun jaqa’ taħt din it-taqsima.

48

It-tielet nett, skont in-Nota 3 tat-Taqsima VI tan-NM, jistgħu jitqiesu biss bħala “prodotti ppreżentati f’settijiet”, fis-sens ta’ din in-nota, is-settijiet li l-elementi kostituttivi tagħhom ikunu rikonoxxibbli bħala intiżi, wara taħlita, li jikkostitwixxu prodott tat-Taqsimiet VI jew VII. Dan huwa l-każ hawnhekk, peress li l-prodott finali miksub wara t-taħlita, jiġifieri l-amalgama dentali tal-fidda, jista’ jaqa’ taħt intestaturi differenti inklużi fit-Taqsima VI tan-NM, li tinkludi l-Kapitoli 28 sa 38 tan-NM.

49

Ir-raba’ nett, mill-formulazzjoni tan-Nota 3 tat-Taqsima VI tan-NM jirriżulta li l-prodotti ppreżentati f’settijiet jaqgħu taħt din in-nota biss jekk jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri meta l-elementi kostituttivi, l-ewwel nett, minħabba l-ippakkjar tagħhom, ikunu nettament rikonoxxibbli bħala intiżi li jintużaw flimkien mingħajr ma jkunu ppakkjati mill-ġdid minn qabel, it-tieni nett, jiġu ppreżentati flimkien u, it-tielet nett, ikunu rikonoxxibbli, min-natura tagħhom jew mill-kwantitajiet rispettivi tagħhom, bħala komplementari għal xulxin.

50

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, mill-istruttura stess tas-sistema ta’ kapsuli jirriżulta li ż-żewġ komponenti tal-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma intiżi li jintużaw flimkien mingħajr ippakkjar mill-ġdid minn qabel. Dawn il-komponenti, li jinsabu f’dożi eżatti f’żewġ kompartimenti distinti, huma intiżi li jitħalltu bl-għajnuna ta’ magni żgħar sabiex tinkiseb amalgama dentali tal-fidda.

51

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, li hija s-suġġett tad-domanda tal-qorti tar-rinviju, din hija ssodisfatta meta l-elementi kostituttivi jiġu ppreżentati simultanjament fil-mument tal-isdoganament.

52

Mill-banda l-oħra, din il-kundizzjoni bl-ebda mod ma timplika li l-elementi kostituttivi għandhom ikunu jistgħu jiġu ppreżentati separatament.

53

Kif jirriżulta mill-punt 41 iktar ’il fuq, interpretazzjoni li tgħid li l-kundizzjoni dwar “preżentazzjoni flimkien” tal-elementi kostituttivi hija suġġetta għall-possibbiltà li dawn jiġu sseparati fiżikament tkun, barra minn hekk, kuntrarja għall-iskop tan-Nota 3 tat-Taqsima VI tan-NM.

54

Minn dan jirriżulta li l-fatt li l-elementi li jikkostitwixxu l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jiġu ppreżentati separatament mingħajr ma jwasslu għall-qerda tas-sistema ta’ kapsuli li fiha huma jinsabu, minħabba r-rabta indissoċjabbli li tgħaqqad il-kompartimenti tagħha, ma jistax jipprekludi li dan il-prodott jiġi kklassifikat bħala “prodotti ppreżentati f’settijiet” fis-sens tan-Nota 3 tat-Taqsima VI tan-NM, peress li l-element determinanti għall-finijiet ta’ tali klassifikazzjoni huwa l-preżentazzjoni simultanja, fil-mument tal-isdoganament, tal-elementi kostituttivi fiżikament distinti, indipendentement mill-fatt li dawn ikunu marbuta b’mod indissoċjabbli.

55

Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-mument tal-isdoganament, iż-żewġ komponenti tal-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma rikonoxxibbli bħala komplementari peress li, minkejja li jkunu għadhom ma ġewx imħallta b’mod li jifformaw amalgama dentali tal-fidda, id-dożaġġ tagħhom diġà jikkorrispondi preċiżament għal dak neċessarju għall-manifattura ta’ porzjon, b’tali mod li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta.

56

Anki jekk, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tan-Nota 3 tat-Taqsima VI tan-NM jidhru prima facie ssodisfatti għal dak li jirrigwarda l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija, madankollu, il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-kundizzjonijiet kollha previsti fin-Nota 3 huma ssodisfatti fir-rigward tal-fatti tal-kawża quddiemha.

57

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta i għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-kunċett ta’ “sett” fis-sens tan-Nota 3 tat-Taqsima VI tan-NM għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għas-sistemi ta’ kapsuli li fihom żewġ komponenti, jiġifieri trab tal-liga u merkurju likwidu, intiżi li jitħalltu sabiex jifformaw amalgama dentali tal-fidda u li jinsabu f’kompartimenti distinti li ma jistgħux jiġu sseparati mingħajr ma tinqered il-kapsula li fiha jinsabu dawn il-kompartimenti.

Fuq l-ispejjeż

58

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti Ġenerali, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-kunċett ta’ “sett” fis-sens tan-Nota 3 tat-Taqsima VI tal-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1101/2014 tas‑16 ta’ Ottubru 2014, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għas-sistemi ta’ kapsuli li fihom żewġ komponenti, jiġifieri trab tal-liga u merkurju likwidu, intiżi li jitħalltu sabiex jifformaw amalgama dentali tal-fidda u li jinsabu f’kompartimenti distinti li ma jistgħux jiġu sseparati mingħajr ma tinqered il-kapsula li fiha jinsabu dawn il-kompartimenti.

 

Sampol Pucurull

Pynnä

Laitenberger

Stancu

Valasidis

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑25 ta’ Frar 2026.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.