Brussell, 12.2.2020

COM(2020) 59 final

2020/0027(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tal-adozzjoni tal-Emendi għal għadd ta’ Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) b’rabta mal-adozzjoni prevista tal-Emendi li ġejjin għall-Annessi tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-“Konvenzjoni ta’ Chicago”) mill-Kunsill tal-ICAO fil-219-il sessjoni tiegħu, kif elenkat hawn taħt:

–Adozzjoni tal-Emenda 176 għall-Anness 1

–Adozzjoni tal-Emenda 79 għall-Anness 3

–Adozzjoni tal-Emenda 61 għall-Anness 4

–Adozzjoni tal-Emenda 44 għall-Anness 6, Parti I

–Adozzjoni tal-Emenda 37 għall-Anness 6, Parti II

–Adozzjoni tal-Emenda 23 għall-Anness 6, Parti III

–Adozzjoni tal-Emenda 92 għall-Anness 10, Volum I

–Adozzjoni tal-Emenda 92 għall-Anness 10, Volum II

–Adozzjoni tal-Emenda 52 għall-Anness 11

–Adozzjoni tal-Emenda 18 għall-Anness 13

–Adozzjoni tal-Emenda 15 għall-Anness 14, Volum I

–Adozzjoni tal-Emenda 9 għall-Anness 14, Volum II

–Adozzjoni tal-Emenda 41 għall-Anness 15

–Adozzjoni tal-Emenda 13 għall-Anness 16, Volum I

–Adozzjoni tal-Emenda 10 għall-Anness 16, Volum II

–Adozzjoni tal-Emenda 1 għall-Anness 16, Volum III

–Adozzjoni tal-Emenda 13 għall-Anness 18

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

Il-Konvenzjoni ta’ Chicago għandha l-għan li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru. Il-Konvenzjoni ta’ Chicago daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947 u stabbilixxiet l-ICAO.

L-Istati Membri kollha huma Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Chicago.

2.2.Il-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

L-ICAO hija aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti. L-għanijiet u l-objettivi tal-ICAO huma li tiżviluppa l-prinċipji u t-tekniki tan-navigazzjoni internazzjonali bl-ajru u li trawwem l-ippjanar u l-iżvilupp tat-trasport internazzjonali bl-ajru.

Il-Kunsill tal-ICAO huwa korp permanenti tal-ICAO u fih huma msieħba 36 Stat kontraenti eletti mill-Assemblea tal-ICAO għal perjodu ta’ tliet snin. Għall-perjodu 2019-2022, għadd ta’ Stati Membri tal-UE huma rrappreżentati fil-Kunsill tal-ICAO.

Fost il-funzjonijiet obbligatorji tal-Kunsill tal-ICAO, elenkati fl-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, hemm l-adozzjoni ta’ standards internazzjonali u prattiki rakkomandati, iddeżinjati bħala Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

2.3.L-att previst tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

Fil-219-il sessjoni tiegħu, il-Kunsill tal-ICAO mistenni jadotta Emendi għall-Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago (“l-atti previsti”). Id-dettalji dwar dan jidhru fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta.

3.Pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni

Il-Kunsill tal-ICAO, fil-219-il sessjoni tiegħi, li tibda fit-2 ta’ Marzu 2020, mistenni jadotta għadd ta’

Emendi għal diversi Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, fl-oqsma tas-sikurezza, tal-ambjent u tan-navigazzjoni tal-ajru. Id-dettalji dwar dan jidhru fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta.

Għal kull punt, l-Anness jirreferi wkoll għal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni. Minn dan isegwi li l-Emendi kollha msemmija jaqgħu f’oqsma li, fil-parti l-kbira, huma koperti mil-liġi tal-Unjoni u għalhekk jaqgħu taħt il-kompetenza esklussiva esterna tal-Unjoni.

F’dan il-kuntest, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-219-il sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO hija li l-emendi proposti għandhom jiġu appoġġati. F’ċerti każijiet, tali appoġġ huwa kkwalifikat minn kummenti dwar id-dettalji, iżda li ma jaffettwawx il-prinċipji ġenerali sottostanti tal-Emendi ssuġġeriti. Id-dettalji dwar dan jidhru fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni hijiex membru tal-korp jew parti għall-ftehim 1 .

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede kkonċernata. Huwa jinkludi wkoll l-istrumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 2 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali.

L-atti li l-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali qed jintalab jadotta jikkostitwixxu atti li għandhom effetti legali. L-atti previsti għandhom effetti legali għaliex se jbiddlu għadd ta’ standards, li kapaċi joħolqu obbligu legali vinkolanti skont l-Artikoli 37 u 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

Barra minn hekk, l-Emendi jintroduċu għadd ta’ bidliet li huma ddeżinjati bħala “rakkomandazzjonijiet”. Minkejja d-denominazzjoni tagħhom, dawk ir-“rakkomandazzjonijiet” għandhom natura li tibdel is-sitwazzjoni legali eżistenti bl-istandards prieżistenti.

L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-għan u fuq il-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew minn dawk il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement wieħed inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-atti previsti għandhom x’jaqsmu mal-politika komuni dwar it-trasport.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 100(2) tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 100(2) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2020/0027 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tal-adozzjoni tal-Emendi għal għadd ta’ Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-“Konvenzjoni ta’ Chicago”), li tirregola t-trasport bl-ajru internazzjonali, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Hija stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).

(2)L-Istati Membri tal-Unjoni huma Stati Kontraenti għall-Konvenzjoni u membri tal-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċerti korpi tal-ICAO.

(3)Skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni, ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO jista’ jadotta standards internazzjonali u prattiki rakkomandati.

(4)Il-Kunsill tal-ICAO, matul il-219-il sessjoni tiegħu, li tibda fit-2 ta’ Marzu 2020, mistenni jadotta għadd ta’ Emendi għal diversi Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, fl-oqsma tas-sikurezza, tal-ambjent u tan-navigazzjoni tal-ajru. Dawn jikkonċernaw l-Annessi 1, 3, 4, 6, 10, 11, 13, 14, 15, 16 u 18.

(5)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-ICAO peress li l-Emendi proposti għandhom effetti legali, u li huma kapaċi, kompletament jew parzjalment li jinfluwenzaw il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, kif jissemma fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. Ladarba jiġu adottati, l-Emendi previsti se jorbtu lill-Istati kollha tal-ICAO, inklużi l-Istati Membri kollha, f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Chicago u fi ħdan il-limiti stabbiliti fiha. L-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago jesiġi li l-Istati kontraenti jinnotifikaw lill-ICAO jekk ikollhom l-intenzjoni li jiddevjaw minn standard, skont il-mekkaniżmu tan-notifika tad-differenzi.

(6)L-Unjoni tappoġġa l-politiki espressi fl-Emendi peress li dawn jikkontribwixxu għat-titjib tas-sikurezza tal-ajru u tal-istandards ambjentali.

(7)Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, li jaġixxu b’mod konġunt,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-219-il sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO hija stabbilita fl-Anness.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, li jaġixxu b’mod konġunt.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President
   

(1)    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafu 64.
(2)    Il-paragrafi 61 sa 64 tas-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014 fil-Kawża C-399/12, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (ECLI:EU:C:2014:2258).