13.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 247/100


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1145

tat-30 ta’ Ġunju 2021

dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ kontrolli fuq l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur normalment ibbażati fil-Montenegro u fir-Renju Unit

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (1), u b’mod partikolari l-punt (b) tal-Artikolu 2 flimkien mal-paragrafu 2 tal-Artikolu 8 tagħha,

Billi:

(1)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2009/103/KE, vetturi normalment ibbażati f’pajjiż terz għandhom jiġu ttrattati, fir-rigward tal-karta ħadra jew ċertifikat ta’ assigurazzjoni tal-fruntieri validi fir-rigward tal-użu ta’ tali vetturi, bħala vetturi normalment ibbażati fl-Unjoni fejn l-uffiċċji nazzjonali tal-Istati Membri kollha jiggarantixxu flimkien, kull wieħed skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali proprja tiegħu dwar assigurazzjoni obbligatorja, ħlas ta’ talbiet fir-rigward ta’ inċidenti li jseħħu fit-territorju tagħhom ikkaġunati minn tali vetturi.

(2)

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/103/KE jagħmel l-applikazzjoni tal-Artikolu 8 ta’ dik id-Direttiva għal vetturi normalment ibbażati f’pajjiż terz soġġetta għall-konklużjoni ta’ ftehim bejn l-uffiċċji nazzjonali tal-assiguraturi tal-Istati Membri u l-uffiċċji tal-assiguraturi nazzjonali ta’ tali pajjiż terz. Barra minn hekk, biex l-Artikolu 8 ta’ din id-Direttiva jiġi applikat għal tali vetturi, il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi d-data ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għal dawn il-vetturi, u t-tipi ta’ vetturi li għalihom għandha tapplika din id-dispożizzjoni, wara li jkun ġie stabbilit b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri li tali ftehim ikun ġie konkluż.

(3)

Fit-30 ta’ Mejju 2002, l-uffiċċju nazzjonali tal-assiguraturi tal-Istati Membri taż-Żona Ekonomika Ewropea u ta’ Stati assoċjati oħra kkonkludew ftehim li permezz tiegħu l-ħlas ta’ pretensjonijiet li jirriżultaw minħabba inċidenti li jseħħu fit-territorju tagħhom, li jkunu kkawżati minn vetturi normalment ibbażati fit-territorji tal-partijiet l-oħra għal dan il-ftehim, ikun iggarantit, irrispettivament minn jekk dawn il-vetturi ikunux assigurati (il-“Ftehim”).

(4)

Fis-6 ta’ Jannar 2021, l-uffiċċju nazzjonali tal-assiguraturi tal-Istati Membri u dawk ta’ Andorra, tal-Bożnija-Ħerzegovina, tal-Iżlanda, tal-Liechtenstein, tan-Norveġja, tas-Serbja, tal-Iżvizzera u tar-Renju Unit ffirmaw addendum mal-ftehim li permezz tiegħu il-Ftehim ġie emendat b’mod li jinkludi l-uffiċċju nazzjonali tal-assiguraturi tal-Montenegro. L-addendum jipprovdi għall-arranġamenti prattiċi għat-tneħħija tal-verifiki fuq l-assigurazzjoni ta’ vetturi li normalment jkunu bbażati fit-territorju tal-Montenegro u li huma soġġetti għall-Ftehim.

(5)

L-uffiċċju nazzjonali tal-assiguraturi tar-Renju Unit iffirma dan il-Ftehim fit-30 ta’ Mejju 2002. Il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea ma bidilx is-sitwazzjoni fir-rigward tal-impenji tal-uffiċċju nazzjonali tal-assiguraturi tagħha fil-konfront tal-uffiċċji nazzjonali tal-assiguraturi l-oħra.

(6)

Għalhekk, il-kundizzjonijiet kollha għat-tneħħija tal-verifiki dwar l-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur kontra responsabbiltà ċivili skont id-Direttiva 2009/103/KE, fir-rigward ta’ vetturi li normalment jkunu bbażati fit-territorju tal-Montenegro u tar-Renju Unit huma ssodisfati,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Mill-2 ta’ Awwissu 2021, l-Istati Membri ma għandhomx jagħmlu kontrolli dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tat-tipi kollha ta’ vetturi li normalment ikunu bbażati fil-Montenegro, bl-eċċezzjoni ta’ vetturi militari rreġistrati f’dak il-pajjiż, mad-dħul tagħhom fl-Unjoni.

Artikolu 2

Mill-2 ta’ Awwissu 2021, l-Istati Membri ma għandhomx jagħmlu kontrolli dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tat-tipi kollha ta’ vetturi li normalment ikunu bbażati fir-Renju Unit, bl-eċċezzjoni ta’ vetturi militari rreġistrati f’dak il-pajjiż, mad-dħul tagħhom fl-Unjoni.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li ttieħdu biex tiġi applikata din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 263, 7.10.2009, p. 11.